RAPPORT dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali

14.5.2012 - (2011/2293(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Marco Scurria

Proċedura : 2011/2293(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0166/2012
Testi mressqa :
A7-0166/2012
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali

(2011/2293(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 165, 166 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perijodu 2007-2013[1],

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja[2],

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinza Ewropea attiva[3],

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)[4],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-24 ta' April 2006 dwar ir-rikonoxximent tal-valur ta' tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ Ewropej[5],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2007 dwar attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ[6],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2007, dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ[7],

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea[8],

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà[9],

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu, tal-10 ta' Marzu 2011, dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet[10],

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tat-3 ta' Ottubru 2011, dwar ir-rwol ta' attivitajiet volontarji fil-politika soċjali[11],

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tad-29 ta' Novembru 2011, dwar ir-rwol ta' attivitajiet volontarji fil-politika soċjali[12],

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, tas-27 ta' Ottubru 2010, bit-titolu 'Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE' (COM(2010)0603),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-5 ta' Settembru 2007, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà" (COM(2007)0498),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tas-27 ta' April 2009, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ: Investiment u Responsabbilizzazzjoni – Metodu miftuħ u mġedded ta' koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ' (COM(2009)0200),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tat-3 ta' Marzu 2010, bit-titolu 'Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-15 ta' Settembru 2010, lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea" (COM(2010)0477),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-20 ta' Settembru 2011, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali (COM(2011)0568),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tat-23 ta' Novembru 2010, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (COM(2010)0683),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' April 2008, dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali[13],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kummissjoni għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0166/2012),

A.  billi 'volontarjat' tfisser l-attivitajiet formali, mhux formali, informali u t-taħriġ u t-tagħlim professjonali li jsiru volontarjament, abbażi ta' għażla u motivazzjoni liberi tal-persuna u mingħajr skop ta' lukru, li jagħtu benefiċċju lill-voluntiera, lil dawk li jirċievu servizzi minn assoċjazzjoni ta' voluntiera, komunitajiet u s-soċjetà fit-totalità tagħha;

B.   billi s-suċċess tas-Sena Ewropea tal-attivitajiet ta' volontarjat li jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva (2011) f'livell nazzjonali, reġjonali, lokali u Ewropew għandu konsegwenzi pożittivi f'termini ta' aktar viżibilità u sensibilizzazzjoni pubblika u għandu jinfluwenza t-tfassil tal-politiki pubbliċi;

C.  billi l-volontarjat huwa esperjenza ta' tagħlim informali adatt għal persuni ta' kull età; billi l-benefiċċji li joffri f'termini ta' żvilupp personali, ġestjoni tal-ispazju kollettiv, tisħiħ tad-demokrazija, valuri ċiviċi, solidarjetà soċjali u parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, tagħlim interkulturali u kisba ta' ħiliet professjonali kif ukoll il-kontribut tiegħu għall-objettivi tal-politiki tal-Unjoni Ewropea ta' inklużjoni soċjali u ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, impjiegi, edukazzjoni, kultura, żvilupp tal-ħiliet u ċ-ċittadinanza;

D.  billi l-volontarjat huwa fattur importanti biex joħloq kapital soċjali u żvilupp u biex jippromwovi l-koeżjoni soċjoekonomika, fid-dawl tal-potenzjal tal-opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali biex jgħin lill-voluntiera jiksbu ħiliet li jżidu l-opportunitajiet tagħhom għall-impjiegi u jikkontribwixxi b'tali mod għall-istrateġija ta' tkabbir Ewropa 2020;

E.   billi n-numru dejjem ikbar ta' ċittadini tal-UE ta' kull età impenjati fil-volontarjat fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura, tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-isport, tal-ambjent, tal-iżvilupp sostenibbli, tas-saħħa, tal-immigrazzjoni, tad-difiża tad-drittijiet, tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi;

F.   billi teżisti varjetà enormi ta' kulturi, tradizzjonijiet. sistemi ġuridiċi u metodi ta' organizzazzjoni tal-volontarjat fl-Istati Membri iżda jeżistu ostakli persistenti għall-prattika tiegħu, peress li l-volontarjat la huwa rikonoxxut u lanqas mhuwa rikonoxxut b'mod adegwat f'ħafna sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, u billi ma jridx jissostitwixxi lil attivitajiet li potenzjalment jistgħu joħolqu impjiegi remunerati;

G.  billi l-kriżi ekonomika u l-konsolidament fiskali qed jipperikolaw is-sostenibilità finanzjarja ta' ħafna NGOs u assoċjazzjonijiet ta' volontarjat li kuljum jaħdmu biex iżidu ċ-ċittadinanza attiva, is-solidarjetà u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa kollha;

H.  billi l-kriżi ekonomika u fatturi politiċi u ekonomiċi għandhom impatt fuq il-finanzjament sostenibbli u l-ġbir ta' fondi għall-attivitajiet ta' volontarjat;

I.    billi ħafna proġetti u organizzazzjonijiet immexxija mill-voluntiera ma għandhomx ir-riżorsi biex jaċċessaw u jiżguraw finanzjamenti fl-ambitu ta' programmi eżistenti tal-UE minħabba l-burokrazija eċċessiva;

J.    billi l-azzjoni tal-UE għandha valur miżjud fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba dwar il-volontarjat fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

1.   Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma għandhomx qafas ġuridiku ċar u adegwat għall-voluntiera jadottaw wieħed u jfasslu strateġiji nazzjonali biex jippromwovu l-iżvilupp tal-attivitajiet ta' volontarjat, inkluż ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-voluntiera kif ukoll jiggarantixxu l-kwalità, il-ħarsien u l-aċċess ugwali għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni, partikolarment f'termini ta' aċċess adegwat għall-protezzjoni sanitarja u soċjali;

2.   Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma għamlux progress sostanzjali fl-ambitu tal-volontarjat jiddedikaw, fil-futur, attenzjoni partikolari lil tali settur matul il-tfassil tal-politiki, tal-programmi tagħhom u tal-finanzjament tagħhom;

3.   Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera jkunu rikonoxxuti u rispettati u li l-voluntiera nnifishom ikunu jafu bihom; jissuġġerixxi li, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri jużaw il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Volontarjat, imfassla mill-konferenza tal-partijiet interessati fit-tieni Konvenzjoni taż-Żgħażagħ dwar il-Volontarjat fl-2011 bħala referenza għat-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam;

4.   Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u lill-UE jagħtu attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ żvantaġġati u b'inqas opportunitajiet (speċjalment persuni b'diżabilitajiet), sabiex ikunu jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' volontarjat u, għal dan il-għan, jibbenefikaw minn appoġġ pedagoġiku u finanzjarju xieraq;

5.   Jirrimarka li l-volontarjat inaqqas ir-riskju ta' esklużjoni soċjali u għalhekk hu essenzjali li l-gruppi soċjali kollha jiġu attirati minn dawn l-attivitajiet, speċjalment persuni b'diżabilitajiet; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi żgurat li l-volontarjat isir aktar rikonoxxut u inqas imfixkel minn ostakli ta' kull tip;

6.   Itenni l-ħtieġa li l-volontarjat isir aċċessibbli għall-immigranti u l-minoranzi bħala fattur neċessarju biex jiġu ffaċilitati l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom;

7.   Josserva l-effett ta' benefiċċju tal-kooperazzjoni bejn il-voluntiera tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżi terzi, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kooperazzjoni tieħu importanza partikolari fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jirrimarka wkoll li minbarra l-benefiċċji prinċipali li jirriżultaw mill-volontarjat, dan tal-aħħar jista' jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt fil-pajjiżi terzi;

8.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jagħmlu progress fin-negozjati għal reġimi tal-viżi aktar sempliċi għaċ-ċittadini mhux tal-UE li jixtiequ jidħlu fl-UE għal finijiet ta' volontarjat, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kriterji biex iwettqu attivitajiet ta' volontarjat;

9.   Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE[14] dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, u biex jissemplifika l-proċeduri għall-għoti ta' viżi, possibbilment jiġu aboliti, għall-persuni li jixtiequ jibdew attivitajiet ta' volontarjat, partikolarment fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Viċinat;

10. Jinnota li l-volontarjat jinvolvi ċ-ċittadini fi żvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġiku lokali u transkonfinali sostenibbli u ta' spiss jista' jiżgura l-għoti ta' għajnuna mingħajr telf ta' ħin meta jinqalgħu d-diżastri; jirrimarka li dan għandu rwol fit-tkabbir tas-solidarjetà, taċ-ċittadinanza attiva u tat-tagħlim interkulturali, filwaqt li jipprovdi lill-voluntiera bl-opportunità li jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-pajjiż li fih jaħdmu u b'hekk isaħħu l-koeżjoni soċjali u d-demokrazija parteċipattiva;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali biex iċ-ċittadini jkunu pprovduti b'ħiliet ġodda, li jikkontribwixxu għall-impjegabilità u l-mobilità tagħhom u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-inklużjoni soċjali u biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-organizzaturi ta' attivitajiet volontarji fil-pajjiżi tal-UE sabiex tiġi promossa l-mobilità tal-voluntiera ta' kull età fl-Ewropa kollha, bl-għan li jitrawwem arrikkiment kulturali reċiproku;

12. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-faċilitajiet tal-organizzazzjonijiet u taċ-ċentri tal-volontarjat, bil-għan li tagħti l-informazzjoni u t-taħriġ u l-koordinament tal-attivitajiet bejn il-voluntiera u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport li jidentifika l-ostakli għall-volontarjat transkonfinali, pereżempju l-limiti tal-età fl-assigurazzjonijiet, u jekk ikun meħtieġ, proposti leġiżlattivi;

14. Jenfasizza l-bżonn li jiġi garantit l-iżvilupp tal-volontarjat ta' kwalità, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll transkonfinali, permezz ta' qafas strutturat ta' informazzjoni komprensiva u taħriġ xieraq għall-voluntiera li jinkludi l-aħjar prattika attwali, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' akkoljenza għall-operaturi u l-organizzazzjonijiet fuq livell lokali u nazzjonali, rikonoxximent tad-drittijiet tal-voluntiera li jirrikonċiljaw l-attività tagħhom ta' volontarjat mal-ħajja privata tagħhom u bil-ħolqien ta' infrastruttura neċessarja fil-livelli kollha;

15. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-attivitajiet li jistgħu jiġbru u jinkanalaw il-motivazzjonijiet tal-voluntiera potenzjali, jiġi valorizzat il-potenzjal uman ta' kull persuna u jiżdied il-livell ta' kwalità tal-volontarjat ta' kull realtà u assoċjazzjoni, fil-kuntest ta' kull Stat Membru u b'attenzjoni partikolari fuq il-volontarjat transkonfinali;

16. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-ħin tal-voluntiera bħala forma ta' finanzjament ekwivalenti fl-ambitu tal-proġetti Ewropej, b'mod partikolari f'każ ta' inizjattivi transkonfinali;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżvluppaw inizjattivi u programmi ta' volontarjat internazzjonali li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżempji pożittivi u l-prattiki tajba li diġà ġew implimentati għal dan il-għan minn ċerti Stati Membri;

18. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' taħriġ u jiżviluppaw gwidi u materjali dwar il-ġestjoni tal-voluntiera u skemi ta' motivazzjoni biex persuni jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll lid-diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, itejbu n-netwerks tagħhom tal-informazzjoni sabiex kulħadd isir jaf dwar l-opportunitajiet relatati mal-volontarjat, jingħelbu l-ostakli għall-parteċipazzjoni, jittejjeb l-aċċess għall-aħjar prattiki tal-volontarjat u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri;

20. Jipproponi, għalhekk, il-ħolqien ta' portal ċentralizzat tal-UE, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet impenjati f'dan is-settur u partikolarment in-netwerks Ewropej tagħhom, li jinkludi bank ta' riżorsi dwar l-aħjar prassi tal-volontarjat u taqsima dwar il-volontarjat transkonfinali, b'informazzjoni dwar il-programmi disponibbli, il-kostijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom għall-parteċipazzjoni, biex jippermetti skambju ta' informazzjoni dwar il-piżijiet amministrattivi, l-aspetti ġuridiċi u fiskali tal-volontarjat, l-ostakli li dak li jkun jiltaqa' magħhom fl-aċċess għall-programmi u l-aħjar modi biex jegħlibhom;

21. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrikorru għall-Manwal dwar il-Kejl tal-Volontarjat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u għall-Manwal dwar l-Organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li tkun disponibbli statistika komparabbli u tingħata stampa ċara tal-kontribut sinifikanti tal-volontarjat u tal-eżiġenzi tal-voluntiera u tal-operaturi fl-Unjoni Ewropea kollha;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-Manwal tal-ILO dwar il-Kejl tal-Volontarjat sabiex tiġi żgurata data komparabbli soda li tista' tgħin biex jittejjeb il-monitoraġġ u t-tfassil tal-politiki;

23. Jinnota li l-anzjani li jimpenjaw ruħhom fil-volontarjat isibu t-tranżizzjoni mix-xogħol għall-pensjoni aktar faċli, jiġifieri jħallu x-xogħol attiv b'mod aktar gradwali;

24. Jenfasizza l-importanza li anki ċ-ċittadini anzjani li jixtiequ jwettqu xogħol ta' volontarjat anki f'pajjiż ieħor tal-UE jiġu infurmati, jingħataw finanzjament adegwat u sostenn, permezz tal-promozzjoni tat-tixjiħ attiv bħala riżorsa rikka ta' għerf u ta' esperjenza għas-soċjetà;

25. Jinnota li l-volontarjat jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, u jista' jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-faqar, b'hekk jgħin biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika u soċjali; jirrimarka li l-volontarjat jippromwovi wkoll is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn iż-żagħżagħ u l-anzjani, u jikkontribwixxi biex ikun hemm tixjiħ attiv u involviment soċjali fil-fażijiet kollha tal-ħajja, kif ukoll jgħin biex jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent;

26. Jinnota li l-volontarjat jagħmel il-persuni aktar tolleranti, joħloq kapital uman u soċjali u għandu rwol vitali u jagħti s-setgħa lil gruppi soċjalment esklużi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal ammont kemm jista' jkun wiesa' ta' opportunitajiet ta' volontarjat u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel il-programmi Ewropej aktar inklużivi u miftuħa għall-faxex kollha tal-età;

27. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi nazzjonali fil-qasam tal-volontarjat u jippreparaw rapporti uffiċjali ta' ċensiment, ta' kontroll u ta' evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-volontarjat;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu profil għoli lill-volontarjat fl-isport, partikolarment fil-livell bażiku, sabiex ikun rikonoxxut ir-rwol importanti li għandhom l-organizzazzjonijiet sportivi mmexxija mill-voluntiera fit-tisħiħ tal-kultura, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-komunitajiet, u jnaqqsu l-ostakli għall-volontarjat sportiv fl-UE kollha;

29. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-UE jagħrfu l-kontribut importanti tal-volontarjat anki fil-ħarsien tal-ambjent, u jappoġġaw lill-attivitajiet ta' volontarjat relatati mal-edukazzjoni ambjentali, ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-emerġenzi u ta' difiża tal-wirt artistiku u kulturali;

30. Jinkoraġġixxi lill-impriżi tal-Unjoni Ewropea jappoġġaw lill-impjegati u lill-pensjonanti tagħhom fl-involviment tagħhom fil-volontarjat;

31. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni favur it-twaqqif ta' "Passaport Ewropew tal-Ħiliet", sabiex il-ħiliet miskuba permezz tal-volontarjat jiġu uffiċjalment rikonoxxuti kemm għal finijiet professjonali kif ukoll għal finijiet ta' tagħlim, li huwa element essenzjali biex jiġu motivati voluntiera potenzjali u biex tinħoloq rabta bejn it-tagħlim mhux formali u l-edukazzjoni formali;

32. Jenfasizza li dan il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet ma għandux ikun ġabra ta' ċertifikati distinti ġodda, imma dokument komplet, li jelenka, fuq it-talba tal-voluntier, kull esperjenza prattika, it-taħriġ u l-ħiliet trasversali u professjonali miksuba fl-ambitu ta' programm ta' tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-kompetenzi miksuba permezz ta' attività ta' volontarjat;

33. Jipproponi għalhekk lill-istudenti l-inklużjoni fis-sistema ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti) tal-ħiliet miksuba bl-ambitu tal-attivitajiet ta' volontarjat;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' sistema simili ta' kalkolu u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba fl-ambitu ta' attivitajiet ta' volontarjat għall-adulti barra mis-sistema universitarja;

35. Jistieden lill-Kummissjoni biex il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-ħiliet miksuba bil-volontarjat għandhom ukoll sinifikat konsiderevoli fil-ħajja tax-xogħol u joffru valur miżjud lis-CV, u jinnota li l-volontarjat jista' jgħin liż-żgħażagħ fl-għażla tal-karriera tagħhom;

36. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat bħala tagħlim mhux formali u informali u esperjenza ta' xogħol;

37. Jinnota li l-volontarjat iwessa' l-orizzonti u jiżviluppa l-personalitajiet ta' dawk li jieħdu sehem fih u jenfasizza l-fatt li l-volontarjat iġib ukoll benefiċċji ekonomiċi lill-Istati Membri, għaliex il-persuni li jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat jikkontribwixxu biex jiġi ġġenerat il-PDG;

38. Jistieden lill-Kummissjoni tqis, fil-"Passaport Ewropew tal-Ħiliet" il-bżonn ta' approċċ koeżiv u trasferibbli għall-analiżi u l-kontroll xierqa tal-voluntiera li jaħdmu mat-tfal u/jew mal-membri vulnerabbli tas-soċjetà;

39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi għall-konvalida tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u formali, li se jtejjeb il-valur u t-trasferibilità tal-ħiliet miksuba barra mill-edukazzjoni formali, filwaqt li jiffaċilita b'mod partikolari l-ksib ta' krediti ECTS supplementari fl-università bis-saħħa tal-attivitajiet ta' volontarjat u mekkaniżmu standardizzat ta' rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat fl-ECTS kif ukoll teżamina l-possibilitajiet biex jitneħħew l-ostakli tat-taxxa li dak li jkun jiltaqa' magħhom huwa u jipparteċipa f'attivitajiet transkonfinali;

40. Jipproponi li jiġi stabbilit qafas dwar it-taħriġ u l-kwalifiki għal ħarrieġa volontarji u jiġi inkorporat fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sabiex il-mobilità tal-ħarrieġa volontarji titjieb u tiżdied it-trasferibilità tal-ħiliet u l-kompetenzi żviluppati permezz tal-volontarjat;

41. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-volontarjat tal-impjegati u l-volontarjat appoġġat minn min iħaddem ukoll fil-kuntest tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji;

42. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq "Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja", li permezz tiegħu se tiżdied il-parteċipazzjoni ta' voluntiera f'azzjonijiet ta' solidarjetà fil-kuntest tal-politika dwar l-għajnuna umanitarja tal-UE;

43. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll l-istrutturi eżistenti mill-bidu nett u tinkludihom b'mod attiv waqt it-twaqqif ta' dan il-korp volontarju; jenfasizza wkoll li d-duplikazzjoni tal-istrutturi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili mhijiex awspikabbli u għandha tiġi evitata;

44. Iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u lill-UE jassiguraw finanzjament adegwat u stabbli u jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi, inklużi inċentivi tat-taxxa, għall-organizzazzjonijiet impenjati fil-volontarjat, inklużi l-assoċjazzjonijiet u n-netwerks kollha rilevanti, partikolarment dawk ta' daqs żgħir u b'riżorsi limitati, sabiex ir-rwol, l-attivitajiet u r-riżultati jiġu valorizzati għall-ġid tas-soċjetà;

45. Jitlob għaldaqstant li l-kunċett ta' għotja għall-assoċjazzjonijiet ikun iċċarat sabiex il-finanzjamenti tal-assoċjazzjonijiet ma jiġux imfixkla mal-għajnuna mill-Istat, li jista' jxekkel il-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu li jippermetti lill-Istati Membri li jixtiequ jsaħħu s-soċjetà ċivili biex jeżentaw mill-VAT l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha, jew il-maġġoranza tagħhom, li jsiru minn organizzazzjonijiet volontarji mingħajr skop ta' lukru; jenfasizza li mill-inqas l-organizzazzjonijiet iżgħar mingħajr skop ta' lukru għandhom ikunu koperti minn mekkaniżmu bħal dan;

47. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ċertezza ġuridika għall-voluntiera, mhux l-inqas fir-rigward ta' kwestjonijiet ta' assigurazzjoni, sabiex id-diversi sistemi fl-Istati Membri differenti jinkoraġġixxu l-volontarjat transkonfinali, u biex jiżguraw ukoll li l-voluntiera jkunu infurmati aħjar rigward drittijiethom u rigward l-arranġamenti regolatorji u istituzzjonali fis-seħħ fid-diversi Stati Membri;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti l-proċess ta' tneħħija ta' ostakli eżisteni;

49. Jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw it-taxxa transkonfinali u l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom b'rabta mal-volontarjat transkonfinali biex jiżguraw li ma joħolqux ostakli addizzjonali għal din l-attività u li l-voluntiera transkonfinali jkunu jistgħu jirċievu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li għalihom għandhom dritt skont ir-Regolament (KE) Nru 2004/883;

50. Jenfasizza li, għalkemm hu riżorsa importanti tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna, il-volontarjat ma għandux ikun alternattiva għal xogħol regolari u remunerat jew sostitut tiegħu u, fl-ebda ċirkostanza, ma għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-gvernijiet jonqsu milli jwettqu l-obbligi soċjali tagħhom;

51. Iqis li dan l-aspett għandu jiġi enfasizzat b'mod partikolari fis-settur tal-assistenza sanitarja, fejn l-ammont ta' volontarjat qed ikompli jikber; jindika wkoll li l-promozzjoni tal-volontarjat b'rabta mal-ksib, l-iżvilupp jew iż-żamma ta' ħiliet ma għandhiex twassal sabiex il-volontarjat isir rekwiżit obbligatorju minħabba li dan jippreġudika n-natura fundamentali tiegħu;

52. Jistieden b'mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u lill-UE juru lill-atturi u lill-imsieħba tal-volontarjat il-programmi Ewropej eżistenti, partikolarment dawk bl-għan "kooperazzjoni territorjali Ewropea" fil-politika ta' koeżjoni, u sabiex jiffaċilitawlhom l-aċċess biex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw aħjar minnhom għall-proġetti u l-attivitajiet transkonfinali tagħhom;

53. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jimplimentaw skemi nazzjonali għall-volontarjat transkonfinali sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tiegħu fl-UE kollha;

54. Jistieden partikolarment lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-ħolqien tal-programmi multiannwali l-ġodda u fid-dawl tal-esperjenza importanti miksuba mis-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, tiżgura li jiġi garantit il-finanzjament tal-proġetti ta' volontarjat u tal-istrutturi li jorganizzaw attivitajiet ta' volontarjat u tiżviluppa u tinkoraġġixxi koordinament interistituzzjonali effiċjenti bil-għan li jippromwovi r-rwol tal-volontarjat fil-politiki tal-UE;

55. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli u l-programmi rilevanti tkun disponibbli mingħajr ħlas għal proġetti mmexxija minn voluntiera u li l-proċeduri ta' applikazzjoni ma jsirux inaċċessibbli minħabba burokrazija eċċessiva;

56. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jingħata finanzjament adegwat lil programmi f'diversi oqsma politiċi li jappoġġaw l-attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw attivament skemi għat-trawwim tal-volontarjat nazzjonali u transkonfinali; jitlob li l-appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-volontarjat jingħata attenzjoni partikolari, isostni li s-sussidji pubbliċi għall-volontarjat għandhom ikunu allokati mingħajr ma tkun diskriminata l-ebda organizzazzjoni;

57. Jipproponi li għandu jitwaqqaf netwerk ta' organizzazzjonijiet volontarji fid-diversi Stati Membri billi jiġu kkoordinati l-organizzazzjonijiet volontarji eżistenti filwaqt li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattika tajba u ta' esperjenzi, u hu tal-fehma li l-punti ta' kuntatt il-ġodda għandhom ikunu miftuħa biss fi Stati Membri li għad ma għandhomx dawn l-istrutturi;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet biex tagħtihom qafas ġuridiku li fi ħdanu joperaw, inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-attivitajiet ta' volontarjat transkonfinali u jistabbilixxu strutturi volontarji fuq livell Ewropew li jinkoraġġixxu l-mobilità tal-voluntiera fl-UE;

59. Jenfasizza r-rwol li l-volontarjat jiżvolġi fil-promozzjoni tal-politiki tal-UE;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti rikonoxximent xieraq lill-politiki rilevanti tal-UE dwar il-volontarjat u tippromwovihom, filwaqt li tikkunsidra n-natura trasversali ta' dawn l-attivitajiet u tiżgura li l-politiki nfushom jippromwovu l-iżvilupp tal-volontarjat u jinkoraġġixxu l-involviment tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà;

61. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-programmi u l-proġetti tal-UE tagħti rikonoxximent xieraq lill-kontribut ġenwin li x-xogħol li jsir mill-voluntiera jagħti lill-komunità;

62. Jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi għall-ħolqien ta' Fond għall-Iżvilupp ta' Ċentri Ewropej għall-Volontarjat, li għandu l-għan li jiżviluppa infrastruttura li tappoġġa l-volontarjat;

63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu li l-ħin iddedikat għall-volontarjat ikun inkluż bħala kofinanzjament fil-programmi finanzjati kollha tal-UE abbażi ta' kontribut in natura b'valur finanzjarju;

64. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu kontinwità bejn l-2011 u s-snin li ġejjin billi jintegraw bis-sħiħ fis-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012) kif ukoll fis-sena proposta bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) id-dimensjoni tal-volontarjat, li hija espressjoni ta' ċittadinanza attiva li tippromwovi l-inklużjoni soċjali anke taċ-ċittadin anzjan;

65. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss il-volontarjat, b'mod partikolari matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-appoġġ għall-volontarjat fil-politiki dwar l-assistenza tal-iżvilupp internazzjonali tagħha, mhux l-inqas bil-għan li jintlaħqu l-objettivi kollha mniżżla fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju;

66. Isostni eżami formali tal-proposta 'Solidarité' għal programm interistituzzjonali fil-qasam tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li jiffaċilita l-involviment tal-persunal u tal-apprendisti tal-istituzzjonijiet fil-volontarjat, l-attivitajiet umanitarji u soċjali, kemm bħala parti mit-taħriġ tal-persunal kif ukoll bħala volontarjat fil-ħin privat tagħhom;

67. Jenfasizza l-fatt li l-programm propost jiffranka l-ispejjeż u għandu valur miżjud għoli kif ukoll ikun jgħin fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE;

68. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni żżomm il-punti ta' kuntatt utli stabbiliti kemm mal-"EYV 2011 Alliance" u mas-suċċessur tiegħu "Pjattaforma għall-Volontarjat", li jinkludu bosta organizzazzjonijiet ta' volontarjat u netwerks tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-entitajiet nazzjonali ta' koordinament, mal-imsieħba strateġiċi u mal-kelliema għall-gvernijiet nazzjonali f'dan il-qasam, minħabba d-diversità kbira tal-entitajiet responsabbli għall-volontarjat fl-UE u jinkoraġġixxi lil dawn il-punti ta' kuntatt ikunu involuti fil-portal ċentralizzat propost tal-UE, bħala pjattaforma pan-Ewropea biex ikun iffaċilitat aktar il-koordinament u aktar attività transkonfinali;

69. Jisħaq fuq l-importanza tan-netwerks ta' kuntatt u l-iskambju tal-prattiki t-tajb biex titqassam l-informazzjoni dwar il-proċeduri tal-UE attwali li jistgħu jgħinu u jsostnu l-volontarjat transkonfinali;

70. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi, meta tqis li jkun xieraq, fil-konfront tal-Aġenda Politika dwar il-Volontarjat fl-Ewropa (PAVE) maħluqa mill-organizzazzjonijiet ta' volontarjat involuti fl-"EYV 2011 Alliance";

o

o        o

71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.
  • [2]  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
  • [3]  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1358/2008/KE (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 58).
  • [4]  ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43.
  • [5]  ĠU C 168, 20.7.2006, p. 1.
  • [6]  http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st14/st14427-re01.mt07.pdf
  • [7]  ĠU C 241, 20.9.2008, p. 1.
  • [8]  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8.
  • [9]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.
  • [10]  Testi adottati, P7_ TA(2011)0101.
  • [11]  http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/11/st14/st14552.mt11.pdf
  • [12]  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 24.
  • [13]  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 9.
  • [14]  ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

NOTA SPJEGATTIVA

Wara sena sħiħa inizjattivi li raw lill-voluntiera mill-Ewropa kollha impenjati f'attivitajiet ta' promozzjoni, informazzjoni u sensibilizzazzjoni, għadha kemm ġiet fi tmiemha s-Sena Ewropea tal-attivitajiet ta' volontarjat li jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva (2011), u ħalliet postha għas-Sena Ewropea għat-tixjiħ attiv u għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2012). Din se tkun okkażjoni importanti oħra biex issir riflessjoni dwar il-valur tal-volontarjat fil-ħajja ta' kuljum u biex lill-anzjani tingħatalhom l-opportunità li joffru l-kontribut tagħhom għat-tkabbir tas-solidarjetà fil-komunità.

Fid-dawl tal-ħafna inizjattivi u dibattiti li saru fil-kuntest tal-2011, sar evidenti kemm l-attivitajiet ta' volontarjat huma għodda għall-individwi u għall-assoċjazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib tal-bniedem, kif ukoll dawk soċjali, interġenerazzjonali jew ambjentali.

Ġie enfasizzat kif il-volontarjat huwa espressjoni taċ-ċittadinanza attiva fl-ambiti kollha tal-ħajja soċjali, u bħala attività essenzjali għall-iżvilupp tal-valuri demokratiċi, tad-dinjità tal-bniedem, tal-ugwaljanza u tas-sussidjarjetà.

Il-volontarjat jieħu, mingħajr ebda pretensjonijiet, ir-rwol ta' katalizzatur tal-bidla soċjali u huwa għodda indispensabbli biex jinkoraġġixxi l-appoġġ attiv tas-soċjetà.

Iċ-ċifri juru li hemm 'korp' ta' 100 miljun ċittadin Ewropew li jaħdmu f'diversi attivitajiet ta' volontarjat, kapaċi jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta' 5 % tal-Prodott Domestiku Gross Ewropew, li jiġi kkunsidrat mit-80 % taċ-ċittadini bħala element importanti tal-ħajja demokratika u mezz sinifikanti li bih kull individwu jista' jipparteċipa fis-soċjetà.

Il-volontarjat huwa għajn ta' tagħlim informali u ta' żvilupp personali li ma taqta' qatt; partikolarment il-volontarjat transkonfinali huwa opportunità ta' arrikkiment interkulturali għaċ-ċittadini żgħażagħ Ewropej.

Avvenimenti sportivi kbar qed jinvolvu numru dejjem akbar ta' pajjiżi Ewropej fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti b'mod kollettiv, u b'hekk qed jinvolvu eluf ta' voluntiera minn Stati Membri differenti.

B'xorti ħażina, id-diżastri naturali u ambjentali li jolqtu l-Ewropa spiss għandhom konsegwenzi f'bosta Stati Membri fl-istess ħin, u jinvolvu voluntiera minn kull parti tal-Ewropa li jiġu jiġru joffru l-ajjut, ix-xogħol u s-solidarjetà. Barra minn dawn id-diffikultajiet ikkawżati mid-diżastru, iħabbtu wiċċhom ukoll ma' problemi bħal-ostakli lingwistiċi u l-burokrazija eċċessiva. Din tal-aħħar tista' tonqos bis-saħħa ta' politiki Ewropej adegwati ta' sostenn.

Jibqa' l-bżonn li titkompla d-differenzazzjoni ċara u inekwivokabbli tal-valur tal-volontarjat bla ħlas meta mqabbel mal-attivitajiet bi skop ta' lukru u l-eżiġenza fundamentali li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-volontarjat fil-promozzjoni, anke barra mill-UE, tal-prinċipji tal-identità u tal-valuri komuni Ewropej, bħas-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali.

Wara l-viżibilità miksuba permezz tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat, huwa xieraq li l-azzjoni tkun ikkonċentrata fuq varji miżuri speċifiċi intiżi li jippromwovu l-attivitajiet ta' volontarjat, bħall-idea tat-twaqqif ta' portal ċentralizzat tal-UE dwar il-volontarjat b'taqsima speċifika ddedikata għall-volontarjat transkonfinali, tal-ħolqien ta' "Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja" u tal-iżvilupp ta' "Passaport Ewropew tal-Ħiliet".

Il-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja għandu jagħżel, iħarreġ u jibgħat voluntiera biex jipprovdu appoġġ lill-organizzazzjonijiet lokali f'każ ta' diżastri naturali.

Jiġi segwit ukoll l-objettiv li jiġu żviluppati sinerġiji mal-organizzazzjonijiet u l-istrutturi eżistenti biex jiġu evitati duplikazzjoni u tixrid tal-fondi: il-Korp se jaġixxi, fil-fatt, fuq talba u abbażi tal-eżiġenzi.

Il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, min-naħa l-oħra, se jiggarantixxi r-rikonoxximent transkonfinali tal-ħiliet professjonali, u se jagħmilha possibbli li jinżammu reġistrati l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba bil-volontarjat.

Il-Passaport se jiġi mfassal fuq il-mudell Europass (CV Ewropew online) biex il-ħiliet ta' dak li jkun jiġu rreġistrati b'mod trasparenti u li jista' jiġi mqabbel. Huwa meħtieġ rikonoxximent pubbliku aħjar dwar il-volontarjat bħala esperjenza utli għaż-żgħażagħ bl-iskop li dawn jiksbu ħiliet li jistgħu pereżempju jagħmlu użu minnhom fl-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (1.3.2012)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali
(2011/2293(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marian Harkin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-volontarjat jinvolvi ċ-ċittadini fi żvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġiku lokali u transkonfinali sostenibbli u ta' spiss jista' jiżgura l-għoti ta' għajnuna mingħajr telf ta' ħin meta jinqalgħu d-disastri; jirrimarka li dan għandu rwol fit-tkabbir tas-solidarjetà, taċ-ċittadinanza attiva u tat-tagħlim interkulturali, filwaqt li jipprovdi lill-voluntiera bl-opportunità li jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-pajjiż li fih jaħdmu u b'hekk isaħħu l-koeżjoni soċjali u d-demokrazija parteċipattiva;

2.  Jinnota li l-volontarjat jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, u jista' jikkontribwixxi biex jinqered il-faqar, b'hekk jgħin biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika u soċjali; jirrimarka li l-volontarjat jippromwovi wkoll is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn iż-żagħżagħ u ċ-ċittadini anzjani, u jikkontribwixxi biex ikun hemm xjuħija attiva u involviment soċjali fil-fażijiet kollha tal-ħajja, kif ukoll jgħin biex jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent;

3.  Jinnota li l-volontarjat jagħmel il-persuni aktar toleranti, joħloq kapital uman u soċjali u għandu rwol vitali u jagħti s-setgħa lil gruppi esklużi soċjalment; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal ammont kemm jista' jkun wiesa' ta' opportunitajiet ta' volontarjat u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni li tagħmel il-programmi Ewropej aktar inklużivi u miftuħa għal gruppi ta' kull età;

4.  Jinnota li persuni akbar fl-età li jimpenjaw ruħhom fix-xogħol volontarju jsibu t-tranżizzjoni mix-xogħol għall-pensjoni aktar faċli, i.e. iħallu x-xogħol attiv b'mod aktar gradwali;

5.  Jirrimarka li l-volontarjat inaqqas ir-riskju ta' esklużjoni soċjali u għalhekk hu essenzjali li l-gruppi soċjali kollha jiġu attirati minn dawn l-attivitajiet, speċjalment persuni b'diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi żgurat li l-volontarjat isir aktar rikonoxxut u inqas imfixkel minn ostakli ta' kull tip;

6.  Jenfasizza li, għalkemm hu riżorsa importanti tal-ekonomija tagħna u tas-soċjetà, il-volontarjat m'għandux ikun alternattiva għal xogħol regolari u mħallas jew sostitut tiegħu u, taħt l-ebda ċirkustanza, m'għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-gvernijiet jonqsu milli jwettqu l-obbligi soċjali tagħhom; iqis li dan l-aspett għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari fis-settur tal-kura, fejn l-ammont ta’ volontarjat qed ikompli jikber; jindika wkoll li l-promozzjoni tal-volontarjat b’rabta mal-akkwist, l-iżvilupp jew iż-żamma ta’ ħiliet m’għandhiex twassal sabiex il-volontarjat isir rekwiżit obbligatorju minħabba li dan jippreġudika n-natura fundamentali tiegħu;

7.  Jenfasizza r-rwol li x-xogħol volontarju għandu fil-promozzjoni tal-politiki tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Ewropa 2020, tiżviluppa u tappoġġa inizjattivi li jiffukaw l-aktar fuq it-titjib u l-espansjoni ta' proġetti eżistenti u mmirati li jiżguraw li l-volontarjat jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inkliżiv, kif ukoll li l-Kummissjoni tiżgura li dawn l-inizjattiva jistgħu jinvolvu għadd divers ta' parteċipanti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tassisti u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri f'inizjattivi dwar il-volontarjat, minħabba li r-responsabilità ewlenija tinsab fi ħdan l-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti rikonoxximent xieraq lill-politiki tal-UE dwar il-volontarjat u tippromwovihom, filwaqt li tikkunsidra n-natura trasversali ta' dawn l-attivitajiet u tiżgura li l-politiki nfushom jippromwovu l-iżvilupp tal-volontarjat u jinkoraġġixxu l-involviment tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà;

10. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss il-volontarjat, b'mod partikolari matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-appoġġ għall-volontarjat fil-politiki dwar l-assistenza tal-iżvilupp internazzjonali tagħha, mhux l-inqas bil-għan li jintlaqħtu l-objettivi kollha mniżżla fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju;

11. Iħeġġeġ lil kull min jimpjega biex jirrikonoxxi l-valur tal-iffaċilitar tal-inizjattivi ta’ volontarjat għall-persunal tagħhom bħala espressjoni ta' responsabbiltà soċjali korporattiva;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-ħiliet akkwistati waqt xogħol volontarju huma wkoll ta' sinifikat konsiderevoli fil-ħajja tax-xogħol u jipprovdu valur miżjud fis-CV, u jinnota li l-volontarjat jista' jgħin liż-żgħażagħ fl-għażla tal-karriera tagħhom; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz tal-volontarjat bħala tagħlim mhux formali u informali u esperjenza ta’ xogħol; jinnota li x-xogħol volontarju iwessa' l-orizzonti u jiżviluppa l-personalitajiet ta' dawk li jieħdu sehem fih u jenfasizza l-fatt li l-volontarjat iġib ukoll benefiċċji ekonomiċi lill-Istati Membri, għaliex il-persuni li jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' volontarjat jikkontribwixxu biex jiġi ġġenerat il-PDG;

13. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi pprovdut finanzjament xieraq għal programmi f'diversi oqsma ta' politika li jappoġġjaw il-volontarjat transkonfinali; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw attivament skemi għat-trawwim tal-volontarjat nazzjonali u transkonfinali; jitlob li l-appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-volontarjat jingħata attenzjoni partikolari, isostni li s-sussidji pubbliċi għall-volontarjat għandhom ikunu allokati mingħajr ma tkun diskriminata l-ebda organizzazzjoni;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-programmi u l-proġetti tal-UE tagħti rikonoxximent xieraq lill-kontribut ġenwin li x-xogħol li jsir mill-voluntiera jagħti lill-komunità;'

15. Jipproponi li għandu jitwaqqaf netwerk ta' organizzazzjonijiet volontarji fid-diversi Stati Membri billi jiġu kkoordinati l-organizzazzjonijiet volontarji eżistenti filwaqt li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattika tajba u ta' esperjenzi, u hu tal-fehma li l-punti ta' kuntatt ġodda għandhom ikunu miftuħa biss fi Stati Membri li għad ma għandhomx dawn l-istrutturi;

16. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw skemi nazzjonali għall-volontarjat transkonfinali sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tiegħu madwar l-UE;

17. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex talloka biżżejjed riżorsi għall-ħolqien ta’ Fond għall-Iżvilupp ta’ Ċentri Ewropej għall-Volontarjat, li għandu l-għan li jiżviluppa infrastruttura li tappoġġja l-volontarjat;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw ċertezza legali għall-voluntiera − mhux l-inqas fir-rigward ta' kwestjonijiet ta' assigurazzjoni − sabiex is-sistemi differenti fl-Istati Membri differenti jinkoraġġixxu l-volontarjat transkonfinali, u biex jiżguraw ukoll li l-voluntiera jkunu infurmati aħjar rigward id-drittijiet tagħhom u rigward l-arranġamenti regolatorji u istituzzjonali fis-seħħ fid-diversi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tassisti l-proċess ta' tneħħija ta' ostakli eżisteni; jitlob lill-Istati Membri jeżaminaw it-taxxa transkonfinali u l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom b’rabta mal-volontarjat transkonfinali biex jiżguraw li ma joħolqux ostakoli addizzjonali għal din l-attività u li l-volontiera transkonfinali jkunu jistgħu jirċievu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li huma intitolati għalihom skont ir-Regolament 2004/883;

19. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta’ taħriġ u jiżviluppaw gwidi u materjali dwar il-ġestjoni tal-volontiera u skemi ta’ motivazzjoni biex persuni jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ volontarjat transkonfinali;

20. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-ħin tal-volontarjat bħala kompliment għall-finanzjament għal proġetti Ewropej, b’mod partikolari għal inizjattivi transkonfinali;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw il-Manwal tal-ILO dwar il-Kejl tax-Xogħol Volontarju sabiex tiġi żgurata data komparabbli soda li tista’ tgħin biex jittejjeb il-monitoraġġ u t-tfassil tal-politika;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu li jippermetti lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jsaħħu s-soċjetà ċivili biex jeżentaw mill-VAT l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet kollha, jew ħafna minnhom, li jsiru minn organizzazzjonijiet volontarji mingħajr skop ta' qligħ; jenfasizza li għall-inqas l-organizzazzjonijiet iżgħar mingħajr skop ta’ qligħ għandhom ikunu koperti minn mekkaniżmu bħal dan.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Ádám Kósa, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Andrea Zanoni, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Kinga Göncz, Jan Kozłowski, Svetoslav Hristov Malinov, Ramona Nicole Mănescu, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Phil Bennion, Silvia-Adriana Ţicău

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.4.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Emil Stoyanov, Helga Trüpel, Marie-Christine Vergiat, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Heinz K. Becker, Seán Kelly, Hans-Peter Martin

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daciana Octavia Sârbu