Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0144/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0144/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

4.2.2014 - (2014/2531(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Isabelle Durant, Tarja Cronberg, Nikos Chrysogelos, Raül Romeva i Rueda, Margrete Auken, Jean Lambert, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Malika Benarab-Attou, Jean-Paul Besset, Hélène Flautre f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0141/2014

Proċedura : 2014/2531(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0144/2014
Testi mressqa :
B7-0144/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0144/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

(2014/2531(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sirja, inklużi dawk tal-20 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inklużi dawk tas-27 ta' Settembru 2013 dwar il-qerda tal-armi kimiċi tas-Sirja (S/RES/2118(2013)),

–  wara li kkunsidra l-communiqué finali tal-Grupp ta' Azzjoni għal Sirja (il-communiqué ta' Ginervra) tat-30 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inklużi dawk tal-24 ta' Settembru 2013 dwar id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni unanitarja fir-Repubblika Għarbija Sirjana (A/HRC/24/L.38),

–  wara li kkunsidra s-sitt Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tal-11 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja, li s-Sirja hi firmatarja tagħhom,

–  wara li kkundira l-Konvenzjonijiet ta' Ginevra tal-1949 u l-protokoll addizzjonali għalih, il-Protokoll ta' Ġinevra tal-1925 u l-Konvenzjoni tal-Armi Kimiċi tal-1993,

–  wara li kkunsidra l-Istatut taʼ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tliet snin wara li beda l-kunflitt fis-Sirja, is-sitwazzjoni drammatika umanitarja, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà kompliet tiddeterjora; billi truppi tal-Gvern tas-Sirja komplew jużaw forza brutali kontra popolazzjonijiet ċivili; billi, fuq skala iżgħar, qed jiġi rrappurtat ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi l-estremiżmu reliġjuż u l-vjolenza settarja qegħdin jiżdiedu, u gruppi Islamiċi radikali , inklużi ċittadini tal-UE, issa ġew rappurtati li laħqu ċifri sinifikanti; billi l-konfrontazzjoni militari tidher li staġnat fejn ebda naħa ġellieda tidher li wasslet biex tikkollassa jew iċċedi;

B.  billi madwar 130 000 ruħ, inklużi maġġoranza assoluta ta' persuni mhux kombattenti, inqatlu sa mill-bidu tal-kunflitt; billi skont ċifri mressqa min-NU, madwar 9 miljun ruħ ġew affettwati mill-vjolenza kontinwa u jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, fejn 6.5 miljun persuna ġew spostati internament u 2.3 miljun ruħ fittxew rifuġju barra mill-pajjjiż;

C.  billi l-awtoritajiet Sirjani jkomplu jimponi restrizzjonijiet severi fuq it-twassil ta' għajnuna umanitarja; billi r-reġim Sirjan għadu qed jostakola deliberament l-aċċess għall-ikel, l-ilma, id-dawl u provvisti mediċi għal komunitajiet sħaħ;

D.  billi għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, intellettwali, ġurnalisti u professjonisti mediċi huma soġġetti għal fastidju, arrest, tortura jew għajbien taħt l-idejn tar-reġim Sirjan, u dejjem b'mod aktar frekwenti, tal-gruppi ribelli; billi l-lawreata ta' Sakharov tal-2011, Razan Zeitouneh, inħatfet flimkien ma' żewġha u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħra f'Damasku f'Diċembru tal-2013 u sal-lum il-ġurnata ħadd ma jaf x'sar minnhom;

E.  billi l-vjolenza kontinwa kellha effett ta' destabilizzazzjoni drammatika fuq il-pajjiżi ġirien, b'mod notevoli minħabba l-flussi tal-masses ta' refuġjati; billi dawn il-pajjiżi qegħdin jaffaċċjaw sfidi domestiċi kbar waħedhom, fejn il-Lebanon u l-Ġordan huma vulnerabbli b'mod partikolari;

F.  billi, skont in-NU, il-560 000 rifuġjat Palestinjan fis-Sirja jiffurmaw grupp partikolarment vulnerabbli li ġie affettwat mill-kunflitt; billi 20 000 Palestinjan fil-kamp tar-refjuġati Yormouk taħt assedju, li jinsab 'il barra minn Damascus, qegħdin jaffaċċjaw tbatija bil-massa, fejn 57 persuna ġew rappurtati li mietu bil-ġuħ;

G.  billi l-finanzjament totali tal-UE għall-għajnuna umanitarja lejn is-Sirja u l-pajjiżi ġirien laħqet EUR 1.1 biljun; billi l-appelli tan-NU għall-kriżi fis-Sirja baqgħu ma ġewx sodisfatti; billi 0.6 % tar-refjuġati Sirjani intbagħtu biex jgħixu fl-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-konferenza Ġinevra II dwar is-Sirja tnediet fit-22 ta' Jannar 2014 fuq il-bażi tal-communiqué Ġinevra ta' Ġunju 2012 u wara sforzi intensivi mill-komunità internazzjonali; billi l-oppożizzjoni Sirjana hija rappreżentata mill-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Forzi Revoluzzjonarji u tal-Oppożizzjoni, filwaqt li diversi gruppi ribelli bħal ISILu Jabhat al-Nusra mhumiex rappreżentati; Billi l-Partit Unità Demokratika (PYD), li jikkontrolla l-hekk imsejħa Kurdistan tal-Punent ma ġiex rappreżentat; Billi l-istendina tal-Iran għall-konferenza ġiet irtirata;

I.  Billi l-ewwel rawnd tat-taħditiet Ġinevra II, medjati mir-Rappreżentant Konġunt bejn in-NU u l-Lega Għarbija, Lakhdar Brahimi, seħħ f'atmosfera mimlija tensjoni, u iffoka fuq il-kwistjoni ta' tranżizzjoni politika u r-rwol tal-President Bashar al-Assad f'dan il-proċess; billi ċertu livell ta' qbil ġie rrapportat dwar waqfien mill-ġlied lokali biex jippermetti aċċess għall-ħaddiema umanitarji, filwaqt li l-ebda progress tanġibbli ma sar fir-rigward tal-belt ta' Homs taħt assedju; billi rawnd ġdid ta' diskussjonijiet tħabbar għall-10 ta' Frar 2014;

J.  billi l-communiqué Ġinevra titlob għal gvern ta' tranżizzjoni li "jista' jinkludi membri tal-gvern [Sirjan] preżenti u tal-oppożizzjoni u gruppi oħra u għandu jiġi ffurmat abbażi ta' kunsens reċiproku";

K.  billi l-forzi tal-Gvern komplew iwettqu l-offensiva militari tagħhom mill-bidu tat-taħditiet ta' Ġinevra, inklużi attakki mill-ajru bil-massa u indiskriminati li qatlu għexieren ta' pajżana fil-belt ta' Aleppo;

L.  billi l-Gvern tas-Sirja qabel dwar it-tneħħija u l-qerda tal-armi kimiċi ta' pajjiżu taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) sat-30 ta' Ġunju 2014; billi s'issa, 4.1 % tal-ammont totali tal-armi ġew ittrasportati 'l barra mill-pajjiż biex jinqerdu; billi skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118, tas-27 ta' Settembru 2013, nuqqas ta' konformità jista' jqanqal miżuri taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU;

1.  Jibqa' profondament iddispjaċut għal-livell ta' tbatija umana u telf ta' ħajja fil-kunflitt tas-Sirja, jiddenunzja, għal darb'oħra, iż-żieda kriminali kontinwa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu stess, li wasslet għall-kriżi umanitarja l-aktar devastanti f'deċennji u destabilizzat serjament ir-reġjun kollu;

2.  Jikkundanna l-kontinwazzjoni tal-offensiva militari tal-Gvern Sirjan kontra ċ-ċittadini, u jħeġġeġ lill-UE u l-imsieħba ta' Ġinevra II, jinnegozjaw, fil-marġni tal-proċess ta' Ġinevra, waqfien immedjat mill-ġlied sabiex jagħtu ċ-ċans lin-negozjati;

3.  Jiddenunzja l-ksur sistematiku, mifrux u fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali mir-reġim Sirjan u l-milizzji affiljati tiegħu, inklużi eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja, għajbien sfurzat, it-tortura, il-vjolenza sesswali u t-tiġrif tad-djar fuq skala kbira;

4.  Jikkundanna l-ksur kollu tad-dritt umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi ribelli armati; jesprimi allarm dwar iż-żieda fl-estremiżmu reliġjuż, xprunat mill-kunflitt kontinwu u l-involviment estern; iwissi dwar ir-riskji gravi ta' effetti konsegwenzjali maħluqa minn dan il-fenomenu għar-reġjun u lil hinn minnu, inkluża l-UE;

5.  Jilqa' t-tnedija tal-konferenza Ġinevra II dwar is-Sirja fit-22 ta' Jannar, u jfaħħar l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Lakhdar Brahimi li permezz tiegħu mmaterjalizzat din l-ewwel interazzjoni diretta bejn il-partijiet ġellieda; jistieden lill-partijiet Sirjani, u b'mod partikolari lill-gvern, jieħdu r-responsabbiltajiet storiċi tagħhom biex iwaqqfu l-kunflitt u jagħmlu l-kompromessi iebsin li jinħtieġu għall-formazzjoni ta' gvern ta' tranżizzjoni mogħni b'setgħa sħiħa;

6.  Ma għandux illużjonijiet dwar il-kobor tal-isfidi attwali, iżda jemmen li ma hemm l-ebda alternattiva biex tinstab soluzzjoni politika u demokratika għal dan il-kunflitt, li għandha tipprevedi d-diversità kulturali, etnika u reliġjuża għas-Sirja; jesprimi t-tama li t-taħditiet ta' Ġinevra se jagħtu bidu għal proċess li eventwalment se jwassal għal tranżizzjoni lejn futur paċifiku, demokratiku u inklużiv għall-poplu Sirjan;

7.  Jappoġġa l-approċċ li jimmira lejn miżuri għat-tkattir tal-fiduċja, li jistgħu jtaffu sostanzjalment il-qagħda mwiegħra tal-popolazzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni dwar il-kwistjonijiet politiċi ewlenin; jistieden b'urġenza lill-partijiet li qed jinnegozjaw jilħqu ftehim dwar il-kwistjonijiet ta' waqfien mill-ġlied, l-aċċess umanitarju, it-twassil tal-għajnuna umanitarja u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tar-Russja u l-Iran biex jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan biex iċedi fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

8.  Jistieden lill-forzi tal-oppożizzjoni mhux radilaki Sirjani kollha, fil-pajjiż u 'l barra minnu, jgħelbu d-differenzi interni ta' bejniethom u jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv, fin-negozjati;

9.  Jistieden lill-atturi internazzjonali kollha jappoġġaw b'mod ġenwin il-proċess ta' Ġinevra f'dan il-mument kritiku; jiddeplora l-irtirar tal-istednina tal Iran mit-taħditiet ta' Ġinevra; iħeġġeġ lill-isponsors reġjonali, notevolment l-Għarabja Sawdita u l-Iran, jabbandunaw il-pożizzjonijiet ftit li xejn ta' għajnuna tagħhom u jieħdu sehem b'mod attiv fi proċess ta' de-eskalazzjoni; jinsisti li t-trasferimenti tal-armi kollha u kull appoġġ loġistiku u finanzjarju għar-reġim Sirjan u lill-gruppi ribelli responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju għandhom jieqfu immedjatament;

10.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-forzi demokratiċi fl-oppożizzjoni Sirjana u biex jiffaċilitaw id-djalogu u approċċ komuni b'appoġġ għat-taħdidiet ta' Ġinevra ma' atturi internazzjonali oħra, b'mod notevoli r-Russja, l-Iran u l-Lega Għarbija;

11.  Jitlob evalwazzjoni tal-pertinenza tar-reazzjonijiet tal-komunità internazzjonali, u b'mod notevoli tal-Unjoni Ewropea, għall-iżviluppi fis-Sirja minn mindu bdiet ir-rewwixta tal-poplu, sabiex jittieħdu t-tagħlimiet għall-futur;

12.  Huwa konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed responsabilità għal reati serji mwettqa matul il-kunflitt; jistieden lill-partijiet li qed jnnegozjaw jiżguraw li l-ġlieda kontra l-impunità hija parti integrali minn kwalunkwe ftehim finali; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza li jiġi previst mekkaniżmu komprensiv ta' ġustizzja tranżizzjonali u r-riforma tal-apparat tas-sigurtà, kif ukoll l-esklużjoni ta' kwalunkwe dispożizzjonijiet ta' amnestija;

13.  Itenni t-talba tiegħu għar-referenza tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni tal-UE b'appoġġ għal din l-inizjattiva u jistieden lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jieħdu azzjoni dimostrabbli f'din id-direzzjoni;

14.  Jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja; jistieden lill-atturi kollha involuti jimmonitorjaw b'attenzjoni kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiġbru kull tip ta' xhieda sabiex jippermettu responsabbiltà u ġustizzja sħiħa fis-Sirja wara Assad;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rilaxxati l-persuni politiċi arrestati kollha, kif ukoll attivisti tas-soċjetà ċivili, ħaddiema għall-għajnuna umanitarja u ġurnalisti li jinsabu taħt arrest, u biex jingħata aċċess lill-osservaturi indipendenti fil-postijiet kollha ta' detenzjoni; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin tar-Rebbieħa tal-Premju Sakharov 2011, Razan Zeithouneh, u jitlob għat-twaqqif ta' grupp ta' azzjoni interistituzzjonali tal-UE biex jikkoordina sforzi li jiżguraw il-ħelsien tagħha;

16.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-qagħda mwiegħra tal-popolazzjoni Palestinjana affettwata mill-kunflitt; jappella lid-donaturi ġenerożament biex jappoġġaw l-isforzi kontinwi u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti; jiddenunzja l-aktar kundizzjonijiet estremi fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta' Yarmouk, u jitlob azzjoni immedjata mill-awtoritajiet Sirjani biex jippermettu l-għoti ta' għajnuna umanitarju lill din il-popolazzjoni li qed tbati l-ġuħ;

17.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-qerda paċifika tal-armi kimiċi Sirjani taħt il-qafas OPCW; jitlob li attenzjoni partikolari għandha tingħata lis-sigurtà ambjentali tal-proċess għall-qerda u l-ġestjoni tal-iskart li jkun fadal; jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza, informazzjoni u involviment tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tar-reġjuni affettwati fil-każ ta' aċċident jew ta' ineffiċjenza tal-metodu; jinsisti li l-awtoritajiet Sirjani għandhom jikkonformaw mal-qafas ta' żmien miftiehem u jitlob lill-oppożizzjoni Sirjana tikkontribwixxi b'mod kostruttiv f'dan il-proċess; ifakkar fl-importanza li ssir il-Konferenza ta' Ħelsinki dwar l-istabbiliment ta' żona fil-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi għall-qerda tal-masses, li ġiet posposta ripetutament;

18.  Jibqa' mħasseb sew bl-implikazzjonijiet tal-preżenza fit-tul u li qed jikber tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fil-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu għajnuna umanitarja sostanzjali lill-popolazzjonijiet affettwati mill-kunflitt tas-Sirja, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien; jiddeplora l-għadd limitat ħafna ta' refuġjati li qegħdin jgħixu fl-UE u jistieden lill-Istati Membri juru livell ogħla ta' responsabbiltà, b'mod notevoli billi jsaħħu reazzjoni ta' protezzjoni tagħhom;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lil Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija lejn is-Sieja, u lill-Gvern u l-Parlament tas-Sirja.