RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

15.11.2010 - (COM(2010)0331 – C7‑0173/2010 – 2010/0179(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: David Casa


Proċedura : 2010/0179(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0325/2010

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

(COM(2010)0331 – C7‑0173/2010 – 2010/0179(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0331),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0173/2010),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0000/2010),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif ġiet emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tbiddel il-proposta tagħha f'dan is-sens, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat FUE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Sakemm isiru l-konsultazzjonijiet dwar l-istrateġija tal-VAT li hija mistennija li tindirizza l-arranġamenti fil-futur u livelli korrispondenti ta' armonizzazzjoni, ikun prematur li jiġi stabbilit livell permanenti ta' rata standard jew li jiġi kkunsidrat li jinbidel il-livell ta' rata minima.

(4) Sakemm isiru l-konsultazzjonijiet dwar l-istrateġija tal-VAT li hija mistennija li tindirizza l-arranġamenti fil-futur u livelli korrispondenti ta' armonizzazzjoni, ikun prematur li jiġi stabbilit livell permanenti ta' rata standard jew li jiġi kkunsidrat li jinbidel il-livell ta' rata minima. L-enfasi tal-istrateġija l-ġdida tal-VAT għandha tkun ir-riforma tar-regoli tal-VAT b’mod li jippromwovi attivament l-objettivi tas-suq intern. L-istrateġija l-ġdida tal-VAT għandu jkollha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv, telimina l-ostakli relatati mat-taxxa u ttejjeb l-ambjent kummerċjali, b'mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u dawk b’ammont kbir ta’ xogħol, filwaqt li tiżgura s-saħħa tas-sistema kontra l-frodi.

Emenda  2

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Huwa għalhekk xieraq li tinzamm ir-rata standard minima kurrenti ta' 15% għal perjodu ieħor li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa aktar reviżjoni.

(5) Huwa għalhekk xieraq li tinzamm ir-rata standard minima kurrenti ta' 15% għal perjodu ieħor li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa aktar reviżjoni, billi tintuża l-Istrateġija tas-Suq Uniku bħala linja gwida f'dan ir-rispett.

Emenda  3

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Dan ma jeskludix aktar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta' Diċembru 2015 biex tindirizza r-riżultat tal-istrateġija tal-VAT il-ġdida.

(6) Dan ma jeskludix aktar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta' Diċembru 2015 biex tindirizza r-riżultat tal-istrateġija tal-VAT il-ġdida. Għalhekk, jekk possibbli, għandu jkun hemm pass ‘il quddiem lejn sistema definittiva qabel il-31 ta’ Diċembru 2015.

Emenda  4

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Riiżeami

 

1. Sal-31 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti leġiżlattivi biex il-livell tar-rata minima tranżitorja attwali tal-VAT jiġi sostitwit b'sistema definittiva.

 

2. Sabiex jiġi implimentat l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet kollha interessati, pubbliċi u privati, dwar l-istrateġija l-ġdida tal-VAT. Dawn il-konsultazzjonijiet mill-inqas għandhom jindirizzaw ir-rati tal-VAT, inkluż ir-rati mnaqqsa tal-VAT, kif ukoll kemm ikun mixtieq li titwaqqaf rata massima, l-ambitu tal-VAT, id-derogi mis-sistema, l-għażliet alternattivi għall-istruttura u t-tħaddim tal-VAT, inkluż il-post li għandu jkollha t-tassazzjoni għall-provvisti fi ħdan l-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

  • [1]     Opinjoni ta’ … (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi estensjoni b'5 snin tar-rekwiżit attwali għall-pajjiżi tal-UE li jkollhom standard minimu ta' rata tal-VAT ta' 15%. Għalhekk, il-proposta mhux se jkollha konsegwenzi f'termini ta' rati tat-taxxa. Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-estensjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011 u tibqa' tgħodd sal-31 ta' Diċembru 2015. Il-bażi ġuridika tal-Proposta huwa l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sfond

Sabiex jitwaqqaf is-suq intern mingħajr fruntieri f'Jannar 1993, il-Kummissjoni kienet ressqet proposti bl-għan li titwaqqaf sistema definittiva ta' armonizzazzjoni fiskali. Fir-rigward tar-rati, il-Kummissjoni inizjalment ipproponiet struttura ta' armonizzazzjoni fiskali b'żewġ rati obbligatorji tal-VAT (rata standard u rata mnaqqsa) u armonizzazzjoni (mifrux fuq faxxa) tar-rati applikati mill-Istati Membri.

Madankollu, meta deher ċar li kien se jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim politiku fil-Kunsill biex jiġu adottati l-proposti tal-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1993, il-Kunsill iddeċieda li jadotta sistema tranżitorja. B'rabta mar-rati, huwa adotta d-Direttiva 92/77/KEE, li approssimat ir-rati u introduċiet sistema ta' rati minimi. Id-Direttiva stipulat li mill-1 ta' Jannar 1993 sal-31 ta' Diċembru 1996, ir-rata standard ma setgħetx tkun aktar baxxa minn 15%. Din id-dispożizzjoni minn dak iż-żmien ġiet estiża erba' darbiet. L-aħħar estensjoni tibqa' tgħodd sal-31 ta' Diċembru 2010.

Is-sħubijiet il-ġodda tal-2004 u tal-2007 ma rriżultawx f'tibdil fis-sitwazzjoni fejn jidħlu r-rati tal-VAT, li għadhom ivarjaw minn 15% sa 25% fis-27 Stat Membru (ara l-anness). Il-Kummissjoni kkonfermat li l-ebda Stat Membru ma esprima oġġezzjoni għal estensjoni tar-rata tal-VAT standard.

Biex jinżamm il-livell miksub ta' armonizzazzjoni tar-rati, il-Kummissjoni darbtejn ressqet proposti biex ikun hemm firxa ta' rati standard b'rata minima ta' 15% u rata massima ta' 25%. (COM(95)731 u COM(1998)693). Il-firxa ġiet stabbilita meta tqiesu r-rati applikati fil-prattika mill-Istati Membri, fejn ir-rati standard dejjem kienu jvarjaw bejn 15% u 25%.

Fiż-żewġ każijiet, il-proposti ta’ approssimazzjoni tar-rati ġew emendati mill-Kunsill, li żamm biss il-prinċipju ta’ rata minima b’referenza għar-rata minima ta’ 15% mqabbla mas-sistema mdaħħla permezz tad-Direttiva tal-1992.

Madankollu, meta ġew adottati d-Direttivi sussegwenti (96/95/KE, 1999/49/KE, 2001/4/KE u 2005/92/KE), il-Kunsill qabel li, minflok, idaħħal id-dikjarazzjoni li ġejja fil-minuti tal-Kunsill:

"L-Istati Membri jimpenjaw ruħhom - safejn jista' jkun previst illum - li mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010 se jagħmlu kull sforz biex jevitaw milli jwessgħu l-medda attwali ta' 10 punti perċentwali aktar mir-rata standard l-aktar baxxa attwali applikata mill-Istati Membri."

Valutazzjoni preliminari tar-Rapporteur - Il-ġejjieni tas-sistema tal-VAT

Fil-proposta attwali tagħha, il-Kummissjoni qed tindika li l-iskop tal-estensjoni mhuwiex biss li tingħata iktar ċertezza ġuridika lin-negozji, li hija ħaġa li r-Rapporteur jappoġġa bis-sħiħ, iżda wkoll li tkun tista' ssir valutazzjoni ulterjuri tal-livell adegwat tar-rata standard tal-VAT fil-livell tal-UE.

Fl-iskabju tal-fehmiet tiegħu mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kummissarju Šemeta ħabbar li l-Kummissjoni se tniedi Green Paper dwar ir-rieżami tas-sistema tal-VAT bl-għan li jinħoloq ambjent iktar favorevoli għan-negozji u sistema iktar sempliċi u b'saħħitha għall-Istati Membri. Ir-Rapporteur iqis li l-Kummissjoni m'għandhiex biss teżamina mill-ġdid il-kwestjoni speċifika tar-rata standard tal-VAT u ta' rati oħra, iżda wkoll, kif imħabbar mill-Kummissarju, il-kwestjoni usa' tal-istrateġija l-ġdida tal-VAT, inkluż l-ambitu tal-VAT u d-derogi.

Ir-Rapporteur ifakkar li s-sistema attwali tal-VAT, bil-kumplessità miżjuda tagħha, mhux biss f'termini ta' rati, mhix qed tlaħħaq mal-progress li qed isir fis-Suq Intern. Dan iqiegħed f'pożizzjoni ta’ żvantaġġ lin-negozji Ewropej, partikolarment lill-SMEs. Barra minn hekk, kif fakkar il-Parlament Ewropew fil-passat, is-sistema tal-VAT kif inhi maħsuba u implimentata attwalment mill-Istati Membri, għandha nuqqasijiet li min jikkommetti frodi jista' jużahom għall-vantaġġ tiegħu, u dan jiswa biljuni ta' Euro lill-introjtu mit-taxxi.

Għalhekk, ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq ir-riżultati tal-analiżi tagħha mill-iktar fis u tinvolvi lill-Parlament Ewropew fid-dibattitu tagħha.

Anness

Rati Standard tal-VAT fl-Istati Membri

L-Istati Membri

Rata standard

Belġju

21

Bulgarija

20

Repubblika Ċeka

20

Danimarka

25

Ġermanja

19

Estonja

20

Greċja

23

Spanja

18

Franza

19,6

Irlanda

21

Italja

20

Ċipru

15

Latvja

21

Litwanja

21

Lussemburgu

15

Ungerija

25

Malta

18

Pajjżii l-Baxxi

19

Awstrija

20

Polonja

22

Portugall

21

Rumanija

24

Slovenja

20

Slovakkja

19

Finlandja

23

Svezja

25

Renju Unit

17,5

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tad-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

Referenzi

COM(2010)0331 – C7-0173/2010 – 2010/0179(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

8.7.2010

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.9.2010

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

David Casa

6.7.2010

 

 

Eżami fil-kumitat

4.10.2010

26.10.2010

 

 

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

 

 

Burkhard Balz, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Herbert Dorfmann, Sari Essayah, Robert Goebbels, Sophia in ‘t Veld, Arturs Krišjānis Kariņš, Thomas Mann, Sirpa Pietikäinen, Bernhard Rapkay, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Knut Fleckenstein