RAPPORT dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja

9.2.2012 - (2011/2180(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Luigi Berlinguer


Proċedura : 2011/2180(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0035/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja

(2011/2180(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħha[1],

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, iffirmata fil-25 ta' Mejju 1998 f'Pariġi mill-erba' ministri responsabbli minn dan il-qasam ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit (id-Dikjarazzjoni ta' Sorbonna)[2],

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Bolonja ffirmata fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja)[3],

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni maħruġa mill-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja fit-28-29 ta' April 2009 f'Leuven u f'Louvain-la-Neuve[4],

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li uffiċjalment nidiet iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA)[5],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[6],

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika[7],

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla[8],

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL)[9],

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (‘ET 2020’)[10],

–    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament[11],

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja[12],

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel[13],

–    wara li kkunsidra rr-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 Żgħażagħ f'Moviment - il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ[14],

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bit-titolu 'Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni’ (COM(2006)0208),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)0245/2),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu 'Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa' (COM(2010)0567),

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu 'l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2009: Żviluppi fil-Proċess ta' Bolonja' (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2009)[15],

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu 'l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2010: L-Impatt tal-Proċess ta' Bolonja' (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2010)[16],

–    wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2007 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-għalliema professjonisti [17],

–    wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2009 tal-Eurobarometer dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-istudenti [18],

–    wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Eurostat tas-16 ta' April 2009 bit-titolu 'Il-Proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa - Indikaturi ewlenin dwar id-dimensjoni soċjali u l-mobilità'[19],

–    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f’Yerevan, fl-Armenja, bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru 2011[20],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bologna u l-mobbiltà tal-istudenti[21],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0035/2012),

A.  billi l-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja – li tiġi żgurata l-kompatibilità tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u li jitneħħew l-ostakoli li ma jħallux lill-persuni jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor sabiex jistudjaw jew jaħdmu u sabiex l-edukazzjoni għolja tkun attraenti għal kemm jista' jkun nies possibbli, inklużi żgħażagħ minn pajjiżi terzi – għadhom validi, filwaqt li t-tkomplija tal-proċess – permezz ta’ djalogu bejn il-livelli differenti tas-sistema edukattiva sabiex jiġu żviluppati kurrikuli li għandhom jinbnew fuq kull livell preliminari – qiegħda sservi l-għanijiet tat-tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, l-aktar fil-kriżi ekonomika attwali; billi jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-evoluzzjoni tal-Proċess u sabiex jitqiesu s-suċċessi, il-problemi, in-nuqqas ta' ftehim u l-oppożizzjoni esperjenzjati;

B.   billi r-rwol tal-edukazzjoni għolja hu li tipprovdi ambjent ta’ tagħlim, miftuħ għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, li jippromwovi l-awtonomija, il-kreattività, l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u t-twessigħ tal-għarfien, u għal dan il-għan huwa essenzjali li jiġi ggarantit li tkun involuta l-komunità akkademika b’mod ġenerali, partikolarment l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi, fl-iżvilupp tad-diversi stadji tal-edukazzjoni universitarja;

C.  billi, fid-dawl tat-tliet funzjonijiet tagħhom (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), l-universitajiet għandhom rwol kruċjali fil-ġejjieni tal-Unjoni u fl-edukazzjoni taċ-ċittadini tagħha;

D.  billi l-università hija aspett ewlieni tal-wirt Ewropew, li issa laħaq kważi l-elf sena, li s-sinifikat tagħha bħala forza għall-progress fis-soċjetà ma jistax jiġi ridott għall-kontribut tagħha lill-ekonomija, u li l-iżvilupp tagħha ma jistax ikun kontinġenti biss fuq il-ħtiġijiet ekonomiċi;

E.   billi, minkejja d-diffikultajiet iffaċċjati – l-istruttura fuq tliet ċikli qed tiġi applikata fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Proċess ta' Bolonja, u f'xi każijiet b'suċċess;

F.   billi l-impenn li titmexxa 'l quddiem ir-riforma m'għandux jiġi segwit permezz ta' azzjoni frammentata u mingħajr appoġġ finanzjarju adegwat; billi t-tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni li qed isir f’ċerti Stati Membri mhux qed jgħin biex jiġu promossi r-riformi meħtieġa;

G.  billi l-mobilità għandha tkun disponibbli għal kulħadd u hija l-pedament tar-riforma tal-edukazzjoni għolja; billi l-mobilità tal-istudenti fl-aħħar tista’ tgħin biex tkattar il-mobilità professjonali; billi, madankollu, tul il-proċess kollu għandha titqies ukoll l-aċċessibilità għal kulħadd;

H.  billi jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu iktar sforzi biex jiggarantixxu r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, li hu kruċjali għas-suċċess tal-proċess;

I.    billi d-dimensjoni soċjali trid tissaħħaħ bħala kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-Proċess ta' Bolonja, bl-objettiv li d-dritt għall-istudju jsir ekonomikament aċċessibbli għall-istudenti kollha – speċjalment dawk minn gruppi vulnerabbli – sabiex jinħoloq aċċess ġust għal kulħadd u opportunatjiet aħjar ta' impjegi;

J.    billi l-universitajiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi jridu juru impenn b'saħħtu favur l-impjegabilità; billi l-università għandha tipprovdi lill-individwi l-għodod u l-ħiliet meħtieġa biex tiżgura l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal uman tagħhom; billi t-tagħlim akkademiku għandu jqis ukoll il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li l-istudenti jingħataw il-ħiliet li għandhom bżonn sabiex isibu impjieg stabbli u mħallas sew;

K.  billi l-aċċess għall-edukazzjoni – valur fundamentali tal-UE – huwa responsabilità pubblika tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE u ta' atturi ewlenin oħrajn, u billi l-Unjoni Ewropea għanda rwol ewlieni fl-istabbiliment taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja billi tappoġġa l-isforzi u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam; billi l-koordinazzjoni akbar tal-edukazzjoni u tal-lawrji – filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà – hija prekondizzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-impjegabilità fl-Ewropa;

L.   billi l-Proċess ta’ Bolonja m’għandux ikollu effetti retroattivi fuq studenti li diġà bdew il-lawrja tagħhom skont il-pjan pre-Bolonja;

Ir-rilevanza tal-proċess

1.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni bħala l-qasam ewlieni għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi essenzjali tax-xogħol u tal-iżvilupp tal-istrateġija UE 2020 u l-irkupru ekonomiku tant meħtieġ;

2.   Jappella għat-tisħiħ fil-livell tal-UE tal-appoġġ għall-Proċess ta' Bolonja, b'mod partikulari fir-rigward tal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki akkademiċi, l-armonizzazzjoni tal-istandards akkademiċi, il-promozzjoni tal-mobilità, id-dimensjoni soċjali u l-impjegabilità, il-parteċipazzjoni demokratika, u l-analiżi tal-istat tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ Bolonja, u t-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi; jistieden lill-Istati Membri jtennu l-impenn tagħhom għall-Proċess billi jsaħħu s-sistema tal-finanzjament sabiex jiksbu l-objettivi ta' tkabbir stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

3.   Jinnota li ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) hija kisba maġġuri mil-lat tal-ħolqien u t-tkattir ta’ ċittadinanza Ewropea ġenwina; iqis li din għandha tissarraf fit-tisħiħ tal-EHEA permezz tal-użu ta' għodod u proċeduri xierqa;

4.   Jenfasizza li l-Proċess ta’ Bolonja u l-EHEA għandhom rwol ewlieni fl-istrateġija Ewropa 2020 u jindika li r-rabta bejn it-tagħlim u r-riċerka hija kruċjali daqs kemm hi karatteristika distinta tal-edukazzjoni għolja Ewropea;

5.   Jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet stabbiliti fil-Proċess ta' Bolonja – il-mobilità, l-għarfien, l-impjegabilità – jirrappreżentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun iggarantit li kull student li jinkiteb f'università Ewropea jkollu d-dritt li jiggradwa u jara li l-kwalifi tiegħu jkunu rikonoxxuti f'kull pajjiż tal-UE;

Governanza

6.   Jappella għall-iżvilupp ta' approċċ effettiv 'il fuq, li jkun jinvolvi l-atturi kollha importanti bħall-universitajiet, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, is-settur tan-negozju u, fuq kollox, l-għalliema u l-istudenti, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u l-istaff tal-università;

7.   Jinnota li xi Universitajiet Ewropej qed isibuha bi tqila biex jagħmlu l-isforzi suffiċjenti għall-kisba ta’ EHEA konsolidata filwaqt li, għal xi wħud minnhom, jekk jixtiequ jsaħħu l-kompetittività u l-kwalità tal-għarfien li jipproduċu, l-uniku mezz hu billi jiffurmaw parti mill-EHEA;

8.   Jappella għal impenn min-naħa tal-universitajiet għal strateġiji ġodda ta’ tagħlim u taħriġ professjonali u tul il-ħajja – billi jsir l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda u bl-għarfien tal-importanza tal-forom kumplimentarji tat-tagħlim bħal sistemi edukattivi non-formali – li huma ffukati fuq is-sisien ta' sistema universitarja ffukata fuq it-tagħlim, fuq l-istudent u fuq ir-riċerka li kapaċi tipprovdi ħsieb kritiku, ħiliet kreattivi, żvilupp professjonali kontinwu kif ukoll għarfien teoretiku u prattiku li l-istudenti jkollhom bżonn fil-ħajja tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jappoġġjaw finanzjarjament lill-universitajiet fl-isforzi tagħhom li jbiddlu u jiżviluppaw il-prattiki edukattivi tagħhom;

9.   Iħeġġeġ li l-programmi ta’ taħriġ għall-għalliema għandhom jissaħħu u jiġu estiżi, billi jitqiesu l-possibilitajiet offruti permezz ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ tagħlim tul il-ħajja;

10. Jenfasizza li l-ftuħ tal-Universitajiet Ewropej għall-ħtiġijiet tal-ekonomija globali u iktar konsolidazzjoni tal-EHEA għandhom jitqiesu bħala sforzi tal-universitajiet Ewropej biex jgħinu lill-Ewropa tirkupra mill-perjodu ta' insigurtà ekonomika ġenerali u biex l-Ewropa terġa' titqiegħed fit-triq it-tajba lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir;

11. Jappella għall-iżvilupp tat-"tielet missjoni" tal-universitajiet fis-soċjetà, li għandu jitqies ukoll b’rabta mal-kriterji multidimensjonali li għandhom jitfasslu għal raġunijiet ta’ klassifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-eċċellenza;

12. Jitlob għal żieda fl-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja, partikolarment immirat biex jiġġieled il-kriżi ekonomika bi tkabbir abbażi ta’ ħiliet u għarfien imtejba, u biex iwieġeb għad-domanda ogħla tal-istudenti għal kwalità mtejba ta' edukazzjoni u servizzi, partikularment boroż ta' studju, u aċċess għalihom; jemmen li t-tnaqqis fil-baġit għandhu impatt negattiv fuq l-isforzi biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni, li hi l-prinċipju li fuqu hu bbażat il-proċess ta’ Bolonja; jappella, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-UE jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda, immirati u flessibbli – u biex jippromwovu għotjiet madwar l-Ewropa kollha – bil-għan li jappoġġjaw it-tkabbir, l-eċċellenza u l-vokazzjonijiet partikulari u diversi tal-universitajiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ ta’ fondi multipli, definit b’regoli ċari u effettivi, maħsub biex jkun jista’ jlaħħaq mal-mudell ta’ finanzjament futur tal-UE u biex jiżgura l-indipendenza tal-universitajiet;

Konsolidazzjoni

13. Jirrimarka li l-Proċess ta' Bolonja u l-programm Erasmus taw spinta lill-mobilità tal-istudenti u għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal mobilità tax-xogħol imsaħħa; jiddispaċih, madankollu, li r-rati ta’ mobilità għadhom relattivament baxxi;

14. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-universitajiet jistabbilixxu mekkaniżmi biex ikunu pprovduti l-informazzjoni u l-appoġġ finanzjarju u amministrattiv għall-istudenti, l-akkademiċi u l-persunal kollha sabiex irawmu flussi ta' mobilità strutturati; jappella għall-introduzzjoni tal-programm Erasmus għal studenti li diġà għandhom lawrja u jappella għat-tisħiħ tas-servizzi tal-Erasmus b'mod ġenerali u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi edukattivi, permezz ta' finanzjament itjeb, ibbażat fuq kriterji soċjali, il-ftuħ tal-programm għal firxa akbar ta' studenti, għarfien ġenwin u effettiv tal-credits, possibilitajiet imtejba għall-inklużjoni ta’ simestri barra mill-pajjiż bħala parti mit-taħriġ, u flessibilità akbar fil-kalendarju awtorizzat; jinsisti, madankollu, li l-mobilità fl-ebda każ m’għandha toħloq diskriminazzjoni kontra l-istudenti b’riżorsi finanzjarji limitati;

15. Huwa tal-fehma li l-mobilità fost il-letturi universitarji twessa' l-edukazzjoni u l-esperjenza mhux biss tal-letturi nfushom, iżda wkoll, indirettament, tal-istudenti tagħhom, filwaqt li tgħinhom jipparteċipaw fit-tħejjija tal-materjal pedagoġiku;

16. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenn tagħhom għall-portabilità sħiħa tas-self u l-għotjiet, u biex itejbu b’mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti mobbli biex ikun jaqbel maż-żidiet fil-programmi l-ġodda tal-UE; jitlob lill-UE biex tqis kif il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet għal-libertà tal-moviment tista' titjieb permezz tal-garanzija tal-portabilità tas-self u l-għotjiet;

17. Jitlob lill-UE tqis iktar bi sħiħ l-immigrazzjoni mill-Afrika, l-Ażja u l-Amerika Latina sabiex jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki edukattivi miksuba fil-pajjiżi tal-oriġini;

18. Jitlob lill-UE, bil-għan li tiggarantixxi l-fiduċja reċiproka u tiffaċilita r-rikonoxximent ta' kwalifiki akkademiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) f'kull Stat Membru, tikkonsolida sistema ta' assigurazzjoni ta' kwalità fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta' assikurazzjoni tal-kwalità skont l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, filwaqt li jirrispettaw id-diversità tal-korsijiet u l-approċċi fost l-universitajiet f’termini ta’ kontenut u metodi ta’ tagħlim; iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità japplikaw għar-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità u jappoġġaw il-kooperazzjoni Ewropea u l-iskambju tal-aqwa prattiki wkoll permezz tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA);

19. Jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi skali ta’ gradi fl-Istati Membri u lejn il-ħtieġa għal konverżjoni xierqa tal-punti ECTS fi gradi;

20. Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-Proċess ta' Bolonja jimplimentaw oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-Qafas tal-Kwalifiki tal-EHEA u jiżviluppaw u jappoġġjaw finanzjarjament ir-rikonoxximent reċiproku;

21. Jappella għal appoġġ finanzjarju aktar b'saħħtu għall-ftehimiet dwar kurrikuli fundamentali komuni, li jiggarantixxu riżultati ta' tagħlim definiti sew, kif ukoll billi jiġi studjat l-approċċ metodoloġiku żviluppat mill-proġett "Tuning" u permezz tal-esperjenza ta’ "Tuning Academy"; jappella biex tingħata attenzjoni partikulari lin-natura speċifika tal-kurrikuli umanistiċi, bħala sies sod għad-demokrazija u mutur għall-kisba tal-koeżjoni Ewropea; sabiex jiġi determinat liema għarfien u ħiliet speċifiċi għandhom ikunu koperti mill-korsijiet tal-lawrji sabiex jiġi mħeġġeġ it-tagħlim f’forma li tgħaqqad il-ħiliet ġenerali li jistgħu jitkejlu (riflessi fl-abbiltà li wieħed juża l-għarfien) u t-tagħlim u r-riċerka bħala analiżi kritika oriġinali; isostni li, minbarra l-għarfien tal-materjal bażiku, kull programm ta’ kull suġġett għandu jipprovdi kompetenzi trasversali ewlenin li jistgħu jiġu applikati f'sitwazzjonijiet differenti bħall-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni u l-ħiliet imprenditorjali;

22. Jitlob aktar appoġġ għall-miżuri nazzjonali u Ewropej bil-għan li jiggarantixxu l-inklużjoni ekwa, l-aċċess ġust għall-istudju, progress b'suċċess u sistema sostenibbli ta' appoġġ (eż. akkomodazzjoni, spejjeż ta’ trasport, eċċ.) għall-istudenti kollha, kif ukoll appoġġ immirat partikolarment għal dawk li jappartjenu għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed, dawk minn sfondi soċjalment żvantaġġati u dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji, sabiex titnaqqas ir-rata ta’ studenti li jieqfu jistudjaw u jkun żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu indipendenti minn fatturi soċjoekonomiċi li joħolqu żvantaġġi u biex jiġi żgurat li t-tagħlim jissodisfa l-ħtiġijiet inidividwali; jirrakkomanda li għandu jitħaffef il-proċess tal-ħolqien ta’ ċentri ta’ konsulenza dwar il-karrieri li joffru servizzi bla ħlas lill-istudenti;

23. Jenfasizza l-importanza tal-communiqué ta' Londra tal-2007[22], li poġġa d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni wieħed mill-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja, bl-għan ikun li jiġu żgurat aċċess ekwu għall-edukazzjoni irrispettivament mill-isfond ta' dak li jkun; jiddispjaċih għall-fatt li ma sarx biżżejjed progress għall-ilħuq ta' dan l-objettiv, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-progress;

24. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu r-rikonoxximent reċiproku billi jeliminaw l-ostakoli amministrattivi għal dan;

25. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet partikulari tal-Baċellerat, kif ukoll fir-rigward tal-kurrikuli tiegħu, l-aċċess minnu għall-Masters, u l-impjegabilità tiegħu; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi, bħall-iżvilupp ta' kurrikuli ta' teorija/prattika, u ta' kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet, l-Istati Membri u l-atturi ekonomiċi u soċjali sabiex jittejbu l-prospettivi għall-iggradwati tal-ġejjieni biex isibu xogħol stabbli u mħallas sew li jikkorrispondi mal-livell tal-kwalifiki li jkunu kisbu; jitlob, għalhekk, li l-universitajiet jiżviluppaw is-sistema tagħhom tal-għoti tal-apprendistati u jtejbu l-integrazzjoni ta’ apprendistati tat-taħriġ fil-korsijiet tal-universita;

26. Jenfasizza li l-miżuri biex jippromwovu l-impjegabbiltà, bħat-tagħlim tul il-ħajja, u l-iżvilupp ta' medda usa' ta' ħiliet adegwati għas-suq tax-xogħol, għandhom ikun l-ogħla prijorità sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jintlaħqu l-objettivi ta' prosperità; f'dan ir-rigward, jappoġġja bis-sħiħ l-iskambji tal-għalliema u tal-istudenti tal-università, id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, l-apprendistati u l-passaport tal-ħiliet;

27. Iqis li l-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) se tassisti l-mobilità professjonali fl-Ewropa u tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti billi tipprovdi assigurazzjoni li l-kwalifiki miksuba fi Stat Membru ieħor ikunu rikonoxxuti madwar l-UE;

28. Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-kunċett metodoloġiku “monodixxiplinarju” tax-xjenza li għadu popolari fl-universitajiet Ewropej lejn il-kunċetti ta' “interdixxiplinarjetà” u “transdixxiplinarjetà”;

29. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju bħala objettiv komuni tal-EHEA konsolidata sabiex tiżdied l-impjegabilità tal-gradwati mill-universitajiet Ewropej;

30. Jindika l-ħtieġa ta' azzjonijiet speċifiċi u kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-universitajiet u s-suq tax-xogħol bil-għan li jiġu żviluppati kurrikuli aktar rilevanti, li l-edukazzjoni ssir aktar konsistenti u sabiex titjieb l-impjegabilità billi jiġu stabbiliti kriterji simili għall-aċċettazzjoni fil-professjonijiet;

31. Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tad-disponibilità ta’ għadd sufficjenti ta’ apprendistati tat-taħriġ għall-istudenti, sabiex jiġi faċilitat iktar id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32. Jappella lill-gvernijiet nazzjonali u lill-Kummissjoni jiżviluppaw sistema ta' kooperazzjoni strutturata sabiex jingħataw lawrji konġunti, fi ħdan oqsma ta' dixxiplini, li jkunu rikonoxxuti madwar l-UE, billi tittejjeb il-prestazzjoni u l-appoġġ finanzjarju tal-Erasmus Mundus u tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tal-ġejjieni u billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ skema Ewropea ta’ akkreditazzjoni tal-programmi konġunti;;

33. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni b'referenza għal Skema ta' Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta' Masters;

34. Iqis id-dottorati, inklużi dawk imwettqa b’kollaborazzjoni mal-intrapriżi, bħala rabta importanti bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, u jfakkar il-potenzjal tagħhom bħala komponent importanti fil-ħolqien ta' innovazzjoni u tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-għarfien; jagħraf l-importanza li jitwettqu dottorati fl-intrapriżi, f’termini ta' integrazzjoni ta’ individwi b’lawrji ta’ livell għoli fis-suq tax-xogħol; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa Skema Ewropea tad-Dottorat Industrijali fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie;

35. Jemmen li kooperazzjoni aħjar l-EHEA u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun sors potenzjali għat-titjib tal-innovattività u l-iżvilupp tal-Ewropa;

36. Jenfasizza l-kontribut tas-7 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka, tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tkun iffaċilitata l-mobilità tar-riċerkaturi tal-UE u jinkiseb il-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-UE;

37. Jappella biex titwaqqaf strateġija effettiva ta' appoġġ għall-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa u inizjattivi sostenibbli li jkunu integrati b’mod sħiħ fl-istituzzjoni u jippromwovu kultura tat-tagħlim tul il-ħajja; jitlob, bl-istess mod, li jitħeġġeġ it-tagħlim tul il-ħajja bbażat fil-kumpaniji sabiex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jżidu t-taħriġ u l-ħiliet tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-universitajiet joffru flessibilità akbar fil-programmi bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim, jirrikonoxxu tagħlim non-formali u informali u joffru servizzi ta’ appoġġ għall-metodi ta’ tagħlim billi jippromwovu sħubiji bejn universitajiet, intrapriżi, u istituti ta' taħriġ vokazzjonali ta’ livell għoli sabiex jimlew il-vojt li hemm fil-ħiliet xjentifiċi, umanistiċi u tekniċi;

38. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi stabbilit l-istatus għall-istudenti ta’ qabel il-Proċess ta’ Bolonja f’dawk il-pajjiżi fejn jinsabu żvantaġġati f’termini ta’ applikazzjonijiet biex jinkitbu f'programmi tal-Masters;

39. Jinnota li s-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) għandha tkun iktar trasparenti u toffri tqabbil iktar preċiż bejn il-kwalifiki u d-diplomi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-istrument imtejjeb tal-ECTS sabiex jiffaċilitaw il-mobilità għall-istudenti u l-professjonisti;

Azzjoni Ewropea

40. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li żżid b'mod sinifikanti l-fondi ddedikati għall-programmi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika proporzjon sinifikanti ta' dawn il-fondi biex tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-universitajiet skont l-objettivi tal-proċess ta' Bolonja u l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn il-programmi għall-istudenti b’diffikultajiet finanzjarji wkoll;

41. Jitlob lill-Istati Membri u lill-UE biex jiddeterminaw jekk il-korsijiet ta’ studju jistgħux jinkludu perjodu obbligatorju ta’ taħriġ li għandu jitlesta f'università fi Stat Membru li m’huwiex il-pajjiż tal-oriġini tal-istudent;

42. Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta qawwija bejn il-Proċess ta' Bolonja u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-Kummissjoni b'manjiera li tkun konsistenti għall-aħħar mal-Proċess ta' Bolonja; isostni li r-rabta tista' tissaħħaħ aktar billi l-istudenti jingħataw l-informazzjoni prattika relevanti kollha dwar l-għarfien tad-diplomi miksuba minn barra u l-opportunitajiet ta' xogħol li jġib it-taħriġ barra l-pajjiż;

43. Jappella, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u sabiex isir progress lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja reali, sabiex isir tqabbil tar-rekwiżiti minimi nazzjonali ta’ taħriġ u biex ikun hemm skambji aktar regolari bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet professjonali;

44. Jipproponi li r-rikonoxximent minn universitajiet sħab tal-krediti miksuba skont il-Programm Erasmus għandu jkun element obbligatorju għall-istituzzjonijiet kollha li jipparteċipaw fl-iskambji tal-istudenti appoġġjati mill-fondi tal-UE sabiex tissaħħaħ is-Sistema Ewropea għal-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS);

45. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-implimentazzjoni konsistenti tas-sistema ECTS; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw tabella komparattiva li tkun tindika l-għadd ta' krediti tal-ECTS mogħtija għall-korsijiet, bil-għan li tiżdied il-konsistenza u tiġi ffaċilitata l-mobilità professjonali u tal-istudenti; jinnota l-ostakoli li l-istudenti iħabbtu wiċċhom magħhom meta jittrasferixxu l-krediti minn università għall-oħra, u jemmen li dawn id-diffikultajiet jistgħu jiskuraġġixxu l-istudenti milli jieħdu sehem fi skambji akkademiċi;

46. Jappella li tiġi żviluppata strateġija effikaċi għall-armonizzazzjoni sħiħa tat-titoli akkademiċi madwar l-Unjoni Ewropea bil-possibilità ta’ rikonoxximent retroattiv (inklużi titoli akkademiċi preċedenti) minn meta ġie stabbilit il-Proċess ta' Bolonja;

47. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw bejniethom deċiżjoni finali u ċara dwar ir-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-kwalifiki u d-diplomi jew jistabbilixxu pjan direzzjonali għal meta fl-aħħar tkun possibbli din id-deċiżjoni;

48. Jitlob li l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet tiġi organizzata b’mod iktar sistematiku u tissaħħaħ, biex jiżdied l-impatt fuq l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja u biex jibbenefikaw minnha l-istudenti u l-persunal;

49. Jipproponi li l-universitajiet fl-istati firmatarji jagħrfu l-apprendistati tat-taħriġ prattiku bħala parti mill-programmi ta’ mobilità appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea;

50. Jappella għal trasparenza akbar fl-informazzjoni mogħtija lill-istudenti qabel ma jibda skambju partikulari fir-rigward tal-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw, u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkooperaw flimkien meta jkunu qed jivvalutaw l-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw għall-korsijiet; jinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi komuni sabiex tinħoloq bażi ta' għarfien u kompetenzi definita minn professjonisti u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bil-għan possibbli li tinkiseb approssimazzjoni ta' xi diplomi, filwaqt li jitħares id-dritt li jitħallew l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, pereżempju s-sistema tal-għarfien awtomatiku tal-kwalifiki professjonali fl-UE[23];

51. Jappella għal netwerking, koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn l-universitajiet tal-UE sabiex jitħaffef l-għarfien ta' diplomi ġodda, jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-krediti, jitjieb l-għarfien u l-fehim tas-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-diversità tal-programmi Ewropej;

52. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fl-ambitu tal-programmi l-ġodda ta' edukazzjoni u taħriġ, tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni, inkluż permezz ta' inċentivi finanzjarji, dwar il-kurrikuli transnazzjonali, lawrji konġunti u rikonoxximent reċiproku; hu favur iż-żieda fl-għadd ta’ sħubiji ta’ apprendistati tal-ERASMUS fil-prattika;

53. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta’ bosta istituzzjonijiet li jittrattaw l-edukazzjoni għolja u r-riċerka Ewropej; jistieden lill-Unjoni Ewropea tippromwovi mezzi biex dawn ikunu kkoordinati taħt l-istess qafas;

54. Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti inizjattivi biex jgħinu lill-istudenti jittrasferixxu r-rekords tagħhom minn università għall-oħra matul l-istudji universitarji tagħhom;

55. Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu dejta aġġornata u komparabbli – fost l-oħrajn dwar il-proporzjon tar-rappreżentanza tal-gruppi vulnerabbli – li abbażi tagħha tiġi mmoniterjata l-implimentazzjoni tal-EHEA u, għal dan il-għan, biex jitneħħew l-ostakoli u jiġu solvuti l-problemi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-proċess, u ma jiġux penalizzati dawk l-istituzzjonijiet li għadhom ma implimentawx ir-riformi ppjanati; jemmen li din id-dejta għandha tiġi ppubblikata kull sena fuq bażi ta’ kull pajjiż għalih u kull università għaliha biex ikun iktar faċli li wieħed jifhem fejn jeħtieġ li jsir progress;

56. Iħeġġeġ lill-universitajiet biex jarmonizzaw l-istandards akkademiċi tagħhom billi jiffurmaw sħubiji għall-iskambju tal-prattiki tajbin;

57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-programmi ta’ kooperazzjoni u riċerka, u biex jiżviluppaw programmi ġodda, abbażi ta’ interessi reċiproċi mal-universitajiet tal-pajjiżi terzi, partikolarment dawk li jinsabu f’żoni ta’ kunflitt, sabiex ikun possibbli l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ għal studenti minn dawn il-pajjiżi, mingħajr l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni;

58. Iqis li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) maħluqa mill-Proċess ta’ Bolonja hi progressiva; jappella, għaldaqstant, għat-twaqqif ta' Żona Ewro-Mediterranja ta' Edukazzjoni Għolja li tkun inkorporata f'din l-istruttura eżistenti, u biex isir progress favur it-twaqqif ta' Żona ta’ Edukazzjoni Għolja effettiva għall-pajjiżi involuti fil-kooperazzjoni tal-Isħubija tal-Lvant kif ukoll żoni interstatali oħra fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli għall-moviment tal-istudenti u l-għalliema, biex tappoġġja n-netwerking tal-universitajiet Ewro-Mediterranji, inkluża l-EMUNI, u biex tkompli l-prattiki tajba tal-programmi Tempus u Erasmus Mundus;

59. Jindika l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar il-Proċess ta’ Bolonja u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) permezz ta’ politika ta' komunikazzjoni komprensiva, effettiva u għall-Ewropa kollha bl-għan li l-universitajiet isiru iktar attraenti fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra;

60. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiggarantixxu t-trasferibilità tas-self u l-għotjiet, partikolarment il-boroż ta' studju abbażi tal-mertu u tal-ħtiġijiet, bejn il-pajjiżi kollha Ewropej, sabiex jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta' mobilità;

61. Jippromwovi l-ħolqien ta’ marki (brands) universitarji magħquda fil-livell reġjonali sabiex jissaħħaħ il-prestiġju tal-universitajiet fil-livell internazzjonali skont l-għanijiet tal-Proċess ta’ Bolonja;

62. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jwaqqfu mekkaniżmi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jimplimentaw l-għanijiet ta' Bolonja, li jista' jseħħ b'rappurtaġġ regolari u b'użu mmirat tal-programmi tal-UE, inklużi dawk li jinvolvu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi fl-EHEA li mhumiex membri tal-UE;

63. Jitlob lill-UE tappoġġja l-implimentazzjoni tal-impenji tagħha ta' Bolonja fil-politika tagħha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi rilevanti li mhumiex membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jadottaw rwol aktar determinat fit-tmexxija tagħhom ta' dawn l-inizjattivi;

64. Jemmen li l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni fil-laqgħa ministerjali tas-sena d-dieħla f'Bukarest se jwassal għal pjan direzzjonali ċar għat-twaqqif ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-iskadenza tal-2020; jisħaq li għandhom jitressqu proposti intersettorjali, f’dak li jikkonċerna t-taħriġ fl-ICT, it-tagħlim vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll it-taħriġ fil-post tax-xogħol, u li dawn il-proposti jippromwovu attivament kemm l-inklużjoni kif ukoll it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli, b’mod li jagħtu lill-UE vantaġġ kompetittiv fid-dinja ta’ wara l-kriżi fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi, il-kapital uman, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien fit-totalità tagħha;

65. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ministru tal-edukazzjoni tal-UE jutilizzaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li toffri l-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fl-EHEA u biex jadottaw rwol ta' tmexxija biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Bolonja, u lill-Ministri biex l-impenji tagħhom fil-Proċess ta' Bolonja jsaħħuhom b'impenji konġunti fil-livell tal-UE fil-Kunsill, b'appoġġ mill-Kummissjoni, sabiex dan il-proċess ta' appoġġ reċiproku jkompli b'implimentazzjoni armonjuża;

66. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Laqgħa Ministerjali Semestrali tal-2012 tal-Proċess ta' Bolonja f'Bukarest trid tqis il-fatt li l-ħolqien tal-EHEA jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu kontribut b'saħħtu u unifikat għall-Proċess ta' Bolonja abbażi tar-responsabilitajiet konġunti tagħhom fil-kwistjoni tal-edukazzjoni għolja, tal-parteċipazzjoni konġunta tagħhom fil-proċess, u tal-impenn komuni bejniethom għall-azzjoni, appoġġjati minn dikjarazzjonijiet ta' politika mill-istituzzjonijiet tal-UE;

o

o        o

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  http://www.ohchr.org/EN/UDHR/Documents/UDHR_Translations/frn.pdf
  • [2]  http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/SORBONNE_DECLARATION1.pdf
  • [3]  http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/BOLOGNA_DECLARATION1.pdf
  • [4]  http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqu%C3%A9_April_2009.pdf
  • [5]  http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Budapest-Vienna_Declaration.pdf
  • [6]  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22, Rettifika ĠU L 271, 16.10.2007, p. 18, Rettifika ĠU L 93, 4.4.2008, p. 28.
  • [7]  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.
  • [8]  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
  • [9]  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
  • [10]  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
  • [11]  ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.
  • [12]  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
  • [13]  ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
  • [14]  ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
  • [15]  http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/099EN.pdf
  • [16]  http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/122EN.pdf
  • [17]  http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl198_en.pdf
  • [18]  http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_260_en.pdf.
  • [19]  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-78-09-653/EN/KS-78-09-653-EN.PDF
  • [20]  http://www.ehea.info/news-details.aspx?ArticleId=253
  • [21]  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
  • [22]  http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/London_Communique18May2007.pdf
  • [23]  Anness V, dwar ir-Rikonoxximent abbażi tal-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ, għad-Direttiva 2005/36/KE dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja miftuħa kien kisba maġġuri u jirrappreżenta l-qafas istituzzjonali wiesa' għall-implimentazzjoni tal-proċess ambizzjuż li nbeda bil-Proċess ta' Bolonja.

Il-kooperazzjoni u l-istrateġiji intergovernattivi stabiliti mill-Istituzzjonijiet Ewropej kienu l-istimolu għar-riforma strutturali wiesgħa tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja. L-universitajiet Ewropej mhux biss irrevedew u rriorganizzaw fil-fond l-attivitajiet ta' tagħlim tagħhom fil-qafas tat-tliet ċikli stabbilit bil-Proċess ta' Bolonja iżda saħħew ukoll ir-rwol soċjali tagħhom b'attivitajiet aktar adegwati għall-hekk imsejħa "Tielet Missjoni" tas-sistema universitarja.

Ta' min wieħed jinnota li r-rabta bejn din is-sistema u s-suq tax-xogħol mhux dejjem kienet suċċess. Għaldaqstant, dak li jafferma d-dokument ta' Lisbona - jiġifieri li l-'universitajiet Ewropej, minkejja kwalità pjuttost tajba ta' tagħlim, mhumiex kapaċi jesprimu l-potenzjal kollu tagħhom sabiex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u t-titjib fil-kwalità u l-kwantità tal-impjiegi - għadu jgħodd. Din l-affermazzjoni hija partikularment preokkupanti f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika dinjija u teħtieġ aktar attenzjoni fid-dawl tal-objettiv tal-UE li "tkun l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, kapaċi li jkollha tkabbir ekonomiku sostenibbli, b'titjib kwantitattiv u kwalitattiv tal-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali".

F'dan ir-rigward, it-tisħiħ tal-Proċess sħiħ ta' Bolonja huwa funzjonali għall-ilħuq tal-objettivi ta' tkabbir stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020: huwa rekwiżit għall-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-UE u għodda indispensabbli biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġabet magħha l-kriżi ekonomika u finanzjarja.

L-ewwel objettiv tal-Proċess ta' Bolonja għadu kundizzjoni fundamentali: student miktub f'università Ewropea għandu d-dritt li jiggradwa u li jara li l-kwalifika tiegħu tkun rikonoxxuta madwar l-UE.

Governanza

Wieħed mill-fatturi li naqqsu r-rata ta' progress f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultati huwa n-natura "minn fuq għal isfel" tal-proċess.

Il-proċess kien l-ewwel maħluq mir-rieda politika tal-gvernijiet nazzjonali; kien biss fit-tieni fażi li dan beda progressivament jinvolvi l-kapijiet ta' istituzzjonijiet akkademiċi fl-EUA (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet), u l-proċess għad irid jiġi integrat bis-sħiħ fl-Universitajiet Ewropej, fost l-istudenti u l-familji.

Għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm involviment aktar komplet tal-partijiet kollha interessati fl-immaniġġjar tal-objettivi tagħhom, u fl-identifikazzjoni ta' miżuri ġodda ta' appoġġ għalih.

Aspett ieħor tal-'governanza mhux mitmuma' tal-Proċess huma l-azzjonijiet frammentati meħuda minn Stati Membri individwali.

Il-baġit żgħir previst sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi huwa waħda mir-raġunijiet ta' parti minn din l-istess kritika: l-illużjoni li l-Proċess ta' Bolonja jista' jitwettaq mingħajr ebda nefqa.

Il-kriżi finanzjarja attwali aktarx li se tinvolvi aktar tnaqqis fir-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-settur edukattiv kollu.

Il-kuntest ekonomiku, madankollu, għandu jġegħlna nħeġġu t-tħaffif tal-proċess, u nistudjaw formati u oqfsa finanzjarji ġodda li jippermettu implimentazzjoni aktar effettiva tal-objettivi tat-tkabbir u ta' eċċellenza tal-universitajiet Ewropej.

Flimkien mal-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom ukoll rwol essenzjali fil-proċess, speċjalment fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u fil-politiki ta' mobilità.

F'dan l-istadju l-EHEA għadha mhix żviluppata biżżejjed u huwa essenzjali li l-potenzjal tagħha jiġi massimizzat u jiġu indirizzati għadd ta' kwistjonijiet miftuħa, inkluża r-regolamentazzjoni governattiva, ir-restrizzjonijiet baġitarji, il-kontroll tal-kwalità u l-akkreditazzjoni nazzjonali.

L-atturi l-oħrajn fil-Proċess ta' Bolonja (l-universitajiet, l-istudenti, l-għalliema, it-trejdjunjins, is-settur tan-negozju) għandhom ir-responsabilità kruċjali li jiżguraw li l-proċess verament ikollu għeruq fil-korp soċjali universitarju.

Il-konformità ħażina minn uħud mill-universitajiet Ewropej mal-linji gwida tal-proċess turi wkoll il-ħtieġa li jiġu implimentati strateġiji ġodda ta' tagħlim.

Għandha tingħata aktar attenzjoni lit-twaqqif ta' sistema ta' tagħlim iffukata fuq l-istudent, fejn l-universitajiet u l-istaff akkademiku jħeġġu lill-istudenti jimmaniġjjaw b'mod attiv l-esperjenza tagħhom ta' edukazzjoni għolja.

Punti ta' konġestjoni

Il-mobilità: Il-mobilità għandha importanza partikulari bħala karatteristika essenzjali tal-EHEA, kif definit fil-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-modernizzazzjoni tal-EHEA u fl-aħħar riżoluzzjoni tal-PE tal-2008 dwar il-Proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudenti[1], li tagħha is-Sa Doris Pack kienet Rapporteur.

Il-mobilità mhijiex biss territorjali (fi ħdan u bejn pajjiżi), iżda wkoll orizzontali (bejn ċikli ta' lawrji) u vertikali (fi ħdan ċikli ta' lawrji).

Sabiex jissaħħu l-flussi tal-mobilità tal-istudenti, għandna bżonn aktar inċentivi fil-livell tal-politika ta' finanzjament, u l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi finanzjarji, miżuri ta' kwalità u r-rikonoxximent tal-krediti, u trasparenza u informazzjoni aħjar dwar il-programmi ta' mobilità.

Ir-Rikonoxximent tal-kwalifiki u l-qafas tal-kwalifiki: Ir-riformi introdotti bil-Proċess ta' Bolonja fihom sett ta' għodod maħsuba biex jinkuraġġixxu r-rikonoxximent tal-kwalifiki, bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti.

F'dan l-istadju ħafna mill-pajjiżi tal-proċess ta' Bolonja għadhom ma implimentawx oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-qafas tal-kwalifiki tal-EHEA.

Sabiex ikunu jistgħu jitkejlu, u biex jiġu ffaċilitati l-komparabilità u r-rikonoxximent ta' kwalifiki formali, mhux formali u informali, dawn il-kwalifiki nazzjonali għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati tal-tagħlim.

F'dan ir-rigward, ikun interessanti li jiġu meqjus kemm għandna nkomplu niżviluppaw il-Proġett 2000 'Tuning', li kien maħsub biex jagħti approċċ għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja u biex jidentifika punti ta' riferenza komuni għall-kompetenzi ġeneriċi u għal dawk speċifiċi għal suġġett għal-lawrjati tal-ewwel u tat-tieni ċiklu f'sensiela ta' dixxiplini.

L-assigurazzjoni tal-kwalità: Fil-preżent, ir-rieżami tas-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità għadha għaddejja fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, fejn l-universitajiet qed jaħdmu biex jiżviluppaw sistemi uniformi tal-assigurazzjoni tal-kwalità sostnuti minn proċeduri ta' valutazzjoni esterni.

Ir-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità jirrappreżenta kisba importanti, l-istess kif jagħmlu strumenti oħrajn bħall-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità; il-miżuri nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità jeħtieġ li jkunu adattati aktar f'dan ir-rigward.

Jeħtieġ li jinħolqu inċentivi biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jingħaqdu mar-reġistru u jtejbu s-sistemi tagħhom ta' awtoevalwazzjoni.

B'mod partikulari ġie żviluppat approċċ pożittiv fl-Awstrija u fid-Danimarka, fejn kull aġenzija tal-assigurazzjoni tal-kwalità tista' topera dment li tkun aderiet mar-reġistru. B'dan il-mod, kull lawrja b'ċertifikat ta' kwalità għandha tiġi rikonoxxuta fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-EHEA.

Id-dimensjoni soċjali: L-objettiv tal-koeżjoni soċjali sar parti ċentrali tal-EHEA u jirrappreżenta kundizzjoni li trid tiġi ssodisfata sabiex tiġi kkonsolidata l-EHEA. Għandha tingħata aktar importanza lill-aċċess ekwu u t-tlestija tal-edukazzjoni għolja fil-livelli kollha.

Dan ikun jeħtieġ aktar appoġġ mill-gvernijiet sabiex jiddaħħlu fis-seħħ miżuri biex ikabbru l-aċċess għal studenti minn gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u minn ambjenti soċjoekonomiċi aktar baxxi, kif ukoll għall-immigranti, minoranzi kulturali, u studenti b'diżabilità.

L-Impjegabilità u l-Lawrja tal-Baċellerat: In-nuqqas ta' statistika tagħmilha diffiċli li l-impjieg tal-persuni gradwati jkun immoniterjat. B'mod partikulari, l-impjegabilità tista' tiżdied ukoll billi min jimpjega jiġi involut fl-integrazzjoni tal-apprendistati bħala parti mill-kurrikuli akkademiċi.

Sistema effettiva ta' rikonoxximent f'livell tal-UE tkun ukoll essenzjali biex jiġu ddefiniti standards ta' kompetenzi u ħiliet għas-suq tax-xogħol (kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat).

Kooperazzjoni aħjar bejn l-EHEA u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA): L-inklużjoni tad-dottorati bħala lawrja tat-tielet ċiklu fl-istruttura tal-lawrji ta' Bolonja hija r-rabta ewlenija bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka.

Issa jeħtieġ li nibdlu l-perċezzjoni komuni li d-dottorat huwa mmirat biss għar-riċerka akkademika. Tabilħaqq, id-dottorati għandhom il-potenzjal li jkunu komponent importanti fil-ħolqien ta' innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien u tkabbir ekonomiku, u jistgħu jikkontribwixxu għall-progress u t-tixrid tal-għarfien u t-teknoloġija.

Azzjoni Ewropea

L-azzjoni fil-livell Ewropew hija aktar inċiżiva biex jittejbu r-riżultati u biex il-kwistjonijiet mhux solvuti jintgħelbu. Huwa kompitu tal-Istati Membri, tal-Istituzzjonijiet Ewropej u tal-partijiet kollha interessati (negozji, universitajiet, studenti) li l-universitajiet jissaħħew u jiġu mmodernizzati. L-Ewropa għandha l-mezzi biex tiżgura li jkun hemm sistema aktar effiċjenti kemm permezz ta' politika ta' inizjattivi kif ukoll permezz ta' rabtiet maż-żona Ewropea ta' riċerka.

L-assigurazzjoni tal-kwalità: Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin mingħajr ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u mingħajr fiduċja reċiproka. L-UE għandha tindirizza dan permezz ta' politika ta' inċentivi.

Il-Qafas tal-kwalifiki: Twaqqaf Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal-livelli kollha tal-edukazzjoni. L-Istati Membri tal-UE jridu jadottaw il-Qafas Nazzjonali tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja.

Kurrikuli fundamentali: Għandha ssir enfasi fuq il-ftehimiet dwar kurrikuli fundamentali komuni fil-programmi li jkopru l-istess dixxiplini, li jridu jkunu strutturati sabiex jiggarantixxu riżultati minimi ta' tagħlim definiti sew.

Lawrji Konġunti: Wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tal-EHEA għandu jkun li tiġi stabbilita u żviluppata sistema ta' lawrji Ewropej li jkunu rikonoxxuti fl-Ewropa kollha sabiex kull student li jlesti l-università fl-Ewropa jirċievi kwalifika li tkun rikonoxxuta u valida fl-Ewropa kollha.

Lejn is-Samit ta' Bukarest

Il-laqgħa ministerjali tal-Proċess ta' Bolonja se ssir f'April 2012. Huwa ta' importanza ewlenija li l-formulazzjoni tal-impenji l-ġodda għat-tliet snin minn issa sal-laqgħa ministerjali li jmiss ma tkunx limitata biss għat-tfassil ta' lista ta' benchmarks, iżda minflok tkun tinkludi miżuri konkreti li jippromwovu t-twettiq sħiħ tal-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja f'kull università u Stat Membru.

  • [1]  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur  (28.11.2011)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja
(2011/2180(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Emma McClarkin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni bħala l-qasam ewlieni għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi essenzjali tax-xogħol u tal-iżvilupp tal-istrateġija UE 2020 u l-irkupru ekonomiku tant meħtieġ;

2.  Jirrimarka li l-Proċess ta' Bolonja u l-programm Erasmus taw spinta lill-mobilità tal-istudenti u għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal mobilità tax-xogħol imsaħħa; jiddispaċih, madankollu, li r-rati ta’ mobilità għadhom relattivament baxxi; jistieden, għaldaqstant, lill-UE, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkomunikaw aktar effettivament ma' xulxin u mal-istudenti dwar il-possibilitajiet li l-istudenti għandhom fir-rigward tal-mobilità, inklużi l-opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa biex jiżdied il-finanzjament tal-programm Erasmus;

3.  Iqis li t-twaqqif xieraq ta' punti uniċi ta' kuntatt għas-settur tal-edukazzjoni fl-Istati Membri jista' jnaqqas kunsiderevolment in-natura irregolari u mhux uniformi tal-implimentazzjoni tad-diversi aspetti tal-Proċess ta' Bolonja, jassisti fil-modernizzazzjoni ta' politiki nazzjonali għall-edukazzjoni għolja u jwassal għal kooperazzjoni, koordinazzjoni, kuntatt u skambji itjeb dwar l-aħjar prattiki fost l-UE27;

4.  Jenfasizza li l-miżuri biex jippromwovu l-impjegabbiltà, bħat-tagħlim tul il-ħajja, u l-iżvilupp ta' medda usa' ta' ħiliet tajbin għas-suq tax-xogħol, għandhom ikun l-ogħla prijorità sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jintlaħqu l-objettivi ta' prosperità; f'dan ir-rigward, jappoġġja bis-sħiħ l-iskambji tal-għalliema u tal-istudenti tal-università, id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, l-apprendistati u l-passaport tal-ħiliet;

5.  Huwa tal-fehma li l-mobilità fost il-letturi universitarji twessa' l-edukazzjoni u l-esperjenza mhux biss tal-letturi nfushom, iżda wkoll, indirettament, tal-istudenti tagħhom, filwaqt li tgħinhom jipparteċipaw fit-tħejjija tal-materjal pedagoġiku;

6.  Jenfasizza l-kontribut tas-7 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka, tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tkun iffaċilitata l-mobilità tar-riċerkaturi tal-UE u biex jinfetaħ il-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-UE, u jappella għal rabtiet aktar mill-qrib bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tassisti lill-Istati Membri matul il-proċess intergovernamentali bi tħejjija għall-konferenza li ġejja tal-Ministri responsabbli għal edukazzjoni għolja f'Bukarest f'April 2012; jappoġġja l-approċċ reċenti tal-Kummissjoni Ewropea stabbilit fil-Komunikazzjoni “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa”[1];

8.  Jemmen li l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni fil-laqgħa ministerjali tas-sena d-dieħla f'Bukarest se jwassal għal pjan direzzjonali ċar għat-twaqqif ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-iskadenza tal-2011; jisħaq li għandhom jitressqu proposti intersettorjali, f’dak li jikkonċerna t-taħriġ fl-ICT, it-tagħlim vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll it-taħriġ fil-post tax-xogħol, u li dawn il-proposti jippromwovu attivament kemm l-inklużjoni kif ukoll it-tkabbir intelliġenti u sostenibbli, b’mod li jagħtu lill-UE vantaġġ kompetittiv fid-dinja ta’ wara l-kriżi fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi, il-kapital uman, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ekonomija tal-għarfien fit-totalità tagħha;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-communiqué ta' Londra tal-2007, li poġġa d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni wieħed mill-objettivi tal-Proċess ta' Bolonja, bl-għan ikun li jiġu żgurat aċċess ekwu għall-edukazzjoni irrispettivament mill-isfond ta' dak li jkun; jiddispjaċih għall-fatt li ma sarx biżżejjed progress għall-ilħuq ta' dan l-objettiv, u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-progress;

10. Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta qawwija bejn il-proċess ta' Bolonja u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, u jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-Kummissjoni b'manjiera li tkun konsistenti għall-aħħar mal-Proċess ta' Bolonja; isostni li r-rabta tista' tissaħħaħ aktar billi l-istudenti jingħataw l-informazzjoni prattika relevanti kollha dwar l-għarfien tad-diplomi miksuba minn barra u l-opportunitajiet ta' xogħol li jġib it-taħriġ barra l-pajjiż;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'konformità mas-setgħat tagħha, tevalwa l-implimentazzjoni mhux uniformi tal-proċess u tfassal tabella ta' valutazzjoni sabiex il-proċess ta' Bolonja jsir strumenti reali li jiffaċilita l-mobilità tal-professjonisti mhux biss bejn l-Istati Membri imma wkoll bejn l-UE u l-pajjiżi terzi li huma firmatarji; jenfasizza li kull tabella ta' valutazzjoni li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja għandha teżamina l-kwistjoni fil-fond, mil-lat kwalitattiv u dak kwantitattiv, sabiex tiggwida l-iżviluppi fil-ġejjieni u tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza;

12. Jappella, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u sabiex isir progress lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja reali, sabiex isir tqabbil tar-rekwiżiti minimi nazzjonali ta’ taħriġ u biex ikun hemm skambji aktar regolari bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet professjonali;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tat-trasparenza tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) bil-għan li din tkun tista' tintuża bħala għodda ta' tqabbil biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u jsostni li approċċ aktar ibbażat fuq il-ħiliet jista' jiffaċilita tqabbil aħjar bejn is-setturi differenti; jitlob lill-partijiet interessati relevanti jikkunsidraw il-possibilità li jdaħħlu fl-ECTS il-perjodi ta' taħriġ mwettqa bħala parti mill-edukazzjoni għolja;

14. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-implimentazzjoni konsistenti tas-sistema ECTS; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw tabella komparattiva li tkun tindika l-għadd ta' krediti tal-ECTS mogħtija għall-korsijiet, bil-għan li tiżdied il-konsistenza u tiġi ffaċilitata l-mobilità professjonali u tal-istudenti; jinnota li l-ostakoli li l-istudenti iħabbtu wiċċhom magħhom meta jittrasferixxu l-krediti minn università għall-oħra, u jemmen li dawn id-diffikultajiet jistgħu jiskuraġġixxu l-istudenti milli jieħdu sehem fi skambji akkademiċi;

15. Jappella għal trasparenza akbar fl-informazzjoni mogħtija lill-istudenti qabel ma jibda skambju partikulari fir-rigward tal-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw, u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkooperaw flimkien meta jkunu qed jivvalutaw l-għadd ta' krediti li jkunu se jingħataw għall-korsijiet; jinkuraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi komuni sabiex tinħoloq bażi ta' għarfien u kompetenzi definita minn professjonisti u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bil-għan possibbli li tinkiseb approssimazzjoni ta' xi diplomi, filwaqt li jitħares id-dritt li jitħallew l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, pereżempju s-sistema tal-għarfien awtomatiku tal-kwalifiki professjonali fl-UE[2];

16. Jappella għal netwerking, koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn l-universitajiet tal-UE sabiex jitħaffef l-għarfien ta' diplomi ġodda, jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-krediti, jitjieb l-għarfien u l-fehim tas-sistemi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ u sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar id-diversità tal-programmi Ewropej.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Cornelis de Jong, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, María Irigoyen Pérez, George Lyon, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Marc Tarabella, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ramona Nicole Mănescu

  • [1]  Komunikazzjoni tal-20 ta' Settembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa" (COM(2011)0567).
  • [2]  Anness V, dwar ir-Rikonoxximent abbażi tal-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ, għad-Direttiva 2005/36/KE dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.1.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Ivo Belet, Seán Kelly, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer