Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0194/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0194/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-futur tal-politika dwar il-viżi tal-UE

24.2.2014 - (2014/2586(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0108/2014
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Juan Fernando López Aguilar, Louis Michel, Janusz Wojciechowski, Tatjana Ždanoka f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2014/2586(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0194/2014
Testi mressqa :
B7-0194/2014
Testi adottati :

B7‑0194/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-politika dwar il-viżi tal-UE

2014/2586(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 77 tiegħu,

–       wara li kkunsidra lkomunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'L-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE' (COM(2012)0649),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar kif ħadmet il-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (COM(2012)0648),

–       wara li kkunsidra s-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar iż-żamma ta' obbligi ta' viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità (COM(2012)0681),

–       wara li kkunsidra r-reviżjonijiet reċenti[1] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa[2],

–       wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mal-Ġeorġja[3], l-Ukraina[4], il-Moldova[5], il-Kap Verde[6], l-Armenja[7] u l-Azerbajġan[8],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjon ta’ [......],

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika tal-viża tal-UE (O‑000028/2014 – B7‑0108/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-politika komuni dwar il-viża tikkostitwixxi konsegwenza neċessarja għat-tneħħija ta' kontrolli mal-fruntiera interna fi ħdan iż-żona ta' Schengen;

B.     billi l-elementi prinċipali tal-politika komuni dwar il-viża huma: il-lista komuni ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għar-rekwiżit tal-viża u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minnha, kif anness mar-Regolament 539/01, ir-regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi li jinsabu fil-Kodiċi dwar il-Viżi, il-format uniformi għall-viżi, l-iskambju ta' informazzjoni permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, u serje ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiż terzi dwar l-eżenzjoni u l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi;

C.     billi t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-aspetti kollha tal-politika komuni dwar il-viża, u l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali dwar is-suġġett;

D.     billi huwa importanti li jingħata bidu għal riflessjoni u diskussjoni interistituzzjonali dwar il-futur tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża, b'mod partikolari rigward il-passi lejn iktar armonizzazzjoni ta' proċeduri tal-viża, inkluż regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;

Politika ġenerali dwar il-viża u reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi

 

1.      Jilqa' l-progress magħmul fil-qasam tal-acquis tal-viża, iżda jistieden ukoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-acquis attwali dwar il-viża; jitlob, speċjalment, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi f'terminu ta' żmien qasir;

2.      Jemmen li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu passi favur aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża, inkluż regoli verament komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;

3.      Iqis li huwa ċar li f'bosta pajjiżi terzi kopertura konsulari mhijiex soddisfaċenti;

4.      Iqis li ċentri ta' applikazzjoni tal-viża komuni taw prova ta' għodda utli li fil-futur tista' ssir proċedura standard;

5.      Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx studju dwar il-possibilità li jiġi stabbilit 'mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta' viżi għal terminu qasir', inkluża analiżi dwar 'sa liema grad il-valutazzjoni ta' riskju individwali tista' tissupplimenta l-preżunzjoni ta' riskju assoċjat maċ-ċittadinanza ta' applikant', kif ġiet mistiedna tagħmel fil-Programm ta' Stokkolma (punt 5.2);

6.      Iqis li vjaġġi li jsiru bona fide u frekwenti għandhom jiġu ulterjorment faċilitati, partikolarment permezz ta' użu aktar frekwenti ta' viżi għal dħul multiplu b'terminu ta' żmien itwal;

7.      Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex ikun permess il-ħruġ ta' viżi umanitarji, u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' kenn temporanju għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu fir-riskju f'pajjiżi terzi;

8.      Jistenna bil-ħerqa l-proposta mistennija għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda jiddeplora l-fatt li l-adozzjoni tiegħu ġie pospost ripetutament mill-Kummissjoni;

9.      Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-evalwazzjoni ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandha ma ġietx ippreżentata mill-Kummissjoni; jiddeplora l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta din l-evalwazzjoni flimkien mal-proposta għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi; iqis li tkun ħaġa iktar xierqa jekk il-Kummissjoni tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni l-ewwel u b'hekk tippermetti lill-istituzzjonijiet jagħmlu diskussjoni bbażata fuqu;

Faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi

10.    Jitlob li jiġu konklużi aktar ftehimiet għall-faċitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, fejn ikun xieraq, u il-monitoraġġ u t-titjib ta' dawk li diġà jeżistu;

11.    Jitlob evalwazzjoni sistematika tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi li diġà jeżistu, sabiex jiġi eżaminat jekk humiex qed jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom;

Ir-Regolament 539/01

12.    Jilqa' l-aġġornamenti reċenti tal-listi ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew mhumiex soġġetti għall-ħtieġa tal-viża, kif previst fir-Regolament 539/01, u b'mod partikolari l-eżenzjonijiet addizzjonali mill-ħtieġa tal-viża; ifakkar fl-importanza ta' vvjaġġar mingħajr viża għal pajjiżi terzi u partikolarment is-soċjetajiet ċivili tagħhom, iżda wkoll għall-interessi tal-UE stess;

13.    Jilqa' l-aġġornament tal-kriterji ta' eżenzjoni tal-viża biex jinkludu kunsiderazzjonijiet ta' drittijiet fundamentali iżda wkoll benefiċċji ekonomiċi, b'mod partikolari f'termini ta' turiżmu u kummerċ barrani, u l-inklużjoni tagħhom f'artikolu tar-regolament;

14.    Jenfasizza li liberalizzazzjoni ulterjuri teħtieġ aktar għarfien dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet attwali għall-viża, inkluż permezz tas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (EU-ESTA); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Parlament ikun infurmat b'mod aktar komplet rigward is-sitwazzjoni ta' terzi pajjiżi fid-diskussjoni, sabiex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku adegwat;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrefletti dwar kif, fil-ġejjieni, tibdil fl-annessi tar-regolament u ftehimiet bilaterali ta' eżenzjoni mill-viża, fejn jitqies meħtieġ, jisttgħu jitqiesu b'mod parallel, sabiex jiġi evitat ir-riskju li modifika fl-annessi tiġi segwita immedjatament bil- ftehim neċessarju ta' eżenzjoni mill-viża;

16.    Jinnota l-ftehim dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni; jistenna l-Istati Membri jagħmlu użu minn dan il-mekkaniżmu bona fide u biss meta l-kriterji relevanti jiġu soddisfatti;

17.    Iqis li reċiproċità sħiħa tal-viżi hija objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tgħin biex jittejbu l-kredibilità u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni fil-livell internazzjonali;

18.    Jitlob li jsir dibattitu dwar il-konnessjoni bejn liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża u s-sejħiet li qed isiru minn ċerti Stati Membri għal aktar miżuri ta' sigurtà u kontrolli aktar stretti mal-fruntieri għal vjaġġaturi eżentati mill-ħtieġa tal-viża;

Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

19.    Jistieden lill-eu-LISA tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni mistenni tal-VIS malajr kemm jista' jkun;

 

Involviment tal-Parlament Ewropew

20.    Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jtejbu l-fluss ta' informazzjoni lill-Parlament fir-rigward ta' negozjati dwar ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-viża, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

21.    Iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi grupp ta' kuntatt dwar il-politika tal-viża fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jipparteċipaw fil-laqgħat ta' dan il-grupp ta' kuntatt;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.