Stqarrija
 

Standards stretti għall-kwalita' ambjentali ta' l-ilma

Ambjent - 17-06-2008 - 14:49
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Sustanzi li jniġġsu li kemm-il darba jkunu jinsabu fix-xmajjar, fl-għadajjar u fl-ilmijiet tal-kosta, ser ikunu soġġetti għal standards ta' kwalita' ambjentali, wara li l-MPE taw l-approvazzjoni tagħhom għall-test ta' kompromess li ntlaħaq bejn il-Kumitat għall-Ambjent u l-Kunsill. Permezz tad-direttiva dwar standards tal-kwalita' ambjentali fil-qasam tal-politika ta' l-ilma, l-Istati Membri ser ikollhom jagħmlu "progress lejn konformità" ma' dawn l-istandards sa l-2018.

Din id-direttiva tiddetermina l-istandards ta' kwalita' ambjentali għal 33 sustanza li tniġġes l-ilma tal-wiċċ, inkluż il-pestiċidi u l-metalli tqal, billi tistipola konċentrazzjonijiet massimi. Dawn is-sustanzi jistgħu jħarbtu l-ekosistemi akkwatiċi u jistgħu jkunu perikolużi għall-bnedmin li jisfaw ikkontaminati mill-ikel.
 
L-għan tad-direttiva qafas dwar l-ilma tas-sena 2000 kien li jiġu adottati numru ta' direttivi oħrajn li jittrattaw il-kwalita' ta' l-ilmijiet fl-Unjoni Ewropea. Id-direttiva dwar il-kwalita' ambjentali ta' l-ilma tal-wiċċ hija waħda minnhom. S'issa diġa' ġew adottati direttivi dwar l-ilma ta' taħt l-art u l-ilma għall-għawm, iżda in-negozjati sabiex jintlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill ma kinux faċli. Il-Parlament adotta b'maġġoranza kbira test ta' kompromess dwar l-istandards għall-kwalita' ambjentali ta' l-ilma. Peress li dan it-test ġie miftiehem bejn il-Kumitat għall-Ambjent u l-Kunsill, id-direttiva ser tkun tista' tidħol fis-seħħ mingħajr tibdil ieħor fl-2010.
 
Ir-rapporteur f'din il-proċedura leġislattiva kienet Anne Laperrouze (ALDE, FR).
 
Kontroll ta' iktar sustanzi sa l-2018
 
Skond it-test adottat, l-Istati Membri ser ikollhom "jagħmlu progress lejn konformità" ma' l-istandards ta' kwalita' ta' l-ilma sa l-2018, billi jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu ma jkunux ogħla minn dak li huwa permess u li jikkonformaw mal-valuri medji annwali. Tlettax mit-33 sustanza li għalihom tapplika d-direttiva, diġa' ġew identifikati bħala sustanzi prijoritarji perikolużi u jinkludu l-metalli tqal bħall-merkurju.
 
Il-Kummissjoni ser tkun mitluba toħroġ proposta dwar il-possibilta' li tlettax-il sustanza oħra jiġu kkunsidrati għal "identifikazzjoni possibbli bħala sustanzi prijoritarji jew bħala sustanzi prijoritatji perikolużi." Għal dan l-għan, ser ikollha toħroġ proposta leġislattiva ġdida fl-2011. L-istandards ta' kwalita' ambjentali tas-sustanzi l-ġodda ser jiġu proposti fl-2013 u ser jiġu adottati fl-2015.
 
Tnaqqis taż-żoni ta' taħlit
 
Żoni ta' taħlit huma żoni viċin is-sorsi ta' tniġġis, fejn ser ikun diffiċli li jintlaħqu l-istandards ta' kwalita' ambjentali malajr. F'dawn iż-żoni, il-konċentrazzjoni ta' sustanzi li jniġġsu jistgħu jkunu ogħla mil-limiti sakemm dan ma jagħmilhiex diffiċli li l-bqija ta' l-ilma tal-wiċċ jikkonforma ma' l-istandards.
 
Meta jistabilixxu dawn iż-żoni ta' taħlit, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli għat-trattament ta' l-ilma. Fil-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġjar tal-baċin tax-xmajjar, l-Istati Membri għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex titnaqqas "il-firxa taż-żoni tat-taħlit fil-futur."
 
Inventorju tat-tnixxijiet u mapep
 
Fl-2009, l-Istati Membri ser ikollhom jistabilixxu inventorju li, jekk dawn ikunu disponibbli, ikun jinkludi mapep, ta' emissjonijiet, tnixxijiet u telf tas-sustanzi prijoritarji u sustanzi li jniġġsu għal kull distrett ta' baċin tax-xmara. L-inventorju għandu wkoll jinkludi l-konċentrazzjonijiet ta' sediment u bijota li jkun hemm.
 
Dan l-inventorju għandu jkun parti mill-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-baċin tax-xmajjar, li għandhom jiġu aġġornati fl-2015.
 
16/06/2008
Rapporteur : Anne LAPERROUZE (ALDE, FR)
Proċedura: Kodeċiżjoni
17.06.08
Ref.: 20080616IPR31747