Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0197/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0197/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, Regolament (KE) Nru 1049/2001

9.12.2009

imressqa wara l-mistoqsijiet b’talba għal tweġiba orali B7-0230/2009 u B7-0231/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sonia Alfano, Anneli Jäätteenmäki, Marian Harkin f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0191/2009

Proċedura : 2009/2761(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0197/2009
Testi mressqa :
B7-0197/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0197/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, Regolament (KE) Nru 1049/2001

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonamehnt tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-artikoli tagħhom li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tad-9 ta’ Novembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali għall-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, Regolament (KE) Nru 1049/2001 (O-0123/2009 - B7‑0231/2009, O-0122/2009 - B7-0230/2009) u d-dibattitu fil-plenarja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni ‘tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u billi ‘Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom’ (Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali),

B.  billi t-Trattat ta’ Lisbona mmodifika ‘mhux biss il-bażi legali għar-regolament li jirregola l-aċċess għad-dokumenti, imma wkoll il-kuntest legali li fih għandu jopera r-Regolament, b’mod partikulari f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ċ-ċittadin'[1],

C. billi din ir-relazzjoni minn issa ’l quddiem għandha tkun iffurmata mill-prinċipji li jingħataw fil-qosor fit-Titolu II il-ġdid tat-TUE, li jistipula li ‘l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jirċievu attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet tagħha’ (Artikolu 9) u li ‘kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin (Article 10(3)),

D. billi l-integrazzjoni sħiħa tal-Komunità Ewropea fl-UE, kif ukoll l-abolizzjoni tar-reġim intergovernattiv li kienet għadha applikata lill-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, kienu mmexxija ’l quddiem mir-rieda tal-Istati Membri ‘li jkomplu jsaħħu l-funzjonament demokratiku u effiċjenti tal-istituzzjonijiet’,

E.  billi, b’konformità ma dan il-qafas legali ġdid, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE, u mhux biss il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni (li diġà kienu marbuta mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE ta’ qabel), issa għandhom imexxu ħidmithom b’mod miftuħ kemm jista’ jkun (Article 15(1) tat-TFEU),

F.  billi skont it-TUE l-ġdid u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea[2], l-għamil bil-miftuħ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma kundizzjonijiet essenzjali għall-promozzjoni tal-governanza tajba tal-istituzzjonijiet tal-UE u magħha “l-effikaċja tal- proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet”,

G. billi l-prinċipji bażiċi tad-demokrazija jipprevedu li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu u li jsegwu l-proċess deċiżjonali u li t-trasparenza mtejba għandha tkun garantita mill-Istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-Istati Membri meta jaġixxu bħala Membru tal-Kunsill qabel, matul u wara l-proċess leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex iċ-ċittadini tal-UE u l-parlamenti nazzjonali jkun jista’ jkollhom fehim komprensiv ta' min qed jagħmel u għaliex u biex jissorveljaw l-attivitajiet tar-rappreżentanti tagħhom;

H. billi l-istituzzjonijiet tal-UE “għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni” u “għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili” (l-Artikolu 11.1 u 11.2 tat-TFUE),

I.   billi l-prinċipji tal-għamil fil-miftuħ u t-trasparenza għandhom jirregolaw mhux bill il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, imma wkoll il-mod li bih it-testi huma abbozzati u akkumpanjati mit-tagħrif kollu meħtieġ biex ikun ivverifikat li l-kriterji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà jkunu ġew issodisfati, fl-interess taċ-ċittadini tal-UE, il-parlamenti nazzjonali u tal-ġudikatura billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandu jkun iggarantit ukoll fir-rigward ta' kif il-politiki tal-UE jiġu implimentati fil-livelli kollha u kif il-fondi tal-UE huma użati,

J.   billi għandhom jittieħdu miżuri legali, finanzjarji u operattivi li ilhom mistennija bil-għan li jkun garantit li d-dokumenti kollha relevanti marbuta ma’ proċedura leġiżlattiva speċifika jsiru aċċessibbli b’mod ċar u f’waqtu, kemm jekk joriġinaw minn servizzi interni u kemm minn rappreżentanti ta’ interess esterni, u billi dan it-tagħrif jista’ jsir disponibbli fuq sit tal-Internet interistituzzjonali li jkun jorbot bejniethom lir-reġistri interni tal-istituzzjonijiet (bħal m’hu s-sit tal-EUR-LEX tal-OPOCE, li ġie mtejjeb dan l-aħħar); billi r-regolamenti interni għandhom jiġu emendati f’dan is-sens u ftehimiet interistituzzjonali vinkolanti għandhom jiġu nnegozjati dalwaqt fuq il-bażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE,

K. billi r-responsabiltajiet il-ġodda tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, tal-Parlament Ewropew f’oqsma bħal ma huma l-ftehimiet internazzjonali dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, jitolbu qafas legali li rrivedut rigward l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) nru 1049/2001, inkluża s-sorveljanza sħiħa tal-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini Ewropej;

1.  Iqis li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jiġi aġġornat b’urġenza sabiex isir l-“Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Informazzjoni”, b’mod partikolrai billi:

(a)  jitwessa’ l-ambitu tiegħu biex ikopri l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE li attwalment mhumiex koperti, bħal ma huma l-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, l-Europol u l-Eurojust;

(b)  jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li jittrattaw proċeduri kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi fuq il-bażi tad-definizzjonijiet il-ġodda li jinsabu fit-Trattati;

(c)  jiġu aġġornati, fuq il-bażi tal-każistika riċenti tal-QĠE, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mat-trattament ta’ dokumenti, tagħrif u data interni, biex jiġi żgurat aċċess usa’ għall-opinjonijiet tas-Servizz Legali abbozzati fil-qafas tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, dokumenti u tagħrif marbuta mal-Istati Membri meta dawn jaġixxu bħala membri tal-Kunsill, inklużi l-atti, il-proposti u l-emendi mressqa, it-traskrizzjonijiet tal-laqgħat, il-pożizzjonijiet tagħhom u l-voti mitfugħa fil-Kunsill, inkluż il-gruppi ta’ ħidma u l-gruppi esperti tiegħu, il-ħarsien tad-data personali u l-interessi kummerċjali, il-kontenut tar-reġistri tal-istituzzjonijiet, eċċ.;

(d)  jingħata aċċess adegwat għat-tagħrif disponibbli fl-istituzzjonijiet tal-UE li jagħmilha possibbli li l-implimentazzjoni tar-regoli, l-atti, il-miżuri u l-programmi tal-UE fl-Istati Membri tiġi evalwata b’mod oġġettiv; jiġi żgurat li tingħata aktar trasparenza finanzjarja fir-rigward ta' informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-UE, l-implimentazzjoni tiegħu u l-benefiċjarji tal-fondi u l-għotjiet tal-UE;

(e)  jiġu stabbiliti, b’konformità sħiħa mal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, il-prinċipji u r-restrizzjonijiet ġenerali għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat li jillimitaw l-aċċess għal dokumenti li għandhom jiġu kklassifikati, b’mod eċċezzjonali, bħala ‘Sigriet Assolut’, ‘Sigriet' jew 'Kunfidenzjali' bil-għan li jitħarsu l-interessi essenzjali tal-UE (b’mod partikolari fi kwistjonijiet militari, tas-sigurtà pubblika u tad-difiża);

(f)  jiġu ddefiniti l-prinċipji li jistgħu jiġu żviluppati permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali skont l-Artikolu 295 tat-TFUE bil-għan ukoll li jiġi implimentat b’mod koordinat ir-regolament il-ġdid dwar leġiżlar aħjar;

(g) jiġi żgurat li l-istandards ta' trasparenza tal-UE japplikaw mingħajr riservi għad-dokumenti marbuta ma' negozjati internazzjonali;

(h) jiġi żgurat li l-PE imexxi permezz tal-eżempju fl-UE billi jżomm livelli kemm jista’ jkun għoljin ta’ ftuħ, trasparenza u aċċess għal dokumenti, informazzjoni u data fl-oqsma kollha;

2. Jilmenta mill-fatt li, minkejja t-talbiet ċari li għamel fil-11 ta’ Marzu 2009:

    -     il-Kummissjoni ma ħejjietx verżjoni modifikata tal-proposta leġiżlattiva tagħha COM(2008)0090 u, fit-2 ta’ Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, approvat komunikazzjoni (COM(2009)0665) li aġġornat biss il-bażi legali tal-proposta oriġinali, filwaqt li evitat kull modifika fil-kontenut tagħha;

    -     il-Kunsill ma għamel l-ebda tip ta’ dibattitu politiku u l-anqas ma ħa xi passi konkreti biex jikkonforma mal-proposti tal-Parlament Ewropew (li uħud minnhom issa huma wkoll ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat) u llimita lilu nnifsu għal adattament minimu ħafna tar-regoli interni tiegħu stess;

3.  Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill, kemm dik attwali u kemm dik tal-ġejjieni, biex iniedu djalogu interistituzzjonali immedjat fil-livell politiku bil-għan li jfasslu r-regolament il-ġdid dwar l-aċċess għad-dokumenti mill-aktar fis possibbli;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.