Stqarrija
 

Viżi bijometriċi mingħajr marki tas-swaba' għat-tfal taħt it-tnax-il sena

Elezzjonijiet 2009 - Politika dwar il-viżi - 25-03-2009 - 13:18
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Sakemm il-marki tas-swaba' li jkun hemm fuq il-viżi bijometriċi jkunu ta' min joqgħod fuqhom, dawn, flimkien mal-passaporti bijometriċi, għandhom l-għan li jtejbu s-sigurtà. L-MEPs adottaw ftehima ta' kompromess li ntlaħqet mal-Kunsill sabiex tfal ta' taħt it-tnax-il sena ma jkollhomx l-obbligu li jagħtu l-marka tas-swaba' tagħhom għall-viżi bijometriċi.

Is-sistema Ewropea ta' informazzjoni dwar il-viża (VIS) għandha l-għan li tħaffef il-proċedura għall-ħruġ tal-viżi waqt li tevita li persuna waħda tagħmel numru ta' applikazzjonijiet għal viża f'pajjiżi differenti tal-UE fl-istess ħin. Sabiex is-sistema tkun tista' taħdem sew, hemm bżonn ta' istruzzjonijiet konsulari komuni li jiżguraw li l-Istati Memri joħorġu viżi li jkun fihom l-istess elementi bijometriċi.
 
Permezz tar-rapport imħejji minn Sarah Ludford (ALDE, UK), il-Parlament Ewropew approva ftehima ta' kompromess milħuqa mal-Kunsill fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni dwar l-inklużjoni ta' dejta bijometrika fil-VIS. L-infrastruttura tal-VIS għandu tkun operazzjonali fl-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri fl-Afrika fl-2010 u iktar tard f'reġjuni oħrajn.
 
L-għan tal-elementi bijometriċi - jiġifieri ritratt u għaxar marki tas-swaba', skont kif irrakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili - huwa li jivverifikaw l-identità ta' persuni li japplikaw għall-viża u jipprovdu konnessjoni bejn dawk li jkollhom viża u l-passaporti tagħhom. Dan għandu jevita li jintużaw identitajiet foloz.
 
Eżenzjoni għal tfal taħt it-tnax-il sena
 
Tul in-negozjati li saru mal-Kunsill, l-MEPs irnexxilhom jikbsu eżenzjoni għat-tfal ta' taħt it-tnax-il sena. Studji li saru juru li l-marki tas-swaba' tat-tfal jistgħu jinbidlu huma u jikbru. Għaldaqstant, tfal taħt it-tnax-il sena mhux se jkollhom l-obbligu li jagħtu l-marka tas-swaba' tagħhom għall-viżi bijometriċi. F'Jannar ta' din is-sena, il-Parlament ivvota favur eżenzjoni simili għall-passaporti bijometriċi. Dan il-limitu fl-età għandu jerġa' jiġi kkunsidrat wara li jsiru studji mill-Kummissjoni.
 
Tagħmir konġunt għall-ġbir tad-dejta bijometrika
 
Skont l-MEPs, għandu jkun hemm metodi ġodda li jħaffu r-reġistrazzjoni ta' min japplika għal viża, waqt li jnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri. Għaldaqstant, huma tal-fehma li minbarra r-rappreżentazzjonijiet konsulari u diplomatiċi, tista' titwaqqaf ukoll rappreżentazzjoni speċjali apposta biex tirċievi applikazzjonijiet u tiġbor id-dejta bijometrika. B'hekk l-Istati Membri ma jkollhomx bżonn jgħammru kull konsulat li jkollhom għall-ġbir tad-dejta bijometrika. Din ir-rappreżentazzjoni speċjali fi Stat Membru partikolari tkun tista' tiġi wżata mill-konsulati ta' pajjiżi differenti, u għalhekk tista' ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-konsulati fil-post. Madankollu, l-Istati Membri xorta jkunu jistgħu jibqgħu jgħammru l-uffiċċji konsulari u diplomatiċi tagħhom għall-ġbir ta' dejta bijometrika.
 
F'ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal jekk ikun hemm numru kbir wisq ta' applikazzjonijiet għal viża, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkoperaw ma' fornitur tas-servizz estern.
 
23/03/2009
Rapporteur : Sarah LUDFORD (ALDE, GB)
Proċedura: Kodeċiżjoni
Vot: 25.03.09
Ref.: 20090324IPR52485