Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0029/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0029/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

13.1.2014 - (2013/2995(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manfred Weber, Véronique Mathieu Houillon, Wim van de Camp, Marco Scurria, Salvatore Iacolino f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0015/2014

Proċedura : 2013/2995(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0029/2014
Testi mressqa :
B7-0029/2014
Testi adottati :

B7‑0029/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

(2013/2995(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kull Stat Membru huwa mistenni jaġixxi b'mod responsabbli biex jinżammu l-kisbiet u l-valuri komuni tal-Unjoni, u billi dawn il-valuri u l-kisbiet huma ta' valur kbir u ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom;

B.  billi għadd ta' Stati Membri tal-UE introduċew skemi li, b'mod dirett jew indirett, jirriżultaw fil-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi;

C. billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji jew permanenti lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti f'dak l-Istat Membru;

D. billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-żona Schengen kollha kemm hi; u billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li fil-fatt jistgħu jwasslu għall-bejgħ taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;

E.  billi f'xi każijiet dawn il-programmi ta' investiment jista' jkollhom effetti sekondarji negattivi, bħal distorsjonijiet fis-swieq immobiljari lokali;

F.  billi l-Gvern Malti, b'mod partikolari, reċentement ħa passi sabiex jintroduċi skema għall-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza Maltija, li awtomatikament tinkludi l-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE kollha kemm hi mingħajr ebda rekwiżit ta' residenza;

G. billi tali bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE jdgħajjef il-fiduċja reċiproka li fuqha hija msejsa l-Unjoni;

H. billi ċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu fl-UE b'mod liberu, speċjalment fiż-żona Schengen, li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali, li jkunu megħjuna minn ambaxxata jew konsulat ta’ pajjiż ieħor tal-UE barra l-UE, bl-istess kundizzjonijiet ta’ ċittadin ta’ dak il-pajjiż, jekk pajjiżhom stess ma jkunx rappreżentat;

I.   billi l-UE hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, mibnija fuq snin ta' ħidma gradwali u rieda tajba min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll min-naħa tal-Unjoni kollha kemm hi;

J.   billi tqajjem ukoll tħassib dwar abbuż kriminali ta' dawn il-programmi ta' investiment, inklużi kwistjonijiet bħall-ħasil ta' flus;

K. billi tqajjem ukoll tħassib rigward diskriminazzjoni possibbli, peress li n-nazzjonali l-aktar sinjuri ta' pajjiżi terzi biss ikunu jistgħu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija;

L.  billi mhuwiex ċar jekk iċ-ċittadini Maltin humiex fil-fatt se jibbenefikaw minn din il-politika ġdida, pereżempju permezz tal-ġbir ta' taxxi, minħabba l-fatt li l-investituri barranin mhux se jkunu meħtieġa jħallsu taxxi; ifakkar li ċ-ċittadinanza ma tfissirx biss drittijiet, iżda tfisser ukoll responsabbiltajiet;

M. billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-akbar kisbiet tal-UE u billi, skont it-Trattati tal-UE, il-kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;

1.  Huwa mħasseb li dan il-mezz biex tinkiseb iċ-ċittadinanza f'Malta jdgħajjef il-kunċett innifsu ta' ċittadinanza Ewropea;

2.  Jappella lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jirrispettaw ir-responsabbiltajiet li għandhom fil-ħarsien tal-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tiddikjara b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx l-ittra u l-ispirtu tat-Trattati u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;

4.  Itenni li l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-prinċipju ta' "koperazzjoni leali" bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li, b'rispett reċiproku sħiħ, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joriġinaw mit-Trattati;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi ta' wħud mill-iskemi ta' investiment u ċittadinanza li reċentement ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza tal-Istati Membri;

jistieden lill-Istati Membri, madankollu, joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam u jqisu l-effetti sekondarji possibbli;

7.  Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika li wieħed ikollu sehem fl-Unjoni u tiddependi fuq ir-rabtiet tal-persuna mal-Ewropa u mal-Istati Membri tagħha jew fuq rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE; ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-UE qatt m'għandha ssir komodità negozjabbli;

8.  Jissottolinja l-fatt li d-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-UE huma bbażati fuq id-dinjità tal-bniedem u m'għandhom jinxtraw jew jinbiegħu għall-ebda prezz;

9.  Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi m'għandux ikun il-kriterju ewlieni fl-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-preokkupazzjonijiet ta' attivitajiet kriminali relatati mal-frodi bħall-ħasil tal-flus;

10. Jinnota li kompetizzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti jew riżorsi finanzjarji tista' twassal għal tnaqqis tal-istandards u r-rekwiżiti biex jinkisbu permessi ta' residenza taż-Żona Schengen u ċ-ċittadinanza tal-UE;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa d-diversi skemi ta' ċittadinanza fid-dawl tal-valuri Ewropej u l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-UE, u toħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex tevita li dawn l-iskemi jdgħajfu l-fiduċja li fuqha hija msejsa l-UE;

12. Jistieden lil Malta tallinja l-iskema ta' ċittadinanza attwali tagħha mal-ispirtu tal-valuri tal-UE;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.