RAPPORT dwar i2010: Il-Librerija Diġitali Ewropea

23.7.2007 - (2006/2040(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur Marie-Hélène Descamps

Proċedura : 2006/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0296/2007
Testi mressqa :
A6-0296/2007
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar i2010: Il-Librerija Diġitali Ewropea

(2006/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem «i2010 : Librerija Diġitali" COM(2005)0465),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni 2006/585/KE tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Awissu 2006 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibilità on line ta' materjal kulturali u dwar il-konservazzjoni diġitali[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużżjonijiet tal-Kunsill dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibilità on line ta' materjal kulturali u dwar il-konservazzjoni diġitali[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informatika[3],

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' April 2007 mill-grupp ta' l-aqwa esperti dwar id-drittijiet ta' l-awtur, il-konservazzjoni b'mezz diġitali, ix-xogħlijiet bla attribuzzjoni ta' awtur u dwar xogħlijiet li m'għadhomx jinsabu stampati,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem «L-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, diffużżjoni u konservazzjoni (COM(2007)0056),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6‑0296/2007),

A. billi l-kultura hija element ta' ġabra, skambju u qsim li jikkontribwixxi biex iqarreb lill-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini tagħha u tgħin it-tisħiħ u l-espressjoni ta' identità tabilħaqq Ewropea,

B.  billi jeħtieġ li tiġi garantita l-promozzjoni, il-ħarsien u d-diffużjoni kemm jista' jkun wesgħin tar-rikkezzi u tad-diversità tal-patrimonju kulturali Ewropew,

C. billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali, b'mod partikulari l-libreriji, għandhom, kemm fil-livell reġjunali kif ukoll f'dak lokali, l-irwol deċiżiv tagħhom f'dan il-qasam,

D. billi jeħtieġ li jitqies l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji ġodda u l-evoluzzjoni tal-prattiki kulturali li joħorġu minnhom,

E.  billi l-internet għal għadd kbir ta' ċittadini, speċjalment dawk żagħżagħ, filfatt sar wieħed mill-mezzi prinċipali ta' aċċess għall-għarfien u għall-għerf,

F.  billi f'dan l-ambjent diġitali huwa ta' importanza primarja li jiġi ġarantit aċċess għal kulħadd għall-patrimonju kulturali Ewropew u li tiġi żgurata l-konservazzjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni u hekk tinħoloq il-memorja kollettiva tagħna,

G. billi d-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira u l-aċċessibiltà on line tal-patrimonju kulturali Ewropew huma l-mezzi prinċipali biex dan jirnexxi,

H. billi l-patrimonju kulturali Ewropew jirrifletti d-diversità ta' l-Ewropa u li għalhekk l-aċċess għal dan il-patrimonju għandu jkun multilingwali,

I.   billi jeħtieġ li jiġu implimentati politiki konsistenti rigward id-diġitalizzazzjoni u l-konservazzjoni ta' xogħlijiet diġitali sabiex jiġi evitat it-telf irrimedjabbli ta' kontenut kulturali, b'rispett sħiħ tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati,

J.   billi, ilhinn mill-kwalitajiet kulturali intrinsiċi kulturali tagħha, id-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali Ewropew hija ta' benefiċċju wkoll għal setturi oħrajn ta' attività, b'mod partikulari l-edukazzjoni, ix-xjenza, ir-riċerka, it-turiżmu u l-midja,

K. billi d-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali fuq skala kbira m'għandhiex l-iskop li tieħu post jew tikkompeti ma' kontenut kulturali tradizzjonali, imma li tipproduċi b'mod parallel ma' dan kontenut diġitali affidabbli u ta' kwalità,

L.  billi t-teknoloġija tad-diġitalizzazzjoni hija wkoll għodda qawwija għall-persuni b'diżabilità u tippermetti li l-kontentut jiġi adattat għall-ħtiġijiet tagħhom,

M. billi madankollu sal-lum għadha ġiet diġitalizzata biss parti tassew ċkejkna tal-patrimonju kulturali Ewropej u billi l-Istati Membri f'dan il-qasam mexjin b'pass differenti ħafna bejniethom,

N. billi l-finanzjamenti pubbliċi allokati għad-diġitalizzazzjoni massiva mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu ma' progett ta' din l-iskala,

O. billi l-inizjattivi għad-diġitalizzazzjoni għadhom frammentarji ħafna u billi l-biċċa kbira ta' l-esperjenza miksuba fil-livell komunitarju għadha mhix magħrufa u mhix faċli li tiġi aċċessjata b'mod dirett jew multilingwali mix-xogħlijiet kollha li jiffurmaw l-patrimonju kulturali Ewropew,

P.  billi jeħtieġ li tiġi implimentata għodda "għall-kulħadd" li tiggarantixxi l-aċċess universali u immedjat għall-patrimonju kulturali Ewropew bla xkiel ta' moviment, u li tħaffef id-diġitalizzazzjoni,

Q. billi f'dan ir-rigward jaqbel li jsir rikors għal inizjattivi Ewropej diġà eżistenti biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-bidu tal-librerija diġitali Ewropea, bħalma hi t-TEL, il-Librerija Ewropea, li diġà toffri aċċess għal kollezzjonijiet ta' libreriji nazzjonali Ewropej u li tippermetti li ssir riċerka permezz ta' riżorsi diġitali jew bibjografiċi fi 23 mill-47 librerija nazzjonali, il-proġett TEL-ME-MOR li jgħin fl-integrazzjoni ta' l-għaxar libreriji nazzjonali ta' l-Istati Membri ġodda, il-proġett EDL li għandu l-iskop li jintegra d-disa' libreriji ġodda l-oħra fi ħdan il-UE/AELE, kif ukoll il-proġett Europeana, li jiġbor fih il-libreriji nazzjonali ta' Franza, l-Ungerija u l-Portugall,

Il-Librerija diġitali Ewropea, xempju ta' l-Ewropa maqħquda fid-diversità tagħha

1.  Jirrakkomanda li titwaqqaf, f'fażijiet differenti, librerija diġitali Ewropea permezz ta' punt ta' aċċess uniku u dirett u multilingwali għall-patrimonju kulturali Ewropew;

2.  Jenfasizza li biex jintlaħaq l-iskop eventwali ta' implimentazzjoni ta' strument li jkopri l-kategroriji kollha tal-materjal kulturali, bħall-kontenut awdjoviżwali, il-librerija diġitali Ewropea għall-bidu għandha tikkonċentra fuq il-potenzjal li joffri materjal teswtali li m'għandux drittijiet ta' awtur;

3.  Għal dan il-għan jistieden lil-libreriji kollha Ewropej biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-librerija diġitali Ewropea x-xogħlijiet bla drittijiet ta' awtur taħt forma diġitali li diġà għandhom,

4.  Jistieden lill-universitajiet Ewropej u lill-istituzzjonijiet għoljin oħrajn ta' tagħlim sabiex jippermettu aċċess għat-teżijiet ta' dottorat u għal xogħlijiet xjentifiċi oħrajn li jolqtu temi u suġġetti relatati mal-patrimonju kulturali Ewropew u dan b'kundizzjonijiet li għad iridu jiġu stabbiliti u b'rispett sħiħ tad-drittijiet ta' l-awturi,

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet oħrajn Ewropej, inklużi dawk reġjunali u lokali, biex jipparteċipaw f'dan il-proġett sabiex dan ikun rappreżentattiv tar-rikkezza u d-diversità tal-kultura Ewropea; iħeġġeġ ukoll lill-mużewijiet biex jiddiġiltilizzaw l-arkivji tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu integrati f'dan il-proġett;

6.  Jenfasizza minbarra hekk li l-librerija diġitali Ewropea m'għandhiex biss l-iskop li xxerred il-kontenut, imma wkoll il-koordinazzjoni ta' l-aċċess għax-xogħlijiet diġitali;

7.  Iħeġġeġ l-għażla u l-użu ta' standards komuni, ibbażati fuq forom eżistenti u diġà adottati, sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità tal-kontenut, li hija neċessarja biex il-librerija diġitali Ewropea topera tajjeb, billi jiġu adottati gradwalment lingwi ta' metadejta stabbiliti (Dublin Core, eċċ.);

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom u biex iħaffu aktar id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali sabiex jinkiseb ammont biżżejjed ta' kontenut;

9.  Iħeġġeġ għal dan il-għan lill-Istati Membri biex ifasslu, b'koordinazzjoni ma' l-istituzzjonijiet kulturali, pjanijiet għad-diġitalizzazzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak reġjunali sabiex tiġi stabbilita mappa Ewropea ta' l-attivitajiet kollha ta' diġitalizzazzjoni, hekk li jkun hemm sinerġija bejniethom, waqt li tingħata attenzjoni li ma jkunx hemm duplikazzjoni ta' xogħol u ta' spejjeż mid-diversi istituzzjonijiet pubbliċi u privati biex jiddiġilitizzaw il-fondi tagħhom, u jqis li huwa essenzjali li jsir inventarju skond it-tip ta' istituzzjoniji u xogħol li diġà sar;

10. Iħeġġeġ li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll skambju ta' prattiki tajbin għad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibilità tax-xogħlijiet, kif ukoll għall-konservazzjoni diġitali tagħhom,

11. Jisħaq barra minn hekk fuq il-punt li l-Librerija Diġitali Ewropea tkun tista' tgħin fir-riċerka fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni, ta' l-interoperabilità u tal-konservazzjoni diġitali, b'mod partikulari permezz ta' ċentri ta' kompetenza mwaqqfa mill-Kummissjoni, għaliex il-librerija diġitali Ewropea ma tistax issir realtà mingħajr komponent ta' riċerka u żvilupp;

12. Jenfasizza li jeħtieġ jingħata appoġġ lill-innovazzjoni u lir-riċerka fil-qasam tal-multilingwiżmu;

13. Ifakkar li jekk il-programmi komunitarji ma jippermettux il-finanzjament tad-diġtalizzazzjoni fiha nfisha, jeħtieġ li jiġu żviluppati modi ġodda ta' finanzjament, inkluża sħubija mas-settur privat, iżda hekk li jiġi evitat kemm jista' jkun possibbli li jkun hemm rati differenti ta' xogħol ta' diġitalizzazzjoni fl-Istati Membri;

Struttura u kontenut tal-librerija diġitali Ewropea - punt ta' aċċess multilingwali komuni għall-patrimonju kulturali Ewropew

14. Iħeġġeġ li jiġi stabbilit interface komuni li joffri aċċess għal kontenut li jiggarantixxi l-kwalità u l-affidabilità tiegħu u dan permezz ta' softwer ta' riċerka integrat li jkun għodda ta' tiftix għall-metainformazzjoni u għodda ta' tiftix tat-testi f'dawk id-dokumenti li jkunu diġitalizzati bħala test;

15. Jenfasizza l-importanza li jinsab interface multilingwali li jippermettti aċċess dirett għall-kontenut imfittex fil-lingwi kollha ta' l-Unjoni Ewropea hekk li minbarra li jiżgura t-tiftix normali skond l-awtur jew it-titolu, jippermetti wkoll tiftix skond is-suġġett jew keyword, li f'dal-kas ir-riżultati jkunu jistgħu jiġbru d-dejta kollha relatata mil-librerija kollha msieħba u fil-lingwi kollha tal-katalgu;

16. Iħeġġeġ ukoll li jkun hemm disponibbli funjzonalitajiet innovattivi, moderni u adatti għal kull min jużahom;

17. Jenfasizza l-interess li l-librerija diġitali Ewropea tiġi konċepita u organizzata permezz ta' risorsi u kapaċitajiet tekniċi xierqa li jiffaċilitaw il-kreattività, ir-riċerka u l-użu ta' informazzjoni u ma tillimitax ruħha u tkun biss katalgu diġitali ta' xogħlijiet Ewropej;

18. Jippreċiża barra minn hekk li jkun mixtieq li l-patrimonju kulturali Ewropew ma jkunx limitat għax-xogħlijiet kollettivi ta' l-Unjoni Ewropea nnfisha biss, imma li jiġi kkunsidrat ukoll s-sehem kulturali ta' pajjiżi oħra Ewropej;

19. Jippreċiża wkoll li għalkemm il-biċċa kbira tal-patrimonju kulturali Ewropew huwa magħmul minn xogħlijiet li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku, jeżistu kategoriji oħrajn;

20. Rigward dan ifakkar li jkun tajjeb li ssir distinzjoni bejn id-dominju pubbliku u xogħlijiet bi dritt ta' l-awtur, inklużi xogħlijiet bla attribuzzjoni ta' awtur u xogħlijiet li m'għadhomx stampati, u li jiġu previsti mudelli differenti adatti għas-settur ta' azzjoni applikabbli għal kull waħda minn dawn il-kategoriji;

21. Japprova l-ħatra ta' grupp ta' l-aqwa esperti diġà msemmija u jappoġġja b'mod partikulari l-proposti tagħhom sabiex isir katalgu tax-xogħlijiet bla attribuzzjoni u xogħlijiet li m'għadhomx stampati u sabiex jitfasslu mekkaniżmi biex jgħinu fir-riċerka dwar id-drittijiet ta' awtur ta' dawn ix-xogħlijiet;

22. Jenfasizza li l-proposti mressqa mill-grupp ta' esperti ta' livell għoli fl-ewwel rapporti tiegħu jikkonċerna l-aktar lis-settur tal-kotba stampati u li l-estensjoni għal setturi oħrajn għandha tkun deċiża b'konsultażżjoni mar-rappreżentanti tagħhom;

23. Jinnota li jkun mixtieq li fi stadju ieħor il-librerija diġitali Ewropea tkun tista' tipproponi, jekk ikun possibbli, li flimkien ma' dokumenti ħielsa minn drittijiet ta' awtur, jiġu inklużi dokumenti li għandhom dritt ta' awtur, b'rispett sħiħ tal-liġijiet nazzjonali, komunitarji u internazzjonali rigward propjetà intellettwali;

24. Jenfasizza li kull deċiżjoni dwar dan għandha tittieħed b'kollaborazzjoni ma' dawk kollha konċernati, b'mod partikulari mal-kittieba, mal-pubblikaturi u mal-ħwienet tal-kotba;

25. Jipproponi li fil-librerija diġitali Ewropea min jużaha jkun jista' jsib dokumenti diġitali kemm taħt forma ta' test u kemm taħt forma grafika, ikunu ta' liema natura jkunu, u jkun jista' jikkonsultahom bla xkiel, kemm bħala dokument sħiħ meta jkunu dokumenti mingħajr drittijiet ta' awtur, kemm bħala siltiet qosra jekk ikunu xogħlijiet ristretti u dan bi ftehim ma' min ikollu d-dritt ta' awtur;

26. Jipproponi li tiġi prevista l-possibiltà li wieħed ikun jista' jqalleb virtwalment dokument fost xogħlijiet imħarsa bid-dritt ta' awtur permezz ta' siti speċjalizzati li joffru l-garanziji ta' sikurezza mitluba minn min ikollu d-dritt ta' awtur;

27. F'każijiet bħal dawn ta' l-aħħar jipproponi li l-librerija diġitali Ewropea sservi biss bħala mezz li jwassal l-informazzjoni;

28. Jindika li l-aċċess għal kull dokument ristrett ikun jista' jsir minn siti apposta bi ftehim ma' minn ikollu d-dritt ta' l-awtur u b'remunerazzjoni xierqa;

Amministrazzjoni u moniteraġġ

29. Jappella li jitwaqqaf kumitat ta' tmexxija li fi ħdanu l-istituzzjonijiet kulturali jkollhom l-irwol ewlieni li jiffinalizza l-prijoritajiet u l-linji gwida li għandhom jingħataw lil-librerija diġitali Ewropea, hekk li jiżgura l-koordinazzjoni, l-amministrazzjoni u l-moniteraġġ ta' l-attivitajiet tagħha;

30. Iħeġġeġ li jkun hemm koordinazzjoni tal-gruppi mwaqqfa mill-Kummissjoni, b'mod partikulari tal-gruppi ta' esperti ta' l-Istati Membri tad-diġitalizzazzjoni u l-konservazzjoni diġitali u ta' l-esperti ta' livell għoli, sabiex tinkiseb sinerġija tabilħaqq fil-livell Ewropew;

31. Jissuġġerixxi li jinħoloq organu ta' koordinazzjoni Ewropew ekwivalenti għat-TEL għall-kollezzjonijiet tal-mużewijiet u ta' l-arkivji nazzjonali sabiex jamministra l-elementi diġitali ta' kull għamla li jagħmlu parti mill-patrimnonju kulturali Ewropew, hekk li jintegra lil dawn fis-sistema ta' riċerka tal-librerija diġitali Ewropea;

32. Jenfasizza barra minn hekk li b'integrazzjoni konsistenti fis-sistemi edukattivi l-librerija diġitali Ewropea tkun tista' tippermetti li jintlaħqu aħjar iż-żagħżagħ Ewropej u tkun tista' tqarribhom lejn il-patrimonju kulturali u letterarju tagħhom, hekk li tħarriġhom fit-teknoloġiji ġodda filwaqt li tiġġieled kontra l-firda diġitali;

33. Iqis li huwa indispensabbli li jiġu intensifikati l-iskambji ta' esperjenza u ta' prattiki tajbin ma' l-istituzzjonijiet oħrajn Ewropej, bħalma huma l-European Commission on Preservation Access (ECPA), ma' istituzzjonijiet ta' pajjiżi terzi bħal-Library of Congress Amerikana, ma' assoċjazzjonijiet internazzjonali bhall-International Federation of Library Assosciations (IFLA), ma' organizzazzjonijiet pubbliki u privati bħall-Online Computer Library Centre, kif ukoll ma' oħrajn, hekk li tipprova kemm jista' jkun li tuża softwer u soluzzjonijiet li diġà ġew ittestjati u mħaddma;

34. Jisħaq favur il-promozzjoni, il-viżibilità u l-aċċess għal-librerija diġitali permezz ta' komunikazzjoni indirizzata għal-livelli kollha u bil-ħolqien ta' logo li jidentifikaha;

35. Għal dan il-għan jirrakkomanda li parti mir-riżorsi li se jkunu allokati għall-librerija diġitali jiġu destinati għall-promozzjoni tagħha fost l-akbar numru ta' nies possibbli;

ο

ο    ο

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 236, 13.08.2006, p. 28.
  • [2]  ĠU C 297, 03.05.2006, p. 1.
  • [3]  ĠU C 167, 22.06.2001, p. 10.

Nota spjegattiva

L-idea ta' librerija diġitali Ewropea twieldet mix-xewqa ta' sitt kapijiet ta' Stat u ta' gvernijiet ta' l-Unjoni li jkun hemm aċċess għall-kulħadd għall-patrimonju kulturali Ewropew, kif ukoll għall-konservazzjoni tiegħu.

Din l-idea ntlaqgħet favorevolemnt mill-Kummissjoni li qed tikkontribwixxi għaliha permezz ta' l-inizjattiva innovattiva tagħha « i2010 : Il-librerija diġitali». L-ewwel parti ta' din l-inizjattiva, il-komunikazzjoni tat-30 ta' Settembru 2005, tanalizza l-isfidi prinċipali ta' dan il-proġett, li huma l-isfidi tekniċi, leġali u finanzjarju u dawk li jirrigwardaw l-organizzazzjoni.

Saret ukoll konsultazzjoni on line dwar id-diġitalizzazzjoni u twaqqaf ukoll grupp ta' esperti ta' l-ogħla livell sabiex isolvu ċerti problemi li tqajmu.

Fir-rakkomandazzjoni tagħha ta' l-24 ta' Awissu 2006 l-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri sabiex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex ikun hemm sinerġija Ewropea. Hija tirrakkomanda li titwaqqaf librerija diġitali Ewropea permezz ta' punt ta' aċċess uniku, komuni u multilingwali, għall-patrimonju kulturali Ewropew.

Fit-13 ta' Novembru 2006 l-Kunsill iddikjara ruħu bl-unanimità favur dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Issa jinsab f'idejn il-Parlament Ewropej biex jibgħat sinjal qawwi favur it-twettiq ta' dan il-proġett.

Għalhekk, filwaqt li jsir ix-xogħol fuq l-organizzazzjoni kunċettwali u teknika tal-kategroriji kollha tal-materjal kulturali, jeħtieġ li wieħed jibda jaħdem pass pass u għall-bidu jikkonċentra fuq il-potenzjal li joffri materjal teswtali u li m'għandux drittijiet ta' awtur.

PROĊEDURA

Titolu

i2010 : Il-Librerija Diġitali Ewropea"

Numru tal-proċedura

2006/2040(INI)

Kumitat Responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CULT
16.2.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

 

 

 

 

 

Koperazzjoni iktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Marie-Hélène Descamps
23.11.2005

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

20.3.2006

25.4.2006

22.3.2007

7.5.2007

25.6.2007

Data ta' l-adozzjoni

16.7.2007

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Ovidiu Victor Ganţ, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Sándor Kónya-Hamar, Manolis Mavrommatis, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Christa Prets, Pál Schmitt, Nikolaos Sifunakis, Henri Weber, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amalia Sartori, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) prezenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq 

23.7.2007

Kummenti (informazzjoni disponibbli f'lingwa waħda biss)

...