Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0385/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0385/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

1.9.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Colm Burke, John Bowis, Carlo Casini, Nirj Deva u Filip Kaczmarek
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar l-Għan numru 5 tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG 5) - is-saħħa marbuta mat-tqala

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0377/2008

Proċedura : 2008/2621(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0385/2008
Testi mressqa :
B6-0385/2008
Testi adottati :

B6‑0385/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għan numru 5 tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG 5) - is-saħħa marbuta mat-tqala

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-punt numru 5 tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) dwar is-saħħa marbuta mat-tqala, li jimmira li ‘l-proporzjoni tal-imwiet marbuta mat-tqala jitnaqqas bi tliet kwarti bejn l-1990 u l-2015’, u li ‘jinkiseb aċċess universali għas-saħħa riproduttiva’,

–  - wara li kkunsidra l-Programm Ewropew ta’ Azzjoni biex ikunu affrontati l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz ta’ Azzjoni Esterna [1],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-20 ta’ Novembru 1959 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tistipula li ‘għandhom jingħataw kura u ħarsien speċjali kemm lit-tfal kif ukoll lill-ommijiet, inkluża kura adegwata għal qabel u għal wara t-twelid’, u wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, fejn l-Istati firmatarji qablu li ‘jiggarantixxu kura tas-saħħa xierqa għall-ommijiet qabel u wara t-twelid’,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, tat-22 ta’ Novembru 2005[2], skont liema kunsens ‘l-għan ewlieni u li jiġi fuq kollox tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE hija l-eradikazzjoni tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-ħidma favur il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp’,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' livell għoli dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp li se sseħħ fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU fi New York fil-25 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-saħħa marbuta mat-tqala hija l-qasam li fih sar l-inqas progress minn fost l-MDGs kollha, u billi l-MDG5 huwa għalhekk fost il-miri li l-inqas li għandhom probabbiltà li jintlaħqu sal-2015, b'mod partikulari fl-Afrika tas-Sub-Saħara,

B.  billi l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas huma r-raġunijiet ewlenin għall-imwiet u għad-diżabilità fost in-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar fl-Afrika tas-Sub-Saħara u fl-Asja, u jwasslu għall-mewt ta' aktar minn nofs miljun mara kull sena,

C.  billi l-parti l-kbira ta’ dawn l-imwiet jistgħu jiġu evitati permezz ta’ interventi fil-qasam tal-kura tas-saħħa (skont il-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFPA), l-aktar fatturi importanti għat-tnaqqis tal-imwiet marbuta mat-tqala huma l-preżenza ta’ persuni mħarrġa biex jgħinu fit-twelid u l-aċċess għall-kura ostetrika ta’ emerġenza), iżda, għal ħafna nisa li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-distanza u l-faqar jillimitaw l-aċċess għas-saħħa marbuta mat-tqala,

D.  billi l-imwiet u d-diżabilitajiet marbuta mat-tqala jbaxxu d-dħul tal-familja, iwasslu għal għadd kbir ta’ orfni li huma partikularment vulnerabbli għall-mard u għall-faqar, u jisfurzaw lit-tfajliet żgħar biex jitilqu mill-iskola sabiex irabbu lil ħuthom,

E.  billi madwar 60% tal-adulti li għandhom l-HIV huma nisa, u billi l-HIV/AIDS u l-malarja huma fost il-kawżi ewlenin tal-imwiet marbuta mat-tqala; billi l-virus tal-HIV jista' jgħaddi mill-omm għall-wild waqt it-tqala, waqt il-ħlas u t-twelid jew waqt it-treddiegħ,

F.  billi l-HIV/AIDS għandha wkoll effetti ta' ħsara kbira fuq il-qasam tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi, minbarra li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa qed jiġu infettati, qed jittieħdu l-ħaddiema u l-fondi minn servizzi tas-saħħa essenzjali oħra sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet dejjem akbar fil-qasam tas-servizzi HIV/AIDS,

G.  billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa, billi jiġi ggarantit aċċess sħiħ għall-informazzjoni u għall-provvisti marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva, ipoġġihom f’qagħda aħjar biex jipprattikaw is-sess sikur u jipproteġu rwieħhom mill-mard li jittieħed permezz tas-sess (STDs), fosthom l-HIV; billi għandhom jiġu appoġġjati l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għall-ħarsien tan-nisa mill-STDs, b’mod speċjali l-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-mikrobiċidji u t-tilqim u l-miżuri proposti marbuta mas-saħħa riproduttiva,

H.  wara li kkunsidra l-problema partikulari tan-nisa, ħafna minnhom żgħażagħ u mingħajr aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva, li jiżviluppaw fistula ostetrika minħabba ħlas diffiċli mingħajr għajnuna u li, jekk ma tiġix ikkurata, twassal għal kundizzjonijiet tas-saħħa ħżiena ħafna u l-istigmatizzar soċjali,

I.  billi l-fistula u mard ieħor tal-organi riproduttivi huma problema tas-saħħa serja f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw,

J.  billi l-ġografija, l-ekonomija u l-edukazzjoni huma fatturi determinanti fl-għadd ta' mwiet marbuta mat-tqala, bir-riżultat li n-nisa rurali, in-nisa fqar u n-nisa mingħajr edukazzjoni jsofru l-ogħla rati ta' mwiet marbuta mat-tqala,

K.  billi l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti fl-għoti u fl-appoġġ ta' rispons internazzjonali għall-isfidi tas-saħħa marbuta mat-tqala,

1.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex, fl-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar, jagħtu prijorità lis-saħħa marbuta mat-tqala; jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jenfasizzaw dan il-qasam fil-koperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jagħtu aktar appoġġ ekonomiku, politiku u tekniku għal sforzi ta’dan it-tip;

2.  Ifakkar u jtenni l-impenn u l-kontribut tal-UE lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, kif iddikjarat fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

3.  Ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jilħqu 0.7% tal-ODA/GNI sal-2015, u jistieden lill-Istati Membri li fil-mument ma jidhrux li se jilħqu dan sabiex iżidu l-isforzi tagħhom;

4.  Jistieden lill-UE sabiex issostni u żżid l-isforzi tagħha sabiex ittejjeb is-saħħa marbuta mat-tqala fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar sabiex jingħata aċċess għall-kura u servizzi tas-saħħa marbuta mat-tqala sikuri u afidabbli, sabiex issir ġlieda kontra l-mard marbut mal-faqar u sabiex jiġu indirizzati problemi fil-qasam tas-saħħa, bħan-nuqqas ta’ ħaddiema tas-saħħa kkwalifikati,

5.  Jitlob li jissaħħu l-programmi nazzjonali tas-saħħa għall-ittestjar tal-HIV qabel u waqt it-tqala, il-kura antiretrovirali għan-nisa tqal li għandhom l-HIV u l-miżuri għall-prevenzjoni tal-HIV bħall-kampanji tal-informazzjoni u l-edukazzjoni;

6.  Jappella għal aktar miżuri biex jiġġieldu l-malarja, fost l-oħrajn permezz tal-użu akbar ta' xbieki tas-sodda ttrattati b-insettiċidi,

7.  Jitlob li l-istrateġiji rigward is-saħħa marbuta mat-tqala ma jkunux limitati għall-ġlieda kontra l-mard ewlieni marbut mal-faqar, iżda li tingħata wkoll attenzjoni għall-qagħda ta' għadd kbir ta' nisa li jbatu mill-fistula u minn mard ieħor marbut mal-faqar li huwa inqas magħruf;

8.  Jitlob lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma introduċewx il-projbizzjoni tal-prattiki u tradizzjonijiet ta’ ħsara bħall-Mutilazzjoni Ġenitali tan-Nisa (FGM) biex jieħdu azzjoni u biex jappoġġjaw kampanji ta’ informazzjoni għal dan il-għan;

9.  Jitlob lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jieħdu approċċ orizzontali quddiem l-isfidi rigward is-saħħa marbuta mat-tqala, sabiex ikun hemm aktar sforzi għall-iżvilupp fil-ħolqien tat-tkabbir sostenibbli, it-titjib tal-infrastruttura u l-aċċess għall-ilma u għas-servizzi sanitarji u oqsma oħra li jaffettwaw l-għadd ta’ dawn l-isfidi;

10.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikulari lill-miżuri għat-titjib tal-iġene domestika u l-użu tas-sapun - skond xi studji, dan huwa aktar effettiv mit-titjib tal-kwalità tal-ilma fit-tnaqqis tar-riskju tal-mard bid-dijarea - billi mard bħal dan jista’ jwassal għall-mewt, u n-nisa tqal u li qed ireddgħu huma partikularment vulnerabbli;

11.  Jitlob li jiżdiedu l-miżuri biex jindirizzaw il-problemi respiratorji minħabba n-nuqqas ta’ ventilazzjoni għall-fran li jintużaw għas-sħana jew għat-tisjir, li huma partikularment ta’ ħsara għas-saħħa marbuta mat-tqala,

12.  Jitlob lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex fl-istrateġija tagħhom għall-iżvilupp iżidu l-enfasi fuq l-edukazzjoni primarja, b’mod partikulari għall-bniet fl-inħawi rurali, li l-anqas li għandhom ċans li jkollhom l-opportunitajiet li jattendu l-iskola; jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex tagħti aktar appoġġ għal sforzi bħal dawn;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm appoġġ internazzjonali u mill-UE għall-koperazzjoni reġjonali biex jiġi promoss l-iskambju tal-kompetenzi, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċità, it-tqabbil tal-aħjar prattiki u l-użu flimkien tar-riżorsi, fil-qasam tas-saħħa marbuta mat-tqala; jenfasizza li din il-koperazzjoni tista' tkun partikolarment siewja fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet diffiċli ta' saħħa f'sitwazzjonijiet li jiġu wara kunflitti jew katastrofi;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali tkun prijorità fiz-zoni ta’ kriżi u ta’ kunflitt, fil-fażi umanitarja kif ukoll fil-bini mill-ġdid wara l-gwerer;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.