RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa minnhom, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra

27.11.2012 - (14762/1/2011 – C7‑0287/2012 – 2011/0249(NLE)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Mário David

Proċedura : 2011/0249(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0388/2012

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa minnhom, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra

(14762/1/2011 – C7‑0287/2012 – 2011/0249(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14762/1/2011),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa minnhom, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra (14764/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt(a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0287/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0388/2012),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Kolombja u l-Perù.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Daħla

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù, fuq oħra, (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") huwa parti minn relazzjoni fit-tul bejn l-UE u l-Komunità Andina (KA). Fl-2007, ġew imnedija negozjati bil-għan li jikkonkludu ftehim ta' assoċjazzjoni bejn reġjun u ieħor. Sfortunatament, in-nuqqas ta' ftehim bejn il-pajjiżi Andini dwar l-approċċi għal għadd ta' kwistjonijiet ewlenin dwar il-kummerċ skont il-ftehim previst wasslu għas-sospensjoni tat-taħditiet f'Ġunju tal-2008. F'Jannar 2009 ġew imnedija negozjati ġodda, din id-darba mal-Kolombja u l-Perù biss, u ntemmew b'suċċess f'Mejju tal-2010. Il-Ftehim kien iffirmat mal-Kolombja u l-Perù fis-26 ta' Ġunju 2011, iżda hemm inkluża klawżola ta' adeżjoni (Art. 329) sabiex jissieħbu pajjiżi oħra membri tal-KA.

F'termini ta' ambitu u ambizzjoni l-Ftehim huwa konformi mal-politika FTA tal-UE kif stabbilit fil-politika 'Ewropa Globali' tal-2006 u affermat fid-dikjarazzjoni 'Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija' tal-2010. Il-Ftehim huwa komprensiv fis-sens li jelimina virtwalment it-tariffi kollha wara perjodu ta' tranżizzjoni, jestendi l-impenji ta' servizzi lil hinn sew mill-GATS, jinkludi dispożizzjonijiet (l-aktar proċedurali) tad-WTO - plus dwar ostakli mhux tariffarji (TBTs, SPS) u l-erba' kwistjonijiet tas-Singapor dwar l-investiment, l-akkwist, il-kompetizzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali filwaqt li jirrifletti l-bżonnijiet tal-Kolombja u l-Perù, u jinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali (soluzzjoni għat-tilwim, kumitati ta' monitoraġġ u mekkaniżmu ta' rieżami ta' malajr għall-ostakoli mhux tariffarji u regolatorji)

Filwaqt li l-Ftehim jiffoka fuq l-ekonomija, jinkludi klawżola infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem (Art.1) u Titolu dwar żvilupp sostenibbli, li jkopri l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO u ftehimiet ambjentali multilaterali.

Il-ftehim ser jipprovdi aċċess lill-kumpaniji tal-UE għal swieq relattivament żgħar iżda li qegħdin jikbru. Il-kummerċ bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù kiber b'10% bejn l-2006 u l-2010. Il-Ftehim innifsu jista' jitqies ukoll bħala pass intermedjarju għal relazzjonijiet aktar b'saħħithom, b'mod partikolari fil-kummerċ, mal-Amerka Ċentrali u Latina.

2. Benefiċċji kummerċjali tal-Ftehim ta' Kummerċ

Huma s-setturi ta' esportazzjonijiet klassiċi tal-UE li jibbenifikaw l-iktar mit-titjib fl-aċċess għas-swieq Kolombjani u Peruvjani, jiġifieri l-makkinarju, it-tagħmir tat-trasport (inkluż b'mod partikolari l-karozzi), il-kimiċi u fuq kollox is-servizzi. Għas-setturi tal-manifattura t-tliet setturi msemmija jammontaw għal aktar minn 80% tal-esportazzjonijiet attwali tal-UE. Għas-servizzi, is-setturi li jibbenifikaw l-aktar huma t-telekomunikazzjoni, il-kostruzzjoni, id-distribuzzjoni u s-servizzi finanzjarji.

Kważi l-esportazzjonijiet Kolombjani u Peruvjani kollha diġà jidħlu fl-UE mingħajr tariffi taħt l-iskema tal-GSP+. Iżda l-Ftehim huwa importanti peress li l-Kolombja u l-Perù se jitilfu dan l-aċċess fil-GSP rivedut. Għandu jkun mistenni wkoll li t-tisħiħ tar-regoli dwar il-kummerċ u l-investiment iwasslu għal żieda fl-investiment tal-UE. Ir-regoli proċedurali fil-qasam tal-SPS għandhom jgħinu jiffaċilitaw l-aċċess effikaċi tal-esportaturi Peruvjani u Kolombjani għas-suq tal-UE. Barra minn hekk il-frott (speċjalment il-banana u l-għeneb) u l-gambli ser jibbenifikaw minn tariffi aktar baxxi. Skont studju indipendenti, dan il-Ftehim jista' jsaħħaħ lill-PDG tal-Kolombja b'1.3 % u l-PDG tal-Perù b'0.7 % fuq medda twila ta’ żmien.

Mill-banda l-oħra, il-perjodi ta' aġġustament huma previsti li jippermettu li l-Kolombja u l-Perù jissodisfaw l-objettivi soċjali u oħrajn ta' politika nazzjonali. Il-liberalizzazzjoni tat-tariffi tagħhom issir gradwalment matul iż-żmien. Hemm ukoll eżenzjonijiet orizzontali kemm għall-Kolombja u kif ukoll għall-Perù li jipprovdu d-dritt għall-adozzjoni u l-manteniment ta' kull miżura li tagħti drittijiet u preferenzi lill-gruppi ta' minoranza etnika jew artijiet komunali bi żvantaġġi soċjali jew ekonomiċi.

3. Id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Aspetti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim

Il-FK mal-Kolombja u l-Perù huwa wieħed mill-ftit ftehimiet dwar il-kummerċ tal-UE li fih klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-Artikolu 1 jipprovdi li “r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, huwa l-bażi tal-politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet. Ir-rispett għal dawn il-prinċipji huwa element essenzjali ta’ dan il-Ftehim. In-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi jikkostitwixxi "ksur materjali" tal-FK li, skont id-dritt internazzjonali pubbliku, jista' jagħti lok għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa, inkluża l-possibilità li l-Ftehim jitwaqqaf jew jiġi sospiż parzjalment jew għalkollox. Hekk kif il-Parlament Ewropew qal f'diversi okkażjonijiet fir-rigward tal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali li l-monitoraġġ xieraq tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet firmatarji kollha jiġi żgurat u li l-infurzar prattiku tal-Klawżola tad-Drittijiet tal-Bniedem jiġi garantit.

Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli inklużi d-drittijiet tax-xogħol, li jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-partijiet jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effikaċi tad-dritt ta’ negozjar kollettiv. Hemm ukoll test biex jiġu inkorporati l-obbligi stabbiliti fil-ftehimiet ambjentali multilaterali Il-partijiet jintrabtu li ma jbaxxux il-livelli tagħhom ta’ ħarsien ambjentali biex jattiraw l-investiment jew jonqsu milli jinfurzaw l-istandards tax-xogħol u l-ambjent b'mod li jaffettwa l-kummerċ bejn il-partijiet. Filwaqt li dan il-kapitolu huwa legalment vinkolanti, huwa madankollu mhux suġġett għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

Kemm il-Kolombja kif ukoll il-Perù għamlu sforzi kbar biex itejbu r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom fl-aħħar snin. Mhemmx dubju, madankollu, li għad hemm xogħol sostanzjali xi jsir, kemm fil-Kolombja kif ukoll fil-Perù. Għal ħafna snin, il-Kolombja kienet il-pajjiż bl-ogħla rata ta’ qtil tat-trejdjunjonisti madwar id-dinja, għalkemm fis-snin riċenti, in-numru naqas b’mod sinifikanti, minn 250 fis-sena fil-bidu tad-disgħinijiet, għal 26 każ fl-2011, skont ir-Rapport Dinji 2012dwar il-Kolombja tal-Human Rights Watch. Filwaqt li ħafna każijiet għadhom mhux solvuti, il-gvern Kolombjan investa ħafna fi programmi ta’ protezzjoni estiża u żied in-numru ta’ investigaturi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (FGN).

Filwaqt li l-Ftehim jipprevedi rwol attiv għas-soċjetà ċivili, ir-rapporteur jixtieq jara dan ir-rwol jissaħħaħ saħansitra iktar minn hekk, speċjalment rigward il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-dispożizzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

4. Konklużjonijiet

Fil-fehma tar-rapporteur tagħkom, il-Kummissjoni laħqet l-objettivi biex jiġu eliminati tariffi għoljin, jiġu indirizzati l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, jiġu liberalizzati s-swieq tas-servizzi, jitħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej importanti (il-GIs), jinfetħu s-swieq tal-akkwisti pubbliċi, jiġu inklużi impenji dwar l-infurzar tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u jiġu offruti proċeduri għas-soluzzjoni għat-tilwim li jkunu effettivi u li ma jieħdux ħafna żmien, biex b'hekk tiżgura wkoll kundizzjonijiet ugwali mal-kompetituri fir-reġjun bħall-Istati Uniti.

Dan il-ftehim huwa wkoll opportunità biex tirfed ir-riformi tal-Kolombja u l-Perù għall-integrazzjoni tal-ekonomija globali, biex jitkattar il-ġid soċjali u jiġi kkonsolidat it-tkabbir tagħhom bil-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popli tagħhom.

Tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jibqa' hemm. Huwa għalhekk essenzjali li l-partijiet jipprovdu biżżejjed kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji biex jiggarantixxu l-konformità sħiħa mal-istandards ta' sostenibilità fil-FK u jipprovdu għal rieżami, monitoraġġ u valutazzjoni sħaħ tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rapporteur tagħkom iqis li l-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (20.9.2012)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-abbozz ta' proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra
(14762/1/2011 – C7-0287/2012 – 2011/0249(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

SUĠĠERIMENTI

Il-ftehim kummerċjali mal-Perù u mal-Kolombja huwa parti mill-proċess ta' tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karajbi, kif ukoll ta' approfondiment tal-assoċjazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni. Minbarra r-rabtiet storiċi u kulturali qawwija, dawn ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq valuri komuni li jimplikaw approċċ komuni għar-realtà internazzjonali kontemporanja.

Il-ftehim fih klawsola demokratika, li bdiet tiġi integrata mill-ftehimiet tat-tielet ġenerazzjoni. Barra minn hekk, huwa jmur lil hinn mill-qafas kummerċjali attwali, ibbażat fuq sistema unilaterali ta' preferenzi ġeneralizzati, peress li jinkludi skema reċiproka u nnegozjata bl-għan li jiġu liberalizzati gradwalment l-iskambji tal-prodotti u s-servizzi, l-akkwist pubbliku li u tingħat spinta għall-investiment. B'dan il-mod, qed tiġi definita struttura prevedibbli li toffri ċertezza u stabilità ġuridiċi u tippromwovi l-fiduċja reċiproka, indispensabbli għall-iżvilupp tal-iskambji u l-investiment. Fl-aħħar nett, huwa jħalli bieb imbexxaq għall-pajjiżi oħra tal-Komunità Andina, u b'hekk jikkonferma l-għan – stabbilit sa mill-bidu – li jsir sforz favur ftehim ġenerali ta' assoċjazzjoni mal-Komunità Andina kollha kemm hi.

Il-ftehim li ntlaħaq mal-Perù u mal-Kolombja fih elementi importanti li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, miġbura fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-progress u l-konsolidazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-demokrazija, it-twaqqif ta' ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali u ambjentali.

Għalhekk, l-ewwel artikolu tal-ftehim isemmi r-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prinċipju tal-Istat tad-dritt bħala "elementi essenzjali", b'mod illi n-nuqqas ta' rispett tagħahom minn kwalunkwe Parti jwassal għall-adozzjoni ta' miżuri li jistgħu jwasslu saħansitra għas-sospensjoni, parzjali u anke totali, tagħha. Għal din ir-raġuni, ta' min wieħed ifakkar li l-ftehim jagħmel parti minn kuntest iktar wiesa' ta' djalogu bilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn, minn naħa, l-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra, il-Perù u l-Kolombja. Fiż-żewġ każijiet, id-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu prijorità fuq l-aġenda politika.

Mill-banda l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, skont ftehimiet kummerċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 281 jipprevedi mekkaniżmi adegwati ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, u li l-iżvilupp sostenibbli għandu importanza kbira fil-ftehim, u b'hekk qed tiġi enfasizzata r-rieda qawwija tal-Partijiet li, permezz tal-politiki tagħhom fil-qasam kummerċjali u tal-investiment, jieħdu azzjoni biex itaffu l-konsegwenzi tal-isfidi dinjija komuni, bħat-tibdil fil-klima.

Jaqbel ukoll li jiġi enfasizzat l-impenn meħud fil-ftehim f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istandards li jinsabu fit-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), diġà ratifikati mill-Perù u mill-Kolombja.

Il-ftehim kummerċjali mal-Perù u mal-Kolombja ma jistax jitqies li hu l-qafas definittiv tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi. Għall-kuntrarju ta' dan, l-Unjoni, waqt li żżomm viżjoni dejjem kbira u deċiżiva, għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ma' dawn tal-aħħar u mal-bqija tal-Komunità Andina, f'relazzjoni ta' sħab indaqs mobilizzati favur il-ġlieda kontra l-inugwaljanza soċjali, l-iżvilupp inklużiv u l-ġlieda mingħajr waqfien kontra l-isfidi soċjali, ekonomiċi u politiċi li għad hemm.

Kif fakkar il-Parlament Ewropew bosta drabi, l-Unjoni u l-Amerka Latina għandhom jimxu id f'id biex jiffaċċjaw l-isfidi, dinjija u fil-parti l-kbira, komuni, li qed iħabbtu wiċċhom magħhom is-soċjetajiet tagħna li llum huma iktar interdipendenti minn qatt qabel. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni qatt ma tista' tinsa l-objettiv tagħha: li trawwem mal-Amerika Latina assoċjazzjoni bireġjonali, kbira u qawwija, li tinkludi fiha l-akbar għadd possibbli ta' oqsma. F'dan is-sens, bħala pass 'il quddiem f'din id-direzzjoni, irid ikun mifhum il-ftehim kummerċjali mal-Perù u mal-Kolombja. Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-ftehim se jsaħħaħ ir-rabtiet politiċi u istituzzjonali bejn iż-żewġ partijiet u jiftaħ saħansitra iktar is-swieq tagħna, minn aspett bilaterali, u se jikkontribwixxi b'hekk biex isaħħaħ ir-rwol tal-Perù u tal-Kolombja bħala l-muturi tat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun.

******

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

9

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Franziska Katharina Brantner, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Liisa Jaakonsaari, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Sophocles Sophocleous, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Inese Vaidere, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Marije Cornelissen, Jacek Protasiewicz, Teresa Riera Madurell, Carmen Romero López, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Alf Svensson, Indrek Tarand, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Luis Yáñez-Barnuevo García, Joachim Zeller, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Ivari Padar

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (20.6.2012)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù
(14672/1/2011 – C7‑0287/2012 – 2011/0249(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Pino Arlacchi

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

In-negozjati bejn l-UE u l-Komunità Andina dwar ftehim ta' assoċjazzjoni bejn reġjun u ieħor, inklużi d-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ, tnedew fl-2007. Sfortunatament, in-nuqqas ta' ftehim bejn il-pajjiżi Andini dwar l-approċċi għal għadd ta' kwistjonijiet ewlenin wasslu għas-sospensjoni tat-taħditiet f'Ġunju tal-2008.

Il-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjoni lill-Kunsill bil-għan li tiġi modifikata l-awtorizzazzjoni eżistenti sabiex ikomplu għaddejjin in-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ma' dawk il-pajjiżi tal-Komunità Andina li huma lesti li jimxu 'l quddiem. F'Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim ta' kummerċ multipartitiku mal-Kolombja u l-Perù, bl-objettiv ġenerali ta' ftehim ibbilanċjat u kompatibbli mad-WTO.

Ir-rapporteur jirrimarka li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jeħtieġ li l-UE tqis l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. Huwa jqis li dan il-ftehim huwa opportunità sabiex ikunu ankrati r-riformi għall-integrazzjoni tal-ekonomija globali, biex jissaħħaħ il-benessri u jkun ikkonsolidat it-tkabbir fil-Kolombja u l-Perù. Membri tal-Komunità Andina qed ikunu inkoraġġiti wkoll, permezz ta' klawżola ta' adeżjoni, biex jipparteċipaw fil-ftehim kummerċjali meta jidhrilhom li hu ż-żmien li jagħmlu dan.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi li l-Kummissjoni inkludiet fil-ftehim miżuri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll impenji favur l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet marbuta max-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent.

Madankollu, rigward il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità, ir-rapporteur jinnota li mingħajr miżuri xierqa, l-implimentazzjoni tal-ftehim jista' jkollha impatt fuq l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u tal-ambjent. Għal din ir-raġuni, iqis li l-UE għandha tikkontribwixxi attivament għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sostenn, li jinfurzaw l-obbligi tal-partijiet kollha skont il-ftehim, u jenfasizza wkoll li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jsegwi mill-qrib l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' monitoraġġ u implimentazzjoni.

Jistieden lill-UE timplimenta, b'mod effiċjenti u trasparenti, id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza teknika u l-bini ta' kapaċità.

Ir-rapporteur ħa nota tat-tħassib li esprimew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jqis li fit-test finali kien indirizzat livell sinifikanti minnu.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

7

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Michał Tomasz Kamiński, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Gesine Meissner, Csaba Őry, Judith Sargentini, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioan Enciu, Iliana Malinova Iotova, Gabriele Zimmer

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Henri Weber, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake, Inese Vaidere

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabelle Durant, Francisco José Millán Mon, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ivo Strejček, Renate Weber