Mistoqsijiet parlamentari
7 ta' Diċembru 2009
H-0482/09
MISTOQSIJA ORALI għal waqt il-Ħin għall-Mistoqsijiet fis-seduta parzjali fi Jannar 2010 skond ir-Regola 116 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Nikolaos Chountis lill-Kummissjoni

 Suġġett: Logħob tal-futbol b'riżultat miftiehem: eżempju ħażin għaż-żgħażagħ
 Tweġiba 

Rapport maħruġ mill-'Unjoni Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol' (UEFA) kixef skandlu ta' ftehim minn qabel dwar riżultati ta' logħob tal-futbol li ntlagħbu fl-istaġun li għadda. Huwa ċar li inċidenti bħal dawn jagħtu eżempju ħażin liż-żgħażagħ u jċajpru l-ispirtu tal-isport, li qiegħed jiġi mżeblaħ mill-ammonti enormi ta' flus li jibdlu l-idejn fl-imħatri u l-logħob tal-ażżard.

L-Artikolu 165 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jgħid li: "L-azzjoni tal-Unjoni għandha timmira..." [lejn] "l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ekwità u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment tal-isportivi żgħażagħ," Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni hija msejħa twieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin:

Il-Kummissjoni stħarrġitha dil-kwistjoni, u, jekk iva, x'biħsiebha tagħmel dwarha? Liema miżuri qiegħda tistenna li tieħu l-UEFA fir-rigward tal-federazzjonijiet, it-timijiet, il-maniġers u l-plejers involuti f'dan l-iskandlu? Fid-dawl tas-somom ta' flus enormi li jintlagħbu kull sena f'logħob tal-ażżard legali u illegali, li huma inċentiv permanenti biex ir-riżultati tal-attivitajiet sportivi jkunu miftiehma minn qabel, x'miżuri biħsiebha tieħu l-Kummissjoni?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EL
Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2009Avviż legali