RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali ta' eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

2.9.2010 - (COM(2010)0054 – C7‑0042/2010 – 2010/0036(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira


Proċedura : 2010/0036(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0243/2010

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali ta' eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

(COM(2010)0054 – C7‑0042/2010 – 2010/0036(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0054),

–   wara li kkunsidra l‑Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0042/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0243/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emendi  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 7 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(7a) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tadotta:

 

(a) miżuri xierqa meta l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-Unjoni u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom,

 

(b) emendi u aġġustamenti tekniċi meħtieġa wara li jsiru emendi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u s-suddiviżjonijiet tat-TARIC u aġġustamenti meħtieġa wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet oħrajn bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 1.

Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa fil-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

Ġustifikazzjoni

Din il-premessa tistabbilixxi referenza għall‑Artikolu 3, paragrafu 4, u għall-Artikolu 7 tar-Regolament 1215/2009. Fiż-żewġ artikoli, hemm referenza għal atti delegati, li l-proċeduri tagħhom huma stabbiliti fl-Artikolu 7a, 7b, 7c, u 7d.

Emendi  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 7 b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

(7b) Dan ir-Regolament ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien meta r-reviżjoni tal-istrumenti li jikkonċernaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni skont l‑Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kienet għadha ma tneditx. Il-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li hemm provvediment għalih fir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 se jiġi allinjat awtomatikament mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll min-naħa tal-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2010)0083 - C7-0073/2010 – 2010/0051(COD)).

Ġustifikazzjoni

Din il-premessa tistabbilixxi referenza għall-allinjament neċessarju tal-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll min-naħa tal-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Emendi  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(2) Fl-Artikolu 2, paragrafu 2, is-subparagrafu 2 hu sostitwit b’dan li ġej:

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità f’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Ġustifikazzjoni

L-Artikolu 2, paragrafu 2, subparagrafu 2 jipprovdi miżuri biex tinbidel jew tiġi interrotta l-eliġibilità ta’ benefiċċju mill-arranġamenti preferenzjali introdotti permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament 1215/2009. Dawn il-miżuri huma wiesgħa fl-ambitu tagħhom u jistgħu jwasslu għal sospensjoni parzjali tal-arranġamenti preferenzjali, u għaldaqstant mhux sempliċement jemendaw biss l-att bażiku kkonċernat.

Emendi  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 3 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

Kwalunkwe talba għal importazzjonijiet li tkun fil-limiti ta’ din il-kwota għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ awtentiċità maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż esportatur u li jagħti prova li l-prodotti joriġinaw fit-territorju kkonċernat u jikkorrispondu għad-definizzjoni fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS).

Kwalunkwe talba għal importazzjonijiet li tkun fil-limiti ta’ din il-kwota għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ awtentiċità maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż esportatur u li jagħti prova li l-prodotti joriġinaw fit-territorju kkonċernat u jikkorrispondu għad-definizzjoni fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-Kummissjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li jistipulaw il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

Ġustifikazzjoni

Ir-regolament li jemenda jipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 1215/2009. Din id-dispożizzjoni tiddisponi li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi li jesportaw joħorġu ċertifikat ta’ awtentiċità f’każ ta’ talbiet għal importazzjonijiet fil-limiti tal-kwoti. Il-Kummissjoni għandha “tfassal dak iċ-ċertifikat”. Filwaqt li r-Regolament mhuwiex ċar ħafna, ir-Rapporteur jifhem li l-Kummissjoni għandha tipprepara xi tip ta' mudelli għaċ-ċertifikat. Minħabba li l-mudell huwa iktar għodda għall-implimentazzjoni milli miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li “tissupplimenta” jew “temenda” l-att bażiku, huwa rakkomandat li jitqiesu bħala atti implimentattivi skont l-Artikolu 291 TFUE.

Emendi  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 3 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(4a) Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

 

4. Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 10, fid-dawl tas-sensittività partikolari tas-swieq agrikoli u tas-sajd, meta l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-Unjoni u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati sabiex tkun tista’ tieħu miżuri xierqa skont l-Artikolu 7a, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal‑Artikoli 7b, 7c u 7d.

Ġustifikazzjoni

L-Artikolu 3, paragrafu 4 tar-Regolament Nru 1215/2009 japplika għal miżuri li l-Kummissjoni tista’ tieħu jekk l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli jew tas-sajd jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-UE u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom. L-artikolu jagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni, u l-miżuri jistgħu jwasslu għal “emenda” effettiva tar-Regolament Nru 1215/2009. L-atti delegati huma l-miżura xierqa, minħabba li l-kriterji meħtieġa tal-Artikolu 290 TFUE (miżuri ta’ “applikazzjoni ġenerali” u “emenda” tal-att bażiku) ikunu jaqblu.

Emendi  6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kwota tariffarja għal-"laħam taċ-ċanga għat-trabi" għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS).

Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kwota tariffarja għal-"laħam taċ-ċanga għat-trabi" għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

Ġustifikazzjoni

Fir-rigward tal-"laħam taċ-ċanga għat-trabi", l-Anness II tar-regolament li jemenda jipprovdi definizzjoni tal-“prodotti tal-laħam taċ-ċanga għat-trabi” u l-Artikolu 3(2) tar-regolament prinċipali jiddefinixxi d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjonijiet tiegħu u l-volum tal-kwota tariffarja annwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipprovdi l-għodda implimentattiva/kundizzjonijiet uniformi għall-Istati Membri sabiex ikunu f'pożizzjoni li jimplimentaw kif xieraq il-kwota/id-dazji doganali. L-intenzjoni tar-regoli dettaljati hija li jipprovdu sistema għall-implimentazzjoni, li l-Kummissjoni għandha tadottaha f’konformità mal-proċedura konsultattiva.

Emendi  7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(5a) L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

 

Artikolu 7

 

Konferiment ta’ setgħat

 

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7a u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 7b, 7c u 7d sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, minbarra dawk stipulati fl-Artikolu 4, b’mod partikolari:

 

(a) emendi u aġġustamenti tekniċi meħtieġa wara li jsiru l-emendi għall-kodiċi ta’ Nomenklatura Magħquda u s-suddiviżjonijiet tat-TARIC;

(b) aġġustamenti meħtieġa wara li jiġu konklużi l-ftehimiet l-oħra bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 1.

Ġustifikazzjoni

L-Artikolu 7 jiddisponi li l-Kummissjoni tintroduċi “emendi u aġġustamenti tekniċi meħtieġa wara li jsiru emendi għall-kodiċi ta’ Nomenklatura Magħquda u s-suddiviżjonijiet tat-TARIC” u “aġġustamenti meħtieġa wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet oħrajn bejn il-Komunità u l-pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 1”. Ir-Rapporteur jassumi li, fil-prattika, din id-dispożizzjoni timplika li l-Kummissjoni tista’ temenda kemm l-annessi kif ukoll l-artikoli stess tar-regolament. Minħabba li r-riżultat ta’ dawn il-miżuri huwa l-produzzjoni ta’ “emendi” għar-regolament bażiku, b’mod partikolari l-annessi tiegħu, għandhom japplikaw l-“atti delegati”.

Emendi  8

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5 b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 7 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(5b) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 7a ġdid

 

Artikolu 7a

 

Eżerċizzju tad-delega

 

1. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(4) u 7 għandha tiġi konferiti lill-Kummissjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2015. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem dak il-perjodu.

 

2. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

3. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 7b u 7c.

4. Fejn ikun hemm każijiet ta’ urġenza li jirrikjedu dan, għandha tapplika l-proċedura li hemm stipulata fl-Artikolu 7d.

Ġustifikazzjoni

Dan l-artikolu jistabbilixxi r-regoli tal-eżerċizzju tad-delega.

Emendi  9

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5 c (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Artikolu 7 b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(5c) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 7b ġdid

 

Artikolu 7b

 

Revoka tad-delega

 

1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 7a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

 

2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega ta' setgħat għandha timpenja ruħha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għar-revoka.

3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew aktar tard kif speċifikat fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ġustifikazzjoni

Dan l-artikolu jistabbilixxi proċedura għar-revoka ta’ delega.

Emendi  10

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5 d (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Article 7 c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(5d) Għandu jiddaħħal Artikolu 7c ġdid

 

Artikolu 7c

 

Oġġezzjoni għall-atti delegati

 

1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

 

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

 

2. Jekk, kif jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

 

L-att delegat jista’ jkun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att delegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikkjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.

Ġustifikazzjoni

Dan l-artikolu jistabbilixxi r-regoli għall-oġġezzjoni għall-atti delegati.

Emendi  11

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5 e (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1215/2009

Article 7 d (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi

 

(5e) Għandu jiddaħħal Artikolu 7d ġdid

 

Artikolu 7d

 

Proċedura ta’ urġenza

 

1. Atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u japplikaw sakemm ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat adottat skont dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.

2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7d(1). F’dak il-każ, l-att ma għandux jibqa’ japplika. L-istituzzjoni li toġġezzjona għal tali att delegat għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni.

Ġustifikazzjoni

Dan l-artikolu jistabbilixxi regoli għal atti delegati adottati skont il-proċedura ta’ urġenza.

NOTA SPJEGATTIVA

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2007/2000[1], l-Unjoni Ewropea tat aċċess straordinarju u mingħajr limitu għall-eżenzjoni mid-dazju doganali għas-suq tal-UE għal kważi l-prodotti kollha li joriġinaw mill-pajjiżi u t-territorji li jibbenefikaw mill-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-għan ewlieni ta' dawn il-miżuri huwa li terġa' tingħata ħajja lill-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent permezz ta' aċċess privileġġat għas-suq tal-UE. B'riżultat ta' dan, l-iżvilupp ekonomiku għandu jrawwem stabilità politika fir-reġjun kollu. Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 ġie emendat sostanzjalment bosta drabi, ġie kkodifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009[2].

Dawn il-preferenzi fil-kummerċ ingħataw għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010 u attwalment japplikaw għall-Bożnja-Ħerzegovina, is-Serbja u l-Kosovo kif definit mill-UNSCR 1244/99 għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009. Il-prodotti li joriġinaw mill-Albanija, mir-Repubblika tal-Kroazja jew minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew mill-Montenegro qed ikomplu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tar‑Regolament (KE) Nru 1215/2009 fejn hekk indikat jew minn kwalunkwe miżura stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 li tkunu aktar favorevoli mill-konċessjonijiet kummerċjali disposti fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi.

Billi l-Ftehimiet Interim speċifiċi dwar kwistjonijiet kummerċjali jew relatati mal-kummerċ / il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) jagħtu konċessjonijiet ta' kummerċ lill-Bożnja-Ħerzegovina u lis-Serbja fuq l-istess prodotti identifikati fil-preferenzi kummerċjali awtonomi, dawn il-konċessjonijiet għandhom jiġu rtirati mir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1215/2009. Dawn jikkonċernaw il-kwoti tariffarji preferenzjali għal-laħam taċ-ċanga għat-trabi, għaz-zokkor u għall-prodotti taz-zokkor, għal ċerti nbejjed, kif ukoll għal ċerti prodotti tas-sajd.

Il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 L-istrateġija ta’ tkabbir 2009 li tikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija talab lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz possibbli biex tnaqqas l-effett tal-kriżi ekonomika fuq il-Balkani tal-Punent.

Il-waqfien tal-preferenzi kummerċjali jneħħi vantaġġ ekonomiku oġġettiv mill-benefiċjarji fil-kummerċ tagħhom mal-UE. Dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-prestazzjoni ekonomika ġenerali tal-Balkani tal-Punent, b’konsegwenza ta’ riperkussjonijiet negattivi fuq ir-riforma domestika tagħhom u l-proċessi ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-irkupru ekonomiku jista’ jkun f’periklu serju.

Għalhekk, ir-Rapporteur jappoġġja bil-qawwa l-emenda ta’ ċerti elementi tar-Regolament (KE) Nru 1215/2009 sabiex il-validità tiegħu tkun tista’ tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015 u jsiru ċerti aġġustamenti b’konsegwezai għad-dħul fis-seħħ ta’ ftehimiet bilaterali mal-Bożnja-Ħerzegovina u s-Serbja.

L-atti Delegati u l-Atti ta’ Implimentazzjoni

L-Artikolu 2, paragrafu 2, subparagrafu 2 tar-Regolament bażiku jipprovdi miżuri biex tinbidel jew tiġi interrotta l-eliġibilità ta’ benefiċċju mill-arranġamenti preferenzjali introdotti permezz tal-Artikolu 1 tar-regolament 1215/2009. Dawn il-miżuri huma wiesgħa fl-ambitu tagħhom u jistgħu jwasslu għal sospensjoni parzjali tal-arranġamenti preferenzjali, u għaldaqstant mhux sempliċement jemendaw biss l-att bażiku kkonċernat. Fil-verżjoni oriġinali tal-att bażiku, l-Artikolu 2, paragrafu 2, subparagrafu 2, jiddisponi li l-Kunsill jadotta “l-miżuri xierqa permezz ta' vot b'maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjon”. Din hija dispożizzjoni b’firxa wiesgħa li wieħed jista’ jifhimha biss fil-kuntest storiku tad-data tan-negozjati u l-adozzjoni tal-att bażiku. Għaldaqstant, sal-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill, abbażi tal-ex-Artikolu 133 TKE, adotta skont din ir-regola bla ma kkonsulta mal-Parlament Ewropew. Minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu b’mod konġunt skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, fl-adozzjoni ta’ miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. L-Artikolu 2, paragrafu 2, subparagrafu 2 għalhekk għandu jiġi allinjat ma’ dan il-kuntest il-ġdid.

Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 fih ukoll, fl-Artikoli 3 u 7, ċerti setgħat ta’ implimentazzjoni msejsa fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni.

Ir-regolament li jemenda jipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 3(2) tar-regolament 1215/2009. Din id-dispożizzjoni tiddisponi li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi li jesportaw joħorġu ċertifikat ta’ awtentiċità f’każ ta’ talbiet għal importazzjonijiet fil-limiti tal-kwoti. Il-Kummissjoni għandha “tfassal dak iċ-ċertifikat”. Filwaqt li r-Regolament mhuwiex ċar ħafna, il-fehim tar-Rapporteur huwa li l-Kummissjoni għandha tipprepara xi tip ta' mudelli għaċ-ċertifikat. Minħabba li l-mudell huwa iktar għodda għall-implimentazzjoni milli miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li “tissupplimenta” jew “temenda” l-att bażiku, mhuwiex rakkomandabbli li tali miżura tiġi ttrasformata f’att delegat skont l-Artikolu 291 TFUE, iżda jitqiesu bħala atti implimentattivi skont l-Artikolu 291 TFUE.

L-Artikolu 3(4) tar-regolament 1215/2009 japplika għal miżuri li l-Kummissjoni tista’ tieħu jekk l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli jew tas-sajd jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-UE u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom. L-artikolu jagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni, u l-miżuri jistgħu jwasslu għal “emenda” effettiva tar-regolament 1215/2009. Pereżempju: Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas il-kwota stabbilita fis-subparagrafi preċedenti tal-Artikolu 3. Għalhekk, l-atti delegati huma l-miżura l-aktar xierqa minħabba li l-kriterji meħtieġa tal-Artikolu 290 TFUE (miżuri ta’ “applikazzjoni ġenerali” u “emenda” tal-att bażiku) ikunu jaqblu.

Ir-regolament li jemenda jipproponi wkoll li jiġi emendat l-Artikolu 4. Fir-rigward tal-"laħam taċ-ċanga għat-trabi", l-Anness II tar-regolament li jemenda jipprovdi definizzjoni tal-“prodotti tal-laħam taċ-ċanga għat-trabi” u l-Artikolu 3(2) tar-regolament prinċipali jiddefinixxi d-dazji doganali applikabbli għall-importazzjonijiet tiegħu u l-volum tal-kwota tariffarja annwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipprovdi l-għodda implimentattiva/kundizzjonijiet uniformi għall-Istati Membri sabiex ikunu f'pożizzjoni li jimplimentaw kif xieraq il-kwota/id-dazji doganali. L-intenzjoni tar-regoli dettaljati hija li tiġi pprovduta sistema għall-implimentazzjoni, li l-Kummissjoni għandha tadotta f’konformità mal-proċedura konsultattiva.

L-Artikolu 7 jiddisponi li l-Kummissjoni tintroduċi “emendi u aġġustamenti tekniċi meħtieġa wara li jsiru emendi għall-kodiċi ta’ Nomenklatura Magħquda u s-suddiviżjonijiet tat-TARIC” u “aġġustamenti meħtieġa wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet oħrajn bejn il-Komunità u l-pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 1”. Fil-prattika, ir-Rapporteur jemmen li dan kollu jimplika li l-Kummissjoni tista’ temenda kemm l-annessi kif ukoll l-artikoli stess tar-regolament. Minħabba li r-riżultat ta’ dawn il-miżuri huwa “emendi” għar-regolament bażiku, b’mod partikolari l-annessi tiegħu, għandhom japplikaw l-“atti delegati”.

Sabiex jiġu stabbiliti r-regoli għall-eżekuzzjoni, il-kontroll u r-revoka eventwali ta' atti delegati, iddaħħlu l-Artikoli 7a, 7b, 7c, u 7d.

  • [1]               ĠU L 240, 23.9.2000, p. 1.
  • [2]               ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu

Referenzi

COM(2010)0054 – C7-0042/2010 – 2010/0036(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

22.2.2010

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

11.3.2010

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

11.3.2010

 

 

 

Opinjonijiet mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

AFET

17.3.2010

 

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Vital Moreira

19.4.2010

 

 

Eżami fil-kumitat

28.4.2010

1.6.2010

22.6.2010

 

Data tal-adozzjoni

30.8.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Robert Sturdy, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Carl Schlyter, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l‑Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer