Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0244/2010/REV2Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0244/2010/REV2

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada

30.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sophia in ‘t Veld f'isem il-Grupp ALDE
Birgit Sippel f'isem il-Grupp S&D
Axel Voss, Simon Busuttil f'isem il-Grupp PPE-DE
Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Timothy Kirkhope f'isem il-Grupp ECR
Rui Tavares, Eva-Britt Svensson, Marie-Christine Vergiat, Cornelis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2010/2657(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0244/2010
Testi mressqa :
B7-0244/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0244/2010/rev.2

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tal-Karta Fundamentali tad-Drittijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi[1], u r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: is-sitwazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti[2], ir-riżoluzzjoni tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni provdut mid-data personali misjuba fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn il-Bureau of Customs and Border Protection tal-Istati Uniti[3], ir-riżoluzzjoni tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehima mal-Istati Uniti dwar l-użu tad-data tar-rekords ta’ ismijiet ta’ passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reati transnazzjonali, inkluża l-kriminalità organizzata, u għall-ġlieda kontrihom[4] , ir-riżoluzzjoni tas-14 ta’ Frar 2007 dwar is-SWIFT, il-ftehima dwar il-PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet, [5], u r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-ftehim PNR mal-Istati Uniti[6],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan[7],

–   wara li kkunsdira r-riżoluzzjoni leġiżlattivi tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar il-proposta għal-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-gvern Kanadiż dwar l-ipproċessar tad-data tal-passiġġieri tal-ajru (API/PNR)[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record - PNR) għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi[9],

–   wara li kkunsidra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropew tat-30 ta' Mejju 2006 fir-rigward tal-Każijiet konġunti C-314/04 u C-318/04,

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta’ Ġunju 2007 mill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data lill-President fil-kariga, is-Sur Schäuble, dwar il-ftehim ġdid dwar il-PNR mal-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali, kif previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (l-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma) dwar il-ftehim tal-futur dwar il-PNR,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tas-servizz legali tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/82/KE dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri[10],

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni konġunta tal-2005 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni konġunta tal-2010 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tal-2009 bejn l-UE u l-Kanada,

–   wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni biex jiġi konkluż il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS)[11] u biex jiġi konkluż il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan[12],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi t-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

B.  billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona l-Parlament qed jintalab biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet tal-UE mal-Istati Uniti u mal-Awstralja dwar it-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) bil-għan li jiġu konklużi dawn il-ftehimiet,

C. billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasferiment tal-PNR m’għadux validu, minħabba li skadiet id-Deċiżjoni ta’ Adegwadezza f’Settembru 2009, u t-trasferiment tad-data tal-PNR minn dik id-data ‘l quddiem seħħ fuq il-bażi ta’ negozjati bilaterali mill-Kanada mal-Istati Membri,

D. billi pajjiżi oħra diġà qed jitolbu t-trasferiment tal-PNR, jew ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan fil-futur qarib,

E.  billi l-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal skema tal-UE dwar il-PNR, ħaġa li l-Kummissjoni għamlet fis-17 ta’ Novembru 2007,

F.  billi fiż-żminijiet diġitali tagħna, il-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni informattiva, id-drittijiet personali u d-dritt għall-privatezza saru valuri li għandhom rwol dejjem qed jikber u għalhekk għandhom jiġu protetti b’attenzjoni speċjali,

G. billi fid-dinja tagħna, li fiha l-mobilità hija karatteristika essenzjali, is-sigurtà ikbar u l-ġlieda mtejba kontra l-kriminalità għandhom imorru id f’id ma’ skambju iktar effettiv u rapidu tad-data fl-Ewropa u fil-livell dinji,

1.  Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata u transnazzjonali, u fit-twemmin sod tiegħu fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn miżuri ta’ sigurtà u l-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat l-ikbar rispett għall-privatezza, l-awtodeterminazzjoni informattiva u l-protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin mingħajr liema l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

2.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li t-trasferimenti kollha tad-data personali mill-UE u l-Istati Membri tagħha għal pajjiżi terzi għal raġunijiet ta’ sigurtà għandhom ikunu bbażati fuq ftehimiet internazzjonali bl-istatus ta’ atti leġiżlattivi, sabiex ikun hemm is-salvagwardji neċessarji għaċ-ċittadini tal-UE, jiġu rispettati l-garanziji proċedurali u d-drittijiet ta’ difiża, u sabiex ikun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u dak Ewropew;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, bi qbil mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni u d-dokummenti ta’ bażi relevanti kollha, b’mod partikolari l-informazzjoni speċifika mitluba fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-PNR tal-UE kif imsemmi hawn fuq;

4.  Jiddeċiedi li jipposponi l-votazzjoni dwar it-talba għal approvazzjoni dwar il-ftehimiet mal-Istati Uniti u l-Awstralja sakemm ikun esplora l-għażliet għal arranġamenti għall-użu tal-PNR li jkunu konformi mal-liġi tal-UE u jissodisfaw it-tħassib espress mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-PNR;

5.  Iqis li kwalunkwe strument leġiżlattiv ġdid għandu jkun preċedut minn Valutazzjoni ta’ Impatt fuq il-privatezza, u test ta’ proporzjonalità li juri li l-istrumenti legali eżistenti mhumiex biżżejjed; jitlob b’mod partikolari biex jiġu analizzati:

ü l-użu tad-data tal-API fl-UE u minn pajjiżi terzi bħala mezz possibbli inqas intrużiv ta’ ġbir u użu ta’ data dwar il-passiġġieri,

ü id-data miġbura mill-Istati Uniti u l-Awstralja fis-sistemi rispettivi tagħhom tal-Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġar (ETA), u

ü id-data tal-PNR li tista’ tkun disponibbli minn sorsi mhux koperti minn ftehimiet internazzjonali, bħal sistemi ta’ riżervazzjoni bil-kompjuter li jinsabu barra l-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi t-trasportaturi bl-ajru;

6.  Jemmen li fi kwalunkwe ftehim ġdid għandhom ikunu provduti mekkaniżmi xierqa għar-reviżjoni u s-sorveljanza;

7.  Jitlob li jkun hemm approċċ koerenti dwar l-użu tad-data tal-PNR għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà, filwaqt li tiġi stabbilita sensiela waħda ta’ prinċipji li sservi bħala bażi għall-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex, sa mhux iktar tard minn nofs Lulju 2010, tippreżenta proposta għal mudell uniku bħal dan u abbozz ta’ mandat għan-negozjati mal-pajjiżi terzi;

8.  Iqis li l-mudell għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

     (a) li d-data tal-PNR tkun tista’ tintuża biss għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà f'każijiet ta' kriminalità organizzata u transnazzjonali jew terroriżmu ta' natura transkonfinali, fuq il-bażi tad-definizzjonijiet legali stipulati fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[13];  (b)  li l-użu tad-data tal-PNR għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà għandu jkun konformi mal-istandards Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikulari dwar il-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, ir-rimedju legali, il-limitazzjoni tal-ammont ta’ data li għandha tinġabar u t-tul tal-perjodi ta’ ħżin;

     (c) li d-data tal-PNR fl-ebda ċirkostanza ma tista' tintuża għall-estrazzjoni tad-data jew għat-tħejjija tal-profili tad-data; l-ebda deċiżjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni ma tista’ tittieħed unikament fuq ir-riżultati ta’ tfittxijiet awtomatizzati bħal dawn jew tfittxijiet fil-bażijiet tad-data; l-użu tad-data għandu jkun limitat għal krimini u theddid speċifiku, fuq bażi ta’ każ b’każ;

     (d) li fil-każ tat-trasferiment tad-data tal-PNR dwar ċittadini tal-UE għal pajjiżi terzi, it-termini ta’ tali trasferimenti għandhom jiġu stipulati fi trattat internazzjonali vinkolanti, li jipprovdi ċ-ċertezza legali u t-trattament ugwali taċ-ċittadini u l-kumpanniji tal-UE;

     (e) li t-trasferiment 'il quddiem tad-data mill-pajjiż li qed jirċievi għal pajjiżi terzi għandu jkun konformi mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, li għandhom jiġu stabbiliti minn mekkaniżmu li jiċċertifika l-livell xieraq; dan se japplika wkoll għal kwalunkwe trasferiment 'il quddiem possibbli tad-data mill-pajjiż li qed jirċievi għal pajjiżi terzi;

     (f)  li d-data tal-PNR tista’ tiġi provduta biss fuq il-bażi tal-metodu PUSH;

9.  Jissottolinja l-importanza taċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u l-linji tal-ajru tal-UE, kif ukoll il-bżonn ta’ standards armonizzati għal dawn tal-aħħar;

10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Presidenza biex jiżguraw li l-Parlament jingħata aċċess sħiħ għad-dokumenti u d-direttivi tan-negozjati fl-istadji kollha tal-proċedura u li l-parlamenti nazzjonali jingħataw aċċess fuq talba;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Gvern tal-Isati Uniti tal-Amerika u liż-żewġ Kmamar tal-Kungress, lill-Gvern tal-Awstralja u liż-żewġ Kmamar tal-Parlament, kif ukoll lill-Gvern tal-Kanada u liż-żewġ Kmamar tal-Parlament.