Artiklu
 

L-Ombudsman tal-UE: "sfida" biex l-istituzzjonijiet jiġu mġiegħla jikkonformaw

Ombudsman - 03-05-2010 - 14:49
Aqsam ma' ħaddieħor
Nikiforos Diamandouros

Nikiforos Diamandouros

Hu s-sorveljatur tat-trasparenza u r-responsabilità fl-UE. Nhar it-Tlieta, l-Ombudsman Ewropew Nikiforos Diamandouros se jippreżenta r-Rapport Annwali tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Spjega kif jistenna li t-Trattat ta' Lisbona se jaffettwa ħidmietu - u l-"isfida" li l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu mġiegħla jikkonformaw mad-deċiżjoni tiegħu.

Fl-2008, 75% tal-ilmenti nstabu li kienu inammissibbli. Hemm ħafna konfużjoni dwar dak li fil-fatt jagħmel l-Ombudsman?
 
Iċ-ċifra naqset xi ftit. Iżda xorta waħda għadha madwar 70%. Huwa diffiċli ħafna anke għal persuni sofistikati ħafna li jifhmu li meta hemm ksur tal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali, ma jistgħux jiġu għandi. Għandhom imorru għand l-Ombudsman nazzjonali tagħhom. Dawn huma responsabbli għal madwar 80% tal-ilmenti inammissibbli.
 
Għalhekk waqqafna n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, biex nittrasferixxu l-ilmenti kollha lill-istituzzjoni t-tajba mingħajr ma ċ-ċittadin jew min jagħmel l-ilment ikollu jdur kullimkien biex isib fejn għandu jmur. Fi kliem ieħor, nagħmlu din il-biċċa xogħol għalih.
 
Għalhekk, prima facie, għandek raġun: hemm konfużjoni. Iżda hi t-tip ta' konfużjoni li faċilment tiġi indirizzata.
 
Fis-7 snin li ilek fil-kariga, kif inbidel xogħlok? It-Trattat ta' Lisbona kif affettwa ħidmietek u r-rwol tal-Ombudsman?
 
L-istituzzjoni evolviet ħafna. L-uffiċċju kiber ftit aktar mid-doppju: minn 28 persuna fl-2003 għal 65.
 

L-Ombudsman Ewropew

  • Maħtur mill-PE
  • Jista' joħroġ kummenti kritiċi, rakkomandazzjonijiet, rapporti speċjali.
  • Ittratta madwar 35 000 każ.
Dan jissuġġerixxi xejra ta' tisħiħ, tkabbir u kuntatt eqreb. Għandi għalfejn nemmen li Lisbona se tipprovdi opportunitajiet ġodda. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali issa għandha valur legali ugwali għat-trattati. Torbot legalment. U ftakar li l-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi l-amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali ta' kull ċittadin tal-Unjoni.
 
It-Trattat għamel ukoll lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi kollha suġġetti għall-mandat tiegħi, inkluż il-Kunsill Ewropew, u l-politika barranija u s-sigurtà issa huma inklużi fil-mandat tiegħi.
 
Ikun raġonevoli li wieħed jistenna li dan kollu jissarraf f'iktar ilmenti u f'iktar opportunitajiet għall-Ombudsman biex iservi liċ-ċittadini aħjar.
 
Id-deċiżjonijiet tiegħek ma jorbtux, imma hemm rata ta' madwar 70% ta' konformità. Għalfejn?
 
L-UE għandha tradizzjoni b'saħħitha ħafna ta' stat tad-dritt u qed tipprova ttejjeb il-profil demokratiku tagħha. Dan ifisser li hemm ammont kbir ta' rispett, fehim u konformità mar-regoli u d-deċiżjonijiet.
 
Ref.: 20100429STO73777

Għal aktar informazzjoni :