RAPPORT dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar

26.7.2011 - (2011/2072(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Vicky Ford
Rapporteur għal opinjoni (*): Corinne Lepage, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2011/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0290/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar

(2011/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju, 1994, dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta' November 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (id-Direttiva IPPC)[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (id-Direttiva dwar l-istima tal-Impatt Ambjentali)[4], kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE[5], 2003/35/KE[6] u 2009/31/KE[7],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jew ELD)[8],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà[9], kif emendat,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1891/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002[10],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar azzjoni tal-UE fil-qasam tat-tfittxija għaż-żejt u l-estrazzjoni taż-żejt fl-Ewropa[12],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu: "L-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar" (COM (2010)0560),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 11 u l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-inċident tad-Deepwater Horizon li wassal għat-telf traġiku ta' ħajjiet u ħsara ambjentali sinifikanti,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Istati Uniti dwar it-tixrid ta' żejt ikkawżat mill-pjattaforma Deepwater Horizon tal-BP u t-tħaffir fil-baħar,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)[13],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0290/2011),

A. billi l-Artikolu 194 TFUE speċifikament isostni d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, filwaqt li jkompli jħares is-solidarjetà u l-protezzjoni ambjentali,

B.  billi l-Artikolu 191 TFUE, jistabbilixxi l-fatt li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent trid timmira għal livell għoli ta' protezzjoni u hi msejsa fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità, tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas,

C. billi sorsi indiġeni ta' żejt u gass jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-bżonnijiet attwali ta' enerġija tal-Ewropa u huma fil-mument kruċjali għas-sigurtà tal-enerġija tagħna u d-diversità enerġetika,

D. billi l-attività offshore qed tikber f'żoni qrib it-territorju tal-UE, li mhumiex suġġetti għad-dritt tal-UE, iżda fejn kwalunkwe inċident jista' jkollu impatt fuq it-territorju tal-UE u billi ħafna minn dawn iż-żoni huma politikament instabbli;

E.  billi ġa hemm ġabra estensiva ta' liġijiet internazzjonali u ta' konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw l-ibħra, inklużi dawk Ewropej,

F.  billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tistipula l-qafas ġuridiku li fih l-attivitajiet fl-oċeani u l-ibħra għandhom jitwettqu, inkluża d-delimitazzjoni tal-blata kontinentali u ż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE);

G. billi s-sigurtà u l-integrità tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali u l-protezzjoni massima għaċ-ċittadini tal-Ewropa u għall-ambjent jeħtieġ li jiġu garantiti,

H. billi l-effetti ta' inċident jistgħu jkunu transkonfinali fin-natura tagħhom u għaldaqstant jiġġustifikaw l-eżistenza ta' kapaċità ta' rispons mill-UE dwar it-tniġġis ippreparata minn qabel, li tikkunsidra l-inċidenti barra l-ibħra tal-UE,

I.   billi t-tixrid ta' żejt ikkawżat mill-pjattaforma Deepwater Horizon wera l-konsegwenzi potenzjalment devastanti li jista' jkollu fuq l-ambjent u għall-bniedem l-isfruttmanet taż-żejt f'ambjenti estremi, u l-ispejjeż ekonomiċi enormi assoċjati ma' tali impatti ambjentali,

J.   billi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Istati Uniti dwar it-tixrid ta' żejt ikkawżat mill-pjattaforma Deepwater Horizon tal-BP u t-tħaffir fil-baħar jirriflettu numru ta' prattiki li ilhom prevalenti f'partijiet tal-UE għal 20 sena jew aktar,

K. billi t-tixrid ta' żejt ikkawżat mill-pjattaforma Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku għandu jwassal lill-UE biex, b'mod urġenti, u fejn ikun meħtieġ, twettaq rieżami bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni tagħha fil-qasam, fir-rigward tal-prinċipju prekawzjonarju u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, dwar l-aspetti kollha tat-tħaffir u tat-tiftix fil-baħar għaż-żejt u għall-gas, inkluż it-trasferiment sikur permezz ta' pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ, jew taħt il-qiegħ, tal-baħar, fit-territorji tagħha; billi f'dan il-kuntest il-Parlament jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tieħu ħsieb b'mod urġenti l-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

L.  billi d-diżastru fil-Golf tal-Messiku wassal biex l-industrija u l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu fora, bħall-GIRG[14] u l-OSPRAG[15] biex jitgħallmu mid-diżastru, u billi ħafna minn dawn l-inizjattivi diġà pproduċew riżultati konkreti;

M. billi l-Kumpaniji Nazzjonali taż-Żejt pproduċew 52% tal-produzzjoni globali taż-żejt u kkontrollaw 88% tar-riżervi aċċertati taż-żejt fl-2007 u billi l-importanza tagħhom fir-rigwrd tal-kumpaniji taż-żejt internazzjonali qed tiżdied b'mod straordinarju;

N. billi l-mekkaniżmi regolatorji differenti tal-Istati Membri jagħmluha iktar diffiċli li tiġi żgurata l-integrità tal-miżuri ta' sikurezza, joħolqu piż finanzjarju żejjed fuq l-impriżi u jfixklu l-funzjonament adegwat u tajjeb tas-suq intern,

O. billi l-provi jissuġġerixxu li s-separazzjoni tal-proċess ta' ħruġ tal-liċenzji minn dak tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tista' tevita kwalunkwe kunflitti tal-interess potenzjali, jew konfużjoni tal-objettivi,

P.  billi r-regolaturi nazzjonali għandhom jivvalutaw il-vijabbiltà finanzjarja u l-kapaċità qabel tinħareġ liċenzja u l-kunsens finali għat-tħaffir, filwaqt li jiżguraw li jeżistu biżżejjed fondi, inklużi dawk permezz ta' assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili u fondi komuni,

Q. billi diversi fora internazzjonali diġà jeżistu fejn ir-regolaturi jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki, inkluż in-NSOAF[16],

R.  billi l-Kummissjoni, f'isem l-UE, diġà hi parti kontraenti tal-OSPAR[17], Konvenzjoni Reġjonali li tipproteġi l-ambjent marittimu tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal,

S.  billi diġà jeżistu mekkaniżmi li jirrappurtaw l-inċidenti, inkluż ir-rapport tal-OSPAR dwar l-iskariki, it-tixrid u l-emissjonijiet annwali, u billi l-kanali mhux regolatorji bħall-"bulettini ta' sikurezza" tal-NSOAF jistgħu jintużaw biex jitwasslu t-tagħlimiet miksuba minn inċidenti bħal dawn,

T.  billi diversi ftehimiet eżistenti diġà jiddenfinixxu l-proċeduri ta' reazzjoni internazzjonali għat-tixrid ta' importanza internazzjonali, bħall-ftehim OCES[18],

U. billi d-Direttiva tal-UE dwar il-Makkinarju tapplika normalment għat-tagħmir fil-faċilitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar iżda teskludi l-unitajiet ta' tħaffir mobbli fil-baħar u t-tagħmir marbut magħhom,

V. billi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima diġà tipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà marittima u ngħatat impenji operattivi fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis biż-żejt, fil-monitoraġġ bis-satelliti u fl-identifikazzjoni b'firxa wiesgħa u l-intraċċar tal-bastimenti,

W. billi r-responsabbiltà għat-tindif ta' kwalunkwe tixrid ta' żejt u r-responsabbiltà għad-danni huma bbażati fuq l-Artikolu 191 TFUE li jistabbilixxi l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u dan huwa rifless fil-leġiżlazzjoni sekondarja bħad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD) u d-Direttiva dwar l-Iskart,

X. billi diġà teżisti skema ta' kumpens volontarju fil-każ ta' tniġġis miż-żejt fil-Baħar tat-Tramuntana,

Approċċ regolatorju

1.  Jirrikonoxxi li l-ħruġ ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet oħra għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi ta' idrokarburi huwa prerograttiv ta' Stat Membru, u li kull sospensjoni ta' attivitajiet hija fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat; jisħaq, madankollu, li l-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji jridu jkunu konformi ma' ċerti kriterji komuni tal-UE u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipju ta' prekawzjoni meta joħorġu l-awtorizzazzjonijiet għall-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' riżorsi ta' idrokarburi;

2.  Jinsisti, għaldaqstant, li l-introduzzjoni ta' moratorju fl-UE kollha dwar it-tħaffir ġdid kollu fil-baħar fond għaż-żejt fl-ilmijiet tal-UE tkun reazzjoni sproporzjonata għall-bżonn li jiġu żgurati standards għolja ta' sikurezza fl-UE;

3.  Jenfasizza li s-sistema leġiżlattiva u regolatorja ta' kull Stat Membru għandha tiżgura li l-operaturi kollha jippreżentaw “każ ta' sikurezza”, ibbażat fuq ir-riskju u speċifiku skont is-sit, li jitlobhom juru bis-sħiħ lill-awtoritajiet tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ambjent rilevanti tagħhom li ġew ikkunsidrati r-riskji skont is-sit flimkien ma' oħrajn u ġew implimentati kontrolli għal kull installazzjoni;

4.  Jenfasizza li l-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji kollha tal-Istati Membri għandhom jadottaw sistema soda skont l-aħjar prattika kurrenti fejn il-proposti kollha għat-tħaffir ikollhom każ ta' sikurezza, li għandu jiġi approvat qabel ma jistgħu jibdew l-operazzjonijiet, inklużi proċeduri ta' verifika indipendenti minn partijiet terzi u rieżami f'intervalli regolari u xierqa minn esperti indipendenti; jisħaq li "punti ta' stennija" regolatorji qabel it-tħaffir se jiżguraw iktar li r-riskji kollha jiġu kkunsidrati u mitigati, u li r-rieżamijiet minn esperti indipendenti jiġu implimentati f'intervalli xierqa għal kull installazzjoni;

5.  Jitlob biex il-każijiet ta' sigurtà kollha jsiru dokument aġġornat u li jevolvi sabiex bidliet sostanzjali, tekniċi jew fit-tagħmir jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u jenfasizza li l-każijiet ta' sigurtà kollha għandhom jiġu rieżaminati minn tal-inqas kull ħames snin, inkluż mir-regolaturi indipendenti; jenfasizza li l-proċeduri kollha fil-post u t-tagħmir disponibbli sabiex jiġu affrontati blow-outs possibbli jeħtieġ li jkunu inklużi fil-każ ta' sikurezza;

6.  Jirrikonoxxi li diġà hemm netwerk ta' sistemi u l-aħjar prattiki, u jemmen li hemm riskju li kull element ġdid ta' leġiżlazzjoni speċifika tal-UE jkollu effett destabilizzanti fuq in-netwerk attwali ta' sistemi, li jwarrabhom mill-approċċ aċċertat tal-każ ta' sikurezza, u jenfasizza li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ma għandhiex tfittex li tidduplika jew tikkomprometti l-aħjar prattika eżistenti;

7. Jappoġġja l-aspiċju tal-Kummissjoni li tgħolli l-istandards minimi fi ħdan l-UE, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jemmen li t-tħassib dwar is-sikurezza u l-ambjent għandu jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni kollha u li l-ogħla standards ta' sikurezza u tal-ambjent għandhom jiġu applikati fl-oqsma kollha tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar; jappella li terz indipendenti jżid il-livell ta' koordinament fil-każ ta' inċident; jirrakkomanda li tinħatar l-EMSA għal dan ir-rwol;

8. Jitlob li d-Direttiva dwar l-istudju tal-Impatt Ambjentali (EIA)[19] tiġi estiża sabiex tkopri l-fażijiet kollha tal-proġetti fuq il-baħar (ta' tiftix u operattiva) u jitlob li jkun hemm rekwiżiti speċifiċi għall-EIAs f'każ ta' ibħra fondi, bjar kumplessi, u kundizzjonijiet diffiċli għat-tħaffir, u t-trasferiment taż-żejt/tal-gass permezz ta' pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ jew taħt il-qiegħ tal-baħar; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-EIAs għall-proġetti fuq il-baħar approvati mill-awtoritajiet nazzjonali jkopru wkoll il-proċeduri li l-operaturi jridu jsegwu waqt id-dekummissjonar; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar l-EIAs u tistipula fihom li l-proċeduri tal-istudju tal-impatt ambjentali jridu jiġu fdati f'idejn esperti li jkunu indipendenti mill-klijent;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-qafas regolatorju attwali dwar id-dekummissjonar tal-infrastruttura eżistenti ta' tħaffir, u tiċċara, jekk ikun hemm bżonn permezz ta' leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà tal-operaturi li jiżguraw it-tneħħija sikura u r-responsabbiltà għal kull ħsara ambjentali li tirriżulta mid-dekummissjonar jew minn sit ta' tħaffir wara li jkun ġie ddekummissjonat;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li testendi l-prinċipji sodi fil-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkontrolla l-perikli fuq il-baħar (SEVESO II[20] u III[21]) għal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar; fl-istess waqt, u f'każ li l-Kummissjoni ma tipproponix leġiżlazzjoni speċifika ġdida, jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-proposta SEVESO III tagħha sabiex testendi l-ambitu tagħha għall-pjattaformi taż-żejt u għall-pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ jew taħt il-qiegħ tal-baħar, għall-fażijiet kollha tat-tiftix għal riservi taż-żejt u tal-gass sakemm il-bir jiġi ddekummissjonat; jilqa' l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva SEVESO II, li fih il-Kummissjoni tgħid li hi se tevalwa l-mod xieraq biex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni ambjentali;

11. Jinnota li l-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar huma esklużi mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[22]; jissuġġerixxi li fil-punt 1.5 tal-Anness I, il-Kummissjoni żżid "attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar" bħala parti mill-ewwel reviżjoni tal-ambitu li trid issir sal-31 ta' Diċembru 2011, u jissuġġerixxi li l-Bureau Ewropew tal-IPPC jiddefinixxi l-Aħjar Prattiki Disponibbli (BAT) għall-attivitajiet tat-tħaffir għaż-żejt u l-gass fuq il-baħar;

12. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li teżamina mill-ġdid id-Direttiva 92/91/KEE, u jitlob li jkun hemm approċċ ibbażat fuq standards komuni, biex jiġu evitati differenzi fit-trattament bejn l-impjegati fi ħdan l-istess impriża, skont il-post tax-xogħol tagħhom; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm għadd ta' regoli trasparenti, effiċjenti u konsistenti li japplikaw għall-impjegati kollha li jaħdmu fis-settur tal-offshore (fuq il-baħar), u li jkun hemm evalwazzjoni ta' kemm l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ kif ukoll il-possibilitajiet għal armonizzazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni;

13. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-ILO dwar Sistemi ta' Ġestjoni tas-Sikurezza tax-Xogħol u s-Saħħa (ILO-OSH 2001) fl-industrija kollha taż-żejt u l-gass;

14. Iwissi, madankollu, li l-effettività tal-leġiżlazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kwalità tal-implimentazzjoni tagħha mill-awtoritajiet u l-entitajiet Ewropej u nazzjonali relevanti li jimplimentaw, jimmaniġġjaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni relevanti; jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun attiva fl-iżgurar tal-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

15. Jenfasizza li xi Membri diġà għandhom mekkaniżmi ta' sikurezza eċċellenti meta mqabbla mal-livell internazzjonali u Ewropew;

16. Jenfasizza l-importanza ta' spezzjonijiet regolari, varjati u rigorużi mwettqa minn speċjalisti indipendenti u mħarġa li huma familjari mal-kundizzjonijiet lokali; jemmen li s-sistemi ta' spezzjoni ta' operatur għandhom ukoll ikunu suġġetti għal verifika minn terzi; jappoġġja l-isforzi li diġà saru minn ċerti Stati Membri biex iżidu n-numru ta' spezzjonijiet rigorużi; jenfasizza l-importanza tal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali u tat-trattament trasparenti tal-kunflitti tal-interess possibbli li l-ispetturi jistgħu jiffaċċjaw ma' dawk li jistgħu jħaddmuhom fil-futur;

17. Jinnota li r-riżorsi huma limitati fir-rigward ta' spetturi b'esperjenza u jappella għal investiment ulterjuri biex jiġi żviluppat netwerk ta' spezzjoni aktar kwalifikat fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina modi li bihom tista' tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw l-ispettorati tagħhom stess;

18. Jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm sistemi ta' kontroll effikaċi mill-entitajiet ta' spezzjoni, b'metodi innovattivi ta' verifiki speċifiċi fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u l-operazzjonijiet ta' salvataġġ, u l-bżonn li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet għal ksur ta' regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema;

19. Jirrimarka li s-sistemi ta' spezzjoni ta' operatur għandhom ikunu suġġetti għal verifika minn terzi kif ukoll ispezzjonijiet fil-livell tal-UE u li l-verifika ta' bastimenti għandha tiġi estiża għall-pjattaformi fuq il-baħar taż-żejt u tal-gass;

20. Jirrikonoxxi li f'xi operazzjonijiet inqas estensivi jista' jkun hemm l-ekonomiji ta' skala jekk l-Istati Membri jkollhom spettorati komuni;

21. Jirrimarka li kwalunkwe estensjoni potenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodott għat-tagħmir ta' installazzjonijiet fuq il-baħar għandha tirrikonoxxi li, fid-dawl tar-rata għolja tal-progress teknoloġiku, l-ispeċifikazzjonijiet preskrittivi żejda jista' malajr ma jkunx hemm iktar bżonnhom;

22. Huwa mħasseb li "kontrollur tal-kontrolluri" fuq il-livell tal-UE mhux se jġib miegħu valur miżjud suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat l-użu ta' riżorsi regolatorji skarsi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jirrikonoxxi, minkejja dan, l-potenzjal li hemm fl-esperjenza sinifikanti tal-EMSA fil-ġestjoni tal-prevenzjoni ta' inċidenti taż-żejt, attivitajiet ta' monitoraġġ u detezzjoni, u li l-ġbir ta' data, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-koordinament tar-riżorsi ta' rispons għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga jekk korp regolatorju Ewropew għall-operazzjonijiet fuq il-baħar, li jiġbor flimkien ir-regolaturi nazzjonali fuq il-linji tal-BEREC fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, jistgħax iġib miegħu valur miżjud u jsaħħaħ l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-ogħla standards fl-UE,

Prevenzjoni, Skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika

23. Jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi reġjonali bħala l-ewwel saff ta' azzjoni multilaterali u jemmen li fora simili għall-NSOAF fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jiġi stabbiliti għall-Istati Membri madwar il-Baħar Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed sabiex jissorveljaw l-adozzjoni u l-infurzar tal-istandards minimi; f'dan ir-rigward jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-ħolqien tal-Forum Mediterranju tal-Awtoritajiet Offshore (MOAF) u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi mhux membri fl-UE; hu tal-fehma li l-istandards u r-regoli adottati għall-UE għandhom jikkunsidraw kwistjonijiet ambjentali marbutin mal-esplorazzjoni tal-idrokarbur fiż-żoni mhux tal-UE;

24. Jirrikonoxxi l-varjetà ta' kundizzjonijiet fiż-żoni ta' baħar differenti iżda jemmen li għandu jkun hemm koordinament inter-fora bejn l-inizjattivi reġjonali, fejn xieraq, sabiex tiġi żgurata l-aħjar prattika fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżvolġi rwol attiv f'dawn il-fora;

25. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi laqgħat konġunti UE/NSOAF bħala opportunità ta' skambju tal-aħjar prattiki fl-UE kollha; jenfasizza li dawn il-laqgħat għandhom jiġu valutati mill-parteċipanti;

26. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Produtturi taż-Żejt u l-Gass għall-ħolqien tal-Grupp Globali ta' Reazzjoni Industrijali (GIRG) wara d-diżastru fil-Golf tal-Messiku; iħeġġiġhom jaħdmu b'mod trasparenti fil-qsim ta' informazzjoni u fil-ħidma mal-awtoritajiet;

27. Jenfasizza l-benefiċċji ta' sikurezza mill-programmi ta' involviment tal-forza tax-xogħol; iħeġġeġ rabtiet b'saħħithom, u inizjattivi konġunti, bejn l-industrija, il-forza tax-xogħol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-protezzjoni tal-ambjent;

28. Jenfasizza li s-settur tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fuq il-baħar iġib miegħu riskji kbar għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema minħabba l-kundizzjonijiet ambjentali kultant estremi, il-ħinijiet tax-xogħol f'forma ta' perjodi ta' 12-il siegħa, u s-sitwazzjoni ta' iżolament, u jirrikonoxxi li dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol, speċjalment l-istress psikoloġiku, huma u jeħtieġ li jkomplu jkunu, regolamentati sabiex jiġu minimizzati l-iżbalji umani u sabiex ikunu protetti l-ħaddiema; jirrakkomanda għalhekk li l-ħaddiema jingħataw sistema ta' assigurazzjoni u kumpanija mutwa tal-assigurazzjoni li tkun tal-livell tar-riskju li jiffaċċjaw;

29. Jinnota l-aħħar rapport mill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Baħar tat-Tramuntana, li wera li l-għadd ta' korrimenti fatali jew gravi rdoppja matul l-aħħar sena, u li t-tnixxijiet sinifikanti ta' idrokarburi żdiedu b'terz;

30. Jemmen li għandha tiġi żviluppata kultura preventiva ta' saħħa u ta' sikurezza, permezz tal-impenn min-naħa ta' min iħaddem u tat-trejdunjins u l-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-ħaddiema, partikolarment billi dawn jiġu kkonsultati, billi jiġu involuti fit-tfassil u fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' sikurezza u billi jingħataw informazzjoni dwar ir-riskju potenzjali involut; jenfasizza l-importanza tat-testjar u l-monitoraġġ ta' dawn il-proċeduri tul il-katina kollha ta' kmand sabiex ikun żgurat li l-iktar persuni mlaħħqin fl-amminstrazzjoni wkoll ikunu mħarrġa u responsabbli f'każ ta' inċidenti jew nuqqasijiet ta' sikurezza;

31. Jitlob lill-industrija timpenja lilha nnifisha għal kultura ta' sikurezza reali fl-organizzazzjonijiet tagħhom, kemm dawk offshore jew dawk f'ambjent ta' uffiċċju; għalhekk jippromwovi programmi ta' taħriġ regolari għall-impjegati permanenti u dawk fuq kuntratt kollha kif ukoll għal dawk li jħaddmu;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tistabbilixxi standards u sistemi komuni għal sikurezza għolja, biex jiġu ffaċċjati u limitati t-theddidiet ħalli jonqsu r-riskji u, meta jkun jeħtieġ, biex ikun hemm rispons mgħaġġel u effikaċi; jitlob ukoll biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' taħriġ fl-Istati Membri tal-UE għall-ħaddiema, inklużi l-kuntratturi u s-sottokuntratturi, involuti f'kompiti b'riskju għoli, u biex dawn jiġu armonizzati ħalli tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti fl-ilmijiet kollha Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tibda azzjoni pożittiva ma' sħab internazzjonali biex tesplora l-possibbiltà li tinkiseb inizjattiva globali dwar ir-regoli ta' saħħa u sikurezza tal-ħaddiema u biex dawn jiġu aġġornati regolarment ħalli jieħdu inkunsiderazzjoni l-iktar teknoloġija avvanzata;

33. Jistieden lill-Istati Membri jippermettu biss taħriġ intern jew estern kwalifikat;

34. Jilqa' l-programmi ta' skambju internazzjonali u ta' taħriġ komuni għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu inizjattivi li jħeġġuhom;

35. Jitlob li jiġu applikati regoli stretti fil-qasam tas-sikurezza, tal-protezzjoni tas-saħħa, u tat-taħriġ lis-sottokuntratturi, li għandu jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex iwettqu kompiti ta' manutenzjoni u ta' kostruzzjoni fil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom; jitlob li l-ħaddiema, inklużi l-kuntratturi u s-sottokuntratturi u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema jkunu informati dwar ir-riskji kollha involuti fix-xogħol qabel ma dan jitwettaq;

36. Jenfasizza li l-impjegati ta' katina ta' proċessar ulterjuri fuq il-baħar jew fuq l-art huma wkoll esposti għal riskji estremament kbar għas-saħħa u s-sikurezza; jitlob lill-Istati Membri jinkludu lil dawn l-impjegati fl-attivitajiet ta' regolamentazzjoni tagħhom;

37. Jitlob li tiġi prevista kura medika ta' segwitu regolari u speċifika għall-ħaddiema li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur taż-żejt u l-gass fuq il-baħar; jirrakkomanda li ssir vista medika li tevalwa s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema mill-inqas darba fis-sena;

38. Jitlob li jiġi approvat mekkaniżmu għall-evalwazzjoni tar-riskji ffaċċjati mill-ħaddiema, u jitlob li din l-evalwazzjoni titqies fil-kalkolu tar-rimunerazzjoni tal-ħaddiema;

39. Jistieden lill-industrija ssegwi l-aħjar prattika dwar ir-rappreżentanti tas-sikurezza; l-impjegati għandhom ikunu jistgħu jeleġġu rappreżentant tas-sikurezza li hu involut fi kwistjonijiet ta' sikurezza fil-livelli kollha tal-proċess operattiv u tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jemmen ukoll li l-impjegati għandhom ikunu jistgħu jiddikjaraw nuqqasijiet jew riskji ta' sikurezza lill-awtoritajiet kompetenti b'mod anonimu filwaqt li jiġu protetti minn fastidju;

40. Jappoġġja sforzi aktar qawwija biex l-aħjar prattiki tajba jiġu skambjati bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' leġiżlazzjoni, standards, proċeduri, u fir-rappurtaġġ u l-ġestjoni ta' inċidenti, inklużi l-opinjonijiet xjentifiċi, is-sikurezza operattiva u s-sistemi ta' protezzjoni ambjentali, il-ġestjoni tar-riskju, il-proċeduri ta' reazzjoni eċċ;

41. Jirrikonoxxi li diġà qed tiġi mqassma informazzjoni, jew mill-gruppi regolatorji jew mill-imsieħba kummerċjali u mill-impriżi konġunti; jemmen li s-sikurezza mhijiex proprjetà esklużiva;

42. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġbru u jaqsmu bejniethom informazzjoni u jippubblikawha mir-rappurtaġġ tal-inċidenti, b'kunsiderazzjoni xierqa għas-sensittivitajiet kummerċjali, sabiex jitgħallmu minnha; jirrikonoxxi li l-konsolidament u l-koordinament akbar ta' prattiki eżistenti u ta' rappurtaġġ ta' inċident li jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-konsistenza madwar l-UE; din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata malajr kemm jista' jkun wara li jkun seħħ l-inċident and għandha tinkludi, inter alia, inċidenti personali, ħsara fil-makkinarju, tixrid tal-idrokarburi u kwistjonijiet ta' tħassib; jilqa' l-inizjattivi internazzjonali, inkluż fil-Grupp ta' ħidma G20, bħala appoġġ fil-livell globali fl-iżgurar li hemm għarfien mifrux ta' inċidenti u kwalunkwe azzjoni ta' rimedju meħtieġa;

43. Jemmen lil-Kummissjoni għandha tivvaluta: l-effikaċja ta' kanali varji ta' informazzjoni eżistenti u/jew in-neċessità li jiġu stabbiliti sistemi internazzjonali ġodda, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-piż amministrattiv li jirriżulta minn dan;

Il-ħruġ ta' liċenzji u l-kunsens għat-tħaffir

44. Jinnota d-differenza bejn il-ħruġ ta' liċenzji li jippermettu t-tħaffir u l-persuna li tingħatalha l-liċenzja tista' ma tkunx l-organizzazzjoni inkarigata mit-tħaffir; jemmen li jrid ikun hemm "punti ta' stennija" wara li tingħata liċenzja u qabel it-tħaffir;

45. Jirrakkomanda li l-funzjonijiet tal-ħruġ ta' liċenzji u tas-saħħa u tas-sikurezza jkunu separati fl-Istati Membri kollha; jemmen li l-Kummissjoni għandha taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tistabbilixxi kriterji ta' ħruġ ta' liċenzji li jkunu komuni, trasparenti u oġġettivi li jiżguraw is-separazzjoni tal-funzjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji u ta' saħħa u ta' sikurezza, biex jitnaqqas ir-riskju ta' kunflitt ta' interess;

46. Jinnota li numru sinifikanti ta' installazzjonijiet fl-ibħra tal-UE qed jiqdiemu; jilqa' l-isforzi għat-titjib tal-integrità tal-assi tal-pjattaformi eżistenti;

47. Iqis li l-operaturi taż-żejt u tal-gass iridu jinħtieġu, waqt il-proċedura tal-ħruġ ta' liċenzji u matul il-perjodu operattiv u matul il-fażijiet kollha tal-proġetti fuq il-baħar (tiftix, operazzjoni, trasport u dekummissjonar), juru li jkollhom biżżejjed kapaċità finanzjarja biex jiżguraw rimedju fir-rigward tal-ħsara ambjentali kkawżata mill-attivitajiet speċifiċi li huma jwettqu, inklużi dawk ikkawżati minn inċidenti ta' impatt kbir u ta' probabbiltà baxxa – kemm permezz ta' skemi obbligatorji ta' garanzija industrijali reċiproka, jew permezz ta' assigurazzjoni obbligatorja, jew permezz ta' skema mħallta li tiggarantixxi s-sigurtà finanzjarja;

L-ippjanar ta' kontinġenza

48. Iħeġġeġ l-użu ta' pjanijiet ta' kontinġenza speċifiċi għas-sit li jidenfikaw il-perikli, jivvalutaw sorsi potenzjali ta' tniġġis u l-effetti tagħhom, jippreżentaw strateġija ta' reazzjoni u jippreżentaw pjanijiet ta' tħaffir għal bjar ta' salvataġġ potenzjali; jirrakkomanda li l-operaturi li jiksbu liċenzja għandhom, bħala prerekwiżit għall-kisba tagħha, iwettqu studju ta' impatt ambjentali u jippreżentaw il-pjanijiet ta' kontinġenza tagħhom minn tal-anqas xahrejn qabel il-bidu tal-operazzjonijiet; fil-każ ta' bjar kumplessi jew kundizzjonijiet ta' tħaffir diffiċli, il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi vvalutat, ikkonsultat u approvat flimkien ma' proċessi ta' approvazzjoni regolatorja oħra (pereżempju dawk konnessi mal-impatti ambjentali jew id-diżinn tal-bir); f'kull każ l-operazzjonijiet ma jistgħux jibdew qabel ma jiġi approvat pjan ta' kontinġenza mill-Istat Membru li fih dawn għandhom jitwettqu; il-pjanijiet ta' kontinġenza għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti b'kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tad-data;

49. Jistieden lill-Istati Membri jabozzaw, jemendaw jew jaġġornaw il-Pjanijiet ta' Kontinġenza Nazzjonali li jispeċifikaw il-kanali ta' ordni u l-mekkaniżmi għall-użu tal-assi nazzjonali b'mod parallel mar-riżorsi tal-industrija fil-każ ta' tnixxija; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw ma' xulxin u mal-pajjiżi ġirien tal-UE fit-tfassil ta' pjanijiet ta' kontinġenza reġjonali; jitlob li dawn il-pjanijiet jiġu trażmessi lill-EMSA;

50. Jinnota li avvenimenti reċenti enfasizzaw ir-riskji ta' attivitajiet ta' esplorazzjoni u ta' produzzjoni taż-żejt u tal-gass fil-baħar għat-trasport marittimu u għall-ambjent tal-baħar; huwa tal-opinjoni li l-użu tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni tal-EMSA għandhom ikunu estiżi b'mod espliċitu sabiex ikopru l-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis li joriġina minn attivitajiet ta' din ix-xorta;

51. Jissuġġerixxi li l-inventarji tar-riżorsi ta' rispons tal-EMSA għandhom jinkludu ir-riżorsi relevanti kollha tal-industrija u dawk pubbliċi sabiex l-EMSA titqiegħed pożizzjoni tajba biex tipprovdi rwol ta' koordinament, fejn xieraq, f'każ ta' inċident kbir;

52. Jissuġġerixxi li kull tagħmir disponibbli għat-trażżin ta' kull tixrid potenzjali għandu jifforma parti essenzjali mill-pjanijiet ta' kontinġenza u li dan it-tagħmir għandu jkun disponibbli fi prossimità tal-installazzjonijiet sabiex jiġi permess l-użu tiegħu f'waqtu f'każ ta' inċident kbir;

53. Iħeġġeġ lill-kumpaniji jkomplu jallokaw fondi għar-riċerka u għall-iżvilupp fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda ta' prevenzjoni u ta' rimedju wara l-inċidenti; jenfasizza li qabel ma tiżdied kull teknoloġija ta' rispons għal diżastru, din għandha tiġi ttestjata, ivvalutata u awtorizzata b'mod indipendenti;

54. Jikkunsidra bħala essenzjali li titwettaq riċerka xjentifika mmirata u innovattiva bil-għan li jkun possibbli li jintużaw sistemi awtomatiċi għall-monitoraġġ ta' operazzjonijiet ta' tħaffir u għeluq u b'hekk tiżdied l-affidabbiltà ta' operazzjonijiet ta' tħaffir u struttament, u ta' sistemi ta' sikurezza għan-nar f'kundizzjonijiet ta' temp estremi;

55. Huwa favur il-kontroll strett, it-testjar kontinwu u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tas-sustanzi kimiċi li jferrxu (u dwar pjanijiet għal rispons ta' emerġenza li jinvolvu l-użu ta’ sustanzi kimiċi li jferrxu), kemm biex tiġi żgurata l-adegwatezza tagħhom f'każ ta' tixrid ta' żejt kif ukoll biex jiġu evitati implikazzjonijiet għas-saħħa pubblika u għall-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għal aktar riċerka ddettaljata fl-impatti ta’ dawn is-sustanzi kimiċi, permezz ta’ programmi ta’ riċerka tal-UE jekk ikun hemm bżonn;

Rispons għad-diżastri

56. Jirrikonoxxi li l-industrija għandha r-responsabbiltà primarja għar-rispons għad-diżastri jilqa' l-inizjattivi konġunti tal-industrija li jiġu żviluppati, mobbilizzati u utilizzati riżorsi biex jiġi affaċċjat it-tixrid ta' żejt; jenfasizza li s-settur pubbliku għandu rwol importanti fir-regolament, is-sikurezza u l-koordinament ta' rispons għal diżastru;

57. Jirrakkomanda li għandha tingħata enfasi akbar fuq it-taħriġ sistematiku, partikolarment fuq l-applikazzjoni prattika tat-tagħmir ta' rispons għal diżastru;

58. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li s-sistema ta' ħruġ ta' liċenzji tinkludi l-protezzjoni adatta tal-istrumenti finanzjarji biex tiżgura li f'każ ta' inċidenti kbir dawn ikunu jistgħu jintużaw b'mod urġenti, għall-għoti ta' kumpens għat-telf ekonomiku, soċjali u ambjentali kkawżati minn tixrid ta' żejt jew ta' gass;

59. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li testendi l-ambitu tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima sabiex tkopri mhux biss bastimenti iżda wkoll installazzjonijiet fuq il-baħar;

60. Jinnota li r-rikors għall-kompetenza u għar-riżorsi tal-EMSA għandha tiġi ddeterminata mir-regolament rivedut tal-EMSA, iżda dan għandu jsir estiż biċ-ċar biex ikopri r-rispons għat-tniġġis li joriġina mill-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass u għandu jkun disponibbli madwar l-UE u l-pajjiżi ġirien, jekk meħtieġ;

61. Jemmen li l-għodod ta' rispons u ta' monitoraġġ żviluppati fil-livell tal-UE, rispettivament in-netwerk ta' bastimenti għall-irkupru taż-żejt stand-by tal-EMSA u tal-CleanSeaNet (CSN), għall-monitoraġġ u d-detezzjoni tat-tixrid ta' żejt, jistgħu jintużaw għal inċidenti f'installazzjonijiet fuq il-baħar;

62. Jirrakkomanda l-użu tas-Servizz CleanSeaNet tal-EMSA għall-monitoraġġ ta' pjattaformi taż-żejt u t-tixrid ta' żejt illegali minn bastimenti; jirrikonoxxi li 50% tal-istampi attwalment ipprovduti lill-CleanSeaNet jistgħu jintużaw biex jiġu mmonitorjati l-pjattaformi taż-żejt;

63. Jirrakkomanda, għalhekk, l-użu tan-Netwerk ta' Servizz ta' Bastimenti Stand-by ta' Rispons għat-tixrid taż-żejt tal-EMSA (SOSRV) wara r-rieżami tal-punti li ġejjin:

(a) mhux il-bastimenti kollha jistgħu jaħdmu f'atmosferi bi flashpoint ta' anqas minn 60º;

(b) il-kuntratti jeħtieġu jitjiebu sabiex jiġu permessi operazzjonijiet ta' rkupru ta' żejt itwal;

(c) id-diskrepanzi fin-netwerk attwali jeħtieġu jiġu koperti ;

(d) għandhom jiġu kkunsidrati teknoloġiji ġodda bħal pereżempju l-użu tax-xbieki taż-żejt;

64. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti mill-aktar fis biex tistabbilixxi Forza tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE bbażata fuq il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE u biex tfassal pjan ta’ azzjoni Ewropew, flimkien mal-Istati Membri, li jintegra mekkaniżmi speċifiċi li jistipulaw kif l-UE tista’ tirrispondi għal tniġġis kbir ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt fuq il-baħar, inklużi pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ jew taħt il-qiegħ tal-baħar;

65. Jirrikonoxxi r-rwol tal-MIC[23] li jikkomplementa l-mekkaniżmi ta' rispons ta' emerġenza tal-Istati Membri u l-industrija;

66. Jappoġġja servizzi innovattivi diretti għas-settur marittimu; jilqa' d-diskussjoni mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-bini ta' inizjattiva e-marittima ġdida dwar il-proġett SafeSeaNet, u jemmen li din tkun tista' toffri benefiċċji ulterjuri għas-sikurezza tal-industrija taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar;

67. Jenfasizza li kull żona ta' baħar għandha dejjem ikollha aċċess suffiċjenti għat-tagħmir disponibbli biex tiffaċċja t-tixrid ta' żejt kbir, u fl-agħar qagħda possibbli għal żona tal-baħar speċifika u mhux biss fl-ilmijiet tal-UE;

68. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġestjoni mtejba tad-data dwar il-baħar proposta fil-Komunikazzjoni "Għarfien dwar il-Baħar 2020"[24], u fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata[25], tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ xieraq tat-theddid ta' tniġġis sabiex tiġi ddeterminata l-azzjoni xierqa fil-mument opportun;

69. Jitlob lill-Kummissjoni tħejji proposta biex l-għarfien xjentifiku ġġenerat mill-operaturi fuq l-baħar li joperaw permezz ta’ liċenzja pubblika jkun disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli bl-użu ta’ standards u protokolli żviluppati fil-kuntest tal-"Għarfien dwar il-Baħar 2020", bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskrutinju pubbliku u biex jiżdied l-għarfien tal-ambjent tal-baħar;

Responsabbiltà

70. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, meta jkunu qed jikkunsidraw mekkaniżmi ta' garanzija finanzjarja, inkluż il-bżonn għal assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, joqogħdu attenti biex jiffissaw rati ta' assigurazzjoni fuq il-bażi tar-riskju reali li jirriżulta mid-diffikultajiet tat-tħaffir u ta' sfruttament, sabiex ma jeskludux mis-suq operaturi żgħar u ta' daqs medju mis-suq filwaqt li jiġi żgurat li danw huma koperti għar-responsabbiltà ċivili;

71. Jenfasizza li, filwaqt li fil-prinċipu jistgħu jingħataw garanziji finanzjarji permezz ta’ assigurazzjoni jew ta’ mutwalizzazzjoni industrijali, huwa importanti li jiġi żgurat li l-operaturi juru li jkollhom garanziji finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ tindif u ta’ kumpens f’każ ta’ diżastru kbir, u li r-riskji u r-responsabbiltà ma jkunux esternalizzati lil kumpaniji iżgħar li jkun aktar probabbli li jiddikjaraw insolvenza f’każ ta’ inċident; jitlob li kwalunkwe skema konġunta tkun stabbilita b’mod li jinżammu l-inċentivi biex jiġu evitati r-riskji u tkun tirrispetta l-ogħla standards ta’ sikurezza possibbli fl-operazzjonijiet individwali;

72. Jirrikonoxxi l-mertu tal-fondi komuni bħall-OPOL fil-Baħar tat-Tramuntana u, jitlob li fondi bħal dawn jiġu stabbiliti f'kull żona marittima tal-UE; jitlob li s-sħubija tkun obbligatorja għall-operaturi u li tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika sabiex jiġu pprovdut mekkaniżmu ta' sikurezza maħsub ħalli l-Istati Membri, is-settur marittimu, b'mod partikolari s-sajjieda u l-kontribwenti jiġu assigurati;

73. Jenfasizza li n-natura volontarja tal-iskemi bħall-OPOL jillimitaw il-kontroll ġuridiku tagħhom u għalhekk jemmen li dawn il-fondi jistgħu jissaħħu b'rekwiżit ta' liċenzja obbligatorja;

74. Jenfasizza li l-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu bbażati kemm fuq il-livell ta' riskju fuq is-sit ikkonċernat kif ukoll fuq il-pjanijiet ta' kontinġenza, u jkunu konsistenti magħhom;

75. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni espressa fir-rapport tagħha tat-12 ta' Ottubru 2010[26], li fih kkonkludiet li "fil-preżent ma hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta’ sistema armonizzata ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tistenniex sa l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sabiex tippreżenta rapport li jinkludi proposti opportuni għall-modifika tad-direttiva;

76. Iqis li l-ambitu tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali[27] għandu jiġi estiż sabiex il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u r-responsabbiltà stretta japplikaw għall-ħsara kollha kkawżata lill-ilmijiet tal-baħar u lill-bijodiversità, sabiex il-kumpaniji taż-żejt ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara u għall-ħsara ambjentali kollha li huma jikkawżaw, u jkunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà kollha, mingħajr ebda limitu massimu, għal kull ħsara potenzjali, bil-garanzija tar-riservi miżmuma mill-operaturi;

77. Jappella biex issir reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sabiex tkopri wkoll l-ibħra kollha tal-UE, f’konformità mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[28];

78. Jistieden lill-Kummissjoni, skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, tbaxxi l-limiti minimi ta' ħsara u sabiex tinforza sistema ta' responsabbiltà stretta li jkopri l-ħsara kollha mwettqa lill-ibħra u lill-bijodiversità tal-baħar, irrispettivament minn kwalunkwe limiti massimi li jirriżultaw mill-kopertura minn mutwalizzazzjoni jew minn assigurazzjoni;

79. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk jistax jinħoloq fond ta’ kumpens għad-diżastri taż-żejt fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltà ambjentali, li jkun fih dispożizzjonijiet ta’ sigurtà finanzjarja;

80. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu jadottaw u jsaħħu diżinċentivi għal negliġenza u n-nuqqas ta' konformità, bħall-multi, l-irtirar tal-liċenzji, u r-responsabbiltà penali għall-impjegati; jirrimarka, madankollu, li tali sistema kienet teżisti fl-Istati Uniti tal-Amerika qabel t-tnixxija tad-Deepwater Horizon;

81. Jenfasizza li dawk il-partijiet b'responsabbiltà finanzjarja għandhom jiġu stabbiliti mingħajr ambigwità qabel ma jibda t-tħaffir;

Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

82. Iħeġġeġ lill-industrija tapplika tal-anqas l-istandards ambjentali u ta' sikurezza tal-UE jew l-ekwivalenti tagħhom, irrispettivament mill-post li fih ikunu qed joperaw fid-dinja; huwa konxju tal-kwistjonijiet ta' infurzar tar-rekwiżit għall-kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw skont l-istandards tal-UE fid-dinja, iżda jitlob lill-Kummissjoni teżamina liema mekkaniżmi jistgħu jkunu adegwati biex jiżguraw li l-kumpaniji bbażati fl-UE joperaw globalment tal-anqas skont l-istandards tal-UE; jemmen li r-responsabbiltà tal-kumpaniji għandha tkun il-forza ewlenija f'dan il-qasam u li s-sistemi ta' ħruġ ta' liċenzji tal-Istati Membri għandhom jikkunsidraw inċidenti globali li jinvolvu kumpaniji fil-ħruġ ta' liċenzji, sakemm dawn l-inċidenti huma akkumpanjati b'reviżjonijiet dettaljati; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' standards għoljin flimkien mas-sieħba globali;

83. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jikkontribwixxu għal inizjattivi offshore (fuq il-baħar) fi ħdan il-qafas tal-G20, b'kunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS);

84. Jinnota l-importanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti li seħħet bl-inizjattiva tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, permezz tal-OSPAR, il-Konvenzjonijiet ta' Barċellona u ta' Ħelsinki, iżda jirrikonoxxi li d-dritt internazzjonali attwali ma tipprovdix qafas sħiħ jew konsistenti għal standards ta' sikurezza u ambjentali fit-tħaffir fil-baħar, u tista' tkun diffiċli li tiġi infurzata;

85. Jenfasizza l-importanza tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Offshore tal-Mediterran tal-1994 li mhuwiex irratifikat, iffukat fuq il-protezzjoni kontra l-inkwinament konsegwenza tal-esplorazzjoni u tal-isfruttament;

86. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod attiv mal-istati l-oħra li jmissu ma' żoni tal-baħar tal-UE biex tiżgura li l-oqfsa regolatorji u s-sorveljanza jipprovdu l-istess livelli għolja ta' sikurezza;

87. Jistieden lill-UE tikkollabora mal-pajjiżi relevanti barra l-UE, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem tagħhom, li ċ-ċittadini tagħhom jwettqu servizzi fl-industrija taż-żejt u l-gass fuq il-baħar tal-UE, sabiex jiżguraw li l-kumpaniji bbażati barra l-UE iżda li joperaw fl-ilmijiet tal-UE jkunu marbuta bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-UE u l-leġiżlazzjoni OSH;

88. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar ir-regolamenti fl-oqsma tar-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali u tal-garanziji finanzjarji li jkunu jinkludu wkoll pajjiżi terzi;

89. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab u mal-ġirien biex tikseb sistema speċjali għal kull operazzjoni fl-Artiku, b'kunsiderazzjoni partikolari għas-sostenibbiltà u n-neċessità ta' attivitajiet fuq il-baħar f'ambjent daqstant vulnerabbli u uniku;

90. Jippromwovi s-sħubijiet bilaterali internazzjonali permezz tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li, inter alia, iħeġġu lill-pajjiżi terzi jadottaw standards ta' sikurezza għoljin; iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma attivawx bis-sħiħ il-PEV biex jagħmlu dan;

91. Joppoġġja skemi mmexxija mill-industrija għat-trasferiment ta' kompetenzi, speċjalment lejn dawk il-pajjiżi b'oqfsa regolatorji inqas żviluppati;

92. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

  • [1]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262
  • [2]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 2, p. 118.
  • [3]  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.
  • [4]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248
  • [5]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151
  • [6]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466
  • [7]  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.
  • [8]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357.
  • [9]  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 7, p. 3
  • [10]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1.
  • [11]  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
  • [12]  Testi adottati, P7_TA(2010)0352.
  • [13]  Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.
  • [14]  Grupp ta’ Reazzjoni għall-Industrija Globali.
  • [15]  Grupp ta’ Reazzjoni għat-Tixrid taż-Żejt
  • [16]  Forum tal-Awtoritajiet dwar Attivitajiet fil-Baħar tat-Tramuntana.
  • [17]  Il-Konvenzjoni OSPAR hi l-istrument ġuridiku li bħalissa qed tiggwida l-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu tal-Atlantiku tal-Grigal.
  • [18]  Is-Servizzi ta’ Emergenza b’Kooperazzjoni fil-Baħar li jiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tan-Norveġja u tar-Renju Unit.
  • [19]  Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (kif emendata); ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248
  • [20]  Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410
  • [21]  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, COM(2010)781.
  • [22]  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis); ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
  • [23]  Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni, immexxi mill-Kummissjoni.
  • [24]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Għarfien tal-Baħar 2020", dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM 2010)0461.
  • [25]  COM(2010)0494.
  • [26]  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali COM(2010)581.
  • [27]  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357.
  • [28]  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

NOTA SPJEGATTIVA

Provvisti indiġeni ta' żejt u gass jipprovdu kontribut importanti għall-konsum tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Fl-UE aktar minn 90% taż-żejt u 60% tal-gass, huwa prodott permezz ta' operazzjonijiet offshore.

L-attività mhijiex distribwita b'mod uniformi madwar l-UE u l-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet iseħħu fil-Baħar tat-Tramuntana. Fi ħdan l-UE, żewġ Stati Membri jipproduċu weħedhom madwar 80% tal-produzzjoni taż-żejt[1] mhux maħdum filwaqt li n-Norveġja tipproduċi aktar mill-UE27 kollha.

Mhux kull attività ta' żejt u gass offshore fl-ibħra Ewropew isseħħ f'ilmijiet ikkontrollati mill-UE. Fil-Baħar Mediterran, pereżempju, hemm attività ta' esplorazzjoni sinifikattiva 'l barra mill-kosta tal-Afrika ta' Fuq, partikolarment 'l barra mill-Eġittu u l-Libja.

Id-diżastru tad-Deepwater Horizon inċita lil dawk kollha involuti fl-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta' żejt u gass offshore biex jivvalutaw mill-ġdid is-sikurezza tal-industrija tagħhom. In-National Commission on the BP Deepwater horizon spill and Offshore drilling, fost oħrajn, għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet, li ħafna minnhom diġà ġew implimentati.

L-implikazzjonijiet għall-Ewropa huma inqas ċari; ħafna mir-rakkomandazzjonijiet għas-sistema tal-Istati Uniti tal-Amerika jirrflettu prattiki li ilhom prevalenti f'partijiet tal-UE għal 20 sena jew aktar. L-Ewropa għandha, fil-Baħar tat-Tramuntana, industriji maturi li joperaw f'oqsma żviluppati sew, taħt il-kontroll ta' sistemi regolatorji maturi u evoluttivi.

Waħda mill-ewwel rakkomandazzjonijiet fir-rapport tan-National Commission hija s-segwenti:

Id-Dipartiment tal-Intern għandu jiżviluppa approċċ ta' prestazzjoni proattiv u bbażat fuq riskji speċifiku għall-faċilitajiet, operazzjonijiet u ambjenti diffrenti, simili għall-approċċ ta' "każ ta' sikurezza" fil-Baħar tat-Tramuntana.[2]

Is-sistemi bbażati fuq normi huma fundamentalment reattivi, peress li mhumiex kapaċi jistimolaw it-titjib kontinwu fil-politiki u l-prattiki neċessarju biex jinżamm il-pass ma' industrija li dejjem qed tevolvi li qed tfittex riżervi ta' idrokarburi aktar skarsi u inqas aċċessibbli. Minflok, il-proġetti għandhom jiġu vvalutati individwalment fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet ambjentali u tekniċi speċifiċi għas-sit. Il-bjur HPHT jinvolvu riskji differenti meta mqabbla mal-bjur li fihom l-pressjoni teħtieġ tiġi introdotta sabiex jiġi estratt iż-żejt. Filwaqt li l-fond tal-ilma ċertament jinfluwenza l-isfida teknika ta' tħaffir u l-isforzi tal-ġlieda kontra t-tniġġis, mhux l-"ilmijiet profondi" huma perikolużi u mhux l-"ilmijiet ftit profondi" huma siguri.

Il-"każ ta' sikurezza" huwa approċċ ibbażat fuq riskji u speċifiku għas-sit li jeħtieġ li l-operaturi juru lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-oqsma tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent li r-riskji kollha ġew ikkunsidrati u l-kontrolli implimentati. Kwalunkwe riskju residwu għandu jikkorrispondi għall-prinċipju ALARP[3]. L-awtorità relevanti għandha tapprova il-każ ta' sikurezza, kif ukoll kwalunkwe bidliet sussegwenti għalih, qabel ma jkunu jistgħu jinbdew l-operazzjonijiet. Il-"punti ta' stennija" regolatorji qabel it-tħaffir jiżguraw li l-attività mhijiex awtomatika iżda li l-operazzjonijiet ma jistgħux jibdew qabel ma jiġu kkunsidrati r-riskji u mmitigati.

Kwalunkwe proposta ġdida ma għandhiex tnaqqas l-effikaċja ta' standards regolatorji bħal dawn diġà fis-seħħ fl-Istati Membri, iżda minflok għandha tipprova testendi l-aħjar prattika għall-ibħra tal-UE kollha, filwaqt li tiżgura li qed tiġi implimentata b'mod rigoruż.

Fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-funzjonijiet tal-ħruġ ta' liċenzji u tas-saħħa u tas-sikurezza ġew ikkonsolidati f'aġenzija waħda. Dan wassal għal tensjonijiet interni, konfużjoni ta' objettivi u għamilha suxxettibbli għall-influwenzi esterni. Huwa għalhekk rakkomandat li l-Istati Membri jisseparaw il-proċess ta' ħruġ ta' liċenzji mill-kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza.

Huwa importanti li jiġi ffissat il-qafas regolatorju iżda kull leġiżlazzjoni hija effikaċi biss jekk hija infurzata sew. Għal dan l-għan, spezzjonijiet regolari minn speċjalisti, li jafu sew il-kundizzjonijiet partikolari tat-tħaffir u fdati mill-operaturi, huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-konformità.

Spetturi mħarġa ħafna bħal dawn, speċjalment dawk b'esperjenza sinifikattiva, huma riżorsa regolatorja skarsa ħafna. Kull inizjattiva intiża biex tissekonda, tbiddel jew anki toħloq spetturi transkonfinali għandha tirrikonoxxi din ir-realtà u żżid il-valur pjutost milli tbattal riżorsi vitali.

Filwaqt li jista' jkun hemm ekonomiji ta' skala għall-Istati Membri b'attività offshore limitata biex jaqsmu l-ispettorati, dan ma jistax iservi bħala skuża għal livelli aktar baxxi ta' kontroll. L-industrija tħallas l-ispejjeż relatati mar-regolamentazzjoni tal-attività tagħha; huwa aktar probabbli li l-kwistjoni relevanti tkun l-iskarsità tar-riżorsi regolatorji, milli l-ispiża tagħhom.

Kunsiderazzjoni speċifika fil-livell operattiv li teħtieġ attenzjoni partikolari hija li s-sikurezza fundamentali tal-bjur, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar miftuħ, teħtieġ żewġ barrieri ttestjati f'kull ħin. Tagħmir, bħat-tagħmir li jipprevjeni l-iżbroffi (blowout preventers), għandu jiġi ttestjat ta' spiss.

Skambju tal-informazzjoni

Kull sforz għandu jsir ħalli jitrawwem id-djalogu, u jiġu inkuraġġuti l-inizjattivi konġunti, bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bl-NSOAF[4] bħala mudell.

Il-Baħar Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed jistgħu jibbenefikaw minn forum ekwivalenti fejn ir-regolaturi jivvalutaw it-tendenzi tal-industrija u l-aħjar prattika, jirreaġixxu għall-inċidenti u jxerrdu l-għarfien, fost oħrajn, billi jwettqu proġetti ta' verifika multinazzjonali u jistabbilixxu gruppi ta' ħidma li jirrapportaw lill-plenarji regolari. Biex joperaw b'mod effikaċi, dawn il-fora għandhom jinkorporaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti relevanti kollha, irrespettivament minn jekk dawn humiex fl-UE jew le.

Fl-industrija nukleari, ir-rapportar ta' inċidenti lill-IAEA huwa obbligatorju. Il-leġiżlazzjoni tal-UE timponi r-rapportar ta' avvenimenti fuq l-avjazzjoni ċivili, biex jiġi żgurat li l-informazzjoni kollha tista' tiġi analizzata u mxandra billi l-JRC jintuża bħala repożitorju ċentrali.

Filwaqt li jeżistu mekkaniżmi għar-rapportar ta' inċidenti[5], u filwaqt li l-kanali mhux regolatorji jistgħu jipprovdu tagħlim li jirriżulta minnhom[6], jidher li għad hemm ambitu għal miżuri ulterjuri, speċjalment fuq livell dinji.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġbru informazzjoni mir-rapportar ta' inċidenti, u jinformaw dwarha f'ħin utli, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effikaċja tal-kanali ta' informazzjoni eżistenti varji qabel ma tivvaluta l-bżonn ta' kwalunkwe inizjattiva transkonfinali ġdida.

Impenn tal-forza tax-xogħol

Sabiex tiġi żviluppata kultura ta' sikurezza rigoruża, huwa essenzjali li l-forza tax-xogħol offshore tiġi involuta fl-inizjattivi ta' saħħa u sikurezza, peress li dawn ta' spiss jinsabu fil-pożizzjoni ideali biex jidentifikaw ostakli għat-titjib fil-prestazzjoni fil-qasam ta' saħħa u sikurezza.

Il-programm tar-Renju Unit bit-titolu "Step Change in Safety" ġie stabbilit sabiex titrawwem attitudini kulturali b'saħħitha fir-rigward tas-sikurezza, billi jinvolvi l-forza tax-xogħol, jiżviluppa standards komuni u jippubblika l-aħjar prattika. Suġġerimenti effikaċi fil-qasam tas-sikurezza huma ta' spiss dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bidliet minuri fl-imġiba; madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-akbar riskji karatteristikament jirriżultaw mill-fażi operattiva li teħtieġ l-intervent tal-bniedem (tħaffir, manutenzjoni eċċ.), tali approċċ jista' jirriżulta ta' valur.

Taħriġ fil-qasam ta' sikurezza

L-industrija offshore taż-żejt u l-gass għandha storja ta' titjib fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza għall-persunal. Madankollu, l-attenzjoni fuq is-sikurezza tal-persunal ma għandhiex tnaqqas l-attenzjoni fuq il-proċeduri, speċjalment fl-ambitu tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni ta' diżastri.

Taħriġ b'saħħitu għax-xenarji tal-ġestjoni ta' diżastri huwa vitali. Pereżempju, fuq livell dinji huwa diġà standard għall-operatturi kollha tat-tħaffir li jattendu korsijiet dwar il-kontroll tal-bjur (li jinkludu taħriġ fir-reazzjoni għax-xenarji ta' diżastri).

Ħafna mill-problemi ta' sikurezza tad-diżastru Deepwater Horizon jidhru li rriżultaw mill-aspetti kulturali ta' dik l-operazzjoni.

Tbassir tal-agħar

Il-preżentazzjoni, il-konsultazzjoni u l-approvazzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza speċifiċi għas-sit għandhom ikunu pass vitali tal-proċedura regolatorja. Dawn il-pjanijiet għandhom: jidentifikaw perikli potenzjali; jivvalutaw sorsi potenzjali ta' tniġġis u l-effetti tagħhom; jippreżentaw strateġija ta' reazzjoni, li tista' tinkludi pjanijiet ta' tħaffir għal bir ta' salvataġġ u jidentifikaw tagħmir għar-reazzjoni adegwat;

L-operazzjonijiet ma għandhomx jidbew qabel ma jiġi approvat pjan ta' kontinġenza. Fil-każ ta' bjur kumplessi jew kundizzjonijiet ta' tħaffir diffiċli, il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi vvalutat simultanjament ma' proċessi ta' approvazzjoni regolatorja oħra.

L-impatt tad-diżastru Deepwater Horizon tkabbar minħabba n-nuqqas ta' tagħmir ta' trażżin xieraq. It-tagħlimiet konkreti li ttieħdu minn dan id-diżastru għandhom imexxu t-tfassil ta' sistemi ta' emerġenza u tagħmir intiż għall-irkupru. Il-mod ta' kif ikun hemm reazzjoni aħjar għal kriżi fil-ġejjieni huwa wieħed mill-oqsma prinċipali għal diskussjoni madwar il-fora bħall-GIRG[7] u OSPRAG[8]. Inizjattivi konġunti intiżi għall-iżvilupp ta' tnażżin adegwat u tagħmir intiż għall-irkupru diġà qed ikollhom riżultati - OSPRAG riċentement ordnat "tapp" li jista' jagħlaq bir fil-każ ta' żbroffa, għall-użu fuq il-UKCS.

L-industrija u r-regolaturi għandhom jiżguraw li tagħmir simili jkun disponibbli fil-Baħar Mediterran.

Fil-kuntest tar-rieżami tar-regolament li jikkostitwixxi l-EMSA, li sar sabiex ikopri reazzjoni għat-tniġġis li qed jirriżulta mill-attivitajiet offshore ta' żejt u gass, l-Aġenzija għandha tinkludi l-inventarji tar-riżorsi għar-reazzjoni tal-industrija flimkien mal-assi pubbliċi.

Azzjoni ta' rimedju

L-istadji inizjali tar-reazzjoni għad-diżastru Deepwater Horizon kienu kkaratterizzati b'diżorganizzazzjoni fil-livell ta' responsabbiltajiet u nuqqas ta' sorveljanza mill-gvern, kif ukoll informazzjoni pubblika inkonsistenti.

Tnixxija ta' importanza nazzjonali fl-UE għandha tagħti lok għall-Pjanijiet Nazzjonali ta' Kontinġenza li jispeċifikaw l-istrutturi tal-ordni, il-kanali ta' komunikazzjoni u pjanijiet għall-użu ta' assi nazzjonali flimkien mal-isforzi tal-industrija.

Responsabbiltà

L-ispiża potenzjali ta' kwalunkwe diżastru hija influwenzata minn numru ta' fatturi, relatati man-natura tal-bir (id-daqs tar-riżerva, pressjoni, temperatura eċċ.), l-ambjent usa', u n-natura tar-reazzjoni - essenzjalment, ir-rapidità tar-reazzjoni.

Ir-responsabbiltà għall-ambjent fl-UE hija bbażata fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas". L-iżgurar li l-operaturi għandhom riżorsi finanzjarji biżżejjed biex jissodisfaw dan ir-rekwiżit, kif ukoll ir-responsabbiltajiet l-oħra tagħhom, huwa kontroll regolatorju importanti li għandu jseħħ qabel il-bidu tal-operazzjonijiet.

Madankollu, l-ostakli regolatorji f'dan il-qasam ma għandhomx ikunu tant għoljin li sostanzjalment ibaxxu lill-industrija għal operaturi żgħar u, ta' spiss, speċjalizzati. Filwaqt li kumpanniji multinazzjonali kbar isibuha anqas profitabbli li jkomplu jisfruttaw xi ftit miż-żoni stabbiliti, operaturi iżgħar jistgħu ħafna drabi jieħdu dawn l-assi, iżommu l-investiment u jestendu l-provvista. L-investiment kontinwu huwa vitali biex jitwaqqaf it-tnaqqis fil-produzzjoni minn operazzjonijiet offshore ta' żejt u gass maturi fl-UE.

L-ekonomija tal-UE u l-bżonnijiet ambjentali u enerġetiċi tagħha ma jibbenefikawx minn oligopolija fis-settur offshore.

Il-programm tal-OPOL (Offshore Pollution Liability Association) huwa sistema ta' garanzija reċiproka fil-Baħar tat-Tramuntana li torbot lill-membri tal-industrija li jaċċettaw responsabbiltà severa u oġġettiva għad-danni tat-tniġġis u rimbors għall-miżuri ta' rimedju, b'limitu attwali ta' responsabbiltà li jammonta għal $250 miljun għal kull inċident[9].

Tali skema toffri mekkaniżmu għall-ħlas tal-pretensjonijiet regolari u tinkoraġġixxi azzjoni ta' rimedju immedjata mill-partijiet kollha. Din il-multwalizzazzjoni ta' riskju tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' livell ta' "awtoregolamentazzjoni" u sorveljanza fost l-operaturi. L-iskema tiddependi fuq fiduċja meta l-parteċipanti joperaw f'post simili. Ma jidhirx xieraq li l-OPOL tiġi estiża għall-attiviatjiet offshore f'ibħra oħra tal-UE iżda fid-dawl tal-benefiċċji skemi ekwivalenti għandhom jinħolqu għal operazzjonijiet f'ilmijiet oħra tal-UE.

Id-dimensjoni internazzjonali

Parti kbira mid-dritt internazzjonali tirregola l-ilmijiet tal-UE. Kwalunkwe miżuri fil-livell tal-UE għandhom jintlaqgħu jekk dawn iġibu magħhom valur addizzjonali.

Filwaqt li l-industrija għandha tiżgura li huma joperaw bi standards għoljin b'mod uniformi madwar id-dinja, li dan isir vinkolanti fuq il-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-UE ma jidhirx prattiku. Minkejja kwistjonijiet ġuridiċi potenzjali, huwiex possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissorveljaw l-operazzjonijiet dinjin tal-kumpanniji.

Wieħed għandu jsaqsi wkoll fuq l-impatt li dan ikollu għall-istandards ta' sikurezza internazzjonali meta parti dejjem akbar tal-produzzjoni dinjija hija kkontrollata mill-gvern, jew hija l-proprjetà tal-gvern u rregolata minn kumpanniji taż-żejt nazzjonali.

Approċċ aħjar u aktar realistiku huwa li jiġu appoġġjati l-isforzi fil-livell tal-G20 biex jaqsmu bejniethom prattika tajba fir-rigward ta' leġiżlazzjoni, standards u proċeduri. L-industrija għandha rwol kumplimentari u skemi bħall-PETRAD[10] għandhom jiġu inkuraġġuti, partikolarment jekk jinvolvu pajjiżi li qed jiżviluppaw.

  • [1]  Ir-Renju Unit u d-Danimarka
  • [2]  p. 252
  • [3]  Baxx kemm jista' jkun (As Low As Reasonably Possible)
  • [4]  Forum tal-Awtoritajiet dwar Attivitajiet fil-Baħar tat-Tramuntana.
  • [5]  Pereżempju OSPAR: Rapport fuq l-Iskariki, it-Tnixxijiet u l-Emissjonijiet ("Report on Discharges, Spills and Emissions")
  • [6]  Pereżempju l-bulletini ta' sikurezza tal-NSOAF.
  • [7]  Global Industry Response Group
  • [8]  Oil Spill Prevention and Response Group
  • [9]  Din il-ċifra mhijiex limitu ta' responsabbiltà
  • [10]  Il-qsim tal-esperjenza tal-produtturi Norveġiżi

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (21.6.2011)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Naffaċċjaw l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar
(2011/2072(INI))

Rapporteur għal opinjoni: (*) : Corinne Lepage

(*)Kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li t-tixrid ta' żejt ikkawżat mill-pjattaforma Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku għandu jwassal lill-UE biex, b'mod urġenti, u fejn ikun meħtieġ, twettaq rieżami bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni adegwata u r-regolamentazzjoni tagħha, fir-rigward tal-prinċipju prekawzjonarju u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, dwar l-aspetti kollha tat-tħaffir u tat-tiftix fil-baħar għaż-żejt u għall-gas, inkluż it-trasferiment sikur permezz ta' pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ, jew taħt il-qiegħ, tal-baħar, fit-territorji tagħha; f'dan il-kuntest, jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li timla b'urġenza l-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

2.  Jinnota li l-inċidenti kkawżati mir-riggs taż-żejt u tal-gass fil-baħar iwasslu għal konsegwenzi transkonfinali u, għaldaqstant, jiġġustifika l-azzjoni tal-UE biex tipprevjeni u timmitiga dawn l-inċidenti;

3.  Jinnota li l-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass fil-baħar qegħdin progressivament jitwettqu f'ambjenti dejjem aktar estremi u jistgħu potenzjalment iwasslu għal konsegwenzi kbar u devastanti għall-ambjent u għall-ekonomija tal-baħar u tal-inħawi tax-xtut;

4.  Jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell tal-istandards minimi fl-UE; jemmen li l-preokkupazzjonijiet dwar is-sikurezza u l-ambjent għandhom jiffurmaw parti essenzjali mil-leġiżlazzjoni kollha u li l-ogħla standards ambjentali u ta' sikurezza għandhom ikunu applikati fl-oqsma kollha tal-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fil-baħar;

5.  Iwissi, madankollu, li l-effettività tal-leġiżlazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kompetenza tal-awtoritajiet u korpi Ewropej u nazzjonali relevanti li jimplimentaw, jimmaniġġjaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni relevanti; jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun viġilanti meta tiżgura l-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

6.  Jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żona tal-Artiku minħabba l-fraġilità u l-importanza tagħha fit-trażżin tat-tibdil fil-klima;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u jintensifikaw il-metodi ta' spezzjoni u l-kooperazzjoni reċiproka effettiva u jistabbilixxu sistema ta' 'kontroll tal-kontrolluri' tal-UE bbażata fuq regoli minimi ta' sikurezza vinkolanti tal-UE, sabiex jiżguraw li jkun hemm indipendenza fil-monitoraġġ u s-superviżjoni fil-livell tal-UE; iqis ukoll li l-ġbir ta' dejta, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-koordinament tar-riżorsi ta' rispons għandhom isiru fil-livell tal-UE u li, barra minn hekk, għandha tiġi promossa l-koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bil-għan li jitjieb l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jkunu l-aħjar possibbli;

8.  Jinnota li xi kumpaniji taż-żejt u tal-gass joperaw skont standards differenti ta' sikurezza kemm fl-UE kif ukoll fil-livell dinji, skont rekwiżiti regolatorji nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, l-ewwel nett tniedi rieżami komprensiv tal-qafas legali għall-industrija taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, u t-tieni tarmonizza d-diversi standards ta' sikurezza fl-ogħla livell minimu possibbli bil-għan li tingħata ċertezza legali għall-impriżi u jiġi żgurat li:

-  l-aħjar prattiki assoluti jsiru n-norma fl-operazzjonijiet kollha fl-UE; u li

-  tkun tista' tiġi ggarantita l-akbar protezzjoni possibbli f'każ ta' inċident;

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra tintroduċi leġiżlazzjoni ġdida maħsuba biex tkopri l-fażijiet kollha tal-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar (tiftix, operazzjoni, trasport u dekummissjonar) jew biex tikkompleta u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tinkorpora l-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar;

9.  Jinsab konvint li huwa wkoll meħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni komprensiva u attiva ma' pajjiżi terzi (b'mod partikulari dawk li jaqsmu fruntieri komuni tal-baħar mal-Unjoni Ewropea) sabiex jiġi żgurat li jkun hemm protezzjoni ambjentali xierqa u stat tajjeb tal-baħar fejn jidħlu tiftix, tħaffir u trasport taż-żejt u tal-gass;

It-tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons tal-UE għad-diżastri

10. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti mill-aktar fis biex tistabbilixxi Forza tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE bbażata fuq il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE u sabiex tfassal pjan ta' azzjoni Ewropew, flimkien mal-Istati Membri, li jintegra mekkaniżmi speċifiċi li jistipulaw kif l-UE tista' tirrispondi għal eventi ta' tniġġis kbir ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt fuq il-baħar, inklużi pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ, jew taħt il-qiegħ, tal-baħar;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġestjoni mtejba tad-dejta dwar il-baħar, proposta fil-Komunikazzjoni “Għarfien dwar il-Baħar 2020”[1], u fil-proposta għal regolament li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata[2], tqis il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ xieraq tat-theddidiet ta' tniġġis sabiex tiġi ddeterminata l-azzjoni xierqa fil-mument opportun;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tħejji proposta biex l-għarfien xjentifiku ġġenerat mill-operaturi fuq l-ibħra li joperaw permezz ta' liċenzja pubblika jkun disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli bl-użu ta' standards u protokolli żviluppati fil-kuntest tal-“Għarfien dwar il-Baħar 2020”, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskrutinju pubbliku u biex jiżdied l-għarfien tal-ambjent tal-baħar;

13. Jistieden lill-kumpaniji taż-żejt u tal-gass jiddedikaw 5% tal-fondi tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp għal teknoloġiji ġodda ta' prevenzjoni u ta' rimedju wara l-inċidenti; jenfasizza li qabel ma teknoloġija ta' rispons għad-diżastri tiddaħħal fi pjan approvat ta' kontinġenza, din trid tiġi ttestjata, evalwata u awtorizzata indipendentement;

14. Jissuġġerixxi li l-inventarji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) dwar ir-riżorsi ta' rispons għandhom jinkludu r-riżorsi rilevanti pubbliċi u tal-industrija kollha sabiex l-EMSA tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi rwol ta' koordinazzjoni, fejn ikun meħtieġ, f'każ ta' inċident kbir;

15. Jissuġġerixxi li t-tagħmir disponibbli biex irażżan it-tnixxijiet potenzjali kollha taż-żejt għandu jkun parti essenzjali tal-pjanijiet ta' kontinġenza u li dan it-tagħmir għandu jkun disponibbli viċin l-installazzjonijiet biex ikun possibbli li jintuża fil-pront f'każ ta' inċident kbir;

Reġimi ta' repsonsabbiltà ambjentali u mekkaniżmi ta' garanzija finanzjarja

16. Iqis li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali[3] għandu jiġi estiż sabiex il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas' u r-responsabbiltà stretta japplikaw għall-ħsara kollha kkawżata lill-ilmijiet tal-baħar u lill-bijodiversità, sabiex il-kumpaniji taż-żejt ikunu jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara u għall-ħsara kollha li huma jikkawżaw, u jkunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà kollha, mingħajr ebda limitu massimu, għal kull ħsara potenzjali, bil-garanzija tar-riservi miżmuma mill-operaturi;

17. Jappella biex issir reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sabiex tkopri wkoll l-ibħra kollha tal-UE, f'konformità mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[4];

18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, tbaxxi l-limiti minimi ta' ħsara u tinforza reġim strett ta' responsabbiltà li jkopri kull ħsara lill-ilmijiet tal-baħar u lill-bijodiversità, irrispettivament minn kwalunkwe limiti massimi li jirriżultaw mill-mutwalizzazzjoni jew minn kopertura tal-assikurazzjoni, u jipproponi li jsir djalogu ma' dawk li jassikuraw dwar skemi vinkolanti ta' assikurazzjoni għall-UE kollha sabiex jiġi ggarantit li r-responsabbiltà tkun infurzata;

19. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk jistax jinħoloq fond ta' kumpens għad-diżastri taż-żejt fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltà ambjentali, li jkun fih dispożizzjonijiet ta' sikurezza finanzjarja;

20. Jenfasizza li l-partijiet finanzjarjament responsabbli għandhom ikunu stabbiliti mingħajr ebda ambigwità qabel ma jibda t-tħaffir;

21. Iqis li l-operaturi taż-żejt u tal-gass iridu jinħtieġu, waqt il-proċedura tal-liċenzjar u matul il-perjodu operazzjonali u matul il-fażijiet kollha tal-proġetti fuq il-baħar (tiftix, operazzjoni, trasport u dekummissjonar), juru li jkollhom biżżejjed kapaċità finanzjarja biex jiżguraw rimedju fir-rigward tal-ħsara ambjentali kkawżata mill-attivitajiet speċifiċi li huma jwettqu, inklużi dawk ikkawżati minn inċidenti ta' impatt kbir u ta' probabbiltà baxxa – kemm permezz ta' skemi obbligatorji ta' garanzija industrijali reċiproka, jew permezz ta' assikurazzjoni obbligatorja, jew permezz ta' skema mħallta li tiggarantixxi s-sigurtà finanzjarja;

22. Jenfasizza li, filwaqt li fil-prinċipu jistgħu jingħataw garanziji finanzjarji permezz ta' assikurazzjoni jew ta' mutwalizzazzjoni industrijali, huwa importanti li jiġi żgurat li l-operaturi juru li jkollhom garanziji finanzjarji biex ikopru l-ispejjeż kollha ta' tindif u ta' kumpens f'każ ta' diżastru kbir, u li r-riskji u r-responsabbiltà ma jkunux esternalizzati lil kumpaniji iżgħar li jkun aktar probabbli li jiddikjaraw insolvenza f'każ ta' inċident; jappella sabiex kull skema konġunta tkun stabbilita b'mod li jinżammu l-inċentivi biex jiġu evitati r-riskji u tkun tirrispetta l-ogħla standards ta' sikurezza possibbli fl-operazzjonijiet individwali;

23. Jirrikonoxxi l-mertu tal-fondi komuni bħall-OPOL fil-Baħar tat-Tramuntana u li fondi bħal dawn ikunu stabbiliti għal kull żona ta' baħar tal-UE; jappella biex is-sħubija fihom tkun obbligatorja għall-operaturi sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali biex ikun hemm mekkaniżmu ta' xibka ta' sikurezza maħsub biex iserraħ lill-Istati Membri, lis-settur marittimu, b'mod partikulari lis-sajjieda, u lill-kontributuri tat-taxxa;

24. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha espressa fir-rapport tat-12 ta' Ottubru 2010[5], li fiha kkonkludiet li “fil-preżent ma hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta' sistema armonizzata ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tistenniex sal-iskadenza stipulata fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjenatli sabiex tippreżenta rapport li jinkludi proposti opportuni għall-modifika tad-Direttiva;

25. Jissuġġerixxi li, apparti l-irtirar tal-permess għall-installazzjonijiet bħala l-miżura l-aktar drastika, l-Istati Membri jadottaw aktar miżuri adegwati li jippenalizzaw in-negliġenza u n-nonkonformità fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u tar-regoli ta' sikurezza, u jwettqu ispezzjonijiet regolari bbażati fuq metodi uniformi madwar l-UE;

Titjib fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE

26. Jappella sabiex id-Direttiva dwar l-istudju tal-Impatt Ambjentali (EIA)[6] tiġi estiża sabiex tkopri l-fażijiet kollha tal-proġetti fuq il-baħar (tiftix u operazzjonali) u jappella biex ikun hemm rekwiżiti speċifiċi għall-EIAs f'każ ta' ibħra fondi, bjar kumplessi, u kundizzjonijiet diffiċli għat-tħaffir, u t-trasferiment taż-żejt/tal-gass permezz ta' pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ, jew taħt il-qiegħ, tal-baħar; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-EIAs għall-proġetti fuq il-baħar approvati mill-awtoritajiet nazzjonali jkopru wkoll il-proċeduri li l-operaturi jridu jsegwu waqt id-dekummissjonar; jistieden lill-Kummissjoni, teżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet legali dwar l-EIAs u tistipula fihom li l-proċeduri tal-istudju tal-impatt ambjentali jridu jiġu afdati f'idejn esperti li jkunu indipendenti mill-klijent;

27. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-qafas regolatorju attwali dwar id-dekummissjonar tal-infrastruttura eżistenti ta' tħaffir, u biex tiċċara, jekk ikun hemm bżonn permezz ta' leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà tal-operaturi li jiżguraw it-tneħħija sikura, u r-responsabbiltà għal kull ħsara ambjentali li tirriżulta mid-dekummissjonar jew minn sit ta' tħaffir wara li jkun ġie ddekummissjonat;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li testendi l-prinċipji sodi fil-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkontrolla l-perikli fuq il-baħar (SEVESO II[7] u III[8]) għal-leġiżlazzjoni mmirata għall-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar; fl-istess waqt, u f'każ li l-Kummissjoni ma tipproponix leġiżlazzjoni speċifika ġdida, jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-proposta SEVESO III tagħha sabiex testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-pjattaformi taż-żejt u għall-pajpijiet taħt l-ilma mqiegħda fuq il-qiegħ, jew taħt il-qiegħ, tal-baħar, għall-fażijiet kollha tat-tiftix għal riservi taż-żejt u tal-gass sakemm il-bir jiġi ddekummissjonat; jilqa' l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva SEVESO II, li fih il-Kummissjoni tgħid li hi kienet se tevalwa l-mod xieraq biex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni ambjentali;

29. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għall-każijiet ta' tniġġis tal-baħar ikkawżat minn sorsi oħra apparti l-bastimenti, l-aktar minn installazzjonijiet fil-baħar taż-żejt u tal-gass; iqis li l-installazzjonijiet mobbli u għat-trasport, kif ukoll it-terminali tal-pajpijiet taż-żejt, għandhom jiġu inklużi; jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni li dawn l-inkarigi ġodda jkunu riflessi fil-baġit u fid-daqs ta' staff tal-EMSA; iqis li l-mandat tal-EMSA jista' jiġi estiż aktar biex jipprovdi awditjar indipendenti minn terzi tal-istudji tal-impatt ambjentali u tal-għoti tal-liċenżji għal attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, kif ukoll spezzjonijiet minn żmien għall-ieħor tal-operaturi;

30. Jinnota li l-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar huma esklużi mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[9]; jissuġġerixxi li fl-Anness I, punt 1.5, il-Kummissjoni żżid 'attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar' bħala parti mill-ewwel reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni li trid issir sal-31 ta' Diċembru 2011, u jissuġġerixxi li l-Bureau Ewropew tal-IPPC jiddefinixxi l-Aħjar Prattiki Disponibbli (BAT) għall-attivitajiet tat-tħaffir għaż-żejt u l-gass fil-baħar;

Impenji komuni ma' pajjiżi terzi u fil-livell internazzjonali

31. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar ir-regolamenti fl-oqsma tar-responsabil ità għall-ħsara ambjentali u tal-garanziji finanzjarji li jkunu jinkludu wkoll pajjiżi terzi;

32. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jirrikjedu li l-kumpaniji bi kwartieri ġenerali fl-UE japplikaw l-istandards tal-UE fl-operazzjonijiet tagħhom madwar id-dinja; jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-UE dwar is-sikurezza fuq il-baħar bil-għan li jiġu stabbiliti miżuri konġunti ta' infurzar ġodda, bħall-ispezzjonijiet tal-installazzjonijiet, u biex tiżgura standards daqstant rigorużi ta' sikurezza fl-inħawi li għandhom konfini mal-ibħra tal-UE; jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li tistimola l-ħolqien ta' inizjattivi/fora reġjonali u l-iżvilupp ta' netwerks ta' awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baltiku, u billi tibni fuq l-istrutturi ta' kooperazzjoni diġà eżistenti, bħall-Unjoni għall-Mediterran;

33. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li toħloq sistema globali ta' ffissar ta' objettivi komuni għas-sikurezza u s-sostenibbiltà fit-tiftix u l-produzzjoni fuq il-baħar, u jistedinha tippromwovi standards komuni ta' sikurezza għoljin kemm fil-livell internazzjonali u mal-istati ġirien;

L-Artiku, Kimiċi li jferrxu, eċċ.

34. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni komprensiva tar-rekwiżiti ta' liċenzjar li għandhom x'jaqsmu mat-tiftix u t-tħaffir taż-żejt u tal-gass u biex tressaq proposti għal rekwiżiti minimi armonizzati fil-livell tal-UE, inkluż awditjar indipendenti minn terzi, biex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza u pubblikazzjoni tal-prattiki ambjentali u biex jitnaqqsu r-riskji ta' kunflitti ta' interessi;

35. Jappella għal moratorju fuq kull attività ta' tiftix u tħaffir fuq il-baħar għaż-żejt u għall-gass fl-Artiku minħabba l-vulnerabbiltà ta' dan l-ambjent uniku;

36. Jinnota l-aħħar rapport mill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Baħar tat-Tramuntana, li wera li l-għadd ta' korrimenti fatali jew gravi rdoppja matul l-aħħar sena, u li t-tnixxijiet sinifikanti ta' żejt u gass żdiedu b'terz;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni relevanti bil-għan li tintroduċi projbizzjoni fuq it-tiftix u t-tħaffir fuq il-baħar f'ibħra anqas minn 80 kilometru 'l bogħod minn parks nazzjonali u riservi naturali tal-baħar;

38. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, meta tivvaluta l-impatt tal-proġetti fuq il-baħar, tqis kif xieraq l-impatt negattiv li l-attivitajiet taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar għandhom fuq it-turiżmu fiż-żoni kkonċernati;

39. Huwa favur il-kontroll strett, testjar kontinwu u valutazzjoni tal-impatt ambjenatli tal-kimiċi li jferrxu (u dwar pjanijiet għal rispons ta' emerġenza li jinvolvu l-użu ta' kimiċi li jferrxu), kemm biex tiġi żgurata l-adegwatezza tagħhom f'każ ta' tixrid ta' żejt kif ukoll biex jiġu evitati implikazzjonijiet għas-saħħa pubblika u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li titwettaq aktar riċerka ddettaljata dwar l-impatti ta' dawn il-kimiċi, jekk ikun hemm bżonn permezz ta' programmi ta' riċerka tal-UE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Esther Herranz García, Romana Jordan Cizelj, Riikka Manner, Bill Newton Dunn, Alojz Peterle, Michail Tremopoulos, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Peter van Dalen

  • [1]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Għarfien tal-Baħar 2020", dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli (COM 2010)0461.
  • [2]             COM(2010) 0494.
  • [3]             Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali; ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
  • [4]             Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
  • [5]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali COM(2010)581.
  • [6]             Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (kif emendata); ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
  • [7]             Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi; ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.
  • [8]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, COM(2010)781.
  • [9]             Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis); ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (15.6.2011)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar
(2011/2072(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pervenche Berès

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li s-settur tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar iġib miegħu riskji kbar għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema minħabba l-kundizzjonijiet ambjentali spiss estremi, il-ħinijiet tax-xogħol f'forma ta' perjodi ta' 12-il siegħa, kif ukoll minħabba sitwazzjoni ta' iżolament, u jirrikonoxxi li dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi, speċjalment l-istress psikoloġiku, huma u jeħtieġ li jkomplu jkunu regolamentati sabiex jiġu minimizzati l-iżbalji umani u sabiex ikunu protetti l-ħaddiema; jirrakkomanda għalhekk li l-ħaddiema jingħataw sistema ta' assigurazzjoni u kumpanija ta' assigurazzjoni reċiproka li tkun tal-livell tar-riskju li jiffaċċjaw;

2.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid id-Direttiva 92/91/KEE, u jitlob li jkun hemm approċċ ibbażat fuq standards komuni, biex jiġu evitati differenzi fit-trattament fi ħdan l-istess intrapriża skont il-post tax-xogħol; jitlob għalhekk li jkun hemm sett ta' regoli trasparenti, effiċjenti u konsistenti għall-impjegati kollha li jaħdmu fis-settur tal-offshore (fil-baħar), u biex jiġu evalwati kemm l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll il-possibilitajiet għal armonizzazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni;

3.  Jenfasizza li xi Membri diġà għandhom mekkaniżmi ta' sikurezza eċċellenti meta mqabbla mal-livell internazzjonali u Ewropew;

4.  Jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li tiġi identifikata l-aħjar prattika f'termini kemm ta' saħħa kif ukoll ta' sikurezza u taħriġ u kwalifiki;

5.  Jinsisti dwar il-bżonn li jkun hemm sistemi ta' kontroll effikaċi min-naħa tal-entitajiet ta' spezzjoni, b'metodi innovattivi ta' verifiki speċifiċi fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u l-operazzjonijiet ta' salvataġġ, u l-bżonn li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet għal vjolazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema;

6.  Jemmen li għandha tiġi żviluppata kultura preventiva ta' saħħa u ta' sikurezza, permezz tal-impenn min-naħa ta' min iħaddem u tat-trejdunjins u l-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-ħaddiema, partikolarment billi dawn jiġu kkonsultati u billi jiġu assoċjati fit-tfassil u fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' sikurezza, kif ukoll billi tingħata informazzjoni dwar ir-riskju potenzjali li jkunu qed jiffaċċjaw; jenfasizza l-importanza tat-testjar u l-monitoraġġ ta' dawn il-proċeduri tul il-katina kollha ta' kmand sabiex ikun żgurat li l-iktar persuni mlaħħqin fl-amminstrazzjoni wkoll ikunu mħarrġa u responsabbli f'każ ta' aċċidenti jew nuqqasijiet ta' sikurezza;

7.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-ILO dwar Sistemi ta' Ġestjoni tas-Sikurezza tax-Xogħol u s-Saħħa (ILO-OSH 2001) fl-industrija kollha taż-żejt u l-gass;

8.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippermettu biss taħriġ intern jew estern kwalifikat u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa standards Ewropej għal din iċ-ċertifikazzjoni;

9.  Iqis li l-ħaddiema kollha, ikun xi jkun l-istatus kuntrattwali tagħhom, għandhom ukoll ikunu infurmati bis-sħiħ rigward proċeduri ta' saħħa u sikurezza meta jaħdmu fuq stallazzjoni fuq il-baħar;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tistabbilixxi standards u sistemi komuni għal sikurezza għolja, biex jiġu ffaċċjati u limitati t-theddidiet ħalli jonqsu kemm jista' jkun ir-riskji u, meta jkun jeħtieġ, biex ikun hemm rispons mgħaġġel u effettiv; jitlob ukoll biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' taħriġ fl-Istati Membri tal-UE għall-ħaddiema, inklużi l-kuntratturi u s-sottokuntratturi, involuti f'kompiti b'riskju għoli, u biex dawn jiġu armonizzati biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti fl-ilmijiet kollha Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tibda azzjoni pożittiva ma' sħab internazzjonali biex tesplora l-possibbiltà li tinkiseb inizjattiva globali dwar ir-regoli ta' saħħa u sikurezza tal-ħaddiema u biex dawn jiġu aġġornati regolarment biex ikunu konformi mal-iktar teknoloġija avvanzata;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex isaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema billi tipproteġihom kontra fastidji sabiex tiżgura li dawn ikunu jistgħu jirrappurtaw nuqqasijiet jew riskji ta' sikurezza lill-awtoritajiet kompetenti b'mod anonimu;

12. Jitlob li jiġu applikati kriterji stretti fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tat-taħriġ lis-sottokuntratturi, li għandu jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex iwettqu kompiti ta' manutenzjoni u ta' kostruzzjoni fil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom; jitlob li l-ħaddiema, inklużi l-kuntratturi u s-sottokuntratturi u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, iridu jkunu infurmati dwar ir-riskji kollha involuti fix-xogħol qabel ma dan jitwettaq;

13. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kooperazzjoni eqreb bejn ir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana fl-attivitajiet ta' estrazzjoni fuq il-baħar taż-żejt u l-gass;

14. Jitlob lill-kumpaniji bbażati jew li joperaw fl-UE biex japplikaw l-istess regoli ta' saħħa u sikurezza tal-ħaddiema bħal dawk li japplikaw fl-operazzjonijiet l-oħra kollha madwar id-dinja, u jitlob li l-Kummissjoni tniedi inizjattiva globali, b'ħidma mal-Kunsill u l-Parlament, biex dawn ir-regoli jitjiebu fl-UE u lilhinn minnha, sakemm l-operazzjonijiet ma jseħħux f'pajjiż li jipprovdi għal standard ogħla ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) mill-UE, fejn imbagħad għandu jiġi applikat dan l-istandard ogħla;

15. Jistieden lill-UE sabiex tikkollabora mal-pajjiżi relevanti barra l-UE, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem tagħhom, li ċ-ċittadini tagħhom jagħmlu servizzi fl-industrija taż-żejt u l-gass fuq il-baħar tal-UE, sabiex jiżguraw li l-kumpaniji li għandhom sede barra l-UE iżda li joperaw fl-ibħra tal-UE jkunu marbuta bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-UE u l-leġiżlazzjoni OSH;

16. Jenfasizza li l-impjegati ta' katina ta' proċessar ulterjuri fuq il-baħar jew fuq l-art huma wkoll esposti għal riskji estremament kbar għas-saħħa u s-sikurezza; jitlob lill-Istati Membri sabiex jinkludu lil dawn l-impjegati fl-attivitajiet ta' regolamentazzjoni tagħhom;

17. Jitlob li tiġi prevista kura ta' segwitu regolari u speċifika għall-ħaddiema li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-settur taż-żejt u l-gass fil-baħar; jirrakkomanda li ssir vista medika li tevalwa s-aħħa fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema mill-inqas darba fis-sena;

18. Jistieden lill-UE tqis il-possibbiltà li jinħoloq regolatur indipendenti għas-saħħa u s-sikurezza esklussivament għall-industrija taż-żejt u l-gass;

19. Jitlob li jkun hemm monitoraġġ permanenti tar-riskji fuq il-bażi ta' ġbir sistematiku ta' informazzjoni u ta' opinjoni xjentifika, li jippermetti li jitqiesu bil-quddiem ir-riskji ġodda u emminenti;

20. Jitlob li jkun hemm iktar trasparenza, b'mod partikolari f'termini ta' żvelar lill-pubbliku, ta' rapporti dwar inċidenti u tal-impatt potenzjali tagħhom fuq is-saħħa pubblika, u dwar rapporti ta' spezzjoni; jissuġġerixxi li din l-informazzjoni tkun ċentralizzata fuq pjattaforma Ewropea pubblika;

21. Jitlob li jiġi approvat mekkaniżmu biex jiġu evalwati r-riskji ffaċċjati mill-ħaddiema, u biex din l-evalwazzjoni titqies fil-kalkolu tar-rimunerazzjoni tal-ħaddiema.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Pervenche Berès, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vilija Blinkevičiūtė, Sergio Gutiérrez Prieto, Roger Helmer, Richard Howitt, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Jelko Kacin, Evelyn Regner, Emilie Turunen

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (24.5.2011)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar
(2011/2072(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eva Lichtenberger

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, bi qbil mal-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kull azzjoni tal-UE f'dan il-qasam għandha tkun sostnuta minn livell għoli ta' protezzjoni bbażata, inter alia, fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni,

1.  Jenfasizza li r-responsabbiltà sħiħa fir-rigward ta' kwalunkwe dannu kkawżat mill-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass u mill-estrazzjoni tagħhom trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas', stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-TFUE;

2.  Jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-responsabbiltà ambjentali fiha diversi nuqqasijiet importanti f'dan ir-rigward u għalhekk ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar l-azzjoni tal-UE rigward it-tiftix għaż-żejt u l-estrazzjoni taż-żejt fl-Ewropa, li fiha l-Parlament stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-kontenut u testendi l-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE (inklużi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, id-Direttiva SEVESO II, u l-miżuri li jinkludu l-Pakkett Erika u t-Tielet Pakkett ta' Sikurezza Marittima) u/jew tintroduċi kull leġiżlazzjoni ġdida meħtieġa biex jitqiesu r-riskji kollha tal-isfruttament offshore u jissaħħu r-regoli li jiggvernaw ir-responsabbiltà fil-każ ta' inċidenti taż-żejt;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel eżami mill-ġdid komprensiv tar-rekwiżiti tal-liċenzji relatati mat-tiftix u l-estrazzjoni tal-idrokarbonju fil-baħar u, jekk hu xieraq, biex tippreżenta proposti għal rekwiżiti minimi armonizzati fil-livell tal-UE;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab u mal-ġirien sabiex tistabbilixxi reġim speċjali għal kwalunkwe operazzjoni fl-Artiku, billi tkun attenta sew għas-sostenibbiltà u l-ħtiega ta' attivitajiet barra x-xtut f'ambjent daqshekk vulnerabbli u uniku;

5.  Jargumenta favur il-fatt li valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għandhom jitwettqu, fejn possibbli, bħala parti mill-pjanijiet għal rispons ta' emerġenza (eż. dwar l-użu ta' kimiċi li jintużaw biex iferrxu bħala miżura ta' emerġenza);

6.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi emendi għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali sabiex tkopri l-ħsara ambjentali lill-ilmijiet tal-baħar kollha kif definiti fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima tal-Baħar (Direttiva 2008/56/KE);

7.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li testendi l-ambitu tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima sabiex tkopri mhux biss bastimenti iżda wkoll installazzjonijiet barra x-xtut;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi dispożizzjonijiet tas-sigurtà finanzjarja obbligatorji taħt id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rieda tal-Kummissjoni li terġa' tqis l-opzjoni li tintroduċi rekwiżit għal sigurtà finanzjarja mandatorja u biex teżamina l-adegwatezza tal-limitu finanzjarju attwali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-kwistjoni tar-responsabbiltajiet relatati mad-dekummissjonar tal-infrastruttura eżistenti għat-tħaffir u biex tiċċara, jekk hemm bżonn permezz ta' leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà tal-operaturi biex jiġu żgurati t-tneħħija sikura u r-responsabbiltà tagħhom għal kwalunkwe ħsara ambjentali li tirriżulta mid-dekummissjonar jew minn sit tat-tħaffir wara li jkun ġie dekumissjonat;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' teżamina l-leġiżlazzjoni attwali skont liema d-detenturi ta' liċenzji għall-isfruttament taż-żejt fil-baħar jistgħu jikru installazzjonijiet lil partijiet terzi, biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà għall-ħsara għall-ħajja tal-bnedmin u l-ambjent minħabba inċidenti u diżastri fuq pjattaformi taż-żejt fil-baħar tkun tista' tiġi stabbilita aktar faċilment f'każijiet sussegwenti ta' litigazzjoni ċivili;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri li, meta jieħdu kwalunkwe azzjoni, iqisu is-sitwazzjoni speċjali tal-operaturi żgħar u ta' daqs medju; f'dan il-kuntest jitlob lill-operaturi ta' daqs żgħir u medju biex ikunu meħtieġa jkollhom assikurazzjoni ta' partijiet terzi jew sħubija ma' fond għal responsabbiltà komuni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Syed Kamall, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.7.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Lena Ek, Ioan Enciu, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Francesco De Angelis, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Holger Krahmer, Bernd Lange, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău