Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0219/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0219/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Grupa Azoty Zakłady Azotowe Kędzierzyn S.A.)

20.3.2019 - (D060866/01 – 2019/2606(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Membri responsabbli: Pavel Poc, Bas Eickhout, Kateřina Konečná

Proċedura : 2019/2606(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0219/2019
Testi mressqa :
B8-0219/2019
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8‑0219/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Grupa Azoty Zakłady Azotowe Kędzierzyn S.A.)

(D060866/01 – 2019/2606(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal ċerti użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Grupa Azoty Zakłady Azotowe Kędzierzyn S.A.) (D060866/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE[1] tal-Kummissjoni ("ir-Regolament REACH"), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC)[2], skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/2005 tas-17 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP), tal-ftalat tad-dibutil (DBP), tal-benżil-butil-ftalat (BBP) u tal-ftalat tad-diisobutil (DIBP)[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni XXX li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-837/16[6],

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-DEHP ġie miżjud fil-lista ta' sustanzi kandidati ta' tħassib serju ħafna skont ir-Regolament REACH fl-2008[7] minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala tossiku għar-riproduzzjoni;

B.  billi d-DEHP ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament REACH fl-2011[8] minħabba dik il-klassifikazzjoni, l-użu mifrux tiegħu u l-volum kbir ta' produzzjoni fl-Unjoni[9], b'data tat-terminazzjoni tal-21 ta' Frar 2015;

C.  billi l-kumpaniji li riedu jkomplu jużaw id-DEHP kellhom jippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni sa Awwissu 2013; billi l-kumpanija Grupa Azoty, peress li ppreżentat l-applikazzjoni tagħha qabel dik l-iskadenza, tħalliet tkompli tuża d-DEHP sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 58 tar-Regolament REACH;

D.  billi l-Kummissjoni rċeviet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC f'Jannar 2015; billi d-dewmien tal-Kummissjoni fl-abbozzar tad-deċiżjoni de facto wassal biex l-użu kontinwu tad-DEHP ġie ttollerat għal aktar minn erba' snin wara d-data tat-terminazzjoni;

E.  billi fl-2014 id-DEHP ġie identifikat bħala sustanza bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tal-annimali u l-bnedmin; billi l-lista ta' kandidati ġiet aġġornata skont dan fl-2014[10] fir-rigward tal-ambjent u fl-2017[11] fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem;

F.  billi r-Regolament (UE) 2018/2005 rrestrinġa l-użu tad-DEHP u ta' ftalati oħra f'ħafna oġġetti abbażi ta' riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem; billi l-RAC enfasizza, fil-kuntest ta' dik ir-restrizzjoni, il-fatt li "l-valutazzjoni tal-inċertezzi tissuġġerixxi li l-perikli u b'hekk ir-riskji mill-erba' ftalati jistgħu jkunu sottovalutati"[12];

G.  billi r-Regolament (UE) 2018/2005 rrestrinġa l-użu tad-DEHP u ta' ftalati oħra f'ħafna oġġetti, filwaqt li eżenta ċerti applikazzjonijiet; billi, minbarra l-esportazzjoni ta' formulazzjonijiet li fihom id-DEHP, l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huwa għalhekk ta' rilevanza partikolari għal dawk l-applikazzjonijiet eżentati;

H.  billi, madankollu, tali applikazzjonijiet jistgħu jirrappreżentaw riskju inaċċettabbli għall-ambjent, b'mod partikolari minħabba l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tad-DEHP;

I.  billi l-objettiv primarju tar-Regolament REACH huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[13];

J.  billi skont l-Artikolu 55 u l-premessa 12 tar-Regolament REACH, is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti hija għan ċentrali tal-awtorizzazzjoni;

K.  billi l-punt (d) tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH jirrikjedi li l-applikant jipprovdi rapport dwar is-sikurezza kimika skont l-Anness I;

L.  billi, f'dan il-każ, l-opinjoni tal-RAC identifikat nuqqasijiet kbar fl-informazzjoni pprovduta mill-applikant[14];

M.  billi l-RAC u l-Kummissjoni kkonkludew li l-applikant naqas milli juri li r-riskju kien ikkontrollat adegwatament skont l-Artikolu 60(2); billi l-RAC ikkonkluda wkoll li, kuntrarju għall-Artikolu 60(10), ir-riskju ma tnaqqasx għal livell baxx kemm daqs kemm hu teknikament u prattikament possibbli;

N.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrikonoxxi l-"informazzjoni limitata mressqa dwar l-esponiment fuq il-post tax-xogħol"[15], iżda minflok ma jirrifjuta l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(7), jirrikjedi li l-applikant jipprovdi d-data nieqsa fir-rapport ta' rieżami tiegħu 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni[16];

O.  billi r-rapport ta' rieżami, previst fl-Artikolu 61, mhuwiex maħsub biex jagħti aktar żmien lill-kumpaniji biex jikkompletaw l-informazzjoni li kellha tiġi pprovduta inizjalment, iżda huwa maħsub biex jiżgura li l-informazzjoni pprovduta inizjalment fl-applikazzjoni tkun għadha aġġornata wara perjodu stabbilit, inkluż, b'mod partikolari, fir-rigward ta' jekk sarux disponibbli alternattivi ġodda;

P.  billi l-Qorti Ġenerali ddikjarat b'mod ċar li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(8) u (9) ma jistgħux jintużaw legalment biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet jew il-lakuni potenzjali fl-informazzjoni pprovduta mill-applikant għall-awtorizzazzjoni[17];

Q.  billi l-Artikolu 60(4) jipprevedi obbligu li jintwera li l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-użu tas-sustanza huma ferm akbar mir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u li l-ebda sustanza alternattiva xierqa mhija disponibbli;

R.  billi l-opinjoni tal-SEAC enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti fl-analiżi soċjoekonomika ppreżentata mill-applikant, riflessi wkoll fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni[18];

S.  billi, fid-dawl tal-Artikolu 55 u l-Artikolu 60(4), applikant jeħtieġ li jagħti prova li m'hemmx alternattivi xierqa għall-użi li applika għalihom;

T.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrikonoxxi li l-użu 2 ma kienx speċifiku biżżejjed[19]; billi l-SEAC sab nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni fir-rigward tad-disponibbiltà ta' alternattivi[20][21];

U.  billi mhijiex ġustifikazzjoni leġittima għall-applikant li jiddependi fuq l-istatus tiegħu bħala manifattur tas-sustanza biex ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar l-adegwatezza ta' alternattivi għall-użi koperti fl-applikazzjoni;

V.  billi, minħabba n-nuqqasijiet fid-data pprovduta, membru tal-SEAC ma qabilx uffiċjalment mal-konklużjoni tal-SEAC dwar in-nuqqas ta' alternattivi xierqa[22];

W.  billi l-Artikolu 60(5) ma jistax jiġi interpretat li jfisser li l-adegwatezza tal-alternattivi mill-perspettiva tal-applikant hija l-fattur uniku u determinanti; billi l-Artikolu 60(5) ma jistabbilix lista eżawrjenti tal-informazzjoni li għandha titqies fl-analiżi tal-alternattivi; billi l-punt (c) tal-Artikolu 60(4) jirrikjedi wkoll ukoll li titqies l-informazzjoni minn kontribuzzjonijiet ta' partijiet terzi; billi l-informazzjoni pprovduta fil-konsultazzjoni pubblika diġà wriet, dak iż-żmien, id-disponibbiltà ta' alternattivi għall-użi koperti[23];

X.  billi l-Qorti Ġenerali fakkret lill-Kummissjoni li, sabiex tagħti legalment awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4), hija għandha tivverifika ammont suffiċjenti ta' informazzjoni sostanzjali u verifikabbli sabiex tikkonkludi jew li mhija disponibbli l-ebda alternattiva xierqa għal kwalunkwe wieħed mill-użi koperti fl-applikazzjoni jew li l-inċertezzi li għad baqa' dwar in-nuqqas ta' alternattivi disponibbli, fid-data tal-adozzjoni tal-awtorizzazzjoni, huma negliġibbli[24];

Y.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jagħti l-kunsiderazzjoni tal-"informazzjoni l-ġdida disponibbli mill-proċess ta' restrizzjoni"[25] bħala raġuni għad-dewmien fl-adozzjoni tagħha; billi, għalhekk, huwa sorprendenti li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni naqas milli jikkunsidra d-disponibbiltà ta' alternattivi li hija dokumentata b'mod ċar fid-dossier tar-restrizzjoni[26]; billi l-alternattivi msemmija fil-proposta dwar ir-restrizzjoni huma rilevanti wkoll għal użi koperti fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni[27];

Z.  billi l-applikant innifsu ħabbar li issa m'għadux juża l-ortoftalati, inkluż id-DEHP[28];

AA.  billi, finalment, il-Kummissjoni ma qisitx il-fatt li d-DEHP ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala interferent endokrinali li jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; billi din l-informazzjoni kellha titqies mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-valutazzjoni soċjoekonomika skont l-Artikolu 60(4), peress li inkella l-benefiċċji ta' rifjut tal-awtorizzazzjoni jkunu sottovalutati;

AB.  billi, għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni proposta mill-Kummissjoni tikser l-Artikoli 60(4) u 60(7) tar-Regolament REACH;

AC.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jippremja lil min jibqa' lura, u jaffettwa b'mod negattiv lill-kumpaniji li investew f'alternattivi[29];

AD.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jiddikjara li "l-Kummissjoni ħadet nota" tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015; billi ħafna min-nuqqasijiet strutturali fl-implimentazzjoni tal-kapitolu tal-awtorizzazzjoni tar-Regolament REACH li l-Parlament enfasizza f'dik ir-riżoluzzjoni jivvizzjaw ukoll l-abbozz preżenti ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni[30];

AE.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart[31], tenna li "t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tirrikjedi l-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart u, fejn possibbli, l-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi ta' tħassib, b'mod partikolari fejn diġà jeżistu jew se jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid li jirrifjuta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni ttemm malajr l-użu tad-DEHP fl-applikazzjonijiet li fadal kollha, speċjalment minħabba l-fatt li huma disponibbli alternattivi aktar sikuri għall-PVC artab u għad-DEHP;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza