ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar Sena wara Liżbona:Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni

19.2.2009 - (2008/2318(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Maria Martens

Proċedura : 2008/2318(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0079/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Sena wara Liżbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni

(2008/2318(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE ("Strateġija Konġunta") u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni (2008-2010) għall-implimentazzjoni tas-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE, adottat mill-UE u l-kapijiet ta’ Stati u gvernijiet Afrikani fil-laqgħa f’Liżbona fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa "Sena wara Liżbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni " (COM(2008)0617),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar "Sena wara Liżbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni",

–    wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Progress tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tagħha (2008-2010) adottat mit-Trojka Ministerjali bejn l-Afrika u l-UE f’Addis Ababa, fl-Etjopja, fil-21 ta’ Novembru 2008,

–    wara li kkunsidra n-nota tas-17 ta’ Diċembru 2008 mill-kumitat ad hoc tal-Parlament Pan-Afrikan għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mid-delegazzjoni ad-hoc tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan lill-Presidenzi fil-kariga u lilll-Kummissjonijiet tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-UE dwar ir-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta,

–    wara li kkunisidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE[1],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar strateġija għall-iżvilupp fl-Afrika[2],

–    wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[3], kif emendat bil-Ftehim li jemenda l-Ftehima ta’ Sħubija, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005[4] (il-"Ftehim ta’ Cotonou"),

–    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 għat-twaqqif ta’ strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni dwar l-iżvilupp[5],

–    wara li kkunsidra Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

–    wara li kkunsidra Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu ,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0079/2009),

A. billi l-għan tal-qirda tal-faqar għandu jibqa’ verament fil-qalba tal-Istrateġija Konġunta,

B. billi nofs il-popolazzjoni tal-Afrika għadha tgħix fil-faqar u billi l-Afrika hija l-uniku kontinent li mhuwiex qed jagħmel progress lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar, il-mortalità tat-tfal, is-saħħa tal-omm u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS u l-malarja,

C. billi l-Istrateġija Konġunta timmira li tmur 'lilhinn mill-iżvilupp', 'lilhinn mill-Afrika' u 'lilhinn mill-istituzzjonijiet ' biex tkopri firxa akbar ta’ kwistjonijiet Afrikani u globali milli kopriet fil-passat, bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà, u biex tinvolvi spettru usa’ ta’ atturi li mhumiex istituzzjonali,

D. billi matul l-aħħar sena ġie stabbilit ħafna mit-tfassil istituzzjonali u mill-metodi innovattivi ta' ħidma tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE iżda fil-fatt ftit inkiseb progress reali,

E.   billi, minkejja li, fl-Istrateġija Konġunta, kien hemm rikonoxximent espliċitu tar-rwol fundamentali tal-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew “biex jirrevedu l-progress u jipprovdu gwida politika għas-sħubija”, dawn għadhom mhuma involuti f’ebda mod strutturali u sinifikattiv fil-ħolqien, l-adattament u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta,

F. billi kien hemm involviment minimu min-naħa tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, b’mod partikolari min-naħa tal-Afrika, fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta,

G.  billi kien hemm ftit finanzjament ġdid disponibbli biex tiġi implimentata l-Istrateġija Konġunta u, tabilħaqq, is-sorsi relevanti ta’ finanzjament kienu diġà programmati kompletament qabel ma l-Istrateġija Konġunta ġiet adottata,

H. billi jekk il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) jidħol fil-Baġit tal-UE, kif talab il-Parlament kemm-il darba, dan jippermetti aktar koerenza politika u monitoraġġ parlamentari tal-infiq għall-iżvilupp,

I.    billi s-sehem tal-Afrika fil-kummerċ globali qiegħed jonqos u l-Afrika qiegħda titħalla barra mill-opportunitajiet li qiegħda toffri l-globalizzazzjoni,

J. billi l-ħruġ ta' kapital mill-pajjiż, speċjalment dak illegali qed iwassal biex l-ekonomiji Afrikani jitilfu biljuni ta’ euro fis-sena, filwaqt li ‘t-telf tal-imħuħ’(‘brain drain’) qed iċaħħad lill-kontinent minn ħafna mill-kapaċità intellettwali essenzjali għall-iżvilupp futur tiegħu,

K.  billi l-produzzjoni tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel fl-Afrika ma tantx baqgħu jitqiesu bħala prijoritajiet politiċi u kienu mċaħħda mill-investiment f’dawn l-aħħar għaxar snin, b'konsegwenzi potenzjalment diżastrużi, kif deher ċar fil-kriżi riċenti dwar il-prezzijiet tal-ikel,

L. billi l-Afrika mhijiex rappreżentata biżżejjed fl-organizzazzjonijiet internazzzjonali u l-fora multilaterali li jiddeċiedu dwar ħafna mill-kwistjonijiet li jaffettwaw il-futur tal-kontinent,

M. billi r-relazzjoni li ilha teżisti żmien bejn l-UE u l-Afrika tikseb sinifikat ġdid bid-dehra fix-xena tad-donaturi mhux tradizzjonali li aġendi u prijoritajiet tagħhom għall-Afrika jippreżentaw riskji u sfidi ġodda,

N.  billi huwa importanti li jinstabu sinerġiji u jiġi evitat kull xkiel bejn l-istituzzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta u dawk tar-relazzjonijiet diġà eżistenti, bħal pereżempju l-Ftehim ta’ Cotonou, l-Istrateġija Ewro-Mediterranja u s-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-UE,

O. billi r-reviżjoni tal-2009 tal-Ftehima Cotonou se tfittex li tiċċara r-relazzjoni futura tal-ACP mal-UA,

P.   billi l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta huma baxxi ħafna u billi – l-aktar fl-Afrika – is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE u l-adeżjoni fiha huma direttament marbuta mal-kapaċità tal-Istrateġija Konġunta li twassal għal riżultati immedjati u tanġibbli li jistgħu jtejbu l-livell tal-ħajja tan-nies Afrikani,

Q. billi l-isħubija għandha tqis li, għalkemm “sħubija bejn partijiet ugwali” tfisser li l-UE u l-UA huma indaqs f’termini ta’ parteċipazzjoni fid-diskussjoni u fl-istipular tal-politika, għandha tindirizza wkoll ir-realtà ċara li ż-żewġ kontinenti u l-istituzzjonijiet tagħhom għadhom ’il bogħod ħafna milli jkunu indaqs f’termini ta’ żvilupp istituzzjonali, kapaċità ta’ deċiżjoni u riżorsi,

It-twaqqif ta' qafas UE u l-Afrika

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon li, sena wara l-adozzjoni ta' Strateġija Konġunta, il-komponenti ewlwnin tal-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tagħha fl-aħħar jinsabu f'posthom u bdew jiffunzjonaw, sostnuti minn Pjan ta' Azzjoni li jrendi u li jimxi skont skeda, u li jidher li sar xi progress lejn l-implimentazzjoni ta' Strateġija Konġunta u s-sħubijiet tematiċi tagħha; madanakollu, jesprimi dispjaċir li sal-aħħar tal-ewwel sena ta' implimentazzjoni, xi sħubijiet għadhom fil-proċess li jiddefinixxu metodi ta' ħidma u għadhom ma stabilixxewx x'ser irendu, l-iskedi u l-allokazzjonijiet baġitarji;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-UA qatt ma ltaqgħu daqshekk ta’ spiss daqs l-ewwel sena wara l-iffirmar tal-Istrateġija Konġunta;

3.  Jistieden lill-Kummissjonijiet u l-Istati Membri tal-UE u l-UA biex ilestu bi prijorità dan il-qafas istituzzjonali billi jiġu żviluppati l-komponenti parlamentari, tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali li għandhom imexxu u jsostnu l-proċess billi jagħtuh trasparenza u leġittimità demokratika;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tat-timijiet ta’ implimentazzjoni tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri interessati, mhux biss għax l-iffinanzjar tal-Istrateġija Konġunta tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq kontribuzzjonijiet minn Stati Membri, iżda wkoll għaliex is-sehem dirett tal-Istati Membri jikkontribwixxi għal aktar għarfien, kontinwità u sostenibbiltà tal-azzjonijiet previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni;

5.   Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta biex jikkonċentraw bis-sħiħ fuq ir-riżultati meħtieġa, billi l-ewwel Pjan ta' Azzjoni ser idum biss għal anqas minn tliet snin (2008-2010);

L-Irwol tal-Parlamenti

6.   Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Kummissjonijiet tal-UA biex jieħdu passi attivi ħalli jinvolvu lill-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan fl-implimentazzjoni fis-sorveljanza u fil-provvediment ta' gwida politika għall-Istrateġija Konġunta, f'konformità mal-istejtus tagħhom bħala komponenti prinċipali tal-binja istituzzjonali;

7. Jenfasizza l-irwol tal-korpi interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti Afrikani – bħall-Assemblea Parlamentari ACP-UE (JPA) u l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja – fit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, l-governanza u demokrazija tajba, kif ukoll bħala pjattaformi effikaċi għall-koperazzjoni u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ tħassib komuni;

8.   Jinnota l-fatt li l-11-il laqgħa tat-Trojka Ministerjali bejn l-Afrika u l-UE approvat l-ewwel rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tagħha, li għalih il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssemmiet hawn fuq tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-UE;

9.   Madankollu jiddispjaċih li dan ir-rapport twaqqaf mingħajr ebda konsultazzjoni ta’ jew kontribuzzjoni formali mill-Parlament Ewropew jew mill-Parlament Pan-Afrikan;

10. Jipproponi li l-Presidenti tal-Parlamenti Pan-Afrikan u Ewropew sistematikament jattendu u jindirizzaw il-Laqgħat Għolja UE-Afrika biex jippreżentaw il-konklużjonijiet tal-Parlamenti tagħna dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u suġġerimenti għall-orjentazzjonijiet futuri tal-istrateġija konġunta;

11. Jitlob li, eżatt qabel it-Trojka Ministerjali tar-Rebbiegħa, il-membri tat-Trojka Ministerjali jipparteċipaw fi skambju ta' opinjonijiet mar-rappreżentatnti tal-entitajiet kompetenti mill-Parlament Pan-Afrikan u mill-Parlament Ewropew, li matulu il-Parlamenti jistgħu jippreżentaw is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-aħħar rapport annwali konġunt dwar il-progress; jissuġġerixxi li d-diskussjoni tas-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlamenti tkun fuq l-aġenda tal-laqgħa tat-Trojka; jistenna li r-rapport annwali konġunt sussegwenti - adottat waqt it-Trojka Ministerjali tal-Ħarifa - jindika kif dawn is-suġġerimtni u r-rakkomandazzjonijiet ikunu tqiesu; jitlob li r-rappreżentanti Parlamentari jiltaqgħu ukoll mal-Ministri tat-Trojka waqt li kun għaddejja l-laqgħa tat-Trojka fil-Ħarifa.

12. Jikkunsidra li l-Parlament Pan-Afrikan u dak Ewropew għandhom jipparteċipaw f’livell xieraq kemm fil-gruppi konġunti ta’ esperti u kemm fil-grupp ta' ħidma bejn l-UA u l-UE;

13. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħolqot programm ta’ sostenn ta’ EUR 55 miljun fi ħdan id-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UA; jinsisti għal darb’oħra li parti minn dan il-baġit għandha tkun disponibbli biex jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u operazzjonali tal-Parlament Pan-Afrikan u jistieden lill-Kummissjonijiet biex ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-użu ta’ dawn il-baġits f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Pan-Afrikan u b’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew;

14. Jirrakkomanda li dik il-parti tal-baġit allokata għall-PAP tkun amministrata direttament mill-PAP, ladarba l-Parlament ikun kiseb il-kapaċità amministattiva meħtieġa biex jagħmel dan u jkun issodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fir-regolament finanzjajru tal-KE (b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu)[6] biex il-Kummissjoni tkun tista' timplimenta l-baġit permezz ta' maniġment ċentralizzat indirett;

15. Jistieden lill-UE u l-Kummissjonijiet tal-UA biex jissimplifikaw il-proċeduri biex jiġi żgurat djalogu dirett u effiċjenti bejn il-Parlamenti biex ma jkunx imxekkel b’dewmien inaċċettabbli, meta wieħed jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tal-proċedura tagħhom;

16.  Jitlob għal darb’oħra għat-tfassil tal-baġit tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u, fl-istess waqt, jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew u Pan-Afrikan informati matul l-istadji kollha tal-proċess tal-baġit;

Is-soċjetà ċivili u atturi li mhumiex Stati

17. Jemmen li jekk l-Istrateġija Konġunta trid tkun "sħubija ġenwina b’bażi wiesgħa, u ċċentrata fuq firxa ġmielha ta’ nies", din għandha tinvolvi b’mod effettiv lis-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-ħidma tal-korpi implimentattivi tagħha;

18. Jesprimi dispjaċir li, billi l-Pjan ta’ Azzjoni jindika li kull wieħed mill-Isħubijiet bejn l-Afrika u l-UE huwa miftuħ għal firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet , enfasi kbira qed issir fuq l-azzjonijiet tal-istat; jenfasizza li l-kontribut u l-involviment tal-parlamenti u atturi mhux statali, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u atturi oħra mhux statali fil-proċess jeħtieġ li jiżdiedu u jiġu ċċarati aktar;

19. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Kunsill Afrikan għall-Ekonomija, is-Soċjetà u l-Kultura (ECOSOCC) bħala mezz li jibni sħubija bejn il-gvernijiet Afrikani u s-soċjetà ċivili; madankollu jinsab mħasseb dwar il-livell baxx ta’ involviment min-naħa tas-soċjetà ċivili Afrikana fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u jitlob li jkun hemm sforzi immedjati, b’mod partikolari min-naħa tal-Afrika, biex issawwar, f’koperazzjoni mill-viċin ma’ partijiet interessati, proċeduri għall-identifikazzjoni, ippjanar u involviment effettiv tal-atturi rappreżentattivi Afrikani li mhumiex tal-istat;

20. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa għodod xierqa għall-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili Afrikani speċifikatament immirati għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jaħdmu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija;

Sħubiji

21. Jinnota li l-Istrateġija Konġunta għandha tindirizza wkoll kwistjonijiet li, għalkemm formalment jappartjenu għal qafas istituzzjonali differenti, għandhom influwenza profonda fuq il-futur tal-Afrika u li jibnu r-relazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti, bħal pereżempju l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs) u r-relazzjoni bejn il-gruppi reġjonali tal-EPA u gruppi oħra reġjonali eżistenti fl-Afrika (li jinkludu l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali), it-tieni reviżjoni tal-Ftehima ta’ Cotonou, l-Istrateġija Ewro-Mediterranja, is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-UE u r-relazzjoni tal-Afrika ma’ atturi globali ġodda bħaċ-Ċina u l-Brażil;

22. Jemmen l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali jista’ jseħħ biss f’pajjiżi li joffru garanziji ta’ paċi, demokrazija u drittijiet tal-bniedem;

23. Jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-parti Afrikana biex jiżguraw koerenza bejn din l-istrategija u politiki oħrajn li jista’ jkollhom impatt ħażin fuq il-promozzjoni ta’ sħubija strateġika ġdida bejn l-UE u l-Afrika, b’mod partikolari politiki kummerċjali, ambjentali, dwar l-immigrazzjoni u l-agrikultura; jenfasizza li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika għandu jkopri dawn il-kwistjonijiet;

24. Jisħaq li, biex jingħeleb b’mod effettiv il-faqar, li għandu jibqa’ fil-qalba tal-istrateġija konġunta, is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea għandha tgħin biex tistimula żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, tattira investiment barrani, tippromwovi kummerċ internazzjonali ġust u tikkontribwixxi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom il-pajjiżi Afrikani jkunu jistgħu jieħdu posthom bil-mod fl-ekonomija globali;

I.    Paċi u sigurtà

25. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress dwar is-sħubija għall-paċi u s-sigurtà; jinnota d-djalogu politiku bejn l-UA u l-UE dwar sitwazzjonijiet ta’ kriżi fl-Afrika u lillhinn minnha; jisħaq li dan id-djalogu jeħtieġ jindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar il-paċi u s-sigurtà mill-prevenzjoni ta’ xi kunflitt u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-kunflitt u t-twaqqif tal-paċi, li jinkludi djalogu profond dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-Responsabiltà ta' Protezzjoni;

26. Jitlob li tiġi allokata l-prijorità li tixraq għall-implimentazzjoni tal-qafas Afrikan għall-paċi u s-sigurtà; jisħaq għal darb’oħra li l-EDF mhuwiex sors adegwat ta’ finanzjament għar-riforniment futur tal-Faċilità Afrikana ta’ Sostenn għall-Paċi; huwa tal-fehma li l-infiq tal-EDF għandu jkun f’konformità mal-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp li jħaddan il-Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika (OECD/DAC) ; itenni t-talba tiegħu għall-soluzzjoni definittiva għall-finanzjament tal-Faċilità Afrikana ta’ Sostenn għall-Paċi;

27. Jilqa’ b'sodisfazzjon it-twaqqif, f’Settembru 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon, ta’ Panel UA-NU ta’ persuni distinti biex jidentifikaw modi kif il-komunità internazzjonali tista’ tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi tal-UA taħt il-mandat tan-NU;

II.  Governanza u drittijiet tal-bniedem

28. Jirrimarka li l-kunċett ta’ governanza għandu jkun bħala kejl ta' kemm qed tiffunzjona tajjeb is-soċjetà, permezz tal-liġi u l-ordni, ir-rispett u l-promozzjoni attiva tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħolqien tal-ġid u d-distribuzzjoni trasparenti u ġusta tal-ġid u servizzi essenzjali tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jisħaq li l-atturi esterni m’għandhomx jevalwaw il-governanza biss fuq il-kriterji imposti li ġejjin minn barra iżda minflok għandhom jevalwawhom fuq standards u valuri li jinqasmu b’mod reċiproku;

29. Jisħaq dwar l-importanza ta’ demokrazija sostenibbli inklużi governanza tajba u elezzjonijiet demokratiċi li jridu jinkludu sostenn għall-bini tal-kapaċità parlamentari, u l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fid-djalogu politiku;

30. Jisħaq li l-governanza għandha titjieb fuq iż-żewġ naħat: mhux biss hija prijorità fl-Afrika iżda anke fuq in-naħa Ewropea li għandha ttejjeb il-governanza u r-responsabilità fir-rigward tal-impenji għal għajnuna u koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi bl-għan li jiġu kkunsidrati aktar is-sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna tiġi miċħuda (‘aid orphans’); jisħaq li l-parlamenti nazzjonali u kontinentali, atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti f'dan il-qasam;

31. Isejjaħ għal aktar appoġġ għal inizjattivi eżistenti Afrikani, bħal ma huwa l-Mekkaniżmu tal-Afrika għal Analiżi minn Esperti (APRM), li sa issa kien l-aktar sforz serju tal-pajjiżi Afrikani biex itejbu l-governanza fil-kontinent, u l-istrumenti varji stabbiliti mill-UA, li se jżidu s-sjieda Afrikana tal-proċess;

32. Juri tħassib serju li l-“profili ta’ governanza” żviluppati mill-Kummissjoni għal kull pajjiż tal-ACP, li se jiggwidaw l-ipprogrammar għall–għajnuna għall-iżvilupp fir-rigward tal-ammont ta' 2.7 biljun euro bħala fondi addizzjonali fi ħdan l-10 EDF, tħejjew mingħajr ebda element parteċipatorju; jinnota li l-eliġibbiltà għal fondi addizzjonali ta’ pajjiżi benefiċjarji ġiet iġġudikata skont sett ta’ kriterji li minnhom wieħed biss minnhom marbut direttament ma’ l-MDGs; juri l-biża’ li l-"profili" tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkissru l-proċess tal-APRM; jappella lill-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi bl-għan li jiġi żgurat li jiġu allokati għal inizjattivi ta’ governanza, biex jappoġġjaw l-aġenda tal-UA dwar l-governanza u l-proċess APRM;

33. Jitlob li d-djalogu skont is-sħubija tal-governanza u d-drittijiet tal-bniedem biex tiġi indirizzata l-impunità għall-abbużi li jsiru mid-drittijiet tal-bniedem, billi jħares lejn l-aqwa prattika skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali, li jinkludi x-xogħol tal-qrati internazzjonali kontra l-kriminlaità mwaqqfa fi Sierra Leone u fir-Rwanda;

III. Kummerċ, żvilupp ekonomiku u integrazzjoni reġjonali

34. Jikkunsidra, fir-rigward tas-sħubija dwar l-integrazzjoni kummerċjali u reġjonali, li bis-saħħa ta’ kundizzjonijiet tajba, iż-żieda fil-kummerċ hija mezz essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, bil-kundizzjoni li l-politiki dwar il-kummerċ ikunu koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp; jilqa’ b’sodisfazzjon għalhekk l-għanijiet ta’ din is-sħubija biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni reġjonali Afrikana u jissaħħu l-kapaċitajiet kummerċjali tal-kontinent;

35. Iħares ’il quddiem lejn konklużjoni rapida tar-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), iżda jinsisti li dan irid jibqa’ essenzjalment ‘rawnd ta’ żvilupp’, li jiffavorixxi l-integrazzjoni tan-nazzjonijiet Afrikani fl-ekonomija globali, li effettivament inaqqas sussidji agrikoli ta’ tgħawwiġ tal-kummerċ u jwassal għall-abolizzjoni tas-sussidju fuq l-esportazzjoni agrikola;

36. Jemmen li l-UE għandha tgħin l-istati Afrikani biex jiżguraw li l-agrikoltura tagħhom tkun kapaċi ssostni lilha nnifisha u biex is-servizzi essenzjali u l-industriji domestiċi vulnerabbli isiru aktar dinamiċi;

37. Jinsisti li l-aħħar ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs) iffirmati ma’ stati Afrikani għandhom iservu l-ewwel u qabel kollox bħala għodda għall-iżvilupp li jirrispettaw il-kapaċitajiet differenti ta’ diversi benefiċjarji u l-livelli ta’ żvilupp;

38. Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs) għandhom jippromwovu aktar milli jdgħajfu l-integrazzjoni reġjonali tal-Afrika; jappoġġja l-isforzi tal-UA biex jissaħħu l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali bħala l-blokki fundamentali għall-bini tal-integrazzjoni reġjonali tal-kontinent;

39. Jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenn tagħhom biex sas-sena 2010 jipprovdu mill-inqas EUR 2 biljun kull sena għall-'għajnuna għall-kummerċ' ('aid for trade') ġenwina, l-akbar sehem għandu jkun għall-Afrika; jappella għall-istipular u l-forniment f’waqthom tas-sehem mir-riżorsi tal-aid for trade; jisħaq li dawn il-fondi għandhom ikunu riżorsi addizzjonali u mhux sempliċiment iffinanzjar tal-EDF mogħti dehra ġdida;

40.Jistieden lis-sħubija biex tindirizza l-aġenda usa tal-aid for trade , li tinkludi l-iżvilupp tal-infrastrutturi, il-promozzjoni tal-iżvilupp u r-regolazzjoni aħjar inklużi regoli ta’ oriġini li jkunu aktar sempliċi u faċli għall-utent;

41. Jistieden lis-sħubija ukoll biex tindirizza aspetti ekonomiċi li għalkemm mhumiex neċessarjament relatati mal-kummerċ, għandhom konsegwenzi importanti għall-ekonomiji tal-Afrika, bħal pereżempju il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex jinżamm il-ħruġ ta’ kapital illiċitu u biex jiġi promoss ir-regolament internazzjonali ta’ postijiet li joffru kenn finanzjarju;

42. Jistieden lill-istrateġija biex tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol tal-migranti u dijaspori favur l-iżvilupp tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, billi tiffaċilita l-investimenti tagħhom f’dawn il-pajjiżi u billi tnaqqas l-ispiża tat-trasferimenti;

IV. Kwistjonijiet ewlenin ta’ żvilupp

43. Jinsisti, fir-rigward tas-sħubijia dwar l-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG), li anki permezz ta’ aktar għajnuna u ta' għajnuna aħjar tkun diffiċli li dawn l-għanijiet jintlaħqu, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex iwettqu l-impenji tagħhom li reġgħu ssemmew riċentement fil-Konferenza dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp f’Doha, kif ukoll fil-Forum ta’ Livell Għoli li sar f’Akkra dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont ta’ għajnuna li qed joffru, il-koerenza politika, is-sjieda u t-tqassim tax-xogħol bejn id-donaturi;

44. Jinnota li s-saħħa bażika u l-edukazzjoni primarja u sekondarja huma katalizzaturi kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG); konsegwentement jinkoraġixxi lill-pajjiżi Afrikani biex iqisu dawn l-oqsma bħala waħda mill-prijoritjiet ewlenin tal-istrateġiji tagħhom biex inaqqsu l-faqar; jappella lill-isħubija biex tippromwovi żvilupp bħal dan, waqt li tikkunsidra l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tonfoq tal-anqas 20% tal-baġit ta’ għajnuna tal-Komunità f’dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni li testendi dan l-impenn lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ; ifakkar li l-isforzi kollha f’dan ir-rigward għandhom jinkludu l-persuni b’diżabbiltà; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tal-ewwel laqgħa tal-Grupp Konġunt ta’ Esperti u jitlob lill-partijiet interessati biex jiżguraw li jsir progress fis-sena li ġejja;

45. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni urġenti biex twettaq l-impenji tagħha fil-qasam tas-saħħa fir-rigward tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ Jannar 2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar “L-Għajnuna tal-KE għall-Iżvilupp tas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika Sub-Saħarjana”; jenfassiza l-importanza taż-żieda fl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea lis-settur tas-saħħa fl-Afrika Sub-Saħarjana matul l-għaxar reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-10 EDF biex tappoġġja l-impenn għall-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG) fis-saħħa;

46. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UA u l-UE biex jagħtu aktar importanza lis-sigurtà tal-ikel u s-sovranità fl-ikel fl-Afrika u biex jappoġġjaw l-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura Afrikana, b’mod partikolari l-produzzjoni tal-ikel għas-swieq lokali, u l-promozzjoni ta’ “żoni ambjentali” madwar l-ibliet;

47. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fid-dibattiti tagħhom, fl-isħubija bejn l-UE u l-Afrika u lil hinn minnha, il-kwistjoni tad-distribuzzjoni ġusta tal-ġid li tirriżulta mill-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali; jinsisti li d-dħul nazzjonali mir-riżorsi naturali għandu jiġi allokat, bħala kwistjoni ta’ prijorità, b’aktar ekwità biex jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet tagħhom, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-ambjent, u b’hekk jgħin fil-kisba tal-MDGs;

48. Juri tħassib li l-perjodu reċenti ta’ tkabbir rekord fl-Afrika se jitreġġa’ lura bit-tnaqqis ekonomiku dinji, u jisħaq li l-kontinent jista’ jintefa’ lura b’għexieren ta’ snin bħala riżultat tal-prezzijiet neżlin tal-kommoditajiet, inqas influss ta’ investimenti, instabbiltà finanzjarja u tnaqqis fit-trasferiment ta’ fondi;

Aspetti oħra tal-istrateġija

49. Ifakkar, fir-rigward tal-bidla fil-klima, li l-pajjiżi żviluppati huma primarjament responsabbli għall-bidla fil-klima, waqt li din tħalli impatt negattiv l-aktar fuq pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jinsiti, għalhekk, li jinħtieġu fondi ġodda jekk il-pajjiżi Afrikani jridu jevitaw li jiġu sfurzati jħallsu prezz sproporzjonat għall-adattazzjoni u għat-tnaqqis tal-effetti tal-bidla fil-klima; barra minn hekk, jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta UE-Afrika dwar bidla fil-klima ppreżentata fil-Konferenza dwar Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-NU, f'Pozan f'Diċmebru 2008;

50. Jitlob, fil-kuntest tas-sħubija għall-migrazzjoni u l-impjiegi, soluzzjoni ġusta u prattika għat-telf tal-imħuħ ('brain drain'), li ċċaħħad ħafna nazzjonijiet Afrikani ta’ għadd kbir ta’ ħaddiema b’kompetenzi professjonali, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa;

51. Jappella biex l-iskema ġdida ta’ “karta blu” tal-UE tiskoraġġixxi t-telf ta' ħaddiema tas-sengħa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’setturi fejn dawn il-pajjiżi għandhom nuqqas ta’ ħaddiema, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni;

52. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tuża s-sħubija bejn l-UE u l-Afrika biex tgħin lill-pajjiżi Afrikani japplikaw il-flessibiltajiet previsti fid-Dikjarazzjoni ta’ Doħa dwar TRIPS u s-saħħa pubblika, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal mediċini essenzjali li jkunu finanzjarment aċċessibbli fl-Afrika;

53. Jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat, f’dak li jirrigwardja sħubija fix-xjenza u t-teknoloġija, biex jimmiraw li jsolvu d-distakk diġitali billi jżidu l-koperazzjoni dwar l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, partikolarment fit-telefonija u l-Internet;

54. Jistenna li l-Istrateġija Konġunta tieħu passi speċifiċi biex jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa, it-tfal u l-persuni b’diżabbiltà fl-Afrika, għax dawn il-gruppi jiffaċċjaw diffikultajiet serji ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

55. Jisħaq li, jekk l-Istrateġija Konġunta għandha tmur 'lilhinn mill-Afrika', b’iktar koperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika fi ħdan entitajiet internazzjonali u f’negozjati multilaterali dwar kwistjonijiet ewlenin bħal mhuma l-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem jew il-bidla fil-klima, l-UE u l-Afrika għandhom jaħdmu biex joħolqu istituzzjonijiet internazzjonali aktar demokratiċi u aktar rappreżentattivi, bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u d-WTO, u biex jiġi żgurat li l-Afrika, fl-aħħar, tkun tista’ jkollha influwenza skont id-daqs u l-istatus tagħha;

56. Jistieden għal darb’oħra lill-istituzzjonijiet tal-UE biex joħolqu strument finanzjarju speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u jiċċentralizzaw l-għejun eżistenti kollha ta’ ffinanzjar, b'mod ċar, prevedibbli u programmabbli; jesprimi dubju dwar sa liema punt l-Istrateġija Konġunta se tkun kapaċi tilħaq l-ambizzjonijiet kbar tagħha jew toffri valur miżjud ġenwin mingħajr ebda ffinanzjar ġdid jew mingħajr ebda pprogrammar mill-ġdid tal-finanzjament eżistenti;

57. Jappella lill-gvernijiet fl-UE u l-Afrika biex iwasslu b’mod aktar effettiv u sistematiku lill-popli tagħhom l-azzjonijiet u l-kisbiet tal-Istrateġija Konġunta u biex jaħdmu biex iwessgħu aktar l-irrappurtar tal-midja;

Inħarsu ’l quddiem

58. Jinsab ħerqan għal involviment validu tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Pan-Afrika, wara l-esperjenza tal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Afrika f’Liżbona fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2007, bħala parti mill-preparazzjoni għat-tielet Laqgħa Għolja bejn l-Afrika u l-UE fl-2010 u l-partiċipazzjoni attiva tagħhom fil-Laqgħa Għolja innifisha;

59. Jistieden lill-Kummissjonijiet u lill-Presidenzi tal-UE u tal-UA biex jiftiehmu dwar il-proposti msemmija hawn fuq immirati lejn it-titjib tas-sehem parlamentari fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija Konġunta;

60. Għandu l-ħsieb li fil-Parlament Ewropew jiġġenera l-koordinazjoni u s-sinerġija meħtieġa bejn l-entitajiet kollha tiegħu biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta; jirrepeti, f’dan ir-rigward, li għandu l-ħsieb li jittrasforma d-delegazzjoni ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan f’delegazzjoni interparlamentari kompluta;

61.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Kulturali tal-UA, lill-Kummissjoni tal-UA, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-UA, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri tal-ACP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE.

  • [1]  Testi Adottati, P6_TA(2007)0483.
  • [2]  Testi Adottati, P6_TA(2005)0445.
  • [3]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3
  • [4]  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27
  • [5]  ĠU L378, 27.12.2006, p. 41.
  • [6]  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1)

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament Ewropew għandu impenn li ilu jeżisti għal żmien twil lejn l-iżvilupp tal-Afrika u lejn it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika. It-tisħiħ tar-rabtiet li jgħaqqdu ż-żewġ kontinenti tagħna jagħti aktar valur liż-żewġ naħat u huwa sfida essenzjali, b’mod partikolari fi żmien ta’ inċertezza globali u taqlib ekonomiku.

Il-Parlament Ewropew iffoka, f’żewġ rapporti riċenti, fuq ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika. Fl-2005 l-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar "Strateġija ta’ żvilupp għall-Afrika" li kkritikat l-istrateġija tal-UE għall-Afrika bħala waħda li hija unilaterali żżejjed. Sentejn wara, l-Afrika u l-UE adottaw strateġija ġdida konġunta li kellha l-intenzjoni li tikseb approċċ aktar bilaterali maż-żewġ atturi fuq livell aktar ugwali.

L-Istrateġija Konġunta timmira li tieħu d-djalogu u l-koperazzjoni “lilhinn mill-iżvilupp” (ie. li l-attenzjoni tkun fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika, pereżempju bħal paċi u s-sigurtà, l-enerġija u t-tibdil fil-klima), “lilhinn mill-Afrika” (billi jħares lejn sensiela ta’ kwistjonijiet globali li jaffettwaw b’mod dirett l-iżvilupp tal-Afrika) u “lilhinn mill-istituzzjoniiet” (li jinvolvi spettru usa’ ta’ atturi li mhumiex tradizzjonali mis-soċjetà ċivili, is-settur privat u d-dinja akkademika).

Il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar din l-istrateġija l-ġdida konġunta f’Diċembru 2007. Dan laqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija konġunta, waqt li enfasizza li t-tnaqqis tal-faqar għandu jibqa’ fil-qalba tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE, minħabba li l-Afrika għadha l-aktar kontinent fqir tad-dinja u li ħafna min-nazzjonijiet Afrikani qegħdin jaqgħu lura fir-rigward tal-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs). Il-Parlament saħaq ukoll fuq l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tal-istrateġija konġunta.

Barra dawn iż-żewġ riżoluzzjonijiet imsemmijin hawn fuq, il-Parlament Ewropew kien attiv ħafna fit-titjib tal-koperazzjoni u d-djalogu bejn l-Afrika u l-UE. Pereżempju, il-Parlament b’mod regolari bagħat delegazzjonijiet għal sessjonijiet tal-Parlament Pan-Afrikan, saru ta’ spiss kuntatti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u ż-żewġ Presidenti tagħhom iltaqgħu f’għadd ta’ okkażjonijiet. F’Ottubru 2008 l-President Pöttering indirizza lill-Parlament Pan-Afrikan f’sessjoni plenarja.

Barra minn hekk, iż-żewġ Parlamenti ħolqu delegazzjonijiet għar-relazzjonijiet ta’ bejniethom u ġew organizzati għadd ta’ azzjonijiet u avvenimenti konġunti. Il-Parlament Ewropew ta wkoll pariri tekniċi lill-Parlament Pan-Afrikan, kif ukoll għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċità permezz tal-Kariga tiegħu għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari.

Il-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan indirizzaw b’mod konġunt il-kwistjoni tad-dimensjoni parlamentari meħtieġa (għalkemm nieqsa) għat-tħejjija tat-tieni Laqgħa Għolja f’Liżbona fl-2007 bejn l-UE u l-Afrika. Huma ħarġu stqarrija konġunta, li ġiet diskussa b’mod estensiv mal-Kummissjonijiet taż-żewġ Għaqdiet f’Laqgħa Għolja speċjali konġunta tal-parlament, u li ġiet ippreżentata formalment lill-Kapijiet tal-Istati Afrikani u tal-UE waqt il-Laqgħa Għolja .

Fir-rigward ta’ din id-dimensjoni parlamentari sinifikanti u dejjiema għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Afrika, huwa ta’ diżappunt li l-komponent parlamentari għad irid jiġi inkorporat bis-sħiħ fl-Istrateġija Konġunta b'mod validu. Huwa importanti ħafna li l-Istrateġija Konġunta tippermetti kemm lill-Parlament Ewropew u kif ukoll lill-Parlament Pan-Afrikan li jsiru parteċipanti sħaħ u jagħtu s-sehem meħtieġ tagħhom billi jipprovdu gwida politika u l-implimentazzjoni tas-sorveljanza.

Fil-futur, il-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tat-Trojka ministerjali dwar ir-rapport ta’ progress annwali konġunt li jelenka l-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija konġunta. Rapporti annwali sussegwenti għandhom jispjegaw kif ikunu ġew implimentati l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u, jekk le, għalfejn.

Iż-żewġ Parlamenti għandhom jagħtu sehem sħiħ fil-gruppi konġunti ta’ esperti u fit-task force bejn l-UA u l-UE, il-korp li qiegħed imexxi l-implimentazzjoni tal-istrateġija.

Biex il-Parlamenti jeżerċitaw tajjeb u b’mod effiċjenti l-funzjoni tagħhom ta’ skrutinju, huwa essenzjali li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fid-djalogu istituzzjonali fi stadju li jkun kmieni biżżejjed biex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jiftakar fl-ispeċifitajiet tal-proċeduri tagħhom tat-teħid tad-deċiżjoni.

Fir-rigward tal-Istrateġija Konġunta nnifisha, sena wara l-adozzjoni tagħha, ninnutaw li, waqt li l-komponenti differenti tal-qafas istituzzjonali jinsabu kważi f’posthom, filfatt kien hemm ftit progress fost il-biċċa l-kbira tat-tmien sħubijiet tematiċi. Minħabba l-fatt li l-ewwel Pjan ta' Azzjoni jibqa' sejjer sal-2010, ser ikun hemm bżonn ta' xi aċċellerazzjoni jekk irridu li jintlaħqu l-miri ambizzjużi. Fl-Afrika, iżda anke fl-Ewropa, il-kredibilità ta' strateġiji minn "poplu għal poplu" tiddependi fuq il-kapaċità li din trendi riżultati tanġibbli, li jikkostitwixxu titjieb notevoli fil-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet Afrikani.

Ir-rapport jimmarka wkoll erba’ oqsma fejn ir-riżultati effettivi huma b’mod partikolari importanti biex l-Istrateġija Konġunta tirnexxi: paċi u sigurtà, governanza fis-sens wiesa’ tagħha, kwistjonijiet dwar kummerċ, li jinkludu 'għajnuna għall-kummerċ', komunitajiet reġjonali ekonomiċi u l-ħruġ tal-kapital, u kwistjonijiet ewlenin dwar l-iżvilupp, pereżempju bħas-saħħa u l-edukazzjoni.

L-Istrateġija Konġunta b’mod espliċitu tikkommetti lilha nnifisha biex tinvolvi s-soċjetà ċivili. Madankollu, din il-wegħda għad trid titwettaq f’termini prattiċi l-aktar min-naħa Afrikana. F’dan ir-rigward għandha tittieħed azzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Fl-aħħarnett, ir-rapport jitlob li jkun hemm strument finanzjarju speċifiku biex tiġi implimentata l-istrateġija konġunta, biex jiġu ċentralizzati s-sorsi kollha eżistenti għall-iffinanzjar, b’mod ċar, previdibbli, u programmabbli, kif ukoll biex il-Fond Ewropewgħall-Iżvilupp jiddaħħal fil-baġit.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, Horst Posdorf, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Renate Weber, Gabriele Zimmer