Stqarrija
 

Lejn Ewropa mingħajr dħaħen tat-tabakk

Saħħa pubblika - 24-10-2007 - 16:54
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor
Lejn Ewropa mingħajr dħaħen tat-tabakk  ©BELGA/EPA/Barbara Walton

Lejn Ewropa mingħajr dħaħen tat-tabakk

Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw rapport li jipproponi restrizzjonijiet wiegħsa fir-rigward tat-tipjip f'postijiet pubbliċi u regoli li jagħmluha iktar diffiċli biex persuni taħt l-eta' jixtru sigaretti. Dan ir-rapport huwa risposta għall-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE".

Ir-rapport imħejji minn Karl-Heinz Florenz (EPP-ED, DE), jgħid li fl-Unjoni Ewropea biss kull sena jiġu rreġistrati mill-inqas 650,000 vittma tal-konsegwenzi tat-tipjip, inkluż 80,000 li jmutu b'konsegwenza ta' tipjip passiv. Il-Parlament innota li waqt 70% taċ-ċittadini ta' l-UE ma jpejpux, 86% esprimew ruħhom favur il-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-post tax-xogħol, 84% favur il-projbizzjoni tat-tipjip f'postijiet pubbliċi oħra, 61% fil-bars u l-pubs u 77% fir-ristoranti.
 
Għalhekk il-Membri laqgħu l-Green Paper tal-Kummissjoni, iżda huma ta' l-opinjoni li din hija biss punt tat-tluq ta' politika Ewropea responsabbli li tipproteġi liċ-ċittadini mid-dħaħen tat-tabakk. Huma ħeġġew lill-Kummissjoni tikklassifika t-tipjip fl-ambjent bħala taħlita ta' sustanżi karċinoġeniċi tal-Kategorija I, malajr kemm jista' jkun. L-Istati Membri huma mitluba li fi żmien sentejn, idaħħlu projbizzjoni tat-tipjip mingħajr limiti fil-postijiet tax-xogħol magħluqa kollha, inkluż is-settur tar-ristoranti, kif ukoll fl-istituzzjonijiet pubbliċi magħluqin u fil-mezzi ta' trasport.
 
Fil-każ li dawn l-għanijiet ma jintlaħqux mill-Istati Membrui kollha, il-Kummissjoni ġiet mħeġġa biex sa l-2011 tippreżenta proposta għal regoli dwar il-protezzjoni ta' persuni li ma jpejpux, fil-qasam tal-ħarsien fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissjoni hija wkoll mitluba toħroġ rapport dwar l-ispejjeż ikkawżati mit-tipjip u mid-dħaħen tat-tabakk li jridu jħallsu s-sistemi nazzjonali tas-saħħa u l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea.
 
Ir-regoli eżistenti għandhom isiru iktar stretti
 
Skond il-Parlament, id-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk ta' l-2001 għandha tkun aġġornata sabiex ir-regoli dwar l-addittivi tat-tabakk, inklużi dawk li jikkawżaw il-kanċer u li jkabbru l-vizzju, isiru iktar stretti. Barra minn hekk, din id-direttiva għandha tinkludi "ġabra ġdida ta' twissijiet bl-istampi li jkunu akbar u aktar qawwija." Dan għandhom ikunu obbligatorji fuq il-prodotti tat-tabakk kollha li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea. Il-Membri talbu wkoll lill-Kummissjoni biex "tinvestiga r-riskji tas-saħħa assoċjati mal-konsum tas-snus u l-impatt tiegħu fuq il-konsum tas-sigaretti."
 
Il-Kummissjoni ġiet wkoll mitluba teżamina l-possibilta' li tkun introdotta projbizzjoni tal-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk lil persuni taħt it-tmintax-il sena madwar l-Unjoni Ewropea, li magni awtomatiċi tas-sigaretti jiġu installati f'postijiet mhux aċċessibbli għaż-żgħażagħ, li prodotti tat-tabakk jitneħħew minn magni self-service fil-ħwienet ta' bejgħ bl-imnut, u li l-bejgħ ta' dawn il-prodotti, per eżempju permezz ta' l-internet, jiġi pprojbit.
 
Il-Parlament jixtieq li l-Istati Membri jikkommettu ruħhom li sa l-2025, it-tipjip fost iż-żgħażagħ jonqos b'mill-inqas 50%, waqt li l-Kummissjoni ġiet mitluba tikkunsidra l-inttroduzzjoni ta' "livell minimu għoli ta' tassazzjoni fl-UE kollha fuq il-prodotti tat-tabakk."
 
Il-Membri appellaw ukoll biex il-Parlament, "bħala entita' li tagħti eżempju," jadotta projbizzjoni tat-tipjip "mingħajr eżenzjonijiet," fil-kmamar kollha tal-Parlament Ewropew.
 
22/10/2007
Rapporteur : Karl-Heinz FLORENZ (EPP-ED, DE)
Proċedura: Inizjattiva
Dibattitu: 23.10.07
Ref.: 20071023IPR12111