Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0392/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0392/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen

5.7.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0392/2011)
PPE (B7‑0393/2011)
S&D (B7‑0400/2011)
ALDE (B7‑0456/2011)

Manfred Weber, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Roberta Angelilli, Marian‑Jean Marinescu f’isem il-Grupp PPE
Martin Schulz, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Monika Flašíková Beňová, Sylvie Guillaume, Ioan Enciu f’isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Renate Weber, Sarah Ludford, Louis Michel, Leonidas Donskis, Jan Mulder, Cecilia Wikström, Sonia Alfano, Alexander Graf Lambsdorff, Giommaria Uggias, Nadja Hirsch, Sophia in ’t Veld, Nathalie Griesbeck, Gianni Vattimo, Ramon Tremosa i Balcells, Stanimir Ilchev, Antonyia Parvanova, Ivo Vajgl, Alexander Alvaro f’isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Ulrike Lunacek, Tatjana Ždanoka f’isem il-Grupp Verts/ALDE

Proċedura : 2011/2753(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0392/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikoli 18, 20, 21, 67, 77 u 80 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tad-19 ta’ Ġunju 1990,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[2],

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen (COM(2010)0624),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b’mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri (2008/2184(INI))[3],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2011dwar il-migrazzjoni (COM(2011)0248),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea tal-24 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-ħolqien taż-żona ta' Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE huma wħud mill-ikbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, immarkat mit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u minn libertà tal-moviment bla preċedent għal popolazzjoni ta’ iktar minn 400 miljun persuna f’żona ta’ 4 312 099 km2,

B.  billi l-libertà tal-moviment saret waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza tal-UE u waħda mill-pedamenti tal-UE bħala żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tinkludi d-dritt ta’ moviment u għejxien liberu għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha filwaqt li jgawdu l-istess drittijiet, protezzjonijiet u garanziji, li jinkludu l-projbizzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza,

C. billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-libertà tal-moviment fl-UE tista’, skont kundizzjonijiet speċifiċi, tiġi estiża anke għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fl-UE,

L-avvenimenti riċenti

D. billi, speċjalment fl-aħħar sena, kien hemm spostament kbir ta’ nies minn bosta pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq; billi dan l-aħħar is-sistema ta’ Schegen kienet taħt pressjoni tant li xi Stati Membri bdew iqisu r-riintroduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri nazzjonali minħabba li qed jiffaċċaw flussi migratorji f’daqqa ta’ immigranti,

E.  billi fl-4 ta’ Mejju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat diversi inizjattivi għal approċċ aktar strutturat dwar il-migrazzjoni, li jqis b’mod partikolari l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Mediterran u li jinkludi proposta dwar Schengen; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ġunju 2011 jitolbu l-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar ‘mekkaniżmu ta’ protezzjoni’ sabiex jirrispondi għal ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ li jistgħu jqiegħdu l-kooperazzjoni ta' Schengen f’riskju,

Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-politika ta' migrazzjoni

F.  billi r-regoli ta’ Schengen li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ġew definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li l-Artikoli 23 u 26 tiegħu jistabbilixxu miżuri u proċeduri għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-frunteri interni li, madankollu, peress li hu ta' natura unilaterali, ma jagħmilhiex possibbli li l-interess kollettiv tal-UE jirbaħ,

G. billi l-ħolqien taż-żona Schengen iddefinixxiet fruntiera esterna komuni, li l-UE għandha responsabilità konġunta li tiġġestixxi, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE; billi l-UE għadha ma kkonformatx bis-sħiħ ma' dan ir-rekwiżit, għalkemm li ppruvat tistabbilixxi kontrolli u kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet tad-dwana, tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, politika komuni tal-immigrazzjoni, l-asil u l-viża u l-ħolqien tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS),

Mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni

H. billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni titlob li l-Istati Membri jkollhom fiduċja sħiħa fil-kapaċità tagħhom li jimplimentaw b’mod sħiħ il-miżuri li permezz tagħhom dawk il-kontrolli setgħu jitneħħew, billi s-sigurtà taż-żona ta' Schengen tiddependi fuq il-mod dixxiplinat u effikaċi li bih Stat Membru jesegwixxi l-kontrolli fil-fruntieri esterni tiegħu, kif ukoll fuq il-kwalità u l-ħeffa li bihom isir l-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-SIS; billi t-tħaddim inadegwat ta' xi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jipperikolaw is-sigurtà tal-UE b’mod globali,

I.   billi hu essenzjali li jiġi evalwat li l-Istati Membri jkunu konformi mal-acquis ta’ Schegen sabiex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel taż-żona Schegen; billi l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), korp purament intergovernattiv, ma weriex li hu biżżejjed effikaċi,

J.   billi l-istandards doppji li bħalissa hemm fil-Ftehim ta’ Schengen, fejn jintalbu rekwiżiti għolja mill-pajjiżi kandidati kollha mentri l-pajjiżi Membri taż-żona ta' Schengen jiġu trattati b'mod iktar ħafif, għandhom jitneħħew,

K. billi mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni hu stipulat fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, li bħalissa qed tiġi eżaminata mill-PE skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi dan il-mekkaniżmu diġà jispeċifika l-proċeduri, prinċipji u għodod li jappoġġaw u jassistu l-konformità tal-Istati Membri mal-acquis ta' Schengen, ukoll fil-preżenza ta' avvenimenti mhux previsti,

Kodeċiżjoni

L.  billi l-Artikolu 77 tat-TFUE jiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri li jikkonċernaw, inter alia, il-kontrolli li jiġu suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni fin-nuqqas ta' kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni,

L-importanza ta' Schengen

1.  Jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fiż-żona Schengen diġà kien wieħed mill-ikbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea, li l-Ftehim ta' Schengen għandu impatt pożittiv fuq il-ħajja ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini, kemm billi jagħmel il-qsim tal-fruntieri konvenjenti, kif ukoll billi jtejjeb l-ekonomija, u li l-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali u pilastru taċ-ċittadinanza tal-UE, li l-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tiegħu huma stipulati fit-Trattati u fid-Direttiva 38/2004;

Il-governanza ta' Schengen u l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni

2.  Jirrakkomanda b'qawwa t-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen sabiex tgħin tiżgura li kull Stat Membru jkun jista’ jikkontrolla b’mod effikaċi s-sezzjoni tiegħu tal-fruntieri esterni tal-UE, tinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka u tibni fiduċja fl-effettività tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni; jenfasizza fermament il-bżonn li jkun hemm solidarjetà akbar ma' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċaw l-influss qawwi ta’ migranti biex dawn jiġu megħjuna jaffrontaw sitwazzjonijiet straordinarji ta' din in-natura;

3.  Jemmen li l-mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni ta' Schengen, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament, se jkun parti mit-tweġiba, peress li dan jiżgura mmoniterjar effettiv ta' kwalunkwe tentattiv li jiddaħħlu kontrolli illegali tal-fruntieri interni u jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jemmen ukoll li s-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni ta' Schengen tagħmilha possibbli li jintalaq u jinkiseb l-appoġġ għal Stat Membru bil-għan li tkun żgurata l-osservanza tal-acquis ta' Schengen fil-każ ta' pressjoni eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE;

4.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tar-regoli ta' Schengen mill-Istati Membri anke wara l-adeżjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan ifisser ukoll li dawk l-Istati Membri li jiffaċċaw problemi jiġu megħjuna fi stadju bikri sabiex ikunu jistgħu jirremedjaw id-defiċenzi tagħhom b'appoġġ prattiku mill-aġenziji tal-UE; hu tal-fehma li l-mekkaniżmu eżistenti ta' evalwazzjoni għandu jissaħħaħ u jsir sistema tal-UE;

5.  Jemmen li l-effettività tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni tistrieħ fuq il-possibilità ta' sanzjonijiet fil-każ li d-defiċenzi jippersistu u jkunu qed jipperikolaw is-sigurtà globali taż-żona Schengen; ifakkar li l-iskop primarju ta' tali sanzjzonijiet huwa li jiskoraġġixxi;

Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

6.  Jemmen li l-kundizzjonijiet neċessarji għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali diġà ġew stabbiliti b'mod ċar fir-Regolament Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li l-Artikoli 23, 24 u 25 tiegħu jipprovdu għall-possibilità li jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ biss ta' theddid serju għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva mmirata lejn id-definizzjoni tal-applikazzjoni stretta ta' dawk l-Artikoli mill-Istati Membri;

7.  Hu tal-fehma, għalhekk, li kwalunkwe eżenzjoni addizzjonali ġdida mir-regoli kurrenti, bħal raġunijiet ġodda biex jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri fuq bażi eċċezzjonai, definittivament mhux se ssaħħaħ is-sistema ta' Schengen; jiġbed l-attenzjoni li l-influss ta’ migranti u applikanti għall-asil fil-fruntieri esterni per se bl-ebda mod ma jista' jitqies bħala bażi addizzjonali għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri;

8.  Jiddispjaċih bil-qawwa bit-tentattiv ta’ bosta Stati Membri biex jirriintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri, ħaġa li b’mod ċar tipperikola l-ispirtu proprju tal-acquis ta' Schengen;

9.  Hu tal-fehma li l-problemi riċenti bil-Ftehim ta' Schengen ingħataw rotta ġdida bin-nuqqas ta' determinazzjoni biex jiġu implimentati l-politiki Ewropej f'oqsma oħra, b'mod l-iktar kruċjali sistema komuni Ewropea ta' asil u migrazzjoni (li tinkludi li jissolvew il-problemi tal-immigrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata);

10. Itenni li hi ta' importanza mill-akbar li jsir progress f'dan ir-rigward, peress li l-iskadenza għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea komuni tal-asil ġiet stabbilita għall-2012;

11. Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' Schengen li jkollu objettivi oħra barra dawk li jtejjeb il-libertà tal-moviment u li jsaħħaħ il-governanza tal-UE taż-żona Schengen;

Kodeċiżjoni

12. Jenfasizza li kwalunkwe tentattiv biex il-bażi legali korretta tkun differenti mill-Artikolu 77 tat-TFUE għall-miżuri kollha f’dan il-qasam se jitqies bħala devjazzjoni mit-Trattati tal-UE u jirriżerva d-dritt li juża r-rimedji legali kollha disponibbli jekk ikun hemm bżonn;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.