Stqarrija
 

Il-Parlament Ewropew jadotta l-pakkett għall-enerġija u l-klima

Elezzjonijiet 2009 - Ambjent - 17-12-2008 - 14:33
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Il-MPE adottaw il-pakkett leġislattiv għall-enerġija u l-klima li jistabilixxi miżuri biex l-UE tilħaq il-miri tagħha b'rabta mal-klima. Dawn jinkludu: tnaqqis ta' 20% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, żieda ta' 20% fl-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu u żieda ta' 20% fl-effiċjenza tal-enerġija sal-2020. Qabel din il-votazzjoni, kien diġà ntlaħaq ftehim ta' kompromess mal-Kunsill bil-mira li l-leġislazzjonijiet differenti jiġu adottati malajr kemm jista' jkun.

Sitt rapporti kienu ġew imħejja mill-Kumitat għall-Ambjent u dak għall-Industrija fi ħdan il-proċedura ta' deċiżjoni konġunta mal-Kunsill, u kull wieħed minnhom jitratta aspett differenti ta' dan il-pakkett. Wara negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament u dawk tal-Presidenza Franċiża, intlaħaq ftehim ta' kompromess li ġie aċċettat mill-Kunsill Ewropew u li wara ġie adottat mill-Parlament Ewropew. Dan ifisser li l-miżuri leġislattivi tal-pakkett ser ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ mingħajr tibdil ulterjuri.
 
Reviżjoni tal-iskema ETS - rapporteur Avril Doyle (EPP-ED, IE)
 
L-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (ETS - Emission Trading Scheme) talloka numru ta' permessi għall-emissjonijiet lill-operaturi parteċipanti ta' din l-iskema. In-numru totali ta' permessi jpoġġi limitu fuq l-emissjonijiet totali. Waqt li ċerti permessi jiġu allokati mingħajr ħlas, oħrajn jiġu skambjati permezz ta' rkant sabiex it-tnaqqis fl-emissjonijiet isir fejn ikun l-aktar effettiv skont l-investiment magħmul f'teknoloġija nodfa. Bħalissa, l-ETS tkopri iktar min 10,000 impjant fis-settur tal-enerġija u dak industrijali, li flimkien jipproduċu 40% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE.
 
L-ETS kif riveduta ser tibda tapplika mill-2013 sal-2020 u għandha twassal għal tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' 21% meta mqabbla mal-livelli fl-2005, kif ukoll għal tnaqqis gradwali tal-allokazzjoni ta' permessi ta' emissjonijiet mingħajr ħlas, sabiex il-livelli totali ta' emissjonijiet jonqos sena wara l-oħra.
 
It-test adottat jistabilixxi l-prinċipju ta' rkant sħiħ tal-permessi mill-2013 iżda jintroduċi numru ta' eċċezzjonijiet. Fis-settur tal-elettriku, ser ikun hemm il-possibilità ta' perjodu ta' tranżizzjoni li matulu tibqa' ssir allokazzjoni tal-permessi mingħajr ħlas. Dan il-perjodu ta' tranżizzjoni għandu japplika għall-Istati Membri l-ġodda jekk jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, inkluż l-obbligu li dawn jimmodernizzaw is-settur tal-produzzjoni tal-elettriku tagħhom. Fl-2013, din l-allokazzjoni mingħajr ħlas m'għandhiex tkun ogħla minn 70% tal-permessi u sa l-2020 m'għandha tibqa' ssir l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas.
 
Ċerti ta' Stati Membri, fosthom Malta, li għad għandhom dħul għal kull ras baxx meta mqabbel mal-medja Komunitarja u li l-ekonomiji tagħhom għadhom qegħdin jippruvaw ilaħħqu ma' dawk ta' Stati Membri iktar sinjuri, ser jingħataw numru ogħla ta' allokazzjonijiet għall-irkant. Għalhekk, 10% tal-kwantità totali li għandhom ikunu rkantati ser jiġu distribwiti fost dawn l-Istati Membri u b'hekk jiżdied l-ammont tal-kwoti li dawn l-Istati Membri jistgħu jirkantaw.
 
Qsim tal-piż għat-tnaqqis ta' emissjoniet ta' CO2 - rapporteur Satu Hassi (Greens/ALE, FI)
 
Id-deċiżjoni dwar il-qsim tal-piż tiddetermina l-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru fl-isforzi biex tintlaħaq il-mira għat-tnaqqis ta' emissjoniet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-2013 sal-2020 permezz tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti mill-ETS - pereżempju t-trasport bit-triq u bil-baħar, il-bini, is-servizzi, il-biedja u impjanti industrijali żgħar. Dawn jipproduċu madwar 60% tal-emissjoniet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE.
 
Din id-deċiżjoni timmira li tnaqqas l-emissjonijiet b'10% sabiex tgħin fil-kisba tal-mira ġenerali tal-UE għal tnaqqis ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta' 20% sal-2020.
 
Skont il-miri nazzjonali stipulati f'din id-deċiżjoni, Malta ser tkun tista' żżid l-emissjonijiet tagħha b'5%. Stati Membri oħra wkoll ser ikunu jistgħu jżidu l-emissjonijiet tagħhom, bħall-Bulgarija (b'20%), ir-Repubblika Ċeka (b'9%) u l-Portugall (b'1%). Madankollu ċerti stati Membri ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, bħad-Danimarka, l-Irlanda u l-Lussemburgu (b'20%).
 
Il-ġbir u l-ħażna ta' CO2 taħt l-art - rapporteur Chris Davies (ALDE, UK)
 
Il-Parlament adotta wkoll direttiva li tipprovdi qafas legali għal teknoloġiji ġodda għall-ġbir u l-ħażna tad-dijossidu tal-karbonju. L-emissjonijiet minn impjanti ta' enerġija, speċjalment dawk li jużaw iż-żejt, il-faħam u l-gass naturali, huma ekwivalenti għal 40% tal-emissjonijiet ta' CO2 kollha fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk hemm bżonn li jintużaw teknoloġiji ġodda għall-ġbir ta' CO2 u għall-ħażna tiegħu taħt l-art b'mod permanenti u sikur. Sal-2015, għandhom jinbnew mill-inqas 12-il faċilità ta' dimostrazzjoni biex tiġi ttestjata l-ħażna permanenti ta' CO2 taħt l-art. Il-kompromess jalloka sa 300 miljun permess mill-iskema ETS għall-finanzjament ta' dawn il-faċilitajiet.
 
Enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu - rapporteur Claude Turmes (Greens/ALE, LU)
 
Direttiva oħra tistabilixxi miri vinkolanti sabiex sal-2020, 20% tal-konsum tal-enerġija tal-UE fis-setturi tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll it-trasport, isir minn sorsi li jiġġeddu. Sa dik is-sena wkoll, l-Istati Membri ser ikollhom jiżguraw li 10% tal-konsum totali ta' fjuwil fis-settur tat-trasport fl-UE, ikun ġej minn sorsi li jiġġeddu, bħall-bijofjuwils u l-idroġenu.
 
Għal Stati Membri li jiddependu ħafna fuq l-avjazzjoni, bħalma huwa l-każ għal Malta u għal Ċipru, ser ikun hemm eżenzjoni parzjali fil-kalkolu tal-konsum totali ta' enerġija tagħhom. B'mod ġenerali, l-enerġija wżata għall-avjazzjoni m'għandhiex tkun iktar minn 6.18% tal-konsum totali ta' enerġija tal-Istati Membru kkonċernat. Għal Malta u għal Ċipru, il-persentaġġ ta' enerġija wżata mill-avjazzjoni li ser jittieħed inkonsiderazzjoni ser ikun massimu ta' 4.12% tal-konsum finali tagħhom.
 
Emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda - rapporteur Guido Sacconi (PES, IT)
 
Regolament ġdid jistabilixxi l-miri futuri għall-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri ġodda rreġistrati fl-UE. It-test adottat jappoġġja l-mira proposta mill-Kummissjoni għal medja ta' 120g CO2/km għall-industrija tal-karozzi sa l-2012  - bħalissa din il-medja hija ta' 160g CO2/km. Mira ta' 130g CO2/km għandha tintlaħaq permezz ta' titjib fit-teknoloġija tal-mutur tal-vetturi. Tnaqqis ulterjuri ta' 10g CO2/km għandu jsir permezz ta' titjib tekniku ieħor. Ser tiġi stabbilita wkoll mira fuq tul ta' żmin twil sabiex mill-2020, il-medja ta' emissjonijiet ma tkunx taqbeż il-95g CO2/km.
 
Il-manifatturi tal-karozzi ser ikollhom jilħqu miri intermedjarji li jiżguraw li l-medja tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' 65% tal-flotta tagħhom minn Jannar 2012, 75% minn Jannar 2013, 80% minn Jannar 2014 u 100% minn Jannar 2015, tkun konformi mal-miri speċifika għall-emissjonijiet ta' CO2 ta' kull manifattur. Dawk li jaqbżu dawn il-miri ser ikollhom iħallsu multi għall-emissjonijiet għal kull gramma ta' CO2 żejda.
 
Lejn inqas gassijiet b'effett ta' serra mill-fjuwils - rapporteur Dorette Corbey (PES, NL)
 
Id-direttiva riveduta dwar il-kwalità tal-fjuwil għandha l-għan li tiżgura li sas-sena 2020, il-fornituri tal-fjuwil inaqqsu b'mod gradwali kemm jista' jkun, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kkawżati mill-estrazzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni kif ukoll l-kombustjoni tal-fjuwil b'6%. Il-Kummissjoni hija mitluba biex sal-2012 tagħmel studju li jista' twassal għal tibdil fid-direttiva sabiex t-tnaqqis indikattiv ulterjuri ta' 4% isir vinkolanti wkoll.
 
Ref.: 20081216IPR44857