Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0581/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0581/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

17.11.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija

Proċedura : 2008/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0581/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0581/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar, 2006-2009[1],

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bremen tat-13 ta' Marzu 2007 dwar 'Ir-Responsabilità u s-Sħubija – Flimkien kontra l-HIV/AIDS',

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-HIV/AIDS: żmien ta' azzjoni[2],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar l-AIDS[3],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2005 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar 'Il-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar, 2006-2009'[4],

–   wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni ta' Dublin' dwar sħubija għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali, adottata fil-Konferenza Ministerjali 'Negħlbu l-Ostakoli – Sħubija għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali' li saret fil-qafas tal-Presidenza Irlandiża tal-UE fit-23 u l-24 ta' Frar 2004,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-UNAIDS/WHO Ewropa intitolat 'Progress dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Dublin dwar is-Sħubija għall-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali' tal-2008,

–   wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni ta' Vilnjus' dwar il-miżuri biex tissaħħaħ ir-reazzjoni għall-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, adottata mill-Ministri u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi ġirien fil-konferenza 'L-Ewropa u l-HIV/AIDS – Sfidi Ġodda, Opportunitajiet Ġodda', li saret f'Vilnjus, il-Litwanja, fis-16 u s-17 ta' Settembru 2004,

–   wara li kkunsidra l-programm HIV/AIDS 2006 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa 'Lejn aċċess universali sal-2010',

–   wara li kkunsidra l-Ewrobarometru dwar il-Prevenzjoni tal-AIDS ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Rapport tal-aħħar tas-sena tal-EuroHIV għall-2006 juri li kien hemm 269,152 każ ġdid ta' persuni infettati bil-marda tal-HIV fil-perjodu bejn l-1999 u l-2006 fl-Unjoni Ewropea u 806,258 każ ġdid ta' persuni infettati bil-marda tal-HIV fir-Reġjun Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,

B.  billi, skont ir-Rapport tal-aħħar tas-sena tal-EuroHIV għall-2006, fl-Unjoni Ewropea 11% tal-infezzjonijiet il-ġodda bl-HIV jaffettwaw liż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena,

C.  billi r-Rapporti tal-EuroHIV u tal-UNAIDS jikkonfermaw li n-numru ta' każijiet ġodda ta' infezzjonijiet bl-HIV għadu qiegħed jikber b'rata allarmanti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, u li huwa stmat li f'xi pajjiżi n-numru ta' persuni infettati bl-HIV huwa kważi tliet darbiet akbar min-numru uffiċjali,

D.  billi, skont ir-Rapport tal-aħħar tas-sena tal-EuroHIV għall-2006, minkejja ż-żieda fil-għadd ta' infezzjonijiet bl-HIV, it-tnaqqis sostnut fil-għadd ta' każijiet ta' AIDS dijanjostikati f'dawn l-aħħar snin issokta fl-2006, b'40% anqas ta' każijiet dijanjostikati fl-2006 meta mqabbel mal-1999 fl-UE,

E.  billi proporzjon kbir ta' infezzjonijiet tal-HIV għadu mhux dijanjostikat, billi ħafna nies ma jkunux jafu jekk humiex infettati jew le u x'aktarx jiskopru dan biss ladarba jimirdu b'mard marbut mal-HIV/AIDS,

F.  billi l-infettività tal-HIV tiżdied b'mod sinifikanti meta jkun hemm mard ieħor trażmess sesswalment (bħall-gonorrea, il-klamidja, il-herpes u s-sifilide),

G.  billi l-epidemija fost dawk li jieħdu d-droga bis-siringa hija waħda mir-raġunijiet għat-tixrid mgħaġġel tal-infezzjoni HIV f'ħafna pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant,

H.  billi l-HIV/AIDS hija marda li tittieħed, u għalhekk hemm riskju li din tittieħed mingħand persuni infettati li ma jkunux instabu li huma tali,

I.  billi s-sejbiet tal-UNAIDS u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Ewropa li jkejlu l-'Progress fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Dublin dwar is-Sħubija fil-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali' juru li ftit mit-53 pajjiż tar-reġjun Ewropew adottaw approċċ għall-istigma, id-diskriminazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem li jikkonformaw mal-impenji assunti minnhom skont id-Dikjarazzjoni ta' Dublin,

J.  billi l-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali għal kull aspett tar-reazzjoni għall-HIV,

K.  billi hemm ħtieġa kritika għal kooperazzjoni transkonfinali biex tkun indirizzata l-epidemija,

L.  billi jinħtieġ li jiġu introdotti miżuri pubbliċi effettivi biex jiffaċilitaw id-dijanjożi bikrija tal-HIV,

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jifformulaw strateġija dwar l-HIV biex:

  • jippromwovu d-dijanjożi bikrija u t-tnaqqis fix-xkiel għall-ittestjar;
  • jiżguraw kura bikrija u komunikazzjoni tal-benefiċċji tal-kura bikrija;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm monitoraġġ u sorveljanza akkurati miċ-Ċentru Ewropew tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, inklużi stimi aktar preċiżi (daqs, karatteristiċi, eċċ.) tal-popolazzjoni li mhix dijanjostikata, filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità u l-ħarsien tad-data personali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timpenja riżorsi politiċi, finanzjarji u umani sostanzjali biex tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm aċċess għall-ittestjar, li għandu jibqa' mingħajr flus u anonimu;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi strateġija għat-tnaqqis tal-HIV/AIDS li tkun iffukata fuq gruppi vulnerabbli u gruppi magħrufa li huma ta' riskju għoli;

6.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ittestjar u linji gwida ta' trattament imsejsin fuq l-evidenza, f'kull Stat Membru;

7.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinkariga lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-monitoraġġ futur tal-progress fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien għandu jkun fih indikaturi li jindirizzaw direttament u jkejlu l-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tal-bniedem fl-HIV/AIDS;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jgħaddu b'liġi dispożizzjonijiet li jiddikjaraw illegali b'mod effettiv id-diskriminazzjoni kontra persuni li għandhom l-HIV/AIDS, inklużi restrizzjonijiet li jolqtu l-libertà ta' moviment tagħhom, fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kampanji edukattivi u ta' informazzjoni dwar il-prevenzjoni, l-ittestjar u t-trattament tal-HIV/AIDS;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-UNAIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.