Proċedura : 2007/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0479/2008

Testi mressqa :

A6-0479/2008

Dibattiti :

PV 17/12/2008 - 14
CRE 17/12/2008 - 14

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2009 - 4.5
CRE 14/01/2009 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0019

RAPPORT     
PDF 352kWORD 258k
5 ta' Diċembru 2008
PE 409.461v04-00 A6-0479/2008

dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2007

(2007/2145(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Giusto Catania

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2007

(2007/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (''il-Karta''), tas-7 ta' Diċembru 2000, kif ġiet adottata fit-12 ta' Diċembru 2007,

–       wara li kkunsidra l-objettivi sabiex l-Unjoni ssir żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll sabiex jiġu implimentati l-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-Istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (UE),

–       wara li kkunsidra l-innovazzjonijiet li ftehmu dwarhom il-gvernijiet tal-Istati Membri fit-13 ta' Diċembru 2007 billi ffirmaw it-Trattat ta' Liżbona, u li l-ewwel fosthom hemm imniżżel li l-Karta tingħata natura li torbot legalment, kif ukoll l-obbligu ta' sħubija mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (l-ECHR),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(1), u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2), u għall-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali(3) (minn hawn 'l isfel imsejħa ''l-Aġenzija''),

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija u taċ-Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija u dawk tal-Organizzazzjonijiet mhux governattivi (ONGs) ikkonċernati,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (QEĠ) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra r-rapporti annwali dwar il-qagħda tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea, imfassla min-netwerk ta' esperti indipendenti tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-entitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari r-rapporti dwar il-qagħda tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tiegħu dwar iż-żjarat liċ-ċentri tad-detenzjoni għall-immigranti f'qagħda irregolari,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra n-numru ta' laqgħat pubbliċi u ta' skambji ta' opinjonijiet organizzati bħala preparazzjoni għall-abbozz ta' din ir-riżoluzzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Ottubru 2007 ma' mħallfin tal-qrati kostituzzjonali u supremi, tad-19 ta' Mejju 2008 mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, u tas-6 ta' Ottubru 2008 ma' rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura (A6-0479/2008),

A.     billi l-Artikolu 6 tat-Trattat UE jibbaża l-Unjoni Ewropea fuq komunità ta' valuri u fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif ġew garantiti mill-ECHR u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri,

B.     billi l-Parlament, bħala rappreżentant elett direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni u garanti tad-drittijiet tagħhom, jemmen li għandu responsabilità ċara li jirrispetta dawn il-prinċipji, l-aktar minħabba li fil-forma attwali tagħhom, it-Trattati jillimitaw ferm id-dritt tal-individwu li jappella quddiem il-qrati Komunitarji u quddiem l-Ombudsman Ewropew,

C.     billi l-introduzzjoni ta' proċedura ta' kontroll tal-kompatibilità tal-proposti leġiżlattivi mal-Karta tikkostitwixxi waħda mill-konsegwenzi neċessarji dovuti għall-adozzjoni ta' din il-Karta fis-7 ta' Diċembru 2000, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni meta adottat dispożizzjonijiet f'dan il-qasam fl-2001, u hekk kif fakkar il-Parlament meta adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar ir-rispett tal-Karta fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni: metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż,

D.     billi t-Trattat ta' Liżbona li bħalissa qed jiġi rratifikat jirreferi b'mod espliċitu għall-Karta, u jagħtiha l-istess valur legali tat-Trattati,

E.     billi jekk il-Karta tiġi tagħmel parti mil-liġi primarja tal-Unjoni, id-drittijiet li huma definiti fiha jkollhom natura li torbot legalment permezz tal-liġi derivata li se timplimentahom,

F.     billi l-Karta, indipendentement mill-istatus legali tagħha, tul is-snin saret sors ta' ispirazzjoni fil-każistika tal-qrati Ewropej, bħall-Qorti tal-Prima Istanza (QPI) u l-QEĠ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-bosta qrati kostituzzzjonali,

G.     billi t-twaqqif ta' ''kultura tad-Drittijiet Fundamentali'' ġenwina fl-Unjoni teħtieġ l-iżvilupp ta' sistema komprensiva ta' kontroll ta' applikazzjoni ta' dawn id-drittijiet, li tinkorpora lill-Kunsill u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-kuntest tal-koperazzjoni intergovernattiva, minħabba li l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ma jikkonsistix biss f'rispett formali tar-regoli, iżda qabel kollox fil-promozzjoni attiva tagħhom u fil-fatt li wieħed għandu jintervjeni f'każijiet fejn l-Istati Membri jiksru d-drittijiet fundamentali jew jinfurzawhom b'mod insuffiċjenti,

Introduzzjoni

1.  Iqis li l-ħarsien u l-promozzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali jiffurmaw il-bażi tad-demokrazija fl-Ewropa u jikkostitwixxu kundizzjoni essenzjali biex jiġi kkonsolidat spazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

2.      Jiġbed l-attenzjoni li l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali jinvolvi miżuri f'livelli differenti (internazzjonali, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali) u jisħaq fuq l-irwol li jistgħu jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni u l-promozzjoni prattiċi ta' drittijiet bħal dawn;

3.      Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri għadhom qed jevitaw l-iskrutinju fuq livell tal-UE tal-politiki u l-prattiki tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u qed jipprovaw jillimitaw il-ħarsien ta' dawn id-drittijiet għal kuntest purament nazzjonali, u b'hekk idgħajfu l-irwol attiv li għandha l-Unjoni Ewropea fid-dinja bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem, u jnaqqsu l-kredibilità tal-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

4.      Jirrimarka li, skont l-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE, l-irwol tal-QEĠ huwa li tinforza d-drittijiet fundamentali, kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri għall-ECHR u għal strumenti oħra tal-liġi internazzjonali;

5.      Jenfasizza li l-Artikolu 7 tat-Trattat UE jipprovdi għal proċedura tal-UE li tiżgura li fl-UE ma jkunx hemm ksur sistematiku u serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iżda li proċedura bħal din qatt ma ntużat minkejja l-fatt li jseħħ ksur fl-Istati Membri tal-UE, kif ġie ppruvat mis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iwaqqfu mekkaniżmu ta' monitoraġġ kif ukoll sett ta' kriterji oġġettivi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat UE;

6.      Jenfasizza li jekk it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri jistgħu jintużaw bħala sors ta' ispirazzjoni għall-QEĠ fit-tfassil tal-ġurisprudenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-Karta tikkostitwixxi bażi komuni għad-drittijiet minimi, u l-Istati Membri ma jistgħux jużaw l-argument li l-Karta tagħti livell ta' ħarsien aktar baxx għal ċerti drittijiet mill-garanziji offruti fil-kostituzzjoni tagħhom stess sabiex inaqqsu l-livell ta' dawn tal-aħħar;

7.      Jilqa' l-Artikolu 53 tal-Karta, li jippermetti lill-QEĠ li tiżviluppa l-każistika tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, u b'hekk tagħtihom bażi legali, li hija essenzjali fil-kuntest tal-iżvilupp tal-liġi tal-UE;

8.      Jenfasizza li l-ġudikatura fl-Istati Membri għandha rwol importanti x'taqdi fl-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati biex idaħħlu sistema ta' taħriġ kontinwu għall-imħallfin nazzjonali dwar is-sistemi għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali;

Rakkomandazzjonijiet Ġenerali

9.      Huwa tal-fehma li l-applikazzjoni fil-prattika tad-drittijiet fundamentali għandha tikkostitwixxi għan tal-politiki Ewropej kollha; huwa tal-fehma li, għal din ir-raġuni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali b'mod attiv u jqisuhom bis-sħiħ matul it-tfassil u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni;

10.    Jilqa' l-ħolqien tal-Aġenzija li huwa l-ewwel pass biex jiġu sodisfati t-talbiet tal-Parlament Ewropew sabiex jitwaqqaf qafas regolamentari u istituzzjonali integrat u li hu maħsub biex jimplimenta l-Karta u jiżgura l-konformità mas-sistema mwaqqfa mill-ECHR; jirrimarka, madankollu, li r-rapporti annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem magħmula min-Netwerk Ewropew ta' Esperti Indipendenti fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikati sal-2005, kienu eżaminaw l-applikazzjoni tad-drittijiet kollha rikonoxxuti mill-Karta f'kull Stati Membru, u għaldaqstant huwa mħasseb minħabba l-fatt li l-mandat limitat tal-Aġenzija u x-xoljiment tan-Netwerk jistgħu jeskludu mill-kamp ta' skrutinju sistematiku għadd ta' oqsma importanti tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

11.    Jenfasizza, fir-rigward ta l-mandat limitat tal-Aġenzija, li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem ma jistgħux jiġu maqsuma b'mod artifiċjali f'oqsma li jaqgħu taħt l-ewwel, it-tieni u t-tielet pilastru, kif l-Istati Membri jagħżlu li jiddefinixxu l-ambitu tas-setgħat tal-Unjoni Ewropea, għaliex id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu totalità indiviżibbli u huma interdipendenti; iqis li huwa għalhekk neċessarju li l-Kummissjoni u l-Kunsill, b'koperazzjoni mal-Aġenzija, għandhom l-ewwel nett jagħtu ħarsa ġenerali tal-preokkupazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri lil hinn mill-qafas strett tar-regoli Ewropej, u mingħajr ma jillimitaw ruħhom għall-kwistjonijiet attwali tal-Unjoni Ewropea, jew għall-istrumenti ġuridiċi u politiċi speċifiċi, billi jidentifikaw il-problemi rikorrenti u attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri u billi jqisu l-mekkaniżmi eżistenti kollha fil-livell internazzjonali u f'dak Ewropew;

12.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħmlu użu mill-informazzjoni disponibbli permezz tal-monitoraġġ imwettaq fl-Unjoni Ewropea mill-Aġenzija, mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-entitajiet ta' kontroll tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u mill-NGOs, u biex minnha joħolqu azzjonijiet ta' korrezzjoni jew qafas ġuridiku preventiv;

13.    Jirriserva d-dritt li jkompli l-ħidma tal-Aġenzija fl-Unjoni Ewropea u li jindirizza kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem li ma jaqgħux fil-qasam ta' kompetenza tal-Aġenzija u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-istess skont l-irwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati;

14.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li politika attiva dwar id-drittijiet ma tistax tiġi limitata għal dawk il-każijiet li jieħdu l-akbar attenzjoni mill-pubbliku u li l-ksur serju tad-drittijiet mhuwiex suġġett għall-iskrutinju pubbliku kritiku f'istituzzjonijiet magħluqa għaż-żgħażagħ, għall-anzjani u għall-morda kif ukoll fil-ħabsijiet; jenfasizza li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw li jkun hemm monitoraġġ espert tal-kundizzjonijiet tal-għajxien f'istituzzjonijiet magħluqa bħal dawn, kemm f'dawk li huma regolamenti kif ukoll fi prattiki;

15.    Jistieden lill-Kunsill biex fir-rapporti annwali futuri tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, jinkludi analiżi tal-qagħda fid-dinja kif ukoll ta' dik f'kull wieħed mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li analiżi konġunta bħal din tenfasizza l-impenn ekwivalenti tal-Unjoni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem kemm ġo fiha stess kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha, b'mod li ma jkunx hemm lok ta' akkużi ta' standards doppji;

16.    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem imwaqqfa fil-kuntest tal-''Prinċipji ta' Pariġi'' tan-Nazzjonijiet Uniti jingħataw status ta' indipendenza fir-rigward tas-setgħat eżekuttivi, kif ukoll li jingħataw biżżejjed riżorsi finanzjarji, partikolarment billi jitqies il-fatt li waħda mill-funzjonijiet ta' dawn l-entitajiet hija li jevalwaw il-politiki tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jidentifikaw nuqqasijiet u jissuġġerixxu titjib, bl-għarfien li fuq kollox l-effikaċja titkejjel bil-mod kif il-problemi jiġu evitati u mhux kif dawn jiġu solvuti; iħeġġeġ lill-dawk l-Istati Membri li għadhom ma waqqfux l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem imsemmija aktar 'il fuq, sabiex jagħmlu dan;

17.    Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jibdel il-grupp ta' ħidma ad hoc tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza fi grupp ta' ħidma permanenti, li jaħdem id f'id mal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), u jistieden lill-Kummissjoni sabiex din tagħti l-portafoll tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali lil Kummissarju wieħed;

18.    Ifakkar li huwa jqis bħala essenzjali mill-aspett politiku li l-kunċett ta' promozzjoni tad-drittijiet fundamentali jiddaħħal fost l-objettivi li għandhom jintlaħqu, meta jkun qed jiġi simplifikat jew riorganizzat l-acquis communautaire; jappella biex kull politika, proposta leġiżlattiva u programm ġodda jkunu akkumpanjati minn studju tal-impatt dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u li din l-evalwazzjoni tkun tagħmel parti integrali mill-ġustifikazzjoni għall-proposta, u jittama li l-Istati Membri jadottaw ukoll strumenti simili għall-istudju tal-impatt fit-traspożizzjoni sussegwenti tal-liġi Komunitarja fil-liġi domestika;

19.    Jistieden lill-Presidenzi tal-Kunsill sabiex jorganizzaw il-Forum tal-NGOs dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod li s-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej ikun jista' jkollhom disskussjonijiet fil-fond dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri; jenfasizza li dan il-Forum għandu jkun miftuħ għal kull min ikun jixtieq jieħu sehem;

Koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra inkarigati mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

20.    Jilqa' l-prospettiva tas-sħubija tal-Unjoni mal-ECHR anke jekk din is-sħubija ma ġġibx magħha tibdil fundamentali, minħabba li ''meta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jinġiebu kwistjonijiet relatati mad-drittijiet u l-libertajiet imniżżla fl-ECHR, il-QEĠ tqis l-ECHR bħala parti ġenwina tas-sistema legali tal-Unjoni"(4);

21.    Ifakkar l-irwol ewlieni tal-istituzzjonijiet u tal-mekkaniżmi ta' kontroll tal-Kunsill tal-Ewropa, u tad-diversi konvenzjonijiet tiegħu, fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Aġenzija sabiex jibbażaw fuq din l-esperjenza, u biex iqisu dawn il-mekkaniżmi billi jinkluduhom fil-proċeduri ta' netwerking u jagħmlu użu mill-istandards żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa u mir-riżultati tanġibbli l-oħra tal-ħidma tiegħu; jappella sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal offrut mill-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea;

22.    Jappella sabiex ikun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-diversi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet inkarigati mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak internazzjonali;

23.    Jenfasizza mill-ġdid li huwa importanti ferm għall-kredibilità tal-Unjoni Ewropea fid-dinja li ma tipprattikax ''standards doppji'' bejn il-politika esterna u dik interna;

24.    Huwa tal-fehma li, għalkemm l-Unjoni Ewropea nnifisha mhijiex parti firmatarja, meta l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rratifikaw konvenzjonijiet jew strumenti legali internazzjonali oħra fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, dan ħolqilha obbligu li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tagħhom u, jekk ikun il-każ, ir-rakkomandazzjonijiet li jkunu ġew ifformulati mill-entitajiet maħluqa minnhom, sakemm il-liġi tal-Unjoni ma tkunx toffri protezzjoni ekwivalenti jew ogħla; jistieden lill-QEĠ sabiex tissieħeb ma' dan l-approċċ permezz tad-deċiżjonijiet tagħha;

25.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi ftehimiet ta' koperazzjoni mal-istituzzjonijiet u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali inkarigati mill-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-entitajiet l-oħra tan-NU li għandhom irwol f'dan il-qasam, kif ukoll mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissarju Għoli dwar il-Minoranzi Nazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa;

Id-drittijiet tal-bniedem, libertà, sigurtà u ġustizzja

26.    Jenfasizza l-bżonn li jiġu evalwati u rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali, id f'id mal-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni; iqis għalhekk li ż-żewġ objettivi tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-garazija tas-sigurtà kollettiva huma mhux biss kompatibbli imma wkoll interdipendenti, u li politiki adegwati jistgħu jiżguraw li l-libertajiet individwali ma jkunux mhedda minn approċċ ripressiv;

27.    Jemmen li l-iżvilupp ta' żona ġudizzjarja Ewropea msejsa fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jkun ibbażat fuq is-salvagwardji proċedurali ekwivalenti fl-UE kollha u fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kif enfasizzati fl-Artikolu 6 tat-Trattat UE; jappella biex tiġi adottata malajr miżura leġiżlattiva adegwata dwar id-drittijiet tal-individwi fil-proċeduri kriminali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Mandat ta' Arrest Ewropew u miżuri oħra ta' rikonoxximent reċiproku jiġu applikati b'konformità mal-istandards tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod li n-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-istandards jista' jkun raġuni għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni;

28.    Jenfasizza d-dritt ta' kull persuna arrestata li tibbenefika mill-garanziji ġudizzjarji kollha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, mill-għajnuna tar-rappreżentanza diplomatika tal-pajjiż li tiegħu hi ċittadina u tas-servizzi ta' interpretu indipendenti;

29.    Jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' każijiet ta' ksur tal-ECHR li jinvolvu Stati Membri u jħeġġiġhom biex jesegwixxu deċiżjonijiet relatati u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem bl-introduzzjoni tar-riformi meħtieġa;

30.    Huwa mħasseb dwar il-fatt li koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu spiss wasslet għal tnaqqis tal-livell ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt fundamentali għall-privatezza, għall-protezzjoni tad-data u għan-non-diskriminazzjoni u huwa tal-fehma li l-UE għandha tkun aktar determinata fil-livell internazzjonali biex tippromwovi strateġija ġenwina bbażata fuq ir-rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali u tal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta; konsegwentament iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta abbozz ta’ Deċiżjoni Qafas dwar il-ħarsien ta' data personali proċessata fil-qafas ta’ koperazzjoni ġudizjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament għal standards ogħla; huwa tal-fehma li strateġija bħal din għandha tqis il-ħtieġa ta' kontroll ġudizzjarju effettiv tas-servizzi ta' intelliġenza sabiex jiġi evitat li informazzjoni miksuba bit-tortura jew permezz ta' trattament krudili jew metodi oħra li ma jirrispettawx ir-regoli internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tintuża bħala evidenza fil-kuntest ta' proċeduri ġudizzjarji, inkluż fil-fażi preparatorja tal-każ;

31.    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej min-naħa tas-CIA (Central Intelligence Agency) għat-trasport u ż-żamma illegali ta' priġunieri(5)1; jilqa' f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-President Elett tal-Istati Uniti dwar l-għeluq tal-faċilità ta’ detenzjoni fi Guantanamo Bay u t-tressiq tal-priġunieri quddiem il-qorti; jistieden lill-Istati Membri biex jiddikjaraw humiex lesti biex flimkien isibu soluzzjonijiet għall-priġunieri li jifdal;

32.    Jiddeplora l-fatt li l-UE tirrifjuta u ma tapplikax is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Prima Istanza tat-12 ta' Diċembru 2006 u s-sentenza tal-Qorti tal-Appell tar-Renju Unit favur l-Organizzazzjoni tal-Mujahedin tal-Poplu tal-Iran (PMOI) tas-7 ta' Mejju 2008.

Diskriminazzjoni

Osservazzjonijiet Ġenerali

33.    Jinsisti dwar id-differenza bejn il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki antidiskriminatorji; iqis li l-ugwaljanza tal-opportunitajiet tikkostitwixxi dritt fundamentali ta' kull persuna, mhux privileġġ, u mhux biss taċ-ċittadini ta' Stat Membru partikolari; għalhekk huwa tal-fehma li kull forma ta' diskriminazzjoni għandha tiġi miġġielda bl-istess intensità;

34.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaġixxu bis-sħiħ dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija, hekk kif stipulat fil-Kapitolu 7 tal-ewwel rapport annwali tagħha(6);

35.    Josserva bi tħassib is-sitwazzjoni insodisfaċenti tal-implimentazzjoni tal-politiki antidiskriminatorji u jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tar-rapport annwali tal-Aġenzija għall-2008; Jinsisti mal-Istati Membri li għadhom ma kkonkretizzaw l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki, b'mod partikolari tad-Direttiva 2000/43/KE u d-Direttiva 2000/78/KE, sabiex jagħmlu dan, u jfakkar li dawn id-direttivi jistabbilixxu standard minimu u għandhom għalhekk ikunu s-sisien li fuqhom tinbena politika eżawrjenti kontra d-diskriminazzjoni;

36.    Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 12(7) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jagħmlu dan, minħabba li dan jimponi interdizzjoni ġenerali ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u jiggarantixxi li l-ebda persuna m'għandha tiġi diskriminata, tkun xi tkun ir-raġuni, mill-ebda awtorità pubblika; jinnota li dispożizzjoni ta' dan it-tip għadha ma tinsabx fl-atti ġuridiċi fis-seħħ la fl-Unjoni Ewropea u lanqas fil-Kunsill tal-Ewropa;

37.    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li timplimenta l-prinċipju tal-ugwaljanza lil hinn mill-impjiegi, u b'hekk l-ambitu tad-Direttiva 2000/43/KE jiġi estiż għall-forom kollha l-oħra ta' diskriminazzjoni, u b'hekk timplimenta l-Artikolu 21 tal-Karta, li jagħti aktar spazju ta' manuvra milli jagħti l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, minħabba li fih huma msemmija każijiet oħra ta' diskriminazzjoni: minħabba l-kulur tal-ġilda, l-oriġini soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, il-fehmiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza, il-proprjetà jew it-twelid;

38.    Jiddispjaċih li d-direttiva proposta tħalli vojt sostanzjali fil-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni, partikolarment minħabba kwantità kbira ta' eċċezzjonijiet relatati mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u mas-saħħa pubblika, mal-attivitajiet ekonomiċi, mal-istatus taż-żwieġ u tal-familja u mad-drittijiet ta' riproduzzjoni, mal-edukazzjoni u mar-reliġjon; huwa mħasseb dwar il-fatt li, aktar milli jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, dawn il-"klawsoli ta' ħruġ" effettivament jistgħu jservu biex jikkodifikaw prattiki diskriminatorji eżistent; ifakkar lill-Kummissjoni li d-direttiva għandha tkun konformi mal-każistika eżistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru (LGBT), partikolarment is-sentenza Maruko(8);

39.    Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proċess leġiżlattiv Komunitarju dwar l-anti-diskriminazzjoni tinvolvi lill-Aġenzija sabiex din titħalla jkollha rwol importanti bħala sors regolari ta' informazzjoni attwali u ddettaljata, u rilevanti għat-tfassil ta' leġiżlazzjonijiet kumplimentari, u billi tiġi kkonsultata fil-fażi preparatorja tat-tfassil tal-abbozzi ta' atti leġiżlattivi;

40.    Jistieden lill-Kunsill biex minnufih jadotta l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward ta' deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ta' ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(9), apparti l-ftehima politika ta' Diċembru 2007; ifakkar l-opinjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007(10), li kienet favur il-proposta; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, tipproponi att leġiżlattiv simili rigward il-ġlieda kontra l-omofobija;

41.    Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' għarfien tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri u jinnota li, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom rikors għal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżdied dan l-għarfien; fl-istess ħin jenfasizza l-fatt li leġiżlazzjoni mhijiex effikaċi ħlief jekk iċ-ċittadini jkollhom aċċess faċli għall-qrati, peress li s-sistema ta' protezzjoni prevista mid-direttivi kontra d-diskriminazzjoni tiddependi fuq inizjattivi meħuda mill-vittmi;

42.    Iqis li, lil hinn mill-għodda leġiżlattiva u mill-possibilitajiet ta' appell, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni trid tkun ibbażata fuq l-edukazzjoni, il-promozzjoni tal-aħjar prattika u l-kampanji ta' informazzjoni immirati lejn il-pubbliku in ġenerali u l-oqsma u s-setturi fejn isseħħ din id-diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jużaw l-għodod edukattivi mħejjija mill-Aġenzija u mill-Kunsill tal-Ewropa, meta jwettqu miżuri ta' edukazzjoni u ta' promozzjoni tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni;

43.    Jenfasizza li l-kunċett ta' azzjoni pożittiva, li huwa rikonoxximent tal-fatt li f'ċerti każijiet azzjoni effettiva għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni teħtieġ intervent attiv min-naħa tal-awtoritajiet biex jinkiseb lura bilanċ fejn dan ikun ipperikolat serjament, ma jistax jiġi limitat għall-kunċett tal-kwoti; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn fil-prattika jistgħu iseħħu fl-aktar forom varjati, bħall-garanzija ta' intervisti għar-reklutaġġ, aċċess prijoritarju għal taħriġ li jwassal għal sejba ta' post tax-xogħol f'oqsma fejn ċerti komunitajiet huma sottorappreżentati, informazzjoni prijoritarja dwar offerti ta' impjieg għal ċerti komunitajiet, u l-kunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali minflok tal-kwalifiki biss;

44.   Huwa tal-fehma li l-ġbir ta' data dwar il-qagħda tal-minoranzi u tal-gruppi żvantaġġjati huwa importanti, hekk kif ġie enfasizzat fir-rapporti suċċessivi taċ-Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija u tal-Aġenzija; jistieden lill-Istati Membri biex jippubblikaw statistika dettaljata dwar reati razzisti u biex jiżviluppaw stħarriġ dwar il-kriminalità u/jew il-vittmi tal-kriminalità li jippermetti l-ġbir ta’ data kwantitattiva u kumparabbli dwar il-vittmi ta’ dawn ir-reati;

Minoranzi

45.    Josserva li t-tkabbir reċenti tal-UE żied madwar mitt grupp ta' popolazzjonijiet minoritarji mal-ħamsin li diġà kien hemm fl-UE-15 u jenfasizza li minħabba l-perċentwali baxxa ta' immigranti, refuġjati u barranin ta' pajjiżi terzi residenti u minħabba l-preżenza ta' minoranzi indiġeni 'tradizzjonali' iktar viżibbli fl-Istati Membri ċentrali u tal-Lvant, il-politiki migratorji u ta' integrazzjoni f'dawn il-pajjiżi huma separati minn dawk rigward il-minoranzi;

46.    Jenfasizza li, għalkemm il-protezzjoni tal-minoranzi hija fost il-Kriterji ta' Kopenħagen, la hemm il-kriterji komuni u lanqas l-istandards minimi għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali fil-politika Komunitarja, u lanqas m’hemm definizzjoni komuni tal-UE fir-rigward tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali; jirrakkomanda li din id-definizzjoni tiġi stabbilita fil-livell Ewropew fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni 1201 tal-Kunsill tal-Ewropa (1993); jistieden lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u dawk tal-Minoranzi u l-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni ta’ Minoranzi Nazzjonali;

47.    Jenfasizza f'dan il-kuntest li aktar u aktar ċittadini tal-UE qegħdin jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor u li dawn għandhom igawdu bis-sħiħ id-drittijiet previsti mit-Trattati rigward l-istatus tagħhom ta' ċittadini tal-Unjoni, b'mod partikulari għal dik li hi l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej kif ukoll għall-moviment liberu; jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikomplu jieħdu azzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-UE kollha kemm hi;

48.    Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew tal-minoranzi, filwaqt li jinnota li d-dritt li wieħed jitkellem u jieħu l-edukazzjoni tiegħu bil-lingwa materna tiegħu huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali l-aktar bażiċi; u jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet tal-Istati Membri għall-approvazzjoni ta' djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet, li huwa importanti ħafna biex wieħed igawdi bis-sħiħ id-drittijiet tal-minoranzi kulturali u reliġjużi;

49.    Iqis li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-awtonomija huma l-iżjed metodi effettivi li bihom jiġu trattati l-problemi ta' komunitajiet ta' minoranza nazzjonali u tradizzjonali, li jsegwu l-aħjar prattiki eżistenti fl-Unjoni; iħeġġeġ l-użu ta' tipi xierqa ta' soluzzjonijiet tal-awtonomija (awtonomiji personali-kulturali, territorjali, reġjonali) ibbażati fuq il-ftehim tal-komunità tal-maġġoranza u dik tal-minoranza filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati Membri;

50.    Jenfasizza li l-politika ta' multilingwiżmu tal-UE għandha tħares u ġġib 'il quddiem il-lingwi reġjonali u ta' minoranza permezz ta' finanzjament partikulari u programmi speċifiċi li jmorru id f'id mal-Programm ta' Tagħlim għal Matul il-Ħajja;

51.    Iqis li l-persuni mingħajr stat, li jgħixu permanentament fl-Istati Membri, jinsabu f'sitwazzjoni unika fl-Unjoni Ewropea, billi ċerti Stati Membri jimponu fuqhom esiġenzi mhux ġustifikati jew li mhumiex strettament neċessarji, u dan huwa diskriminatorju, meta titqies is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-grupp tal-maġġoranza; jitlob għalhekk lill-Istati Membri kkonċernati biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti relatata mal-Istatus tal-Persuni Mingħajr Stat u dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta' persuni mingħajr stat (1954, 1961); jitlob lil dawk l-Istati Membri, li l-aċċess tagħhom għal sovranità ġdida jew l-irkupru tagħha seħħ fis-snin 90, biex jittrattaw lill-persuni kollha li kienu jgħixu fit-territorju tagħhom qabel din is-sovranità mingħajr diskriminazzjoni, u jistedinhom isibu b'mod sistematiku soluzzjonijiet ġusti, ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, għall-problemi ffaċċjati mill-persuni kollha li jisfaw vittmi ta' prattiki diskriminatorji; jikkundanna, b'mod partikulari, il-prattiki tat-tħassir deliberat ta' residenti permanenti reġistrati fl-Unjoni Ewropea u jistieden lill-gvernijiet ikkonċernati biex jieħdu miżuri effikaċi ħalli jroddu lura l-istatus lil dawn il-persuni mingħajr stat.

Ir-Roma

52.    Iqis li l-komunità tar-Roma teħtieġ protezzjoni speċjali, minħabba li wara t-tkabbir tal-Unjoni, din saret waħda mill-ikbar minoranzi fl-UE; jenfasizza li din il-komunità storikament ġiet marġinalizzata u ma tħallitx tiżviluppa f'ċerti oqsma prinċipali, minħabba problemi ta' diskriminazzjoni, stigma u ta' esklużjoni fir-rigward tagħha, li saru dejjem iktar b'saħħithom;

53.    Iqis li l-marġinalizzazzjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet tar-Roma huma fatti li seħħew minkejja l-istrumenti ġuridiċi, politiċi u finanzjarji introdotti fil-livell Ewropew sabiex din il-problema tingħeleb; josserva li l-isforzi b'mod imxerred u mhux ikkoordinat tal-Unjoni u tal-Istati Membri s'issa għadhom ma wasslux għal titjib strutturali u sostenibbli tas-sitwazzjoni tar-Roma, partikolarment fl-oqsma prinċipali bħall-aċċess għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għall-alloġġ u għall-impjieg, u dan jikkostitwixxi falliment rikonoxxut pubblikament;

54.    Jiddeplora n-nuqqas ta' politika globali u integrata tal-UE li speċifikament timmira d-diskriminazzjoni kontra r-Roma, sabiex jiġu ffaċċjati l-problemi prijoritarji li qed jaffaċċjaw, hekk kif stabbilit b'ċertu numru ta' mekkaniżmi għall-verifika tal-konformità mad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluża l-evalwazzjoni ta' qabel is-sħubija li saret mill-Kummissjoni Ewropea, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapporti tal-Aġenzija; jafferma li hija responsabilità kollettiva tal-Unjoni li tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi, li jikkostitwixxu waħda mill-iktar kwistjonijiet vasti u kumplessi fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li l-Unjoni għandha tagħmel sforz konvint f'din id-direzzjoni;

55.    Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ globali tan-non-diskriminazzjoni, ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem u mmirat li jieħu azzjoni, u li jirrefletti d-dimensjoni Ewropea tad-diskriminazzjoni kontra r-Roma; iqis li strateġija ta' qafas tal-Unjoni Ewropea għall-integrazzjoni tar-Roma għandu jkollha l-għan li ssolvi l-problemi reali billi tipprovdi pjan direzzjonali għall-Istati Membri li jistabbilixxi objettivi u prijoritajiet u jiffaċilita l-immoniterjar tal-proċessi ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta':

–       is-segregazzjoni tar-Roma fl-aċċess għall-alloġġ, ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħal żgumbrament sfurzat u l-esklużjoni tagħhom mill-impjieg u mit-tagħlim pubbliku u mis-saħħa pubblika, permezz ta’ infurzar ta’ liġijiet li mhumiex diskriminatorji u l-iżvilupp tal-politiki biex jindirizzaw livelli għoljin ta’ qgħad;

–       in-nuqqas ta' rispett frekwenti tad-drittijiet tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-sottorappreżentanzi politiċi,

–       is-sentimenti mifruxa kontra r-Roma, il-garanziji assolutament mhux biżżejjed kontra d-diskriminazzjoni razzjali fil-livell lokali u programmi adegwati ta' integrazzjoni li mhumiex biżżejjed; diskriminazzjoni ċara fil-kura tas-saħħa, inkluża l-isterilizzazzjoni furzata u segregazzjoni, in-nuqqas ta' informazzjoni adegwata dwar l-ippjanar tal-familji;

–       id-diskriminazzjoni min-naħa tal-pulizija; il-profili razzjali tal-pulizija (– fost l-oħrajn permezz tat-teħid ta' marki tas-swaba' u forom oħra ta' ġbir tad-data), u setgħat kbar diskrezzjonali tal-pulizija inklużi kontrolli mhux proporzjonati maħsuba biex isiru bl-addoċċ, li jenfasizzaw il-bżonn urġenti għal programmi ta' taħriġ u li jqajmu l-kuxjenza dwar il-bżonn għal nuqqas ta' diskriminazzjoni min-naħa tal-pulizija, li fil-preżent huma fil-parti l-kbira ineżistenti;

–       is-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tan-nisa tar-Roma, li huma suġġetti għal diskriminazzjoni multipla;

Ugwaljanza tal-opportunitajiet

56.    Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu r-rispett, il-protezzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet elenkati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u jitlob lill-Istati Membri kkonċernati biex itemmu r-riżervi tagħhom u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv ta' din il-Konvenzjoni(11), filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jagħmlu ħilithom biex jonoraw l-impenji tagħhom li ħadu fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-Pjattaforma għal Azzjoni tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Beijing tal-1995;

57.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE biex jiġġieldu permezz ta’ miżuri effiċjenti d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra n-nisa fl-isferi kollha (inklużi fiż-żwieġ, fis-sħubija, u f’relazzjonijiet oħra tal-familja)u d-diskriminazzjoni multipla (li ssir fuq bażi ta’ sess u fl-istess ħin fuq bażi oħra);

58.    Jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi u dik ta' immigranti nisa, peress li l-marġinalizzazzjoni tagħhom hija msaħħa mid-diskriminazzjoni multipla kemm minn barra l-komunitajiet tagħhom, kif ukoll fi ħdanhom; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali integrati b'mod li tiġi ffaċċjata b'mod effettiv id-diskriminazzjoni multipla, fuq kollox meta diversi organizzazzjonijiet jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni fi Stat Membru partikolari;

59.    Jenfasizza li l-vjolenza kontra n-nisa minħabba s-sess tagħhom, partikolarment il-vjolenza domestika, għandha tkun rikonoxxuta u miġġielda, fil-livell Ewropew u nazzjonali, peress li din tikkostitwixxi ksur mifrux tad-drittijiet tan-nisa u ta' spiss sottovalutat, u jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri adegwati u effikaċi bil-għan li jiggarantixxu lin-nisa ħajja protetta minn kull vjolenza, billi titqies kif xieraq id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa(12);

60.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE biex jirrikonoxxu u jittrattaw l-isfruttament sesswali fil-forom kollha tiegħu. L-Istati Membri li mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni miftiehma tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom jinżammu responsabbli;(13) L-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tan-Nies, Speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Traffikar tal-Bnedmin;

61.    Jenfasizza l-bżonn li tiżdied il-kuxjenza pubblika tad-dritt għas-saħħa riproduttiva u sesswali u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li n-nisa jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, biex jistabbilixxu edukazzjoni sesswali adegwata, informazzjoni u servizzi kunfidenzjali ta' għoti ta' pariri, u li jiffaċilitaw il-metodi ta' kontraċezzjoni sabiex tiġi evitata tqala mhux mixtieqa u abborti illegali u riskjużi, u biex jiġġieldu kontra l-prattika tal-mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa;

62.    Jenfasizza li n-nisa ta’ minoranzi etniċi għandhom ikunu żgurati l-aċċess għall-fondi pubbliċi, ikun xi jkun l-istatus legali tagħhom, sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi u għal drittijiet tas-saħħa b’mod sikur, ugwali u li jirrispetta l-valuri kulturali tagħhom, partikolarment fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi; għandu jkun adottat qafas legali Ewropew biex tkun żgurata l-integrità fiżika tat-tfajliet mill-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili;

63.    Jenfasizza illi, għalkemm sar xi progress fir-rigward tal-impjieg tan-nisa u minkejja l-livell għoli ta' edukazzjoni tagħhom, huma għadhom miġbura f’ċerti professjonijiet, qed jitħallsu inqas mill-irġiel għall-istess impjieg, u huma inqas preżenti fil-postijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u għadhom qed jitqiesu b'suspett min-naħa tal-persuni li jimpjegaw, minħabba raġunijiet ta' tqala u ta' maternità; id-differenza fis-salarji tal-irġiel u n-nisa trid tiġi indirizzata serjament biex ikunu ggarantiti l-indipendenza ekonomika tan-nisa kif ukoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol;

64.    Jitlob lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jieħdu l-miżuri neċessarji fil-ġlieda kontra t-turment sesswali u psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol;

65.    Jinsisti dwar il-ħtieġa li n-nisa jkunu appoġġjati fil-karriera professjonali tagħhom, anke permezz ta’ politiki proattivi biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja privata, tax-xogħol u tal-familja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kemm il-liv tal-ġenituri maqsum kif ukoll il-liv tal-missirijiet, u li l-ispejjeż tal-maternità u tal-liv tal-ġenituri jiġu mutwalizzati sabiex in-nisa ma jibqgħux jirrappreżentaw ħaddiema li jiswew iktar flus milli jiswew l-irġiel; u jenfasizza l-ħtieġa ta’ kampanji ta’ għarfien biex ikunu evitati l-isterjotipi tas-sessi filwaqt li jenfasizza l-importanza li jkunu garantiti kundizzjonijiet ta’ xogħol flessibbli, li jiżdied l-aċċess għas-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal kif ukoll li tkun iggarantita l-parteċipazzjoni sħiħa fl-iskemi tal-pensjonijiet għan-nisa bit-tfal;

66.    Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu, flimkien mal-imsieħba soċjali, kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa tqal fis-suq tax-xogħol, u biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-ommijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni iktar dettaljata tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mal-liġi Komunitarja f'dan il-qasam u biex, jekk ikun il-każ, tressaq kull proposta adegwata għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

67.    Jiġbed l-attenzjoni lejn in-numru kbir ta' msieħba (il-parti l-kbira nisa) ta' ħaddiema indipendenti (prinċipalment fl-agrikultura), li l-istatus ġuridiku tagħhom huwa inċert f'bosta Stati Membri, u dan jista' joħloq problemi finanzjarji u ġuridiċi speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għal-liv ta' maternità u għal-liv għall-mard, il-ġbir tal-punti għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll f'każ ta' divorzju;

68.    Jagħraf li l-aċċess mhux indaqs tan-nisa għar-riżorsi ekonomiċi fis-suq tax-xogħol idgħajjef l-aċċess tagħhom għall-protezzjoni soċjali, partikolarment għad-drittijiet tal-pensjoni, u għaldaqstant ir-rata tan-nisa f'riskju li jkunu fqar meta jkunu anzjani hija akbar mir-rata tal-irġiel; sabiex tkun evitata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, huwa kruċjali li l-individwalizzazzjoni tad-drittijiet jkunu ggarantiti f'sistemi ta' potezzjoni soċjali iżjed milli bbażati fuq l-unità tal-familja; iż-żmien mgħoddi barra mis-suq tax-xogħol formali għal raġunijiet ta’ kura għandu jitqies fil-kalkolu tad-drittijiet sħaħ tal-pensjoni, fil-forma ta’ unitajiet ta’ “żmien ta’ kreditu”;

69.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu konxji mil-liġijiet eżistenti u mill-ftehimiet soċjali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet diskriminatorji li jirriżultaw minn nuqqas ta' għarfien tal-kuntest ġuridiku u soċjali;

70.    Jitlob lill-Istati Membri biex jirrifjutaw l-invokazzjoni tad-drawwa, tat-tradizzjonijiet jew ta' kwalunkwe kunsiderazzjoni reliġjuża oħra biex jiġġustifikaw xi forma ta' diskriminazzjoni, oppressjoni jew vjolenza kontra n-nisa, jew inkella l-adozzjoni ta' politiki li jistgħu jipperikolaw ħajjithom;

71.    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar id-diskriminazzjoni kontra persuni li jgħixu waħedhom, partikolarment fir-rigward tat-trattament fiskali, tas-sigurtà soċjali, tas-servizzi pubbliċi, tas-servizzi tas-saħħa u tal-alloġġ;

Orjentament sesswali

72.    Iqis li l-kummenti diskriminatorji fformulati minn mexxejja politiċi u soċjali kontra l-persuni omosesswali jżidu l-mibegħda u l-vjolenza, u jitlob lill-korpi governattivi relevanti biex jikkundannaw dawn il-kummenti;

73.    Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport tematiku tal-Aġenzija, imfassal fuq talba tal-Parlament u li jittratta 'l-omofobija u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali fl-Istati Membri tal-UE' u jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jimplimentaw b'mod urġenti r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija jew biex jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom biex ma jimplimentawhomx;

74.    Ifakkar lill-Istati Membri kollha li, bi qbil mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà li l-persuni jingħaqdu flimkien tista' tiġi eżerċitata, anke jekk l-opinjonijiet ta' dawk li jagħmlu użu minn dan id-dritt imorru kontra dawk tal-maġġoranza u li, għalhekk, il-projbizzjoni diskriminatorja ta' parati, kif ukoll kull nuqqas ta' rispett tal-obbligu li tingħata protezzjoni adegwata lil dawk li jipparteċipaw f'dawn il-parati, tmur kontra l-prinċipji garantiti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Artikolu 6 tat-Trattat tal-UE dwar il-valuri u l-prinċipji komuni tal-UE, u mill-Karta;

75.    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni dwar sħubiji bejn persuni tal-istess sess biex jirrikonoxxu d-dispożizzjonijiet adottati minn Stati Membri oħra li għandhom effetti simili; jistieden lil dawk l-Istati Membri biex ifasslu linji gwida għar-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex ikun iggarantit li d-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea għall-koppji tal-istess sess japplika skont kundizzjonijiet ugwali għal dawk applikabbli għall-koppji eterosesswali;

76.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jiżguraw li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għall-koppji omosesswali, kemm jekk dawn ikunu miżżewġin kif ukoll jekk ikunu fi sħubija ċivili rreġistrata, partikolarment meta huma jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, hekk kif jidher fil-liġi tal-UE;

77.    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ħadux azzjoni, u b'applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza, biex jieħdu azzjoni leġiżlattiva sabiex tingħeleb id-diskriminazzjoni kontra l-koppji tal-istess sess fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom;

78.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jagħtu ażil lil persuni li jkunu qed jaħarbu mill-persekuzzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, biex tieħu inizjattivi fil-livelli bilaterali u multilaterali biex jitwaqqfu l-persekuzzjonijiet ta’ persuni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali tagħhom, u biex tibda studju dwar is-sitwazzjoni tal-persuni transesswali fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati, partikolarment fir-rigward tar-riskji ta' turment u ta' vjolenza;

Ksenofobija

79.    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lid-diversi livelli ta' gvern lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri, biex jikkoordinaw il-miżuri tagħhom għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u kontra l-attakki fuq il-gruppi ta' minoranża, inklużi r-Roma, il-minoranzi nazzjonali tradizzjonali u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri, b'tali mod illi jobbligaw rispett tal-prinċipji ta' tolleranza u ta' non-diskriminazzjoni u biex tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali, ekonomika u politika; jistieden lill-Istati Membri kollha, li għadhom ma għamlux dan, biex jiddikjaraw il-kompetenza tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali biex jirċievi u jqis komunikazzjonijiet individwali fil-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

80.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkastigaw b'determinazzjoni kull turija ta' mibegħda li tiġi espressa fi programmi razzisti fil-midja u f'artikli li jxerrdu diskors intolleranti, fil-forma ta' reati odjużi kontra r-Roma, l-immigranti, il-barranin, il-minoranzi nazzjonali tradizzjonali u gruppi ta' minoranza oħra, kif ukoll permezz ta' gruppi mużikali u waqt kunċerti neo-Nazzisti, li spiss jitħallew isiru fil-pubbliku mingħajr l-ebda konsegwenza; iħeġġeġ ukoll lill-partiti u lill-movimenti politiċi li jeżerċitaw influwenza qawwija fuq il-midja tal-massa biex ma jagħmlux diskors ta’ mibegħda u biex ma jimmalafamawx il-gruppi ta' minoranza fl-Unjoni;

Iż-żgħażagħ, l-anzjani u n-nies b'diżabilità

81.    Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu involviment aktar b’saħħtu tal-imsieħba soċjali fit-twettiq ta’ azzjonijiet bil-għan li tkun eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità jew fuq l-età u biex itejbu radikalment l-aċċess tal-persuni anzjani u tal-persuni b'diżabilità għas-suq tax-xogħol u għall-programmi ta' taħriġ; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawhomx, biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

82.    Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li dawk kollha li jkunu jeħtieġu kuri ġerjatriċi jew trattament għal marda jew diżabilità jkollhom aċċess għal kuri u trattamenti u jenfasizza n-neċessità li tingħata attenzjoni partikolari għall-għoti tal-kura u għall-protezzjoni ta’ żgħażagħ b’diżabilità;

Kultura

83.    Jisħaq fuq l-importanza tal-midja fil-promozzjoni tad-diversità, tal-multikulturaliżmu u tat-tolleranza; iħeġġeġ lis-servizzi kollha tal-midja biex jevitaw kontenut li jista' jiffavorixxi razziżmu, ksenofobija, intolleranza jew diskriminazzjoni ta' kull tip;

84.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri fil-kuntest tas-Sena tad-Djalogu Interkulturali tal-UE (2008) biex jikkooperaw ma' numru kbir ta' msieħba, b'mod partikolari l-NGOs, sabiex jitħeġġeġ id-djalogu interkulturali u biex jiżdiedu l-għarfien, partikolarment fost iż-żgħażagħ ta' valuri komuni maqsuma, u r-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika;

85.    Jenfasizza l-irwol importanti tal-isport fit-tħeġġiġ tat-tolleranza, tar-rispett reċiproku u tal-fehim; jitlob lill-korpi nazzjonali u Ewropej tal-isport biex ikomplu fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u jħeġġeġ it-tnedija ta' inizjattivi ġodda, iktar b'saħħithom u estiżi biex jibnu fuq miżuri li jinsabu attwalment fis-seħħ;

86.    Jisħaq fuq l-irwol importanti tal-litteriżmu tal-midja fil-kuntest ta' opportunitajiet edukattivi ġusti u ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea;

87.    Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw l-integrazzjoni effettiva ta' nies ġodda, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, li jiġu minn Stati barra mill-Unjoni Ewropea fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri, u biex huma jkunu megħjuna billi titrawwem id-diversità kulturali tagħhom;

Il-forzi armati

88.    Ifakkar li d-drittijiet fundamentali ma jiqfux sal-bibien tal-għassa, u li japplikaw ukoll bis-sħiħ għaċ-ċittadini bl-uniformi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati wkoll fil-forzi armati;

Migranti u refuġjati

Aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u l-immigrazzjoni legali

89.    Jinsab ixxokkjat dwar id-destin traġiku tal-persuni li jmutu filwaqt li jkunu qed jipprovaw jilħqu t-territorju Ewropew; minħabba li l-mezzi ta' migrazzjoni legali lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi huma kważi ineżistenti, il-migranti qed jitħallew f'idejn dawk li jgħaddu n-nies minn post għall-ieħor jew f'idejn it-traffikanti, u/jew jissograw ħajjithom sabiex iwettqu l-vjaġġ sal-Ewropa, li jikkawża eluf ta' mwiet kull sena;

90.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu politiki ta' migrazzjoni effettivi, legali u fuq medda twila ta' żmien, kif ukoll li jiggarantixxu aċċess ġenwin għat-territorju tal-UE u għal proċedura għal regoli iktar flessibbli u koordinati li jiggvernaw il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil, minflok jikkonċentraw l-isforzi kollha tagħhom fuq il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, billi jużaw numru dejjem jikber ta' miżuri ta' kontroll fil-fruntieri, li huma neqsin mill-mekkaniżmi neċessarji għall-identifikazzjoni ta' persuni potenzjali li jitolbu l-ażil fil-fruntieri tal-Ewropa, u dan iwassal għal ksur tal-prinċipju tan-''non-refoulement'', hekk kif imniżżel fil-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-1951;

91.    Jistieden lill-Istati Membri biex japplikaw il-Linji Gwida dwar is-Sessi tal-UNHCR (2002) fl-implimentazzjoni tad-direttivi eżistenti tal-UE dwar l-ażil;

92.    Jitlob lill-Kunsill sabiex jiċċara l-irwoli tal-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni tal-koperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) u tal-Istati Membri, minħabba li hemm nuqqas ta' ċarezza u ta' trasparenza fir-rigward tal-portata eżatta tal-ħidma ta' koordinazzjoni tal-FRONTEX, u tal-modi kif jitwettqu l-operazzjonijiet, sabiex jiġi garantit li l-kontrolli fil-fruntieri jitwettqu fir-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li huwa urġenti li jiġi emendat il-mandat tal-FRONTEX, sabiex jinkludi s-salvataġġ fl-ibħra; jitlob superviżjoni demokratika mill-Parlament tal-konklużjoni minn FRONTEX ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi, partikolarment fir-rigward tal-organizzazzjoni konġunta tar-ritorni;

93.    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jawtorizzaw lill-FRONTEX ħalli tistabbilixxi koperazzjoni strutturata mal-Aġenzija u mal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), sabiex jiġu faċilitati l-operazzjonijiet b'implikazzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

94.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tendenza li l-kontrolli fil-fruntieri jinżammu dejjem iktar u iktar 'il bogħod mill-fruntieri ġeografiċi tal-UE jagħmel diffiċli ferm il-kontroll ta' xi jkun għaddej meta l-persuni li jixtiequ jitolbu status ta' refuġjati u dawk li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali jidħlu f'kuntatt mal-awtoritajiet ta' pajjiż terz;

95.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, u lill-Kunsill b’mod partikulari, biex malajr u b’mod ambizzjuż imexxu l-istrateġija għall-futur tal-Ewropa fil-qasam tal-ażil għall-implimentazzjoni tal-Fażi II, inkluża r-reviżjoni tad-direttiva dwar l-istandards minimi rigward proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' refuġjati kif ukoll id-direttiva dwar l-istandards minimi biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni bla stat jikkwalifikaw u jingħataw l-istatus ta' refuġjati jew persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u t-twaqqif ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Ażil;

Akkoljenza

96.    Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tevalwa riġorużament it-traspożizzjoni tad-direttiva dwar l-Akkoljenza sabiex in-nuqqas ta' traspożizzjoni jew it-traspożizzjoni parzjali tagħha ma twasslux lil bosta Stati Membri għal prattiki li jkunu ta' standard iktar baxx mill-istandards minimi imposti mid-direttiva;

97.    Ifakkar li l-migranti li ma jressqux talba għall-ażil għandhom ukoll jintlaqgħu fi strutturi nodfa u adegwati, fejn huma jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa - bl-għajnuna ta' interpreti u ta' ombudsmen kulturali mogħtija taħriġ adegwat - bid-drittijiet u bil-possibilitajiet tagħhom skont il-liġi tal-pajjiż ospitanti, il-liġi Komunitarja u l-konvenzjonijiet internazzjonali;

It-tfal ta' migranti, dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati

98.    Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tat-tfal refuġjati, li jitolbu l-ażil u li huma migranti, u tat-tfal ta' ġenituri li jitolbu l-ażil, refuġjati jew li ma jkollhomx dokumenti, sabiex jiġi żgurat li kull tifel u tifla jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, hekk kif definiti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u fosthom id-dritt għan-non-diskriminazzjoni, filwaqt li jitqiesu qabel kollox l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla fl-azzjonijiet kollha li jseħħu, għalkemm ikunu rikonoxxuti għal kollox l-irwol importanti u r-responsabilità tal-ġenituri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp f'ċerti Stati Membri ta' sistema doppja għall-edukazzjoni u jenfasizza li kura tas-saħħa u għajnuna differenti għat-tfal taċ-ċittadini u dawk tal-persuni mhux ċittadini la għandhom ikunu diskriminatorji u lanqas għandhom idumu għal tul ta’ żmien u għandhom ikunu ġustifikati f’sens li jiżguraw edukazzjoni aħjar, inkluż il-lingwi tal-pajjiż ospitanti għat-tfal kollha;

99.    Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati u lil dawk mifruda mill-ġenituri tagħhom, li jaslu fit-territorju tal-Unjoni permezz ta' immigrazzjoni illegali, u jenfasizza l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtuhom għajnuna u protezzjoni speċjali; jitlob lill-awtoritajiet kollha - lokali, reġjonali, nazzjonali - u lill-istituzzjonijiet Ewropej, sabiex jikkoperaw b'mod regolari u ta' spiss għall-protezzjoni ta' dawn it-tfal minn kwalunkwe tip ta' vjolenza u ta' sfruttament, li jiżguraw li jingħatalhom tutur mingħajr dewmien, li tingħatalhom għajnuna legali, li tiġi mfittxa familthom u li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tagħhom, permezz ta' alloġġ adegwat, aċċess għall-faċilità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, partikolarment tat-tagħlim tal-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ospitanti, tat-taħriġ professjonali u ta' integrazzjoni kompleta fis-sistema skolastika;

100. Ifakkar li d-detenzjoni amministrattiva ta' tfal m'għandhiex teżisti, u li t-tfal akkumpanjati minn familthom jistgħu biss jinżammu f'ċirkostanzi realment eċċezzjonali, għall-iqsar żmien possibbli u unikament jekk detenzjoni tkun fl-interess tagħhom, bi qbil mal-Artikoli 3 u 37(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Integrazzjoni

101.  Jitlob li jkun hemm iktar koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali ta' integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' inizjattivi Ewropej f'dan il-qasam; jenfasizza li prinċipji bażiċi komuni għal kuntest Ewropew koerenti f'dan il-qasam għandhom jiggarantixxu li l-politika ta' integrazzjoni tinkludi, u tmur oltre, il-politika kontra d-diskriminazzjoni u hija estiża għal ċerti oqsma, bħall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

102.  Jitlob li jiġu żviluppati programmi ta' inklużjoni u ta’ djalogu interkulturali maħsuba għall-prevenzjoni ta' tensjoni potenzjali bejn il-migranti intra-Komunitarji u l-komunitajiet awtoktoni fil-kuntest tal-fenomenu tal-migrazzjoni ta' wara t-tkabbir;

103.  Iqis li l-iktar bżonn urġenti tal-minoranzi ta' oriġini ta' immigranti hija li jintegraw malajr kemm jista' jkun fis-soċjetà tal-pajjiż fejn huma jgħixu, filwaqt li jiġi żgurat li dan iseħħ fi spirtu ta' reċiproċità; iqis li huwa wkoll importanti li jiġi rikonoxxut id-dritt ta' kull persuna li tkun twieldet u tgħix fi Stat Membru li jkollha aċċess għad-drittijiet ċivili; jemmen li d-dritt ta’ residenti fit-tul li jipparteċipaw fil-ħajja politika f'livell lokali jippromwovi l-integrazzjoni soċjali u politika;

104.  Huwa preokkupat li n-nuqqas ta' politiki effettivi ta' integrazzjoni qed iwassal għall-esklużjoni ta' mijiet ta' eluf ta' persuni li mhumiex ċittadini u ta' persuni bla Stat mill-ħajja tax-xogħol, mis-soċjetà u mill-politika, u dan idgħajjef ukoll l-għan tal-UE li tiżdied il-mobilità tax-xogħol sabiex jittejbu l-kompetittività u l-prosperotà ekonomika; jirrikonoxxi r-riskju li l-esklużjoni tista' tqiegħed lil persuna f’pożizzjoni vulnerabbli, u tiftaħ it-triq għar-radikalizzazzjoni, għall-ittraffikar u għal forom oħra ta’ sfruttament.

Ritorn

105.  Jinsisti dwar il-fatt li l-persuni għandhom biss jintbagħtu lura f'pajjiżhom wara eżami ġust u sħiħ tat-talba tagħhom; huwa tal-fehma li, meta r-ritorn ikun impossibbli jew inuman minħabba sitwazzjoni kritika fir-rigward tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tal-oriġini jew tat-tranżitu, l-Istati Membri m'għandhomx jibqgħu jibagħtuhom lura skont il-każistika tal-ECtHR;

106.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkontrollaw il-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' integrazzjoni tal-persuni mibgħuta lura fil-pajjiżi ta' oriġini u ta’ transitu u li jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li dawn il-persuni jkollhom għajnuna adegwata;

Ftehimiet ta' detenzjoni u ta' riammissjoni

107.  Huwa preokkupat dwar il-fatt li, għal diversi snin, kien hemm żieda fl-għadd ta' ċentri tad-detenzjoni għal ċittadini barranin fl-Istati Membri u fil-fruntieri tagħhom; fuq il-bażi ta' għadd ta' rapporti, inklużi dawk minn delegazzjonijiet mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li jikkundannaw il-vjolazzjoni ta' spiss tad-drittijiet tal-bniedem, jitlob li jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

–           ikun żgurat l-aċċess għall-NGOs li jispeċjalizzaw fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u tal-persuni li jfittxu l-kenn sabiex il-preżenza tagħhom fiċ-ċentri tad-detenzjoni tiddaħħal fil-liġi u ma tkunx biss ir-riżultat ta' rieda tajba;

–           jitwaqqaf bord indipendenti tal-verifika f'livell Ewropew b'responsabilità għas-sorveljanza taċ-ċentri tad-detenzjoni fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

–           l-Aġenzija tkun mitluba rapport annwali li janalizza s-sitwazzjoni ta' individwi li jintbagħtu fiċ-ċentri tad-detenzjoni taħt l-awtorità tal-Istati Membri, fil-fruntieri jew barra mill-fruntieri tagħhom, kif ukoll li tressqu lill-Parlament;

108.  Jinsab inkwetat minħabba li, sa mill-2002, il-klawsoli ta' ammissjoni mill-ġdid huma inklużi fil-maġġor parti tal-ftehimiet bilaterali konklużi mill-UE ma' pajjiżi terzi, inkluż fil-ftehimiet kummerċjali, li jwasslu għalhekk għal esternalizzazzjoni dejjem tikber tal-politika migratorja tal-Unjoni Ewropea, li hija kkaratterizzata minn kontroll parlamentari insuffiċjenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinvolvu lill-Parlament sa minn fażi bikrija tan-negozjati ta' din il-ftehima u biex iressqulu rapport regolari dwar in-numru ta' persuni mkeċċija mill-UE fuq il-bażi ta' dawn il-klawsoli;

Libertà tal-espressjoni

109.  Jiddefendi l-libertà tal-espressjoni bħala valur fundamentali tal-UE; iqis li hija għandha tiġi eżerċitata fil-limiti tal-leġiżlazzjoni, flimkien mar-responsabilità personali, u għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-oħrajn;

110.  Jilqa' s-sitwazzjoni globalment sodisfaċenti tal-libertà tal-istampa fl-Istati Membri, billi is-27 Stat Membru jinsabu fost l-ewwel 56 fil-''Klassfika Dinjija 2007 tal-libertà tal-istampa'' tar-Reporters sans Frontieres;

111.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri, li dawn l-aħħar snin użaw l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, jew li qed jippjanaw li jibdlu l-leġiżlazzjoni tagħha f’dawn ir-rigward, biex jiksru d-dritt tal-ġurnalisti għas-sigriet tas-sorsi tagħhom kif ukoll id-dritt tal-ġurnalisti u tal-edituri li jippubblikaw l-informazzjoni, biex itejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom u l-prattiki bi qbil mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' Marzu 1996 u mar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dritt tal-ġurnalisti li ma jikxfux is-sorsi tagħhom ta' informazzjoni(14), billi l-ksur ta' dan id-dritt illum jikkostitwixxi l-ikbar theddida għal-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti fl-UE u li ma kienx hemm titjib sinifikattiv ta' din is-sitwazzjoni f'dawn l-aħħar snin;

112.  Iqis il-libertà tal-opinjoni u l-indipendenza tal-istampa bħala drittijiet universali li ma jistgħux ikunu kompromessi minn individwu jew grupp li jħossu attakkat minn dak li jinkiteb jew jintqal; jenfasizza fl-istess ħin li d-dritt tar-ripatrijazzjoni fil-każ ta' rapport falz jew ta' malafama irid ikun iggarantit mill-qrati skont il-leġiżlazzjoni eżistenti;

113.  Iqis li l-libertà tal-istampa dejjem għandha tiġi eżerċitata fil-limiti tal-liġi, iżda fl-istess ħin jinsab inkwetat dwar il-fatt li t-tendenza ta' dawn l-aħħar snin li ċerti suġġetti ma jissemmewx fid-dibattiti pubbliċi, f'ħafna Stati Membri jwassalu għal forma ta' ċensura mhux uffiċjali jew għal awtoċensura fil-midja;

Id-drittijiet tat-tfal

Vjolenza, faqar u xogħol

114.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal u jinsisti b'mod partikolari dwar il-bżonn li jiġu miġġielda l-iktar forom kurrenti ta' vjolenza fl-Istati Membri; il-pedofelija, l-abbużi sesswali, il-vjolenza fil-familja, il-kastigi fuq il-ġisem fl-iskejjel u diversi forom ta' abbużi fl-istituzzjonijiet; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi siguri, kunfidenzjali u aċċessibbli, li jippermettu lit-tfal fl-Istati Membri kollha li jiddenunċjaw il-vjolenza, u li jiżguraw li dawn l-episodji jirċievu ħafna attenzjoni;

115.  Jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri effettivi biex jipprojbixxu diversi forom ta' sfruttament tat-tfal, inkluż l-isfruttament għall-prostituzzjoni, għall-produzzjoni ta’ pornografija għat-tfal, għat-traffikar tad-drogi, għas-serq minn ġol-bwiet, għall-użu tat-tfal bħala tallaba u għal kull forma oħra ta' sfruttament;

116.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri bil-għan li jkunu eliminati għal kollox iż-żwiġijiet mhux uffiċjali bejn dawk li huma taħt l-età, li spiss ikunu għadhom żgħar; iqis li dawn il-prattiki jikkostitwixxu forma ta' abbuż sesswali li hu ta' ħsara għall-iżvilupp tat-tfal u li dawn il-prattiki jinkoraġġixxu lit-tfal jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;

117.  Jistieden lit-tlettax-il Stat Membru li m'għandhomx il-leġiżlazzjoni rilevanti biex jipprojbixxu għalkollox il-kastig tal-ġisem, skont ir-rapport tal-2006 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza fuq it-tfal, li jiddeskriviha bħala l-form l-aktar mifruxa ta' vjolenza fuq it-tfal;

118.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-politiki kollha, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, iqisu l-eliminazzjoni tal-ħidma tat-tfal fil-forom kollha tagħha; iqis li l-edukazzjoni full-time hija l-aħjar mezz biex tissolva l-problema, kemm biex jiġu evitati abbużi simili kif ukoll biex fil-ġejjieni jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tal-analfabetiżmu u tal-faqar;

119.  Jinnota li f'xi Stati Membri eluf ta' tfal jitqabbdu jagħmlu l-agħar tip ta' xogħol fiz-zoni urbani u rurali, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex jaffrontaw din il-problema billi japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom b'mod strett u billi jorganizzaw kampanji ta' edukazzjoni nazzjonali mmirati kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal;

120.  Ifakkar li madwar 20% tat-tfal fl-UE jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u li l-iktar vulnerabbli fosthom jiġu minn familji b'ġenitur wieħed u/jew għandhom ġenituri li twieldu barra l-pajjiż; jinsisti għalhekk fuq il-fatt li għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jingħata aċċess għad-drittijiet, iffukati fuq il-bżonnijiet tat-tfal, inklużi miżuri ta' appoġġ lill-familji, u jistieden lill-Istati Membri, partikolarment lil dawk li għandhom l-ogħla rati ta' faqar, sabiex jadottaw l-objettivi ambizzjużi u li jistgħu jitwettqu biex jitnaqqas il-faqar tat-tfal u tal-familji tagħhom;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex l-integrazjoni tad-diversi strateġiji li speċifikament jindirizzaw il-faqar tat-tfal u tal-familji tagħhom, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tal-minoranzi fi ħdan l-istrateġiji tal-iżvilupp rilevanti, inkluż fid-dokumenti ta’ strateġija għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Programmi Indikattivi; u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni b’mod effettiv kontra t-traffikar tat-tfal, biex iżidu l-koperazzjoni transkonfinali, biex jipprovdu taħriġ speċjalizzat u biex jimplimentaw standards legali għal dan il-għan;

122.  Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tat-tfal; iqis li l-inizjattivi marbuta ma' Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħal websajt iddedikata għalkollox għal kwistjonijiet dwar it-tfal, għajnuna speċjali u linji tat-telefown għall-emerġenzi kif ukoll l-allokazzjoni baġitarja għal programmi tal-UE għal azzjonijiet għall-benefiċċju tat-tfal, għandhom ikunu implimentati bis-sħiħ u żviluppati aktar;

Diskriminazzjoni

123.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikulari għad-diversi forom ta’ diskriminazzjoni li taffettwa liż-żgħażagħ u lit-tfal, li ħafna drabi tieħu ħafna forom u li jesperjenzawha b’mod partikulari tfal li qed jgħixu fil-faqar, t-tfal tat-triq u żgħażagħ ta’ minoranzi etniċi u gruppi ta’ immigranti, kif ukoll tfal u żgħażagħ b’diżabiltajiet, u li twassal biex dawn ikunu mċaħħda mill-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

124.  Jitlob li t-tfal tar-Roma, b'mod partikulari – iżda mhux esklussivament – fl-Istati Membri fejn ir-Roma jikkostitwixxu minoranza etnika kbira, ikunu koperti minn miżuri speċifiċi bil-għan li jitwaqqfu d-diskriminazjzoni, is-segregazzjoni, u l-esklużjoni soċjali u edukattiva li spiss ikunu vittmi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikulari biex jagħmlu sforzi biex iwaqqfu l-preżenza żejda – u għalkollox mhux ġustifikata – tat-tfal tar-Roma fl-istituzzjonijiet għall-persuni b'diżabilità mentali, biex jorganizzaw kampanji li jippromwovu l-attendenza l-iskola u biex jaħdmu kontra l-fenomenu li ħafna tfal tar-Roma ma jingħatawx karta tall-identità;

125.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw l-integrazjzoni effettiva fis-sistemi tal-edukazzjoni tat-tfal żvantaġġjati u esklużi soċjalment mindu jkunu żgħar ħafna u biex jinkuraġġixxu l-iskambji tal-aqwa prattika għal dan il-għan;

126.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni bħal, pereżempju, is-segregazzjoni tat-tfal tar-Roma, skont is-sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar din il-kwistjoni(15);

Ġustizzja għaż-żgħażagħ

127.  Huwa tal-fehma li d-detenzjoni taż-żgħażagħ li jwettqu reat għandha tkun biss miżura jekk ma jkunx fadal x'isir, li ddum l-anqas żmien possibbli, u għaldaqstant jitlob li jiġu pprovduti alternattivi għall-ħabs għall-minorenni; jinsisti li għandhom jiġu implimentati miżuri ta' riabilitazjzoni bħas-servizz fil-komunità sabiex tinkiseb ir-riintegrazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ fis-soċjetà u fil-ħajja tax-xogħol;

128.  Jinnota li l-età tar-responsabilità kriminali mhijiex l-istess fl-Istati Membri kollha u huwa preokkupat dwar il-fatt li f'uħud minnhom it-tfal jidhru regolarment quddiem qrati tal-adulti filwaqt li f'oħrajn il-qrati taż-żgħażagħ huma magħluqa; jistieden lill-Istati Membri biex jirranġaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom sabiex l-ebda tifel ma jkun qatt iġġudikat bl-istess mod bħall-adulti;

129.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu rappreżentanza effettiva u indipendenti għat-tfal fil-proċessi kollha ġudizzjarji jew semiġudizzjarji li jikkonċernawhom, u biex jiżguraw li t-tfal kollha jiġu assenjati tutur ad litem jekk l-ebda membru tal-familja tagħhom ma jkun jista' jieħu ħsiebhom; jenfasizza li t-tfal kollha, anke dawk li jintbagħtu fil-faċilitajiet ta' kura ġudizzjarja, għandhom ikunu infurmati mill-awtoritajiet dwar l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' lment;

Assistenza għat-tfal

130.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jaġixxu b'tali mod li jiggarantixxu d-dritt tat-tfal li jkollhom familja, u li għalhekk jagħmlu li jistgħu biex isibu soluzzjonijiet effikaċi biex jiġu evitati l-firda bejn il-ġenituri u t-tfal u l-abbandun tat-tfal; jitlobhom biex ma jimxux mal-politika tal-istituzzjonijiet il-kbar u biex jirriformaw, jiżviluppaw u jsaħħu l-istrutturi edukattivi alternattivi effikaċi bbażati fuq il-familja u fuq il-komunità; fil-każ tat-tidħil fl-istituti, jitlob lill-Istati Membri għal mezzi li jippermettu lit-tfal li jmorru lura għand il-familji tagħhom;

131.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu strutturi ta' kura ta' kwalità għolja għat-tfal, iklużi l-edukazzjoni vokazzjonali kontinwa, kundizzjonijiet tajba ta' xogħol u paga deċenti għall-professjonisti fil-kura tat-tfal; jenfasizza li strutturi bħal dawn u l-istaff tagħhom jagħtu lit-tfal strutturi solidi għall-ġejjieni tagħhom u huma wkoll ta' benefiċċju għall-ġenituri tagħhom, partikolarment għal dawk li għandhom ħafna xogħol jew li jkunu ġenituri waħedhom, u li jipprovdu wkoll alternattiva għat-tfal li l-istrutturi tal-familja tagħhom ikunu inadekwati jew non-eżistenti;

Parteċipazzjoni

132.  Ifakkar li t-tfal għandhom id-dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom, skont l-età u l-maturità tagħhom, u jeħtieġ li tingħatalhom il-possibilità li jagħmlu parti minn grupp ta' tfal jew minn assoċjazzjoni b'tali mod illi jiltaqgħu ma tfal oħra u jesprimu ruħhom f'dan il-kuntest; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali sabiex jiffavorixxu l-proġetti bil-għan li t-tfal jingħataw l-opportunità li jesprimu ruħhom b'dan il-mod, fil-kuntest ta' kunsilli u parlamenti lokali għat-tfal, filwaqt li jiġi żgurat li l-iktar tfal esklużi jkunu involuti u li l-informazzjoni fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet tkun imxerrda ħafna fost it-tfal;

133.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni llanċjat forum li jgħaqqad ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal; iqis li l-parteċipazzjoni tat-tfal għandha tkun waħda mill-objettivi ewlenin tal-forum u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-fażijiet kollha tal-forum;

134.  Iqis li huwa importanti li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal taslilhom b'mod aċċessibbli u b'mezzi adegwati: jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa għodda ta' komunikazzjoni effikaċi, li ttejjeb l-għarfien li għandhom it-tfal tad-drittijiet tagħhom, is-sitwazzjoni tat-tfal fl-Istati Membri u l-attivitajiet tal-UE f'dan il-qasam;

Drittijiet soċjali

135.  Iqis li l-faqar u l-esklużjoni soċjali ma jistgħux jiġu miġġielda ħlief billi jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali kollha, inklużi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' kulħadd; japprova f'dan ir-rigward id-deċiżjoni li s-sena 2010 issir is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u biex jilħqu objettivi ambizzjużi f'dan ir-rigward;

136.  Jinsisti dwar il-fatt li hemm numru ta' drittijiet fundamentali indiviżibbli u interdipendenti, u li għandu jiġi ggarantit li l-bnedmin kollha ikollhom aċċess ġenwin għalihom;

Faqar

137.  Jenfasizza li l-Artikolu 30 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta tistipula d-dtitt għall-ħarsien mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali, u jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikawh;

138.  Jenfasizza li l-politiki ta' ''inklużjoni attiva'' tal-iktar persuni mbegħda mis-suq tax-xogħol għandhom jingħataw dejjem iktar importanza;

139.  Jenfasizza li l-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali jikkonsistu fi ksur tad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali;

140.  Jixtieq li jkun hemm integrazzjoni reali tad-dimensjoni soċjali u tad-drittijiet fundamentali fil-politiki kollha tal-UE;

141.  Jieħu impenn favur mudell ta' żvilupp soċjali u sostenibbli li jkun koerenti b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet soċjali u li jkun prinċipalment immirat lejn żieda fil-koeżjoni soċjali;

142.  Ifakkar li l-Artikoli 34 u 36 tal-Karta jirrikonoxxu dritt għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali, u aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha, anke l-aktar vulnerabbli, ikollhom aċċess għal dawk id-drittijiet;

143.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar għandha ssir fi sħubija mal-iktar popolazzjonijiet foqra, li huma l-iktar ikkonċernati u għalhekk l-iktar li jistgħu jagħtu xhieda tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' aċċess għad-drittijiet, u kif għandha tissolva din il-problema; Jixtieq li tiġi stabbilita demokrazija parteċipattiva li tagħti attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni tal-persuni li jgħixu l-faqar, l-esklużjoni, id-diskriminazzjonijiet u l-inugwaljanzi huma nnifishom;

Nuqqas ta’ Akkomodazzjoni

144.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa definizzjoni Ewropea ta' qafas tal-problema ta' persuni bla djar, tiġbor dejta statistika kumparabbli u ta' min joqgħod fuqha u tipprovdi aġġornamenti annwali dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet u l-progress li jkun sar fl-Istati Membri tal-UE sabiex tintemm il-problema ta' persuni bla dar;

145.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu 'pjanijiet ta' emerġenza għax-xitwa' bħala parti minn strateġija usa' għall-problema ta' persuni bla djar;

Alloġġ

146.  Ifakkar li l-Artikolu 34(3) tal-Karta jirrikonoxxi għall-għajnuna soċjali u fir-rigward tal-alloġġ għal kull min m'għandux biżżejjed riżorsi sabiex jingħelbu l-esklużjoni soċjali u l-faqar; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-aċċess għall-alloġġ deċenti;

147.  Ifakkar fl-osservazzjonijiet u l-prinċipji stipulati fir-rapport tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-alloġġ deċenti(16);

Saħħa

148.  Ifakkar li l-Artikolu 35 tal-Karta jagħti lil kulħadd id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li jibbenefikaw mit-trattament mediku; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-aċċess għal kura tas-saħħa xierqa partikolarment għal dawk li għandhom pagi baxxi u għal dawk li s-saħħa tagħhom tirrikjedi kura intensiva fit-tul jew għalja.

149.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE biex jiżguraw li l-persuni li jabbużaw minn sustanzi narkotiċi ikollhom aċċess sħiħ għal servizzi tas-saħħa speċjalizzati u għal trattamenti alternattivi, u biex jaċċertaw li dawn il-persuni ma jkunux ittrattati bħala kriminali sempliċiment minħabba l-użu personali tagħhom ta’ drogi illeċiti;

Ħaddiema

150.  Jinsisti dwar il-bżonn li tittejjeb it-trasparenza fis-suq tax-xogħol, b'tali mod illi kull tip ta' xogħol (temporanju, permanenti, full-time jew part-time, u x-xogħol imħallas fis-siegħa) ikun iddikjarat, imħallas deċentement u li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-ħaddiema;

151.  Jirrikonoxxi li mhux l-Istati Membri kollha għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula l-paga minima; jitlob li jitfasslu strumenti bil-għan li jiġi ggarantit l-aċċess għal kulħadd għal pagi deċenti sabiex ikun iggarantit li l-ħaddiema kollha fl-UE jingħataw salarju li permezz tiegħu jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża;

152.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati għall-isħubija biex jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw lill-ILO fit-tisħiħ tas-sistema u tal-mekkaniżmi ta' sorveljanza tagħha;

153.  Jinkoraġġixxi lin-negozji biex jadottaw politiki responsabbli u mhux diskriminatorji ta' reklutaġġ u ta' żvilupp professjonali, sabiex jagħtu spinta lill-impjegar tan-nisa, taż-żgħażagħ u ta' dawk żvantaġġjati;

154.  Ifakkar li d-diskriminazzjoni għandha titqies ukoll li tinterferixxi mal-erba’ libertajiet fundamentali – b’mod partikulari l-moviment ħieles tal-persuni – u b’hekk tkun ta’ ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom li jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex jiġi eliminat d-divrenzjar bejn iċ-ċittadini Ewropej f’dan ir-rigward;

155.  Jitlob lil dawk l-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema tas-sess, ikun xi jkun l-istatus legali tagħhom, ma jiġux sfruttati minn organizzazzjonijiet kriminali, li jkollhom id-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti u li jkollhom aċċess xieraq għas-servizzi soċjali u għas-servizzi tas-saħħa;

156.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali ta’ persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, u li jaffaċċjaw realment il-problema tal-''ħaddiema foqra''; iqis li strateġiji bħal dawn għandhom jilħqu bilanċ xieraq bejn il-kwistjonijiet rigward livell ġust ta' salarju, bilanċ korrett bejn il-ħajja professjonali u dik familjari, kundizzjonijiet ta' xogħol ta' kwalità, protezzjoni soċjali, il-kapaċità li ssib impjieg u sigurtà fl-impjieg.

Ħaddiema irregolari

157.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti(17), u jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-maġġorparti tal-ħaddiema, li jagħmlu xogħolijiet mingħajr dokumenti ta' immigrazzjoni adegwati, jagħmlu xogħol li huwa legali u indispensabbli għall-ekonomiji Ewropej, bħall-ġbir tal-frott, il-kostruzzjoni jew iż-żamma ta' bini, il-kura tal-morda, tal-anzjani u tat-tfal;

158.  Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jieqfu jimpjegaw it-termini ''immigranti illegali'', li għandhom konnotazzjonijiet negattivi ferm, u minflokhom jużaw it-termini ''ħaddiema / migranti irregolari'' jew ''mingħajr dokumenti'';

159.  Jafferma mill-ġdid li l-liġi tal-impjieg teżisti biex tipproteġi lill-ħaddiema li jinsabu f'relazzjoni ta' impjieg fejn mhemmx ugwaljanza, u dan huwa preċiżament il-każ għal ħaddiema mingħajr dokumenti, u jitlob lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw id-dritt tal-ħaddiema li jorganizzaw ruħhom, inklużi l-ħaddiema mingħajr dokumenti;

160.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti l-istess prijorità u għaġla, billi tittratahom bħala pakkett wieħed, lill-politika ta' immigrazzjoni li qed tiġi żviluppata u lis-''sanzjonijiet kontra persuni li jħaddmu ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed jgħixu illegalment fil-pajjiż'' '';

161.  Jinsisti dwar il-fatt li l-ewwel kompitu tal-ispezzjoni tal-ħidma huwa li jiġu protetti l-ħaddiema, u jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex:

–       u jiżguraw li l-ħaddiema mingħajr dokumenti jkunu jistgħu jressqu ilment dwar impjegatur abbużiv b’mod sikur bla ma jaffaċċjaw theddid ta' tkeċċija;

–       jinvestu fit-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol u ta' dawk li jipproponu għajnuna lill-ħaddiema mingħajr dokumenti, dwar il-possibilitajiet li jintroduċu lment uffiċjali dwar il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol,

–       jistabbilixxu sistema ta' sanzjonijiet li ma tikkastigax lill-ħaddiema minflok lil min iħaddem.

Anzjani

162.  Huwa tal-opinjoni li l-fatt li l-popolazzjoni dejjem tikber jikkostitwixxi sfida u għandu jitqies bħala opportunità sabiex il-persuni b'esperjenza twila u ta' kwalità jiġu involuti iktar fis-soċjetà, billi jikkontribwixxu b'hekk għall-promozzjoni ta' xjuħija attiva; iqis li jeħtieġ isiru sforzi biex il-ħaddiema li qed jixjieħu jiġu inkorporati fis-suq tax-xogħol.

163.  Huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa anzjani li jgħixu waħedhom, li jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli u li spiss huma fost tal-ewwel li jsiru foqra, meta l-ekonomija tkun batuta;

164.  Jinnota l-ħtieġa li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni tan-nisa anzjani u li tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol (i.e. permezz ta’ programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja) meta jitqiesu l-vulnerabilità tagħhom u l-għadd dejjem jiżdied tagħhom fl-Unjoni;

165.  Ifakkar li l-Artikolu 25 tal-Karta jagħti d-dritt ta' ħajja dinjituża u indipendenti għall-anzjani; jirrakkomanda għalhekk, skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Karta, kura tas-saħħa preventiva u sigurtà soċjali għall-anzjani biex ikun żgurat li jkullhom ħajja dinjituża;

166.  Jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma daħħlux leġiżlazzjoni dwar il-'living wills' biex jiżguraw li, kif jgħid l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, “jitqiesu l-aħħar x-xewqat mistqarra dwar intervent mediku minn pazjent li, fil-mument tal-intervent, ma jkunx fi stat li jistqarr ix-xewqat tiegħu”, u biex ikun żgurat id-dritt għad-dinjità fl-aħħar tal-ħajja;

* * *

167. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati kandidati, lill-Aġenzija, lill-Kumitat tal-Ministri u lill-Assemblea parlamentari, kif ukoll lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-entitajiet korrispondenti tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa u tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)

ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(4)

Il-Kunsill tal-Ewropa - l-Unjoni Ewropea: ''Ambizzjoni waħda għall-kontinent Ewropew'', rapport ta' Jean-Claude Juncker, 11 ta' April 2006, p.4.

(5)

1 Ġu C 287 E, 29.11.2007, p. 309

(6)

Rapport Annwali 2008 tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, ippubblikat fl-24 ta' Ġunju 2008

(7)

Protokoll Nru 12 mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat fl-4 ta' Novembru 2000.

(8)

Fil-Każ C 267/07 Tadao Maruko v. Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen tal-1 ta' April 2008 l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut li tingħata pensjoni tas-superstiti lis-sieħeb jew sieħba għall-ħajja jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba orjentazzjoni sesswali, jekk il-konjuġi superstiti u s-sħab superstiti jkunu f'sitwazzjoni kumparabbli f'dik li hija pensjoni.

(9)

(11522/2007 - C6-0246/2007 - 2001/0270(CNS))

(10)

A6-0444/2007

(11)

Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, adottat fil-15 ta' Ottubru 1999

(12)

Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, adottata fl-20 ta' Diċembru 1993

(13)

Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiż terz li huma vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti, 2002/629/JHA: Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

(14)

Rakkomandazzjoni R (2007 7).

(15)

D.H. et al. v. ir-Repubblika Ċeka, dwar każijiet minn snin preċedenti.

(16)

Fehma tal-Kummissarju tad-29 ta' Ottubru 2008 intitolata "Kulħadd għandu jkollu dar - l-alloġġ xieraq huwa dritt"

(17)

Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom, adottata bir-Riżoluzzjoni 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (25.1.2008)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2007

(2007/2145(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Viktória Mohácsi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:

1.  Ifakkar fl-importanza ta' l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007(1), li tipprovdi l-Istati Membri bl-assistenza u l-għarfien espert fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali iżda jqis li n-nuqqas attwali tad-Direttur ta' l-Aġenzija huwa problematiku u qed jirrestrinġi l-effettività tagħha;

2.  Jilqa’ bil-ferħ l-iffirmar reċenti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(2), li se tifforma parti mit-Trattat ġdid ta' Riforma ta' l-UE u li d-drittijiet imħabbra fiha se jkollhom jitqiesu minn kull att leġiżlattiv individwali li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

3.  Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx il-Karta Ewropea għall-Lingwi Reġjonali jew tal-Minoranzi ta' l-1992 u l-Konvenzjoni ta’ Qafas għall-Protezzjoni ta’ Minoranzi Nazzjonali ta' l-1994, it-tnejn tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, biex jagħmlu dan ma' l-ewwel ċans;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw l-integrazzjoni effettiva fis-sistemi edukattivi ta' tfal żvantaġġati u soċjalment esklużi sa minn età l=-ktar bikrija, u biex jinkoraġġixxu għal dan il-għan l-iskambji ta' l-aħjar prattiki;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tat-tfal; iqis li l-inizjattivi marbuta ma’ Strateġija ta’ l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħal sit ta’ l-internet iddedikat bis-sħiħ għal kwistjonijiet tat-tfal, għajnuna speċjali u linji tat-telefon ta’ emerġenza u allokazzjonijiet baġitarji għal programmi ta’ l-UE għal azzjonijiet favur it-tfal, għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ u jkomplu jiġu żviluppati;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, pereżempju biex ineħħu s-segregazzjoni tat-tfal Roma, skond is-sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu dwar din il-kwistjoni(3);

7.  Jenfasizza l-importanza tal-midja fil-promozzjoni tad-diversità, il-multikulturaliżmu u t-tolleranza; iħeġġeġ lis-servizzi kollha tal-midja biex jimpedixxu kontenut li jista' jiffavorixxi r-razziżmu, il-ksenofobija, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fil-kuntest tas-Sena ta' l-UE tad-Djalogu Interkulturali (2008), biex jikkoperaw ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikulari Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, sabiex jippromwovu d-djalogu interkulturali u jqajjmu kuxjenza, b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ, dwar valuri komuni maqsuma u r-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika;

9.  Jenfasizza l-irwol importanti ta' l-isports fil-promozzjoni tat-tolleranza, tar-rispett għal xulxin u tal-fehim; jistieden lill-korpi sportivi nazzjonali u Ewropej biex ikomplu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u jinkoraġġixxi t-tnedija ta' inizjattivi ġodda, iktar b'saħħithom u iktar ambizzjużi biex jibnu fuq il-miżuri li jeżistu diġà;

10. Jenfasizza l-irwol importanti tal-litteriżmu tal-midja fil-kuntest ta’ opportunitajiet ġusti u indaqs għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea;

11. Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra r-razziżmu, l-omofobija u kull tip ta' diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tal-kultura;

12. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-integrazzjoni effettiva ta’ persuni li ġew reċentement minn Stati barra mill-Unjoni Ewropea, speċjalment tfal u żgħażagħ, fis-sistema edukattiva ta' l-Istati Membri ta' l-UE, u biex jgħinuhom billi jipprowovu d-diversità kulturali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

22.1.2008

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Guy Bono, Nicodim Bulzesc, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Marianne Mikko, Ljudmila Novak, Dumitru Oprea, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Mihaela Popa, Christa Prets, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Victor Boştinaru, Emine Bozkurt, Ignasi Guardans Cambó, Gyula Hegyi, Viktória Mohácsi, Nina Škottová, Ewa Tomaszewska

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi

(1)

ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(2)

Imħabbra b’mod formali mill-Parlament Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2007.

(3)

D.H. u oħrajn kontra r-Repubblika Ċeka, marbuta ma każijiet tas-snin ta' qabel.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

7

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Maddalena Calia, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Carlos Coelho, Panayiotis Demetriou, Gérard Deprez, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Jeanine Hennis-Plasschaert, Magda Kósáné Kovács, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Claude Moraes, Rareş-Lucian Niculescu, Martine Roure, Sebastiano Sanzarello, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Beňová, Simon Busuttil, Marco Cappato, Monica Giuntini, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in ‘t Veld, Metin Kazak, Marian-Jean Marinescu, Stefano Zappalà

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Howitt, Helmuth Markov, Luisa Morgantini, Feleknas Uca

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Diċembru 2008Avviż legali