Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0217/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0217/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 (DAS-Ø15Ø7-1 × MON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/2604 (RSP)

20.3.2019 - (D060917/01 – 2019/2604(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Membru responsabbli: Bart StaesGuillaume Balas, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Valentinas Mazuronis, Sirpa Pietikäinen

Proċedura : 2019/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0217/2019
Testi mressqa :
B8-0217/2019
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8‑0217/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 (DAS-Ø15Ø7-1 × MON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/2604 (RSP)

(D060917/01 – 2019/2604(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × NK603 (DAS-Ø15Ø7-1 × MON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D060917/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-7 ta' Marzu 2019, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-20 ta' Ġunju 2018 u ppubblikata fil-25 ta' Lulju 2018[3],

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/703/KE[5] awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat (ĠM) 1507 × NK603; billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum ĠM 1507 × NK603 għall-istess użi bħal kull qamħirrum ieħor għajr għall-kultivazzjoni;

B.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2016, Pioneer Overseas Corporation, f'isem Pioneer Hi-Bred International, Inc., u Dow AgroSciences Europe, f'isem Dow AgroSciences LLC, flimkien ippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;

C.  billi, fil-25 ta' Lulju 2018, l-EFSA ħarġet opinjoni favorevoli f'konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

D.  billi l-opinjoni tal-EFSA ddikjarat li t-tiftix tal-applikanti fil-letteratura kien sab 120 pubblikazzjoni, li minnhom, wara li ġew applikati l-kriterji ta' eliġibbiltà u inklużjoni li kienu ġew stabbiliti mill-applikanti a priori, pubblikazzjoni waħda biss tqieset bħala rilevanti mill-applikanti, li kienet opinjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM);

E.  billi l-EFSA, minkejja l-fatt li qieset li jista' jitjieb it-tiftix tal-applikanti fil-letteratura fil-futur, ma wettqitx tiftix sistematiku fil-letteratura hija stess, iżda sempliċement ivvalutat it-tiftix fil-letteratura mwettaq mill-applikanti, u abbażi ta' dan ikkonkludiet li ma kienet ġiet identifikata l-ebda pubblikazzjoni ġdida li kieku tqajjem dubju dwar is-sikurezza;

F.  billi, bl-istess mod, għall-oġġetti l-oħra vvalutati, bħad-data bijoinformatika, il-monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq, kif ukoll il-valutazzjoni globali, l-EFSA sempliċement toqgħod fuq l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti, u bħala konsegwenza ta' dan tadotta l-valutazzjoni tal-applikanti;

G.  billi l-EFSA adottat l-opinjoni tagħha bis-suppożizzjoni li s-sekwenza tad-DNA taż-żewġ eventi fil-qamħirrum ĠM NK603 x MON 810 hija identika għas-sekwenza tal-eventi li ġew ivvalutati oriġinarjament; billi ma jidhirx li din l-ipoteżi kienet ibbażata fuq xi data jew evidenza pprovduta mill-applikanti, iżda minflok purament fuq dikjarazzjoni pprovduta minnhom;

H.  billi l-EFSA tirrikonoxxi li r-rapporti annwali ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq li ġew proposti mill-applikanti jikkonsistu prinċipalment minn sorveljanza ġenerali tal-materjal tal-pjanti ĠM importat; billi l-EFSA tqis li hija meħtieġa diskussjoni ulterjuri mal-applikanti u mal-maniġers tar-riskju dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rapporti ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq, eż. rigward id-data verament miġbura dwar l-esponiment u/jew l-effetti negattivi, kif implimentata fis-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti;

I.  billi l-qamħirrum ĠM 1507 × NK603 jesprimi l-ġene cry1F, li jikkonferixxi protezzjoni kontra ċerti pesti lepidopteri, il-ġene pat, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glufosinat-ammonju, u l-ġene cp4 epsps, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat;

J.  billi l-pjanti Bt ĠM jesprimu t-tossina insettiċida f'kull ċellola matul ħajjithom, anke fil-partijiet li jittieklu mill-bnedmin u mill-annimali; billi esperimenti ta' alimentazzjoni bl-annimali juru li pjanti Bt ĠM jistgħu jkollhom effetti tossiċi[6]; billi ntwera li t-tossina Bt fi pjanti ĠM hija differenti ħafna mit-tossina Bt li teżisti b'mod naturali[7]; billi hemm tħassib dwar l-evoluzzjoni possibbli ta' reżistenza għall-proteini Cry fil-pesti lepidopteri fil-mira, li tista' twassal għal tibdil fil-prattiki ta' kontroll tal-pesti fil-pajjiżi fejn tiġi kkultivata;

K.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8]; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat skadiet fil-31 ta' Lulju 2018[9];

L.  billi għad hemm xi dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin[10];

M.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari, f'dan il-każ tal-glifosat u tal-glufosinat, hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx ikunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli;

N.  billi għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM se jkun espost kemm għal dożi ogħla kif ukoll għal dożi ripetuti ta' glifosat u glufosinat, li mhux biss iwasslu għal piż ogħla ta' residwi fil-ħsad, iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanta tal-qamħirrum ĠM u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha;

O.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u tal-metaboliti tagħhom hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi; billi r-residwi mill-bexx bl-erbiċidi jitqiesu bħala barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM; billi l-impatti tal-bexx tal-qamħirrum ĠM bl-erbiċidi ma ġewx ivvalutati, u lanqas ma ġie vvalutat l-effett kumulattiv tal-bexx bil-glifosat u bil-glufosinat;

P.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li timponi fuq il-partijiet kontraenti tagħha r-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' Stati oħra[11]; billi d-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat il-qamħirrum ĠM hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

Q.  billi l-kummenti ppreżentati mill-Istati Membri matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur jirreferu, fost l-oħrajn: għan-nuqqas ta' konformità mal-linji gwida tal-EFSA fir-rigward tar-rapporti ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq, bosta nuqqasijiet f'dawk ir-rapporti, inkluż il-fatt li kienet ġiet injorata l-okkorrenza tat-teosinte bħala qarib selvaġġ tal-qamħirrum fl-Ewropa, li hija nieqsa l-informazzjoni dwar id-destin tat-tossini Bt fl-ambjent; għal tħassib rigward l-affidabbiltà tad-data biex tiġi kkonfermata l-konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju; għal pjan ta' monitoraġġ propost li huwa insuffiċjenti; għal tiftix inadegwat fil-letteratura li jwassal għall-ommissjoni ta' xi studji importanti, u dikjarazzjoni mhux xierqa tal-letteratura identifikata bħala irrilevanti; u għan-nuqqas ta' provvista ta' kwalunkwe data li turi l-identità sekwenzjali ta' varjetà ta' qamħirrum attwali li fih l-event ta' trasformazzjoni 1507 x NK603 mal-event ivvalutat oriġinarjament[12];

R.  billi l-votazzjoni fis-7 ta' Marzu 2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata favur l-awtorizzazzjoni;

S.  billi f'diversi okkażjonijiet[13], il-Kummissjoni kkundannat il-fatt li mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, hija adottat deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura fl-intier tagħha, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM; billi din il-prattika ġiet ikkundannata wkoll mill-President Juncker bħala li mhijiex demokratika[14];

T.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari[15] l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u appella biex il-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

U.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, taġixxi b'tali mod li tevita li tmur kontra xi pożizzjoni predominanti li tista' tfeġġ fi ħdan il-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

V.  billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u li l-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata matul l-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[16], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Itenni l-impenn tiegħu li javvanza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fir-rigward ta' dik il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposti għall-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM jekk ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-użu fl-ikel u l-għalf;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, u b'mod partikolari biex ma tawtorizzax l-importazzjoni ta' kwalunkwe pjanta ĠM għal użu fl-ikel jew fl-għalf li tkun saret tolleranti għal erbiċida li ma jkunx awtorizzat biex jintuża fl-Unjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ĠM tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza