Stqarrija
 

Ir-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

Immigrazzjoni - 18-06-2008 - 15:05
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor
Proċeduri komuni għar-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi   © Belga/AFP

Proċeduri komuni għar-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi

Il-MPE adottaw it-test ta' kompromess miftiehem bejn ir-rapporteur tal-Parlament u l-Kunsill li jemenda il-proposta għal Direttiva dwar ir-ritorn ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fl-UE llegalment. Għalhekk id-Direttiva, li għandha tneħħi d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-ritorn ta' immigranti llegali, waqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, ser tkun tista' tidħol fis-seħħ mingħajr tibdil ulterjuri.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni għal politika komuni ta' l-UE dwar ir-ritorn, kien li jiġu stabbiliti regoli komuni ċari, trasparenti u ġusti dwar ir-ritorn volontarju, l-ordnijiet ta' tkeċċija, il-kustodja temporanja, il-projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid u l-għoti ta' assistenza legali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru llegalment, li jkunu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
 
Skond it-test adottat mill-Parlament b'369 vot favur, 197 kontra u 106 astensjoni, li jinkludi l-kompromess miftiehem bejn ir-rapporteur Manfred Weber (EPP-ED, DE) u l-Kunsill, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu jekk japplikawx din id-Direttiva għal persuni li ma tħallewx jidħlu fit-territorju tagħhom jew li nqabdu mill-awtoritajiet waqt li kienu qegħdin jippruvaw jaqsmu l-fruntiera esterna mill-art, mill-baħar jew mill-ajru. Id-Direttiva tistipola kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu rispettati mill-Istati Membri, li fil-fatt dejjem jistgħu japplikaw kundizzjonijiet iktar favorevoli.
 
Il-proċedura
 
Il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Direttiva għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fl-Unjoni Ewropea llegalment f'Settembru 2005. F'Settembru 2007, wara negozjati twal, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili adotta rapport imħejji minn Manfred WEBER (EPP-ED, DE) fl-ewwel qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, li jressaq emendi għall-proposta tal-Kummissjoni li jintroduċu iktar flessibilta' fil-proċeduri u livell ogħla tal-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati.
 
Peress li din il-proposta għal direttiva qiegħda tiġi kkunsidrata permezz tal-proċedura ta' deċiżjoni konġunta bejn il-Parlament u l-Kunsill, ir-rapporteur Weber, il-Presidenza Slovena u l-Kummissjoni kellhom sensiela ta' laqgħat bl-għan li jintlaħaq ftehim dwar test ta' kompromess. Fl-4 ta' Ġunju, id-delegazzjonijiet nazzjonali fi ħdan il-Kunsill approvaw test li kellu wkoll l-appoġġ tal-Gruppi tal-Parlament Ewropew, l-EPP-ED, l-ALDE u l-UEN. Dan it-test ġie mressaq mill-Grupp EPP-ED u addotat fil-plenarja bħala emendi għar-rapport adottat mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili.
 
L-emendi mressqa mill-Gruppi PES, Ħodor/ALE, u GUE/NGL, bl-għan li jintroduċu kundizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tar-ritorn, kif ukoll l-emendi mressqa mill-Ħodor/ALE, u mill-GUE/NGL li kienu jirrifjutaw il-proposta għal direttiva kollha kemm hi, ma ġewx adottati.
 
Għal min tapplika
 
It-test kif adottat jgħid li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru jew li nqabdu mill-awtoritajiet waqt li kienu qegħdin jippruvaw jaqsmu l-fruntiera esterna mill-art, mill-baħar jew mill-ajru, u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru.
 
Id-Direttiva tibda tapplika minn meta l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri joħorġu deċiżjoni għar-ritorn.
 
Tluq volontarju
 
Id-Direttiva tħeġġeġ il-prinċipju ta’ tluq volontarju. Dan ifisser li d-deċiżjoni għar-ritorn trid tkun tipprovdi għal perjodu ta' żmien (bejn sebat ijiem u tletin jum) li matulu l-persuna kkonċerta jkollha ċans titlaq mill-pajjiż fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom itawlu dan il-perjodu ta' tluq volontarju skond il-bżonn - meta, per eżempju ikun hemm rabtiet familjari, soċjali jew tfal li jmorru l-iskola.
 
Projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid
 
It-test adottat jgħid li d-deċiżjoni għar-ritorn għandha tinkludi projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid fl-Unjoni Ewropea għal perjodu li fil-prinċipju m'għandux jaqbeż ħames snin, f'każ li d-deċiżjoni għar-ritorn ma tkunx ġiet obduta sakemm jiskadi l-perjodu ta' tluq volontarju, kif ukoll jekk il-persuna titqies bħala theddida serja għas-sigurta' pubblika. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta' dħul mill-ġdid, per eżempju f'każ ta' raġunijiet umanitarji.
 
It-tul tal-perjodu ta' kustodja temporanja - massimu ta' sitt xhur b'possibilita' li jittawwal
 
Id-deċiżjoni għar-ritorn tista' tkun segwita minn ordni ta' tkeċċija maħruġa mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri. Jekk dan ikun il-każ u jekk ikun hemm riskju li l-persuna kkonċernata taħrab, din tista' tinżamm f'detenzjoni. It-test adottat jgħid li l-perjodu ta' detenzjoni applikat mill-Istati Membri m'għandux ikun itwal minn sitt xhur, u jenfasizza li dan il-perjodu ta' detenzjoni għandu jkun qasir kemm jista' jkun sakemm ikunu qegħdin isiru l-arranġamenti tar-ritorn jew tat-tkeċċija. F'każijiet speċjali, per eżempju jekk il-proċedura ta' tkeċċija tkun tidher li ser tieħu iktar żmien minħabba nuqqas ta' koperazzjoni mill-persuna kkonċernata jew mill-pajjiż ta' oriġini, dan il-perjodu jista' jittawwal bi 12-il xahar ieħor. Il-Grupp PES ried li dan il-perjodu ta' detenzjoni jkun ta' massimu ta' tliet xhur, li jista jittawwal bi tliet xhur oħra. Madankollu din l-emenda ma ġietx adottata.
 
F'ċerti Stati Membri, dan il-perjodu ta' detenzjoni huwa llimitat. Skond il-liġi ta' Malta, l-immigranti llegali ma jistgħux jinżammu ġewwa ċentri magħluqa għal aktar minn 18-il xahar.
 
Drittijiet ta' l-immigranti li jkunu fil-pajjiż illegalment
 
L-Istati Membri jridu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja, is-saħħa ta' persuni vulnerabbli u r-rispett tal-prinċipju tan-non-refoulement, li jfisser persuni bi status ta' refuġjat ma jistgħux jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jekk ikun hemm riskju għal ħajjithom jew għal-libertajiet tagħhom.
 
Dan it-test jgħid ukoll li minorenni mhux akkumpanjati u familji b'minorenni jistgħu jinżammu f'detenzjoni biss jekk ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni oħra u dan għandu jsir għall-iqsar żmien possibbli. Barra minn hekk, qabel jitkeċċew xi minorenni mhux akkumpanjati, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li dawn ser jirritornaw għand membru tal-familja jew imorru f'faċilitajiet ta' riċezzjoni adegwati.
 
Għajnuna legali
 
Il-kwistjoni ta' l-għoti ta' għajnuna legali kienet dik li qajmet l-iktar kontroversja tul in-negozjati. Waqt li l-proposta tal-Kummissjoni kienet tgħid li l-għoti ta' għajnuna legali lill-immigranti llegali li ma jkollhomx riżorsi għandu jkun mandatorju, il-Kunsill kien qiegħed jikkunsidra l-piż finanzjarju fuq l-Istati Membri. It-test adottat jgħid li l-għoti ta' għajnuna legali għandu jkun mandatorju iżda fi qbil mal-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti jew regoli nazzjonali dwar l-għajnuna legali, kif ukoll mad-direttiva ta' proċedura ta' l-2005 dwar l-għajnuna għal min jitlob l-ażil.
 
Il-Fond għar-Ritorn tal-Komunita', stabbilit għal perjodu 1008-2013 b'baġit ta' 676 miljun ewro, jista' jintuża biex jiffinanzja l-għajnuna legali.
 
X'imiss
 
L-Istati Membri ser ikollhom 24 xahar ċans biex jimplimentaw din id-direttiva, wara li l-Kunsill japprovaha b'mod formali f'Lulju u wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.
 
16/06/2008
Rapporteur : Manfred WEBER (EPP-ED, DE)
Proċedura: Kodeċiżjoni
17.06.08
Ref.: 20080616IPR31785