Artiklu
 

Sergei Kovalev: "Il-Libertà tal-ħsieb hi l-bażi tal-libertajiet l-oħra kollha"

Drittijiet tal-bniedem - 16-12-2009 - 16:43
Aqsam ma' ħaddieħor

EuroparlTV - Memorial

Nhar il-Erbgħa 16 ta' Diċembru, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lill-organizzazzjoni Russa għad-difiża tad-drittijiet ċivili Memorial, u t-tliet rappreżentanti tagħhom: Oleg Orlov, Sergei Kovalev u Lyudmila Alexeyeva (kif ukoll id-difensuri l-oħra drittijiet tal-bniedem fir-Russja). Waqt il-ftuħ taċ-ċerimonja, il-President tal-PE Jerzy Buzek qal li "illum inħossni partikolarment kburi li nippresiedi l-PE".

It-tliet rebbieħa ġew Strasburgu sabiex jirċievu l-premju mill-President Buzek. Hu qal li kien "kburi b'din l-għażla u kburi li din id-deċiżjoni kienet meħuda unanimament. Kieku Natalia Estemirova u Anna Politkovskaya kienu jkunu hawn ukoll illum: il-qattiela tagħhom għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja".

Sergei Kovalev qal li "Jiena ċert li, bl-għoti tal-Premju Sakharov lill-organizzazzjoni Memorial, il-Parlament Ewropew qiegħed jagħmel unur lill-ħbieb mejtin tagħna u nies tal-istess fehma tagħna. Dan il-premju jappartjeni bi dritt lilhom. U l-ewwel isem Ii ser njikkwota hu dak ta' Natalya Estemirova, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri l-oħra ta' Memorial li ġew maqtula dan is-sajf fiċ-Ċeċnija. Ma nistax ma nsemmix ismijiet oħra
: l-avukat Stanislav Markelov u l-ġurnalisti Anna Politkovskaya u Anastasia Baburova, maqtula f'Moska, l-etnologu Nikolai Girenko maqtul f'San Pietruburgu, Farid Babayev, maqtul fil-Dagestan, u ħafna oħrajn - sfortunatament, din hija lista twila ħafna".
 

Citation

"Il-Libertà tal-ħsieb hi l-bażi tal-libertajiet l-oħra kollha"
Sergei Kovalev
Dwar Andrei Sakharov, Kovalev qal li "miet eżattament għoxrin sena ilu u ma kienx biss jissielet favur id-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Sovjetika iżda kien ukoll ħassieb distint" .  Hu kompla jgħid li s-sitwazzjoni fir-Russja "mhijiex ċara kemm tista' tidher jekk wieħed jaraha b'mod superfiċjali. Għandna ħafna alleati fis-soċjetà Russa - kemm fil-ġlieda tagħna għad-drittijiet tal-bniedem u kemm fil-ġlieda tagħna kontra l-Istaliniżmu. Barra minn hekk, l-awtorità Russa m'hijiex omoġenja daqs kemm wieħed jista' jaħseb".
 
X'qed jistennew Kovalev u ħbiebu mill-politiċi Ewropej u mill-opinjoni pubblika Ewropea? Kovalev jirrispondi billi jikkwota lill-Andrei Sakharov - "Illum il-pajjiż tiegħi għandu bżonn l-appoġġ u l-pressjoni tiegħi" u jfakkar kemm hu importanti għall-Ewropa ma tibqax siekta quddiem tkasbir tad-drittijiet ċivili. "Huwa dmir li ma tibqax siekta u li dejjem tirrepeti u tfakkar, u tinsistu bir-rispett u imma b'mod sod, li r-Russja trid tissodisfa l-obbligi tagħha". Hu spiċċa billi qal li l-"Il-Libertà tal-ħsieb hi l-bażi tal-libertajiet l-oħra kollha" u qal li hu hu ħbiebu jħossuhom kburin li qed jirċievu dan il-Premju.
 
Ref.: 20091211STO66323