Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0154/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0154/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

4.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0000/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Carl Schlyter, Eva Lichtenberger, Christian Engström, Jan Philipp Albrecht, Franziska Keller f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0154/2010

Proċedura : 2010/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0154/2010
Testi mressqa :
B7-0154/2010
Testi adottati :

B7‑0154/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat FUE,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss (B7-0091/2010),

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari (COM(2008)0229 – C6-0184/2008 – 2008/0090(COD)),

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali (2008/2133(INI)),

 

–    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),

 

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

 

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

 

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikulari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku),

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi, skont l-Artikolu 218(10) tat-Trattat FUE, il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura ta' negozjati dwar ftehimiet internazzjonali,

B. billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bdew in-negozjati dwar ftehim ġdid plurilaterali li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (IPR) u jiġġieled kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni - ACTA),

C.  billi, fir-rapport tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex “immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehima Kummerċjali ta' Kontra l-Iffalsifikar (ACTA)”,

D.  billi fis-27 ta' Jannar 2010 l-Kummissjoni ħadet impenn għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament ibbażat fuq it-termini tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta' informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati (...) b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta' kunsens, b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE”,

E.   billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaure meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jeffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

F.   billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR (COD/2005/0127 – Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED-II)) u l-‘Pakkett Telecom’, u dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

G.  billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR m’għandhomx jiġu evitati permezz ta’ negozjati kummerċjali li jaqgħu taħt l-ambitu tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet normali tal-UE,

H.  billi hu kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri ta' infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu; billi l-Parlament għandu jingħata rwol iktar ċentrali fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni,

I.    billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi dwar il-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod speċjali fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/58/KE u fill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja,

 

K.  billi, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat UE, l-azzjonijiet tal-UE fil-livell internazzjoni għandhom ikunu gwidati mill-prinċipju tal-universalità u tal-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali,

 

1.   Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' proċess trasparenti fit-twettiq tan-negozjati tal-ACTA, ħaġa li tikkontradixxi l-ispirtu stess tat-Trattat FUE;

 

2.   Huwa tal-fehma li ma jeżistux argumenti leġittimi għan-nuqqas ta' żvelar fir-rigward tan-negozjati internazzjonali dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew kwistjonijiet simili, li huma ta’ natura leġiżlattiva u għandhom impatt fuq id-drittijiet fundamentali; isostni li l-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-UE jew ta’ partijiet oħra nogozjanti ma tkunx limitata jekk l-informazzjoni dwar in-negozjati tkun disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali;

 

3.   Jiddispjaċih dwar l-għażla ikkalkulata tal-partijiet li ma jinnegozjawx permezz ta’ korpi internazzjonali stabbiliti sew, bħall-Organizzazzjoni Dinjia tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li stabbilixxew oqfsa ta' informazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet;

 

4.   Jistiedn lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess lill-Parlament għat-testi primarji kollha relatati mal-ACTA, b'mod partikolari l-mandat tan-negozjati tal-ACTA mill-Kunsill, il-minuti tal-laqgħat ta' negozjati tal-ACTA, l-abbozz tal-kapitoli tal-ACTA, u l-kummenti tal-parteċipanti tal-ACTA dwar l-abbozz tal-kapitoli;

 

5.   Jirrikonoxxi li, minbarra l-obbligu legali ċar li jkun informat il-Parlament, id-dokumenti tal-ACTA għandhom wkoll ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-UE u fil-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw fin-negozjati; jifhem il-kritika pubblika wiesgħa tas-segretezza tan-negozjati tal-ACTA bħala sinjal ċar tan-nuqqas ta’ sostenibbiltà politika tal-proċedura magħżula tan-negozjati;

 

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha b'mod proattiv mal-imsieħba tan-negozjati tal-ACTA biex tikkanċella kwalunkwe ftehimiet interni formali jew informali preċedenti dwar in-natura kunfidenzjali tat-twettiq tan-negozjati u biex tinforma lill-Parlament dwar l-inizjattivi tagħha f'dan ir-rigward fiż-żmien dovut; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti qabel il-fażi ta' negozjati li jmiss fi New Zealand f'April 2010 u titlob li l-kwistjoni tat-trasparenza titqiegħed fl-aġenda ta' dik il-laqgħa;

 

7.   Ifakkar lill-Kummissjoni li jekk hija ma tipprovdix lill-Parlament b'informazzjoni immedjata u sħiħa dwar in-negozjati bi qbil mal-Artikolu 218 tat-Trattat FUE qabel il-fażi li jmiss ta’ negozjati f'April, il-Parlament mhu se jkollu ebda għażla ħlief li jressaq rikors bi qbil mal-Artikolu 263 tat-Trattat FUE għall-ksur tat-Trattati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

 

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni dwar l-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tal-IPR, il-kummerċ elettroniku u l-impatt possibbli tal-ACTA fuq id-drittijiet fundmaentali u l-istat tat-dritt f’pajjiżi terzi, speċjalment dawk li qed jiżviluppaw, qabel ma jintlaħaq kwalunkwe ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fiż-żmien xieraq;

 

9.   Jilqa’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li kwalunkwe ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, bla ebda preġudizzju għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar l-proprjetà intelletwali fl-Unjoni Ewropea; jagħti kull kunsens possibbli lill-ftehim tal-ACTA bil-kundizzjoni li dan jirrispetta din l-affermazzjoni;

 

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – speċjalment dawk dwar il-proċeduri ta' infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – ikun konformi bis-sħiħ mal-ispirtu tal-acquis communautaire u ma jimplikawx li miżuri awtoregolatorji jiġu imposti minn kumpaniji privati barra l-ambitu tal-proċessi demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; iqis li l-fornituri ta’ servizzi tal-internet m’għandhomx jinżammu responsabbli għad-data li jittrażmettu jew li jospitaw permezz tas-servizzi tagħhom sal-punt li jimplika li tali data tiġi sorveljata jew filtrata minn qabel;

 

11. Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, kif rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat FUE;

 

12.  Jirrimarka li kwalunkwe miżura mmirata lejn it-tisħiħ tal-poteri tal-ispezzjonijiet transkonfinali u l-qbid tal-beni m’għandhiex tagħmel ħsara lill-aċċess globali għal mediċini legali, bi prezzijiet li wieħed jiflaħ għalihom u sikuri;

 

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlament tal-pajjżi parteċipanti fin-negozjati tal-ACTA.