– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-segwitu tal-Green Paper rigward ir-responsabilità soċjali korporattiva(1),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva(2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-Modernizzazzjoni tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Tisħiħ tal-Governanza Korporattiva fl-Unjoni Ewropea – Pjan għall-Avvanz” (COM(2003)0284) (il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Governanza Korporattiva),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Pakkett ‘Negozji Responsabbli’” (COM(2011)0685),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” (COM(2011)0682),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2012 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta’ qafas Ewropew għar-responsabilità soċjali tal-intrapriżi(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: Kontribut kummerċjali għal Żvilupp Sostenibbli”(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar “ir-responsabilità soċjali korporattiva: sħubija ġdida”(5),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta’ “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva”(6),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Strateġija rinnovata tal-UE 201114 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni(A7-0017/2013),
Kunċett modern tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (RSK): rimarki preliminari
1. Jenfasizza li n-negozju ma jistgħux jieħdu f’idejhom ir-responsabilità tal-awtoritajiet pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ standards soċjali u ambjentali;
2. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali attwali kienet riżultat ta’ żbalji fundamentali rigward it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabiltià, kif ukoll minn kunsiderazzjoni ta’ medda qasira ta’ żmien biss, u li l-UE għandha d-dmir tiżgura li dawn il-lezzjonijiet jitgħallimhom kulħadd; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġiet tal-Ewrobarometru dwar il-fiduċja fin-negozju; jappella biex ir-riżultati ta’ dawn l-istħarriġiet jiġu diskussi bis-sħiħ u biex il-partijiet interessati kollha jieħdu azzjoni; huwa bil-qawwa favur ir-responsabilità soċjali korporattiva (RSK), u huwa tal-fehma li din – jekk tkun implimentata b'mod korrett u titħaddem mill-impriżi kollha, mhux biss minn dawk kbar – tista’ tagħti kontribut kbir biex terġa’ titkattar il-fiduċja mitlufa, li hija meħtieġa għal irkupru ekonomiku sostenibbli, u tista’ ttaffi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika; jinnota li meta n-negozju jassumi responsabilità għas-soċjetà, l-ambjent, u l-impjegati, huwa joħloq sitwazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd li sservi biex twessa’ l-bażi ta’ fiduċja meħtieġa għas-suċċess ekonomiku; iqis li huwa fl-interess tan-negozju u tas-soċjetà kollha kemm hi li l-RSK issir parti minn strateġija ta’ negozju sostenibbli; jirrimarka li diversi negozji – speċjalment impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) – qed jagħtu eżempju eċċellenti f’dan il-qasam;
3 Huwa tal-fehma li l-impriżi jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali tas-suq u għall-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jipprovdu postijiet tax-xogħol u jwittu t-triq għall-irkupru ekonomiku;
4. Jemmen li d-dibattitu dwar l-RSK għandu jitqiegħed f’kuntest usa’ li, filwaqt li jiżgura li s-CRS tibqa’ primarjament politika volontarja, iħalli wkoll lok għal djalogu dwar miżuri regolatorji, kull fejn dan ikun f’postu;
5. Japprova d-definizzjoni l-ġdida tal-RSK proposta mill-Kummissjoni, li twarrab id-dikotomija bejn l-approċċi volontarji u dawk obbligatorji;
6. Iqis li l-governanza korporattiva tikkostitwixxi element fundamentali tar-responsabilità soċjali korporattiva, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet pubbliċi, mal-ħaddiema u mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u rigward il-politika dwar il-bonusijiet, ir-rimunerazzjoni u s-salarji; jemmen li, b’mod partikolari f’każijiet meta negozju jsib ruħu f'diffikultajiet, bonusijiet, rimunerazzjoni u salarji eċċessivi mħallsa lill-maniġers mhumiex kompatibbli ma’ mġiba soċjalment responsabbi;
7. Jemmen li l-politika fiskali ta’ negozju għandha titqies bħala parti integrali mill-RSK u li, b’konsegwenza ta dan, imġiba soċjalment responsabbli ma tħalli l-ebda lok għal strateġiji maħsuba biex jevadu t-taxxa jew jisfruttaw ir-rifuġji fiskali;
8. Iqis li, fil-valutazzjoni tar-responsabilità soċjali ta’ kumpanija, jeħtieġ li titqies l-imġiba tal-kumpaniji li joperaw fil-katina ta’ provvista tagħha u, fejn dan ikun applikabbli, tas-subkuntratturi tagħha;
It-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK, il-pubbliku ġenerali, il-kompetittività u l-innovazzjoni
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippromwovu mudelli ta’ negozju innovattivi, imfassla biex isawru rabtiet aktar stretti bejn l-impriżi u l-ambjent soċjali li joperaw fih;
10. Jitlob li l-Kummissjoni tikunsidra d-diskussjonijiet attwali li qed isiru rigward ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza sabiex l-istrateġija tal-RSK il-ġdida li ġiet proposta tikkumplimenta d-Direttiva riveduta.
11. Jenfasizza l-importanza li jintrifdu soluzzjonijiet innovattivi li permezz tagħhom l-impriżi jkunu jistgħu jindirizzaw sfidi soċjali u ambjentali bħalma huma l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti u prodotti ekoeffiċjenti, aċċessibbli u ddisinjati għal kulħadd;
12. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tkabbar il-viżibilità tal-RSK u xxerred l-aqwa prattiki, u jiffavorixxi bis-sħiħ l-introduzzjoni ta’ skema ta’ premju Ewropew għal impriżi u sħubijiet li jħaddmu l-RSK; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fost azzjonijiet oħra, jekk għal dan il-għan tistax tiġi introdotta tikketta soċjali Ewropea;
13. Jilqa’ l-idea li jinħolqu pjattaformi tal-RSK b’diversi partijiet interessati, u jaqbel mal-approċċ settorjali li ntgħażel;
14. Jagħraf l-importanza u l-potenzjal tal-inizjattiva ‘Impriża 2020’ tan-netwerk CSR Europe, li jista’ jkolha rwol sostanzjali fit-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK u l-kompetittività billi trawwem id-disseminazzjoni tal-aqwa prattiki; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu aktar sinerġiji rigward l-objettiv ta’ politiki u inizjattivi li jġibu ‘l quddiem l-innovazzjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirfed l-isforzi tan-netwerk CSR Europe, filwaqt li l-ewwel u qabel kollox taħdem biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-Istati Membri b’tali mod li jissawru l-pedamenti għal pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u għat-tixrid tal-prattiki tajbin;
15. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tagħmel stħarriġiet perjodiċi dwar il-fiduċja pubblika fin-negozju u l-attitudnijiet tal-pubbliku lejn strateġiji tal-RSK implimentati mill-impriżi; jirrakkomanda li l-kontenut ta’ dawn l-istħarriġiet jintrabat mar-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, bil-għan li jiġu identifikati l-ostakoli għal konsum aktar responsabbli;
Titjib tat-trasparenza u l-effikaċja ta’ politiki tal-RSK
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal miżuri speċifiċi maħsuba ħalli jikkumbattu informazzjoni żvijanti u falza rigward impenji favur ir-responsabilità soċjali korporattiva u relatata mal-impatt ambjentali u soċjali ta’ prodotti u servizzi, lil hinn mill-miżuri stabbiliti fid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, b’attenzjoni partikolari għal kwistjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ lmenti abbażi ta’ proċedura miftuħa u ċara kif ukoll dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet; iqis li l-“greenwashing” mhuwiex biss forma ta’ qerq li jiżvija lill-konsumaturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-investituri, iżda wkoll li jnaqqas il-fiduċja fl-RSK bħala mezz effikaċi għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklussiv;
17. Jaqbel li kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali għandhom jitqiesu aktar fl-akkwisti pubbliċi; jitlob, f’dan il-kuntest, li l-kriterju tal-prezz l-aktar baxx ma jibqax jintuża għall-għoti ta’ appalti, u li jkun hemm aktar responsabilizzazzjoni matul il-katina tas-subappalti;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi ħalli tiżblokka u ssaħħaħ il-potenzjal tal-RSK fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima (billi torbotha mal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija), pereżempju fil-proċessi li l-kumpaniji jużaw għax-xiri ta' materja prima;
19. Jenfasizza li l-għajnuna li l-UE tagħti lil gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw regolamentazzjoni soċjali u ambjentali kif ukoll reġimi ta' spezzjoni effikaċi tikkostitwixxi komplement meħtieġ sabiex l-RSK tan-negozji Ewropej tinġieb ‘il quddiem madwar id-dinja kollha;
20. Jenfasizza li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI) jagħmel parti mill-proċess ta' implimentazzjoni tal-RSK fid-deċiżjonijiet marbutin mal-investiment; jinnota li, għalkemm bħalissa ma teżisti l-ebda definizzjoni universali tal-SRI, is-soltu dan jgħaqqad l-għanijiet finanzjarji tal-investituri mal-preokkupazzjonijiet tagħhom rigward kwistjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi u ta' governanza korporattiva;
21. Jagħraf li huwa importanti li n-negozji jiżvelaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, bħal fatturi soċjali u ambjentali, bil-għan li jiġu identifikati riskji ta’ sostenibbiltà u li titkattar il-fiduċja tal-investituri u tal-konsumaturi; jindika l-progress notevoli li qed isir f’dan ir-rigward, u jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-mira tal-Kunsill Internazzjonali dwar lir-Rappurtar Integrat (IIRC) li r-appurtar integrat (IR) isir l-istandard globali fid-deċennju li ġej;
22. Jisħaq li jeħtieġ li jitħarsu r-rispett rigoruż għad-drittijiet tal-bniedem, id-diliġenza u t-trasparenza biiex l-RSK tkun żgurata tul il-katina ta’ provvista kollha kemm hi, biex jitkejjel l-impatt tan-negozji Ewropej fuq is-sostenibbiltà, u biex jiġu miġġielda l-evitar tat-taxxi u l-fluss ta’ flejjes illeċiti;
23. Jenfasizza li r-responsabbiltà korporattiva m’għandhiex tiġi ristretta għal strument ta’ marketing, u li l-uniku mod biex l-RSK tiġi żviluppata bis-sħiħ huwa li din tkun integrata fl-istrateġija komprensiva tan-negozju u tkun implimentata u msarrfa fir-realtà fl-operazzjonijiet ta’ kuljum u fl-istrateġija finanzjarja; ikun favur rabta bejn responsabilita korporattiva tajba u governanza korporattiva tajba; jemmen li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-kumpaniji biex jiddeċiedu dwar strateġija tal-RSK fil-livell tal-bord tad-diretturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu kodiċijiet ta’ ġestjoni korporattiva li jirriflettu l-importanza tar-responsabilità għal kulħadd fil-kumpanija, u li jistabbilixxu rabta soda bejn il-prestazzjoni tal-kumpanija mil-lati tal-ambjent, is-soċjetà u d-drittijiet tal-bniedem u r-riżultati finanzjarji tagħha;
24. Jenfasizza li l-investituri u l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment l-impriżi li jkunu impenjaw ruħhom favur l-RSK, għax dan iservi biex iħeġġeġ lil dawn tal-aħħar fl-isforzi tagħhom;
25. Jisħaq li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI), bħala parti mill-proċess ta’ implementazzjoni tal-RSK f’deċiżjonijiet tal-investiment, jikkombina l-objettivi finanzjarji u ekonomiċi tal-investituri ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi, kulturali u edukattivi;
26. Qiegħed isegwi mill-qrib id-diskussjonijiet attwali dwar il-proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali mogħtija mill-kumpaniji; huwa favur l-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva li tippermetti flessibilità ta’ azzjoni kbira, fil–qies tan-natura multidimensjonali tal-RSK u tad-diversità tal-politiki tal-RSK implimentati min-negozji, akkumpanjata b’livell suffiċjenti ta’ paragunabbilità li jaqdi l-ħtiġijiet tal-investituri u tal-partijiet interessati l-oħra, kif ukoll il-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-impatt tan-negozji fuq is-soċjetà, inkluż dwar aspetti ta’ governanza u tal-metodoloġija ta’ kostijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà għandha tkopri wkoll, fejn dan ikun f’loku, il-ktajjen ta’ subappalti u ta’ provvista, u għandha tissejjes fuq metodoloġiji aċċettati globalment bħal dawk tal-Inizjattiva Globali dwar ir-Rappurtar jew tal-Kunsill dwar ir-Rappurtar Integrat; jitlob, barra minn hekk, li għall-SMEs jiġu applikati eżenzjoni jew qafas semplifikat;
27. Jitlob li jitkattar il-monitoraġġ aktar inklussiv u aktar trasparenti tal-prinċipjio tal-RSK fil-politika kummerċjali tal-UE, b'punti ta' riferiment ċari biex jitkejjel it-titjib, bl-għan li titħeġġeġ il-fiduċja fis-sistema;
28. Iħeġġeġ lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri biex jagħtu tagħrif konkret dwar l-RSK, u tagħlim u taħriġ dwarha, ħalli l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-RSK u jimplementawha fil-kultura organizzattiva tagħhom;
29. Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja biex jinkludu standards trasparenti ta’ ġurnaliżmu fil-politiki tal-RSK tagħhom, inklużi garanziji ta’ protezzjoni tal-fonti u l-jeddijiet tal-whistleblowers;
30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra ulterjormanet miżuri vinkolanti u mhux vinkolanti maħsuba biex jiffaċilitaw r-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-isforzi magħmula min-negozji rigward it-trasparenza u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja;
31. Jopponi bil-qawwa l-introduzzjoni ta’ parametri speċifiċi, bħall-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE kollha kemm hi, li jistgħu jikkawżaw burokrazija żejda u strutturi operazzjonali ineffiċjenti; minflok, jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-kumpaniji, u tippromwovi fosthom, l-użu ta’ metodoloġiji aċċettati internazzjonalment, bħalma huma dawk tal-Inizjattiva Globali dwar ir-Rappurtar u tal-Kunsill dwar ir-Rappurtar Integrat;
32. Iqis li huwa essenzjali, madankollu, li l-Kummissjoni, mill-aktar fis, tiżviluppa l-metodoloġija komuni prevista biex tkejjel il-prestazzjonijiet ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja; jemmen li din il-metodoloġija tkun utli kemm mil-lat ta' trasparenza tal-informazzjoni tal-negozji kif ukoll għall-finijiet tal-valutazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu rigward il-prestazzjonijiet ambjentali tal-kumpaniji;
33. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tvara ‘Komunità ta' Prattika’ dwar l-RSK u azzjoni soċjali min-naħa tan-negozji; jemmen li dan jeħtieġlu jkun kumplimentarju għal kodiċi ta’ prattika tajba għall-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni, li permezz tiegħu l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom fi proċess ta’ tagħlim kollettiv biex itejbu l-effiċjenza u l-obbligu ta’ rendikont f’azzjonijiet b’diversi partijiet interessati;
34. Jitlob li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u attiva u involviment ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi, inklużi t-trejdjunjins, fl-iżvilupp, l-operat u l-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi tal-RSK tal-kumpaniji, filwaqt li jaħdmu ma’ min iħaddem f’approċċ ta’ sħubija ġenwina;
35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li obbligu ta’ rappurtar sistematiku fuq informazzjoni essenzjali dwar is-sostenibbiltà ma jkunx ta’ piż żejjed fuq il-kumpaniji, ladarba jeħtieġ li dawn tal-aħħar jilqgħu kwalunkwe strateġija ġdida tal-RSK; jitlob li l-Kummissjoni taħseb għal perjodu ta’ tranżizzjoni qabel ma jidħol fis-seħħ ir-rappurtar mhux finanzjarju fuq bażi regolari għall-kumpaniji, minħabba li dan jagħtihom l-opportunità inizjali li jimplimentaw sewwa l-RSK internament, b’tali mod li jistabbilixxu politika akkurata u dettaljata tal-RSK bħala parti mis-sistemi ta' ġestjoni interna tagħhom;
36. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tobbliga lill-fondi ta’ investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jinfurmaw lill-klijenti tagħhom (ċittadini, negozji, awtoritajiet pubbliċi, eċċ.) dwar kriterji ta’ investiment etiku jew responsabbli li japplikaw jew dwar kwalunkwe standard jew kodiċi li jimxu miegħu;
37. Japprova d-direttiva tal-Kummissjoni dwar l-istandards minimi għall-vittmi; jappella biex il-politiki tal-RSK tal-kumpaniji fis-setturi rilevanti (bħall-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, l-akkomodazzjoni u t-telekomunikazzjonijiet) jinkludu strateġiji u strutturi pożittivi u prattiċi biex jappoġġjaw il-vittmi ta’ reati u l-familji tagħhom waqt kriżi, u biex jistabbilixxu politiki speċifiċi għal kwalunkwe impjegat li, fil-post tax-xogħol jew barra minnu, jisfa vittma ta’ reat;
38. Jirrikonoxxi l-valur u l-potenzjal sostanzjali ta’ strumenti ta’ awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni bħalma huma kodiċijiet ta’ kondotta speċifiċi għas-settur; jilqa’ għalhekk ix-xewqa tal-Kummissjoni li ttejjeb l-istrumenti eżistenti billi tiżviluppa kodiċi ta' prattiki tajba għal dan il-qasam; huwa kontra, madanakollu, l-introduzzjoni ta’ approċċ uniku li ma jikkunsidrax l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur u r-rekwiżiti speċifiċi tan-negozji;
L-RSK u l-SMEs: mit-teorija għall-prattika
39. Ifakkar fil-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, li joperaw prinċipalment fuq livell lokali u reġjonali ġewwa setturi speċifiċi; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki tal-Unjoni dwar l-RSK, inklużi pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-RSK, jikkunsidraw sewwa r-rekwiżiti essenzjali tal-SMEs, bi qbil mal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, u jirrikonoxxu l-approċċ informali u intuwittiv tal-SMEs lejn l-RSK;
40. Jindika l-importanza li l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu involuti fl-RSK u li l-kisbiet tagħhom f'dan il-qasam jiġu rikonoxxuti;
41. Jirrikonoxxi li bosta SMEs fl-Ewropa diġà jħaddmu politiki tal-RSK, bħall-impjieg lokali, l-involviment fil-komunità, l-applikazzjoni ta’ politiki ta’ governanza tajba fil-katina ta’ provvista tagħhom, eċċ.; jirrimarka, madankollu, li l-maġġoranza ta’ dawn l-SMEs ma jafux li fil-fatt qed jimplimentaw fil-prattika sostenibbiltà, RSK u prattiki tajba ta’ governanza korporattiva; jistieden lill-Kummisjsoni, għalhekk, biex l-ewwel teżamina l-prattiki attwali tal-SMEs qabel ma tikkunsidra strateġiji speċifiċi tal-RSK għall-SMEs;
42. Jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kull miżura li tista’ tikkawża piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs, filwaqt li juri l-appoġġ tiegħu għal miżuri li jħallu lill-SMEs jagħmlu azzjonijiet konġunti;
43. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu intelliġenti mill-fondi ta’ koeżjoni bil-għan li jirfdu attivitajiet promozzjonali rigward l-RSK minn organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs, fuq l-eżempju tal-programm ewlieni Ġermaniż kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew;
44. Jitlob lill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji tal-SMEs u ma’ partijiet interessati oħra, biex tfassal strateġiji u miżuri ħalli tgħin lill-SMEs jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiki tal-RSK, pereżempju permezz ta’ database għall-ġbir ta’ informazzjoni fuq politiki tal-RSK implimentati mill-SMEs, b’dettalji ta’ proġetti mwettqa f’pajjiżi differenti;
45. Jirrakkomanda li jitfasslu gwidi u manwali dwar l-RSK għall-SMEs; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-urġenza ta’ aktar riċerka akkademika fuq kif tista’ titqawwa l-aċċettazzjoni tal-RSK min-naħa tal-SMEsm kif ukoll dwar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-politiki tal-RSK fil-livell lokali u reġjonali;
46. Huwa tal-fehma li, biex ikollha impatt ġenwin fuq it-tnaqqis tal-faqar, l-aġenda tal-RSK għandha wkoll tiffoka fuq l-SMEs, minħabba li l-impatt soċjali u ambjentali kumulattiv tagħhom huwa sinifikanti;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw strategiji ta’ żvilupp u ta’ appoġġ maħsuba għad-disseminazzjoni tal-RSK fost l-SMEs; jirrakkomanda, b’mod partikolari, li jitfasslu miżuri speċifiċi għal-impriżi żgħar u għall-mikroimpriżi;
48. Jenfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar kif ir-riżultati tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt fir-rigward tas-Sostenibilità (SIA) tal-ftehimiet jiġu inkorporati fin-negozjati qabel il-konklużjoni tagħhom, u li l-Parlament ikun mgħarraf dwar liema kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet ikunu nbidlu, bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi identifikati fl-SIA;
49. Jenfasizza li jeħtieġ li trattati bilaterali futuri dwar l-investiment iffirmati mill-UE jiżguraw li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li l-investituri jkunu protetti u l-ħtieġa li jkun previst intervent mill-istat, speċjalment b'rabta ma’ standards soċjali, tas-saħħa u ambjentali;
50. Jistieden li l-idea ta’ sponsorizzazzjoni tiġi promossa fost min iħaddem;
51. Ifakkar li, għas-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali u/jew għat-talba ta' kumpens għal esternalitajiet negattivi ta' attività tan-negozju irresponsabbli jew illegali tan-negozju, diġà jeżistu kemm il-kawżi fil-qrati kif ukoll alternattivi għal dawn tal-aħħar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex taħdem aktar ħalli tkattar l-għarfien dwar iż-żewġ triqat kemm fost il-komunità tan-negozju kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali; ifakkar li l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC) tipprovdi servizzi ta' soluzzjoni tat-tilwim għal individwi, negozji, stati, entitajiet statali u organizzazzjonijiet internazzjonali li jfittxu alternattivi għal kawżi fil-qrati, liema alternattivi jistgħu jikkontribwixxu biex itejbu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja għall-vittmi f'każ ta' ksur ta' prattiki kummerċjali responsabbli li jikkawżaw danni ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-UE u/jew barra minnha;
52. Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni fil-livell korporattiv dwar l-importanza tal-RSK u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' ottemperanza, bħala kompitu għall-Kummissjoni, jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn sensibilizzazzjoni u tisħiħ xieraq tal-kapaċitajiet fil-livell tal-gvernijiet tal-pajjiżi ospitanti, biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-RSK u l-aċċess għall-ġustizzja;
53. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-kumpaniji tal-UE biex jieħdu inizjattivi immirati li jippromwovu l-RSK u jiskambjaw prattiki tajba ma’ sħabhom f'pajjiżi oħra;
Konklużjonijiet
54. Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri regolatorji jitfasslu fi ħdan qafas legali solidu u f’konformità ma’ standards internazzjonali, bil-għan li jiġu evitati interpretazzjonijiet nazzjonali differenti u riskji ta’ vantaġġi jew żvantaġġi kompetittivi fuq skala reġjonali, nazzjonali jew makroreġjonali;
55. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bl-isforzi tagħha għall-promozzjoni tal-RSK f’relazzjonijiet ma' pajjiżi u reġjuni oħra madwar id-dinja; jitlob, f’dan ir-rigward, li jsiru sforzi akbar biex ir-reċiproċità ssir prinċipju ċentrali tar-relazzjonijiet kummerċjali;
56. Jerġa’ jsostni l-konvinzjoni tiegħu li l-iżvilupp tal-RSK għandu jiġi avvanzat primarjament permezz tal-approċċ li jħaddan diversità ta’ partijiet interessati filwaqt li jalloka rwol ewlieni lin-negozji, li jeħtieġ li jkunu jistgħu jiżviluppaw approċċ imfassal għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri u approċċi speċifiċi għall-iżvilupp tal-RSK fost l-SMEs;
57. Jinnota li l-istrateġija attwali tal-Kummissjoni dwar l-RSK tkopri l-perjodu 2011-2014; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li tiġi adottata strateġija ambizzjuża fil-ħin għall-perjodu ta’ wara l-2014;
58. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ddeċidew li jikkollaboraw ma’ xulxin mill-qrib bil-għan li jiżguraw approċċ koerenti fit-tfassil tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-Istrateġija rinnovata tal-UE dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva għall-perjodu 2011-14(1). Bi qbil mal-objettiv imsemmi hawn fuq u b’rispett sħiħ tal-kompetenzi u responsabilitajiet speċifiċi, iż-żewġ kumitati ddeċidew li jelaboraw żewġ rapporti ta’ inizjattiva dwar temi distinti, li għalihom japplika l-Artikolu 50 tar-Regolament.
Il-kompetenzi esklussivi ta’ kull kumitat ġew stabbiliti abbażi tat-tliet kelmiet ewlenin li ġejjin:
– nies: kwistjonijiet soċjali u impjiegi dejjiema;
– profitt: imġiba mhux spekulattiva u tkabbir sostenibbli;
– dinja: azzjonijiet li jirispettaw l-ambjent.
Ir-responsabbiltajiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ġew stabbiliti abbażi tal-kelma “nies” u dawk tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali abbażi tal-kelma “profitt”. L-oqsma identifikati abbażi tal-kelma "dinja" nqasmu bejn iż-żewġ kumitati skont jekk kinux jirrelataw aktar mal-"profitt" jew man-"nies".
2. Introduzzjoni: l-Istrateġija Rinnovata tal-UE dwar l-RSK
Bl-Istrateġija l-ġdida, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi definizzjoni ġdida tal-RSK(2), rikonoxxuta bħala “r-responsabilità tal-impriżi għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà”(3). F’konformità mad-definizzjoni l-ġdida, l-intrapriżi għandu jkollhom proċess li jintegra l-kwistjonijiet soċjali, ambjentali u etiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi fl-istrateġija kummerċjali u bażika tagħhom. L-għan ta’ dan il-proċess għandu jkun li jinħoloq valur komuni bejn is-sidien/l-azzjonisti, il-partijiet oħrajn interessati u s-soċjeta b’mod ġenerali, sabiex jidentifikaw, jipprevjenu u jtaffu l-effetti negattivi possibbli li jirriżultaw mix-xogħol tal-intrapriża.
Abbażi tad-definizzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni tipproponi numru ta’ miżuri speċifiċi, sabiex tkompli ttejjeb l-impatt tal-politiki tal-RSK, f’konformità ma’ tmien oqsma ta’ intervent:
– li tippromwovi l-viżibbiltà tal-RSK u d-disseminazzjoni tal-prattiki tajba;
– li ttejjeb u tissorvelja l-livelli ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-intrapriżi;
– li ttejjeb il-proċessi ta’ awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni;
– li ttejjeb il-“primjum tas-suq” għall-RSK;
– li żżid l-iżvelar mill-intrapriżi ta' informazzjoni soċjali u ambjentali;
– li tintegra l-RSK iżjed fil-fond fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka;
– li tenfasizza fuq l-importanza ta' politiki nazzjonali u sottonazzjonali rigward l-RSK ;
– li ttejjeb l-allinjament tal-approċċi globali u Ewropej għall-RSK.
3. Pożizzjoni tar-Rapporteur dwar aspetti tal-kompetenza ekslussiva tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
3.1 Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq id-definizzjoni l-ġdida u l-karatteristiċi tal-RSK
Ir-rikonoxximent dejjem jikber tar-rwol “soċjalment responsabbli” li l-impriżi jista’ jkollhom jista’ jiġi interpretat b’modi differenti. Minn naħa waħda, il-globalizzazzjoni u l-emerġenza tas-swieq "globali" joħolqu art għammiela għall-iżvilupp ta' standards soċjali u ambjentali min-naħa tal-intrapriżi(4); min-naħa l-oħra, soċjetà ċivili dejjem aktar attenta u infurmata qed tesiġi li n-negozji jġibu ruħhom b’mod aktar responsabbli(5). L-impuls doppju fil-bażi tal-progress tal-RSK f’sistema ta’ governanza internazzjonali (jew, skont xi wħud, postnazzjonali(6)) jirrifletti l-komplementarjetà tal-interessi bejn l-intrapriżi u s-soċjetà b’mod ġenerali, li jirrikjedi approċċ aktar wiesa’ u li jħares aktar ’il quddiem fuq din il-kwistjoni, sabiex il-potenzjal tal-RSK jiġi sfruttat bl-aħjar mod possibbli.
Minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Rapporteur jaqbel mad-definizzjoni l-ġdida proposta mill-Kummissjoni, li tinnewtralizza l-kuntrast bejn l-approċċi volontarji u l-approċċi obbligatorji, li s’issa kienet ippolarizzat id-diskussjonijiet fuq l-RSK. Fil-fatt, il-varjetà ta’ oqsma ta’ applikazzjoni, l-istrateġiji numerużi użati mill-intrapriżi u l-pluralità tal-approċċi regolatorji juru kif l-RSK tkun żviluppata abbażi ta’ proċessi varji. Għalhekk, ir-Rapporteur iqis li huwa meħtieġ li jiġi kontestwalizzat id-dibattitu dwar l-RSK f’kuntest aktar wiesa’, li filwaqt li jippreserva orjentazzjoni primarjament volontarja, jippermetti fejn hu xieraq id-djalogu dwar miżuri regolatorji.
Għaldaqstant, ir-Rapporteur jirrifjuta kull approċċ għall-RSK li jista’ jimplika li l-intrapriżi jieħdu f’idejhom funzjonijiet primarji tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ standards soċjali u ambjentali. Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur jappoġġja l-orjentazzjoni lejn l-RSK, primarjament immexxi mill-intrapriżi stess, skont il-possibiltajiet u l-ħtiġijiet tagħhom, u appoġġjat b’mod xieraq mill-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi tal-intrapriżi u tas-soċjetà.
3.2 It-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK, il-kompetittività u l-pubbliku ġenerali
Ir-responsabilità soċjali korporattiva hija wkoll fattur ewlieni fil-kompetittività(7). Dan ma jfissirx li l-miżuri kollha tal-RSK awtomatikament itejbu l-kompetittività ta’ negozju. Ifisser li miżuri li joħolqu valur tal-ishma għal negozju, għall-partijiet interessati tiegħu u għas-soċjetà ġenerali jistgħu jsaħħu lil dak in-negozju(8).
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rapporteur iqis bħala prijorità t-tisħiħ tar-rabta bejn l-RSK, il-kompetittività u ċ-ċittadini, permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet radikali maħsuba biex isaħħu r-reċiproċità bejn l-istrateġiji kummerċjali tal-intrapriżi u l-kuntest soċjali li joperaw fihom. F’dan ir-rigward, ir-rapporteur jinkoraġġixxi li jkunu appoġġjati soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jippermettu lill-intrapriżi jaffrontaw sfidi soċjali u ambjentali bħat-trasport intelliġenti u prodotti ekoeffiċjenti.
Fl-istess waqt u bil-għan li tiżdied il-viżibilità tal-RSK minn naħa, u d-diffużjoni ta’ prattiki tajba minn naħa oħra, ir-rapporteur jappoġġja l-introduzzjoni ta’ rikonoxximent Ewropew għal intrapriżi u għal sħubija dwar l-RSK u l-ħolqien ta' pjattaforma multilaterali għall-RSK. F’dan ir-rigward, ir-rapporteur huwa favorevoli għall-inizjattiva ‘Enterprise 2020’ tan-netwerk tal-RSK Ewropa, li tista’ tikkontribwixxi sostanzjalment biex tkun ikkonsolidata r-rabta bejn l-RSK u l-kompetittività.
3.3. Titjib tat-trasparenza u l-effikaċja tal-politiki tal-RSK
Ir-rapporteur jaqbel mal-objettiv ġenerali li titjieb it-trasparenza, il-proċessi ta’ awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni u l-primjum tas-suq għall-RSK. Dawn huma fil-fatt progressi essenzjali biex jiżdied il-livell ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-intrapriżi, filwaqt li jitnaqqas id-distakk bejn l-aspettativa taċ-ċittadini u dak li huma jqisu bħala imġiba reali tal-intrapriżi.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapporteur iqis li hu fundamentali li ma tintesiex in-natura multidimensjonali tal-RSK u l-approċċ differenzjat tal-intrapriżi għal din il-kwistjoni. Minħabba f’hekk, ir-rapporteur jittama li ssir l-adozzjoni ta’ kriterji regolatorji li jippermettu l-preservazzjoni tal-flessibilità ta’ azzjoni l-aktar wiesgħa għall-intrapriżi, li jiggwidaw primarjament l-iżvilupp tal-RSK.
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija huma marbuta, b’mod partikolari, mal-proposta leġiżlattiva futura dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali mogħtija mill-intrapriżi u l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni maħsub biex itejjeb l-effikaċja tal-proċess tal-RSK. Fiż-żewġ każi, ir-rapporteur jopponi soluzzjonijiet “universali”, li ma jikkunsidrawx l-ispeċifiċità tas-swieq u tal-varji setturi li fihom joperaw l-intrapriżi, bir-riskju li jikkawżaw piżijiet amministrattivi u restrizzjonijiet operattivi kontroproduċenti.
3.4 Rikonoxximent u promozzjoni tal-involviment tal-SMEs fl-RSK
L-SMEs, li jirrappreżentaw aktar minn 90% tan-negozji fl-Ewropa, u li għandhom rabtiet stretti mar-reġjun jew mal-belt fejn joperaw, jistgħu jiżvolġu rwol fundamentali biex jippromwovu d-diffużjoni tal-RSK(9). Barra minn hekk, l-SMEs tal-istess settur għandhom il-possibilità li jaffrontaw problemi soċjali u ambjentali simili b’mod kollettiv, u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż ta’ azzjoni u jintlaħaq titjib li SME waħda diffiċli tilħqu.
Minkejja l-fatt li l-SMEs jistgħu jiżvolġu rwol ewlieni fid-dibattitu dwar l-RSK, fuq il-livell mikro huwa evidenti lidawn ma għandhomx familjarità mal-kunċett tal-RSK, li għalihom ta’ spiss huwa kunċett "intanġibbli" li diffiċilment jidentifikaw miegħu, sakemm ma jkunux minn ikunu żviluppaw kuxjenza soċjali ġenwina(10).
Problema oħra hija marbuta mal-perċezzjoni tal-“ispejjeż” u mhux tal-potenzjal ekonomiku tal-RSK. Fil-fatt, minħabba li l-RSK hija marbuta ma’ investiment ekonomiku li r-riżultati tiegħu mhumiex tanġibbli immedjatament, din ħafna drabi “titqies” bħala tip ta’ “piż” għall-intrapriżi li għandhom riżorsi limitati. Fost ir-raġunijiet għal dan hemm il-fatt li ħafna SMEs mhumiex konxji mill-impatt pożittiv li l-RSK jista’ jkollha fuq il-prestazzjonijiet ekonomiċi tagħhom u ma ġewx informati dwar il-prattiki tajba li jistgħu jkomplu jqawwu dawn l-impatt(11).
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Parlament għandu jagħmel prijorità politika l-involviment akbar tal-SMEs fl-RSK għas-snin li ġejjin. Minħabba f’hekk, ir-rapporteur jipproponi serje ta’ azzjonijiet maħsuba biex iżidu l-involviment tal-SMEs fl-RSK:
– l-ewwel nett, huwa essenzjali li kull miżura f’dan il-qasam, ta’ natura vinkolanti jew volontarja, ma tikkawżax piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs u tkun f’konformità mal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”;
– l-objettiv bażiku ta’ kull azzjoni li tittieħed għandu jkun li jitkattar l-għarfien dwar l-RSK u li potenzjal tagħha jitkabbar kemm jista’ jkun. Il-kwistjonijiet għandhom għalhekk jiġu affrontati b’mod raġunat u interdixxiplinarju u għandhom ikunu bbażati fuq objettivi strateġiċi mistqarra b’mod espliċitu;
– b’mod partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu sforzi akbar biex irawmu d-diffużjoni tal-RSK fost l-SMEs, filwaqt li jappoġġjaw ir-rwol tal-organizzazzjonijiet intermedjarji, b’mod li jkun iffaċilitat it-tixrid tal-informazzjoni u l-prattiki tajba;
– il-Kummissjoni għandha tirfed l-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali billi tintensifika l-attivitajiet ta’ koordinament tagħha, billi tiġbor sitematikament informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-RSK implimentati mill-SMEs, bil-għan li trawwem il-ġmigħ u l-qsim ta’ prattiki tajba u tipprovdi materjal għar-riċerka akkademika f’dan il-qasam, b’mod partikolari fuq l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-RSK fil-livell lokali u reġjonali;
– finalment, minħabba n-natura speċifika tal-SMEs, ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex tibda konsultazzjonijiet wiesgħa bil-għan li tidentifika u tiddefinixxi strateġiji tal-RSK li jaqdu l-ħtiġijiet tal-SMEs, inklużi miżuri speċjali għall-mikroimpriżi.
Qabel, il-Kummissjoni Ewropea kienet iddefinixxiet l-RSK bħala “kunċett li bih, fuq bażi volontarja, il-kumpaniji jintegraw preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali fl-operat tan-negozju tagħhom u fl-interazzjoni tagħhom mal-partijiet interessati” (ara COM(2001)0366).
Ara Scherer, A./ Palazzo, G. (2008): Globalisation and Corporate Social Responsibility. Fi: Crane, A. et al. (2008): The Oxford Handbook of Corporate Social Responsibility. Oxford, p. 413.
Ara Martinuzzi, A. et al. (2010): Does Corporate Responsibility Pay Off? Exploring the Links between CSR and Competitiveness in Europe's Industrial Sectors. Dan l-istudju janalizza r-rabtiet bejn l-RSK u l-kompetittività fis-settur tal-bini, dak tad-drapp u dak tal-kimika.
Dawn ir-rabtiet kumplessi bejn in-negozju, iċ-ċittadini u l-kompetittività jista’ jinġabru fi ftit kliem b’parafrażi ta’ dak li kiteb aktar minn 10 snin ilu Michael E. Porter, wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-teorija tal-maniġment, kif ġej: “negozji li jirnexxu għandhom bżonn soċjetà b’saħħitha, u soċjetà b’saħħitha għandha bżonn negozji li jirnexxu”. Ara Porter, M.E./Kramer, M.R. (2006): Strategy and Society:The Link Between Competitive Advantage and Corporate Social Responsibility. Fi: Harvard Business Review, Diċembru 2006, pp. 78-93.
Ara l-Kummissjoni Ewropea – DĠ Intrapriżi (2007): Opportunity and Responsibility. How to help more small business to integrate social and environmental issues into what they do.
Ara Perrini (2006): SMEs and CSR Theory: Evidence and Implications from an Italian Perspective. Fi: Journal of Business Ethics, Vol. 67, 305-316. L-artiklu, li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Italja, jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċi mfassla apposta għall-RSK. Fil-każ tal-SMEs, l-approċċ għandu jibbaża fuq il-kunċett ta’ “kapital soċjali”, aktar milli fuq il-prinċipji tradizzjonali tat-“teorija tal-partijiet interessati”. Dwar l-istess tema ara wkoll: Morsing, M./Perrini, F. (2009): CSR in SMEs: do SMEs matter for the CSR agenda? Fi: Business Ethics, Vol. 18, Ħarġa 1.
(*) Proċedura b’kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali attwali rriżultat minn żbalji fundamentali fir-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, ir-responsabbiltà u mill-ħsieb esklussiv fuq medda qasira ta’ żmien, u li l-UE għandha d-dmir li tiżgura li dawn il-lezzjonijiet jitgħallimhom kulħadd; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġiet tal-Ewrobarometru dwar il-fiduċja fin-negozju; jappella biex ir-riżultati ta’ dawn l-istħarriġiet jiġu diskussi b’mod sħiħ u tittieħed azzjoni mill-partijiet interessati kollha; jappoġġa bis-saħħa r-responsabbiltà soċjali korporattiva (RSK), u hu tal-fehma li jekk din tiġi implimentata b'mod korrett u tintuża fil-prattika mill-kumpaniji kollha u mhux biss mill-kumpaniji l-kbar, tista’ tagħti kontribut kbir biex terġa’ titkattar il-fiduċja mitlufa, li hija assolutament meħtieġa għall-irkupru ekonomiku sostenibbli, u tista’ ttaffi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika; jinnota li meta n-negozju jassumi responsabbiltà għas-soċjetà, l-ambjent, u l-impjegati, tinħoloq sitwazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd li sservi biex twessa’ l-bażi ta’ fiduċja meħtieġa għas-suċċess ekonomiku; hu tal-fehma li huwa fl-interess tan-negozji u tas-soċjetà b’mod globali li l-RSK issir parti minn strateġija ta’ negozju sostenibbli; jirrimarka li diversi negozji, speċjalment intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), qed jagħtu eżempju eċċellenti f’dan il-qasam;
2. Jemmen li filwaqt li l-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni ma jistgħux jissostitwixxu regolamentazzjoni settorjali xierqa fejn din tkun meħtieġa, pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti soċjali u ambjentali, il-prattiki tax-xogħol u l-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem, jew fi kwalunkwe qasam ieħor kopert mill-RSK, jistgħu jappoġġaw inizjattivi privati u volontarji eżistenti tal-RSK billi jistabbilixxu prinċipji minimi, biex b’hekk jiżguraw il-konsistenza, il-materjalità, kontribut minn partijiet interessati multipli u t-trasparenza, u billi jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni ambjentali u soċjali speċjalizzati fl-RSK; jenfasizza li kwalunkwe forma ta’ RSK ibbażata fuq l-awtoregolamentazzjoni u l-awtoorganizzazzjoni tas-suq għandha tinkludi dispożizzjoni għal ‘aċċess għal rimedju’ f’konformità mat-‘tielet pilastru’ tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota, fl-istess ħin, li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jipprovdu appoġġ billi joħolqu kundizzjonijiet xierqa – u jipprovdu għodod u strumenti xierqa, bħal sistema ta’ inċentivi – għall-kooperazzjoni tal-RSK; jemmen li l-attivitajiet filantropiċi tan-negozji għandhom, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ikunu volontarji;
3. Iqis li hu vitali li jittieħdu miżuri biex jiġu żgurati l-provvista xierqa ta’ servizzi u l-konformità mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku; jissuġġerixxi, għalhekk, li kriterji soċjali flimkien ma’ klawsoli tal-ILO, jiġu inklużi fl-għoti ta’ kuntratti, bħala kundizzjoni essenzjali u bi trasparenza massima, biex b'hekk jiġi salvagwardjat il-valur soċjali siewi tal-attività tal-RSK; jenfasizza li dan jista’ jinkoraġġixxi wkoll it-twettiq ta’ attività tal-RSK iktar xierqa u effettiva fi ħdan is-setturi industrijali;
4. Jirrifjuta l-idea li negozji żgħar huma inqas responsabbli minn dawk kbar sempliċement għax m’għandhomx infrastruttura tal-RSK separata; jemmen li, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ negozji żgħar, għandhom jiġu stabbiliti limiti raġonevoli fi kwalunkwe proposti leġiżlattivi ġodda relatati mal-RSK li jitressqu; jappella, madankollu, għal azzjoni Ewropea li tibni fuq l-esperjenza tal-Italja, li tiddependi fuq il-kmamar reġjonali tal-kummerċ, u ta’ Franza, iffukata fuq il-banek ta’ tfaddil tagħha (Inizjattiva Cordé), għal ragruppament ta’ negozji żgħar skont il-lokalità jew is-settur, sabiex tkabbar sew is-sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut tan-negozji żgħar kif ukoll il-viżibilità tiegħu;
5. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi ‘Komunità ta' Prattika’ dwar l-RSK u l-azzjoni soċjali min-naħa tan-negozji; jemmen li dan għandu jkun kumplementarju għall-kodiċi ta’ prattika tajba għall-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni, billi l-partijiet interessati kollha jitħallew jimpenjaw ruħhom fi proċess ta’ tagħlim komuni sabiex jittejbu u jissaħħu l-effiċjenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-azzjonijiet b’partijiet interessati multipli;
6. Hu tal-fehma li t-trasparenza u l-kredibbiltà tal-azzjonijiet tal-RSK jistgħu jkunu żgurati jekk jiġu stabbiliti standards minimi; jinnota li l-istandards minimi f’dan il-qasam għandhom, fi kwalunkwe każ, ikopru l-involviment tar-rappreżentanti tal-impjegati u t-trejdjunjins, flimkien ma’ partijiet interessati oħra, rigward il-kontenut, l-infurzar u l-monitoraġġ, l-involviment tal-katina ta’ valur, u r-rieżami indipendenti ta’ konformità mal-obbligi awtoimposti;
7. Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta dwar id-‘divulgazzjoni mhux finanzjarja’ min-negozji, li tiffaċilita l-UE tinkoraġġixxi n-negozji Ewropej japplikaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(1) u l-Patt Globali tan-NU; jilqa’ l-fatt li din il-proposta hija bbażata fuq konsultazzjoni pubblika mifruxa kif ukoll fuq sensiela ta' workshops ma' partijiet interessati rilevanti; jenfasizza li l-użu tat-terminu ‘mhux finanzjarja’ m’għandux jaħbi l-konsegwenzi finanzjarji reali għan-negozji f’termini tal-impatti soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jindika li l-impatt tal-azzjoni tan-negozju u l-involviment soċjali jista’ jitkejjel ukoll f’termini finanzjarji; jitlob għal proposta li tqiegħed lill-UE fil-qalba tal-bosta inizjattivi internazzjonali attwali dwar ir-rappurtar tas-sostenibbiltà korporattiva u li tkun kompletament konformi mal-obbjettiv li rappurtar integrat, kif qed jiġi żviluppat issa mill-Kunsill Internazzjonali ta’ Rappurtar Integrat (IIRC), isir in-norma globali sa tmiem id-deċennju; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe soluzzjoni li tintgħażel m’għandhiex toħloq piżijiet amministrattivi eċċessivi, partikolarment għall-SMEs; jemmen li attivitajiet filantropiċi tan-negozji m’għandhomx jiġġeneraw burokrazija u spejjeż li jistgħu jipperikolaw l-impenji volontarji tagħhom; jilqa’ l-għan tal-kxif tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-iskemi kriminali, u jħeġġeġ l-istati jikkastigaw dawn bl-akbar rigorożità;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fil-kuntest tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, il-kwistjoni ta’ forom qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta’ impatti ambjentali u soċjali tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji;
9. Jikkundanna bl-akbar qawwa l-korruzzjoni korporattiva u l-evażjoni tat-taxxa, iżda jsostni li l-Kummissjoni għandha tiddistingwi b’mod aktar ċar bejn (1) l-azzjoni filantropika, (2) l-azzjoni soċjali min-negozji, (3) l-azzjoni antisoċjali min-negozji, fejn eżempju wieħed huwa t-tħaddim furzat tat-tfal; jikkundanna bil-qawwa azzjoni antisoċjali min-naħa tan-negozji, u jemmen li għandha titqiegħed pressjoni ikbar fuq pajjiżi biex japplikaw l-istandards internazzjonali fil-liġi nazzjonali u jinfurzaw din il-leġiżlazzjoni; ma jilqax, madankollu, kundanni ġeneralizzati fir-rigward tan-negozju kumplessivament fuq il-bażi ta’ prattiki inġusti u ksur tal-liġi min-naħa ta’ ftit kumpaniji biss; hu tal-fehma li filwaqt li kumpaniji għandhom obbligu li jitkellmu dwar kwistjonijiet pubbliċi ta’ tħassib, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta’ lobbying tagħhom għandhom ikunu trasparenti bis-sħiħ u konformi mal-prinċipji demokratiċi; jenfasizza l-importanza tal-offerta ta’ taħriġ speċifiku tal-RSK fl-universitajiet u fl-iskejjel tan-negozju u maniġerjali;
10. Jenfasizza li rispett strett tad-drittijiet tal-bniedem, diliġenza u trasparenza xierqa għandhom jinżammu sabiex jiżguraw RSK tul il-katina tal-provvista kollha, il-kejl tal-marka tas-sostenibbiltà tan-negozju Ewropew, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u flussi ta’ flus illiċiti; jirrimarka li d-dibattiti parlamentari li għadhom għaddejjin dwar l-abbozz ta’ Liġi tal-UE dwar it-Trasparenza tal-Industrija Estrattiva għall-industrija estrattiva u tal-injam (2011/0307(COD)), ir-rieżami tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-abbozz imħabbar tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju jipprovdu opportunitajiet biex itejbu t-trasparenza tal-kumpaniji għal dawn il-finijiet;
11. Jenfasizza li r-responsabbiltà korporattiva m’għandhiex tiġi ristretta għal strument ta’ kummerċjalizzazzjoni, iżda li l-uniku mod biex tiġi żviluppata bis-sħiħ huwa li l-RSK tiġi integrata fl-istrateġija ġenerali ta’ negozju ta’ kumpanija, u tiġi implimentata u tradotta fir-realtà fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-kumpanija u fl-istrateġija finanzjarja; jilqa’ rabta bejn responsabbiltà korporattiva tajba u governanza korporattiva tajba; jemmen li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-kumpaniji jiddeċiedu dwar l-istrateġija tal-RSK fil-livell tal-bord; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu kodiċijiet ta’ ġestjoni korporattiva li jirriflettu l-importanza tar-responsabbiltà għal kulħadd fil-kumpanija, u li jistabbilixxu r-rabta soda bejn il-prestazzjoni ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-kumpanija u r-riżultati finanzjarji tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
14.1.2013
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
37
6
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Regina Bastos, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni, Inês Cristina Zuber
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Richard Howitt, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Csaba Sógor
Report of the Special Representative of the Secretary-General on the issue of human rights and transnational corporations and other business enterprises, John Ruggie:Guiding Principles on Business and Human Rights:Implementing the United Nations ‘Protect, Respect and Remedy’ Framework, 21 ta’ Marzu 2011.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ l-fatt li d-definizzjoni l-ġdida stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tissottolinja l-esiġenza tal-ottemperanza mar-regoli legali fis-seħħ bħala prekundizzjoni għal aġir responsabbli u li tippreċiża l-qafas meħtieġ għar-responsabbiltà korporattiva permezz tal-esiġenza li “li l-proċess operattiv" jintegra r-responsabbiltajiet soċjali, ambjentali, etiċi u dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u tal-konsumatur fl-operazzjonijiet ta' negozju u l-istrateġija ewlenija tal-impriżi b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati; itenni li r-responsabbiltà soċjali korporattiva jeħtieġ li testendi wkoll għall-aġir tal-impriżi fil-konfront ta' pajjiżi terzi u f’dawk il-pajjiżi;
2. Jilqa’ l-isforzi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jallinjaw il-politiki tagħhom mar-reviżjoni tal-2011 tal-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali kif ukoll mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(1) u jissottolinja li dawn l-isforzi, speċjalment fis-settur tal-kummerċ internazzjonali li mhuwiex regolat mill-istati nazzjon għadhom s'issa ma wasslux għal impenn suffiċjenti għaż-żamma u r-rieżami ta’ standards ambjentali, soċjali, u tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jenfasizza l-importanza li titqies l-katina tal-provvista fil-valutazzjoni tar-rispett tar-responsabilità soċjali min-naħa ta' kumpannija; iqis li hija ta' importanza enormi li jiġu stabbiliti indikaturi effiċjenti u trasparenti li jippermettu l-valutazzjoni b'mod preċiż tal-impatti tal-attivitajiet tal-kumpanniji mil-lat sistematiku;
4. Jinsisti li kull wieħed mis-27 Stat Membru jrid jaċċellera r-reviżjoni tal-pjanijiet tiegħu ta’ azzjoni dwar ir-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji (RSK), u l-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali li jimplementaw il-Prinċipji Gwida tan-NU, li għandhom ikunu ffinalizzati sa mhux aktar tard minn tmiem Diċembru 2013; iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-pjanijiet jitfasslu bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders relevanti kollha, inklużi l-NGOs, is-soċjetà ċivili, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem (NHRI); jitlob lill-UE tiffaċilita t-tagħlim mill-esperjenza ta’ dawk l-Istati Membri li għaddejjin bħalissa mill-proċess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jitnebbħu mil-linji gwida li jinsabu fl-istandard ISO 26000, mill-aħħar verżjoni tal-linji gwida tal-Global Reporting Initiative u mill-gwida mogħtija mill-Grupp Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Jeddijiet tal-Bniedem (NHRIs);
5. Jissottolinja li r-responsabbiltà soċjali tal-impriżi sew fi ħdan l-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi għandha tiġi estiża għal oqsma bħall-organizzazzjoni tax-xogħol, il-kwalita tal-impjiegi, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, il-parteċipazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja;
6. Jitlob li jkun hemm koerenza akbar fil-politiki f’livell ta’ UE billi l-politiki u ftehimiet dwar l-akkwist pubbliku, il-kreditu tal-esportazzjoni, il-governanza t-tajba, il-konkorrenza, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-investiment u oħrajn jinġiebu f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem, soċjali u ambjentali, imniżżlin fil-linji gwida u l-prinċipji tal-OECD u tan-NU; jitlob, f’dan is-sens, għal kooperazzjoni mal-korpi li jirrappreżentaw l-impjegati, dawk li jħaddmu u lill-konsumaturi filwaqt li jittieħed il-parir tal-NHRIs, bħalma huma s-sottomissjoni tal-Grupp Ewropew tal-NHRIs lill-Kummissjoni dwar il-jeddijiet tal-bniedem u l-akkwist; jitlob li jkun hemm valutazzjonijiet sinifikanti u adegwati tal-impatt tal-proposti leġiżlattivi għal inkoerenza potenzjali mal-Prinċipji Gwida, u jinsisti fuq il-koordinazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar in-Negozju u l-Jeddijiet tal-Bniedem, ħalli tkun evitata interpretazzjoni ma ssegwix u inkonsistenti ta’ dawk il-Prinċipji Gwida; filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-qafas tal-jeddijiet tal-bniedem tan-NU għar-RSK, ifakkar li l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiggarantixxi d-dritt fundamentali ta' libertà ta' intrapriża, dritt li għandu jiġi kkunsidrat kif xieraq u jservi ta' referenza għall-appoġġ ta' politiki tar-RSK fl-UE; jenfasizza l-importanza li jinżamm bilanċ bejn il-libertà ta' intrapriża u drittijiet oħra garantiti minn din il-Karta kif ukoll prinċipji u linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment għar-RSK; jilqa' f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali sabiex tiġbor evidenza u għarfien espert dwar l-eżistenza u l-interpretazzjoni tal-libertà ta' intrapriża;
7. Jimpenja ruħu li jissokta jgħolli b’mod konsistenti l-istennija tiegħu li l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-UE, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Jeddijiet tal-Bniedem kif ukoll ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE speċifiċi għall-pajjiż u għar-reġjun, jagħmlu kull sforz biex imexxu ’l quddiem l-istandards soċjali u ambjentali, u l-jeddijiet tal-bniedem u l-aġenda tan-negozju fir-relazzjonijiet u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; jstieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt b'rabta mad-drittijiet fundamentali qabel il-konklużjoni u waqt l-evalwazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali tal-kummerċ u tal-investiment u l-attribuzzjoni ta' għajnuna mill-Istat u jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati;
8. Jirrikonoxxi li l-NHRIs allinjati mal-Prinċipji ta' Pariġi huma pożizzjonati b'mod tajjeb ħalli jagħtu l-appoġġ għall-implementazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluża l-faċilitizzazzjoni tal-aċċess għal irmedji jekk mhux l-iżgurar tiegħu; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu l-NHRIs flimkien mal-impriżi u l-korpi rappreżentanti l-impjegati, lil min iħaddem u lill-konsumaturi bħala sieħba ewlenin fl-avvanz tal-jeddijiet tal-bniedem u l-aġenda tan-negozju, bl-iżvilupp tar-rabtiet bejn in-negozju, l-istat u s-soċjetà ċivili u l-promozzjoni ta’ standards u linji-gwidi soċjali, ambjentali u ta’ jeddijiet tal-bniedem li jkunu internazzjonalment rikonoxxuti; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri jsaħħu u, fejn ikun neċessarju, iwessgħu l-mandati tal-NHRIs ħalli jagħmluhom aktar effettivi, jew, fejn ma jkunx hemm NHRI allinjat mal-Prinċipji ta’ Pariġi, ħalli jieħdu passi biex iwaqqfuhom, u ħalli l-UE tiżviluppa appoġġ stateġiku xieraq; jimpenja ruħu li jwaqqaf skambju regolari ta’ kull sena ta’ veduti mal-NHRIs fil-qafas tal-LIBE u/jew DROI, billi jibni fuq l-esperjenza tal-iskambju ta’ veduti tad-DROI dwar is-‘Samit tal-2011 tal-Ombudsmen tal-UE u tas-Sħubija Lvant’, u li jikkomplementa tali skambji b’workshops iddedikati apposti għall-jeddijiet tal-bniedem u n-negozju;
9. Jilqa' favorevolment l-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fl-14 ta' Ġunju 2012, tar-Rakkomandazzjoni nru 202 dwar il-bażijiet ta' protezzjoni soċjali; jintrabat li jqiegħed il-kwestjoni tal-'drittijiet tal-bniedem u n-negozju' fuq l-aġendi tal-laqgħat li jmiss tal-UE ma' pajjiżi terzi, l-aktar dawk li magħhom l-UE għandha rapport speċjali; jitlob li r-RSK tkun inkorporata fir-relazzjonijiet kontrattwali atl-UE ma' pajjiżi terzi u jitlob li, jekk ikun neċessarju, it-traduzzjonijiet tal-Prinċipji Gwida tan-NU jitwettqu bl-użu tal-kapaċità tal-PE jew ta' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE;
10. Jitlob lill-UE, u b’mod partikolari lill-Kummissjoni, tiżgura li l-istrumenti finanzjarji, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), jaraw lill-NHRIs konformi mal-Prinċipji ta’ Pariġi bħala sħab kjavi fil-ksib tal-objettivi tagħhom, u tappoġġjahom fl-użu effiċjenti li jagħmlu mill-pożizzjoni unika u mill-għarfien espert tagħhom dwar il-jeddijiet tal-bniedem ħalli joħolqu spazju għad-djalogu bejn l-istakeholders varji, inklużi l-awtoritajiet statali, is-soċjetà ċivili u n-negozju, għal dan il-fini:
(1) (1) jiżgura li t-tema tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tkun tidher fost il-prijoritajiet tal-istrumenti finanzjarji individwali skont il-perspettiva tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perijodu 2014-2020; kif ukoll
(2) jiżviluppa appoġġ speċifiku skont l-EIDHR għat-taħriġ u l-bini globali tal-kapaċità fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem u n-negozju tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NHRIs, id-difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem, it-trade unions, u organizzazzjonijiet oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem;
11. Jinsisti, sabiex jiżgura li l-implementazzjoni tal-istrateġija l-ġdida RSK tal-UE tkun tippromwovi l-interessi tas-soċjetà, ir-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem, u triq għal progress sostenibbli u inklussiv, li l-proposta leġiżlattiva dwar il-kxif obbligatorju tal-informazzjoni mhux finanzjarja (inkluża informazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza) tal-kumpanniji tiżgura t-trasparenza billi tagħti qafas ċar, mhux ambigwu, komuni u determinat minn qabel, b’riferiment speċifiku għall-jeddijiet tal-bniedem, li jkun kompletament allinjat mal-Prinċipji Gwida tan-NU u msejjes fuq indikaturi oġġettivi: l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inklużi kwestjonijiet bħalma hija l-qabża fis-salarji bejn il-ġeneri u l-proporzjon ta’ nisa f’pożizzjonijiet għolja; il-pagi taż-żgħażagħ; il-possibilità li l-ħaddiem jissieħbu fi trade unions u jkollhom negozjati kollettivi; garanziji effettivi ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol; u d-diżabbiltà;
12. Jitlob lill-UE tindirizza l-avariji fil-kapaċità interna u fl-għarfien espert billi timplementa progammi ta’ taħriġ sinifikanti dwar il-‘jeddijiet tal-bniedem u n-negozju' fl-istituzzjonijiet u l-oqsma kollha tal-politiki tal-UE;
13. Itenni t-talbiet tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri li jtejbu l-eżekuzzjoni tal-liġijiet eżistenti li jindirizzaw ir-RSK it-tħassib tan-negozju u l-jeddijiet tal-bniedem, u li jiżviluppaw aktar soluzzjonijiet li jimmiraw lejn opportunitajiet indaqs għall-impriżi tan-negozju kemm domestiċi kemm ta' pajjiżi terzi bil-għan li jiġi miġġieled id-dumping soċjali;
14. Jitlob li jkun hemm standards ta' għall-jeddijiet tal-bniedem u għall-katina ta’ fornitura f’livell ta’ UE li, fost ħwejjeġ oħra, jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżlin fil-Gwida tal-OKŻE dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Zoni Affettwati mill-Kunflitti u Zoni ta’Riskju Għoli li jkunu indirizzati, fost kwestjonijiet oħrajn, oqsma b'potenzjal sinifikattiv ta' impatt negattiv jew pożittiv fuq il-jeddijiet tal-bniedem bħalma huma l-ktajjen ta' fornituri globali u lokali, il-minerali tal-kunflitti, l-outsourcing, il-ħtif tal-art, u reġjuni fejn id-dritt tax-xogħol u ħarsien il-ħaddiema huma insuffiċjenti jew fejn jiġu mmanifatturati l-prodotti li huma perikolużi għall-ambjent u għas-saħħa; jilqa' pożittivament il-programmi diġà stabbiliti mill-UE, partikolarment il-programm FLEGT fil-qasam tas-silvikultura, u jsostni l-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI);
15. Jitlob li fejn l-UE jew l-Istati Membri jkunu sħab fin-negozju (eż., fl-akkwist pubbliku, fl-impriżi tal-istat, fil-joint ventures, fil-‘blending’, fil-garanziji tal-kreditu għall-esportazzjoni, fil-proġetti fuq skala kbira f’pajjiżi terzi), il-konsistenza mal-Linji gwida u prinċipji tal-OECD u tan-NU għandha tkun prijorità, riflessa fi klawsoli kontrattwali speċifiċi, u b'konsegwenzi għall-kumpanniji li jiksru b'mod ċar l-istandards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-‘Pjattaforma tal-UE għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Esterni’ twaqqaf modalitajiet bħal dawn bil-ħsieb li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' taħlit u tal-istrumenti finanzjarji tal-kooperazzjoni esterna tal-UE u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji u partijiet interessati oħra f'dan il-qasam;
16. Jisħaq fuq l-importanza tal-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti "protezzjoni, rispett u rimedju"u jqis li dawn it-tliet pilastri: ir-responsabilità tal-Istat li jipproteġi mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità tal-kumpanniji li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-bżonn ta' aċċess aktar effettiv għar-rimedju għandhom ikunu suġġetti għal provvedimenti adegwati li jippermettu l-implementazzjoni tagħhom;
17. Jenfasizza li, minħabba l-piż tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, l-kumpanniji Ewropej, is-sussidjarji tagħhom u s-sottokuntratturi tagħhom jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni u t-tixrid tal-istandards soċjali u tax-xogħol fid-dinja; jirrikonoxxi li l-ilmenti kontra l-kumpaniji tal-UE li joperaw barra huma aktar iva milli le riżolti b'mod tajjeb in situ; ifaħħar lill-Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt tal-OECD bħala mekkaniżmu mhux legali bbażati fuq l-istat li jistgħu jimmedjaw fuq firxa wiesgħa ta’ tilwimiet tan-negozju u tal-jeddijiet tal-bniedem; jitlob, b’danakollu, li jkun hemm sforzi akbar mill-kumpanniji fl-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta’ lmentar allinjati mal-kriterji ta’ effikaċja msemmijin fil-Prinċipji Gwida u li jfittxu aktar gwida awtorevoli pprovduta minn prinċipji u linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD aġġornati reċentement għal Intrapriżi Multinazzjonali, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard ta' Gwida dwar ir-Responsabilità Soċjali ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji fir-rigward tal-Impriżi Nazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO;
18. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li temenda d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat misjubin fir-Regolament Brussell I, u b'mod partikolari l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-'forum necessitatis'; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiżviluppa atkar aċċess effikaċi għar-rimedji għall-vittmi tal-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem riżultanti mill-operazzjonijiet tal-kumpanniji barra l-UE, permezz ta’ riformi tar-regolamenti Brussell I u Ruma II; jitlob li jkun hemm miżuri effikaċi għat-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-ġustizzja, bħalma huma l-kostijiet mhux xierqa tal-litigazzjoni, permezz ta' inizjattivi bħalma huwa l-iżvilupp ta' standards minimi ta' rimedju kollettiv, jew soluzzjonijiet għall-problema tal-'personalità ġuridika separata' tal-kumpanniji;
19. Jitlob l-iżvilupp ta' standards ta' trasparenza u responsabilità aktar effettivi għall-kumpaniji teknoloġiċi tal-UE fir-rigward ta' teknoloġiji ta' esportazzjoni li jistgħu jintużaw sabiex jiksru il-jeddijiet tal-bniedem jew jaġixxu kontra l-interess tas-sigurtà tal-UE;
20. Jilqa' favorevolment ir-rieda tal-Kummissjoni li tittratta l-kwestjoni tar-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-kuntest tat-tkabbir; huwa diżappuntat, b’dana kollu, li din il-kwestjoni ma ġiet indirizzata b’mod speċifiku fin-negozjati għat-tisħib mal-pajjiżi kandidati jew imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 bit-titlu ‘L-Istrateġija ta’ Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013’ (COM(2012)0600);
21. Jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kampanji mondjali, linji gwida internazzjonali u miżuri leġiżlattivi komplementari bil-għan li jiġi garantit li l-impriżi jħallu impatti pożittivi fuq il-kumpanniji barranin; jinnota li l-impatti pożittivi tal-impriżi fuq il-kumpanniji barranin jistgħu, fost affarijiet oħrajn, jitkejlu skont l-aċċess għar-riżorsi mill-popolazzjonijiet lokali, tas-sovranità tal-ikel tal-popolazzjonijiet, tal-iżvilupp endoġenu tal-kumpanniji;
22. Jitlob l-implimentazzjoni tal-'konoxxenza tal-utent finali proprju' sabiex ikun żgurat li jiġi evitat il-ksur tal-jeddijiet tal-bniedem fl-istadji tal-bidu u dawk sussegwenti fi fluss tal-produzzjoni jew tas-suq.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
3.12.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
42
1
2
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Sir Robert Atkins, Arnaud Danjean, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Laima Liucija Andrikienė, Marije Cornelissen, Elisabeth Jeggle, Agnès Le Brun, Marietje Schaake, Helmut Scholz
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Kunsill tal-Jeddijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, 17-il Sessjoni, 21 ta' Marzu 2011, Rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali dwar il-kwestjoni tal-jeddijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi oħrajn tan-negozju, John Ruggie: "Prinċipji Gwida dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem: Implementing the United Nations “Protect, Respect and Remedy” Framework”’ (A/HRC/17/31) (magħrufin minn issa ’l quddiem bħala l-“Prinċipji Gwida tan-NU”).
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (6.12.2012)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li minħabba l-eteroġeneità tal-kunċett tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (RSK), fejn kumpaniji differenti żviluppaw standards differenti dwar il-kontabilità, l-awditjar u r-rappurtar, il-livelli tar-RSK diffiċli jitqabblu; jenfasizza li r-regolazzjoni maqbula f'livell internazzjonali fil-kuntest tal-RSK toħloq fiduċja u ekwità fir-relazzjonijiet kummerċjali u jkollha l-benefiċċji taċ-ċertezza, l-infurzabbiltà progressiva, l-universalità u l-għoti tas-setgħa lill-partijiet interessati;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-RSK trid tkopri d-drittijiet tal-bniedem, il-prattiki fil-qasam tax-xogħol u l-impjieg, il-kwistjonijiet ambjentali (bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi) u l-ġlieda kontra t-tixħim u l-korruzzjoni, b'mod partikolari permezz ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (jiġifieri t-trasparenza, l-iskambju tal-informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa);
3. Ifakkar li l-RSK tkopri diversi standards soċjali iżda dawn ftit li xejn huma enfasizzati peress li ma ġewx stabbiliti indikaturi li jippermettu l-kejl tal-progress miksub fil-livell soċjali;
4. Jenfasizza li l-impriżi li jimpenjaw ruħhom favur l-RSK għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati faċilment mill-investituri u l-konsumaturi sabiex jiġu inkoraġġiti fl-isforzi tagħhom;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE teżamina l-possibbiltà li jiddaħħlu marki jew tikketti xierqa li jintużaw maġenb l-ismijiet tal-impriżi li impenjaw ruħhom favur l-RSK, jew fuq il-prodotti tagħhom, sabiex ikun faċli li jiġu identifikati;
6. Jirrimarka li l-RSK hija l-aħjar għodda sabiex il-kumpaniji juru l-impenn, is-solidarjetà u r-responsabbiltà tagħhom lejn is-soċjetà u hija wkoll essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD); jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-RSK b'konsistenza sħiħa mal-linji gwida internazzjonali attwali, inklużi l-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali tal-OECD, l-għaxar prinċipji tal-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard Gwida dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji fir-rigward tal-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jiddispjaċih, madankollu, li l-lingwaġġ tar-RSK fil-parti l-kbira tiegħu huwa volontarju;
7. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija lill-SMEs dwar l-eżistenza tal-Patt Dinji li bis-saħħa tiegħu l-impriżi jistgħu jieħdu l-impenn li jallinjaw l-operazzjonijiet u l-istrateġiji tagħhom mal-għaxar prinċipji aċċettati b'mod universali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
8. Jenfasizza li l-Patt Dinji tan-NU u l-istandards ISO 26000 mhumiex adattati biżżejjed għall-SMEs u minħabba f'hekk l-idea kollha tal-RSK hija inqas effettiva fl-UE;
9. Jenfasizza li huwa utli li fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali jiġu eżaminati l-mezzi ta' inċentiv fiskali li jistgħu jippermettu l-promozzjoni tal-RSK mal-ikbar numru possibbli ta' impriżi;
10. Jenfasizza li, bħala impenn purament volontarju, l-RSK taf ma tkunx biżżejjed biex tittratta l-esternalitajiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-kumpaniji multinazzjonali, inklużi l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-degradazzjoni ambjentali; itenni t-talba tiegħu sabiex l-investituri u l-kumpaniji barranin li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi legalment vinkolanti fil-livell internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u l-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO kif ukoll il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li l-politiki tal-RSK jinkludu wkoll miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prattika illegali li permezz tagħha ħaddiema jitqiegħdu fuq “lista sewda”u jinċaħdu l-aċċess għall-impjieg, ħafna drabi minħabba s-sħubija jew l-attivitajiet tagħhom f’xi trade union jew ir-rwol rappreżentattiv tagħhom fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza;
11. Jenfasizza l-fatt li l-kumpaniji għandhom jitħeġġu jimplimentaw prattiki ta' RSK u li l-kumpaniji li jkunu diġà implimentaw dawn il-prattiki għandhom jitħeġġu jsegwu l-għanijiet tal-RSK; jitlob lill-Kummissjoni tqis inċentivi, bħall-għoti ta' prijorità f'kuntratti ta' akkwist pubbliku tal-UE, sabiex il-kumpaniji iqisu l-RSK bħala opportunità u mhux bħala theddida;
12. Jenfasizza li l-RSK għandha twassal sabiex ikun hemm impenji ċari favur ir-rispett għad-drittijiet, il-protezzjoni u l-benesseri tal-ħaddiema b'indikaturi tal-prestazzjoni u punti ta' riferiment ċari għall-kejl tat-titjib, u li għandu jsir provvediment għal monitoraġġ oġġettiv, inklużiv u trasparenti u mekkaniżmi effikaċi ta' għoti ta' rendikont u ta' infurzar biex jiġu indirizzati każijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluża proċedura aktar miftuħa u ċara għat-tressiq u l-ikkunsidrar tal-ilmenti u għat-tnedija ta' investigazzjonijiet meta jkun meħtieġ;
13. Itenni li l-RSK għandha tkun applikabbli għall-impriżi kollha biex ikun hemm kundizzjonijiet ġusti u ugwali għal kulħadd; madankollu, jirrimarka li l-mod kif l-industriji estrattivi joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrikjedi li wieħed imur lil hinn minn approċċ volontarju; jenfasizza li l-investiment fin-Niġerja min-naħa tal-industrija tal-pitrolju huwa eżempju tajjeb tal-limitazzjonijiet tal-RSK kif implimentata bħalissa, fejn kumpaniji naqsu milli jieħdu inizjattivi ta' RSK biex joħolqu prattiki ta' negozju sostenibbli, jew jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istati ospitanti tagħhom; jappoġġa b'mod qawwi l-proposta leġiżlattiva għar-rappurtar skont il-pajjiż, abbażi tal-istandards tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), rappurtar tal-bejgħ u l-profitti, kif ukoll tat-taxxi u d-dħul, sabiex tiġi skoraġġita l-korruzzjoni u evitat l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-industriji estrattivi Ewropej li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħtu eżempju ta' responsabbiltà soċjali u jippromwovu x-xogħol deċenti;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi ulterjuri mmirati lejn l-iżblukkar u t-tisħiħ tal-potenzjal tal-RSK fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima (billi torbotha mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija), pereżempju fil-proċessi li l-kumpaniji jużaw għax-xiri ta' materji primi;
15. Jenfasizza li l-RSK għandha tapplika għall-katina kollha tal-provvista globali, inklużi l-livelli kollha ta' sottokuntrattar, li fil-provvista kemm ta' prodotti, kemm ta' ħaddiema kif ukoll ta' servizzi, għandha tinkludi dispożizzjonijiet biex testendi l-protezzjoni għall-ħaddiema migranti, il-ħaddiema temporaniji permezz tal-aġenziji u l-ħaddiema stazzjonati, u li għandha tkun imsejsa fuq pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tat-trade unions; huwa tal-fehma li l-kunċett tal-Ġestjoni Responsabbli tal-Katina tal-Provvista jeħtieġ li jiġi elaborat aktar bħala mekkaniżmu għat-twettiq tac-RSK;
16. Huwa tal-fehma li, biex ikollha impatt ġenwin fuq it-tnaqqis tal-faqar, l-aġenda tal-RSK għandha wkoll tiffoka fuq l-SMEs, billi l-impatt soċjali u ambjentali kumulattiv tagħhom huma sinifikanti;
17. Iqis li l-kumpaniji tal-UE għandhom ikunu legalment responsabbli u li bejniethom u s-sussidjarji tagħhom u l-entitajiet li jikkontrollaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi ta' għoti ta' rendikont u ta' responsabbiltà; jilqa' bi pjaċir, barra minn hekk, il-ħidma li saret mis-soċjetà ċivili tal-UE, li ilha involuta b'mod attiv fis-sensibilizzazzjoni rigward vjolazzjonijiet imwettqa minn dawn il-kumpaniji barra minn pajjiżhom;
18. Jinsisti li huwa d-dmir tal-istat li jipproteġi minn vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, inkluż mill-kumpaniji, li jżomm responsabbli lill-kumpaniji, li jiddefendi l-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet ta' negozjar kollettiv u li jipprovdi aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi miżuri effikaċi biex tibda tħaddem il-Qafas Ipproteġi, Irrispetta u Irrimedja tan-NU propost minn John Ruggie, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
19. Jenfasizza li l-implimentazzjoni aħjar tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem se tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem u standards ewlenin tax-xogħol; għalhekk jistieden lill-UE tistinka biex ikun hemm qafas ġuridiku internazzjonali ċar dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tan-negozji f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem;
20. Jilqa' l-fatt li n-numru ta' kumpaniji li qed jiżvelaw informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza tagħhom (ESG) kiber b'mod sinifikanti dawn l-aħħar snin; jirrimarka madankollu li l-kumpaniji li jirrappurtaw tali informazzjoni xorta għadhom jirrappreżentaw sehem żgħir tan-negozju globali; jinnota li, filwaqt li d-Direttiva tal-UE dwar l-Immodernizzar tal-Kontijiet (2003/51/KE)(1) tiżgura livell minimu ta' żvelar ta' indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin kemm finanzjarji u kemm mhux finanzjarji, din ma tistabbilixxi l-ebda rekwiżiti fir-rigward tat-tip ta' indikaturi li jridu jiġu inklużi fir-rapporti annwali; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga miżuri possibbli ulterjuri biex issaħħaħ l-iżvelar ta' informazzjoni dwar l-ESG fil-livell Ewropew;
21. Jenfasizza li l-għajnuna li l-UE tagħti lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jimplimentaw regolamentazzjoni soċjali u ambjentali kif ukoll reġimi ta' spezzjoni effikaċi tikkostitwixxi komplement meħtieġ sabiex l-RSK tan-negozji Ewropej tikseb progress fid-dinja kollha;
22. Jenfasizza li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (ISR) jagħmel parti mill-proċess ta' implimentazzjoni tal-RSK fid-deċiżjonijiet marbutin mal-investiment; jinnota li għalkemm bħalissa ma teżisti l-ebda definizzjoni universali tal-ISR, is-soltu dan jgħaqqad l-għanijiet finanzjarji tal-investituri mal-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi u ta' governanza korporattiva;
23. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu inizjattivi ulterjuri ta' politika mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-ISR, pereżempju billi jikkunsidraw formulazzjoni ġuridika għall-istabbiliment ta' standards minimi ta' ISR, speċjalment fl-ambitu tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;
24. Jinnota li l-RSK hija mekkaniżmu li permezz tiegħu min iħaddem jista' jappoġġa lill-ħaddiema u lill-komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-RSK tista' tiżgura li l-qligħ jinqasam b'mod ekwu sabiex tiġi żviluppata prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli u sabiex aktar nies jintrefgħu mill-faqar, speċjalment fi żmenijiet ta' kriżi finanzjarja; jiddispjaċih li l-protokolli għall-intervent soċjali bħalissa huma biss volontarji u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilhom vinkolanti;
25. Jappella sabiex l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, inklużi t-trade unions, jiġi kkonsultati u involuti b'mod sħiħ u attiv fl-iżvilupp, it-tħaddim u l-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi ta' RSK tal-kumpaniji, inkluż permezz tal-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema bis-saħħa tat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li wieħed jaħdem ma' min iħaddem f'approċċ ta' sħubija ġenwina.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
6.12.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
23
1
2
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Thijs Berman, Michael Cashman, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Daniël van der Stoep, Anna Záborská, Iva Zanicchi
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Ioan Enciu, Emilio Menéndez del Valle, Helmut Scholz
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota b'interess li l-Kummissjoni bdiet tinkludi referenzi għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE; huwa tal-fehma li, meta jitqies ir-rwol ewlieni tal-korporazzjonijiet, is-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen ta' provvista tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, ir-responsabbiltà soċjali u ambjentali korporattiva għandha ssir parti integrali tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti konkreti għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fil-politika kummerċjali;
2. Jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu b’mod kontinwu sabiex l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-UE, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, ikollhom l-obbligu jinfurzaw l-istandards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;
3. Jenfasizza li l-promozzjoni tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva huwa objettiv appoġġat mill-Unjoni Ewropea, u li għalhekk l-Unjoni għandha tiżgura li l-politiki esterni li timplimenta jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-iżvilupp soċjali tal-pajjiżi kkonċernati;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fit-tfassil ta' proposti konkreti għall-applikazzjoni ta' prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, tibbaża fuq il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, inkluża l-proċedura ta' lmenti tal-OECD;
5. Ifaħħar lill-istati membri kollha tal-OECD għall-ħidma komprensiva tagħhom fuq il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, ippubblikati fil-25 ta' Mejju 2011; jinnota li 44 gvern aderenti, li jirrappreżentaw ir-reġjuni kollha tad-dinja u li jikkostitwixxu 85 % tal-investiment barrani dirett, iħeġġu lill-intrapriżi tagħhom jirrispettaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet estensivi għal imġiba kummerċjali responsabbli kull fejn dawn joperaw;
6. Jaqbel li l-imperattivi ambjentali u klimatiċi attwali u l-iżvilupp ta' ktajjen tal-produzzjoni globali jesiġu kopertura usa' tal-kunċett tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva milli kien previst meta l-kunċett ġie definit għall-ewwel darba; għalhekk iqis li hu neċessarju li jiġi elaborat kunċett aġġornat tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, li jikkonċerna d-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem u l-kwistjonijiet tal-impjiegi, kif ukoll il-protezzjoni ambjentali, il-preokkupazzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima u l-evitar tal-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa;
7. Jappella sabiex il-kumpaniji Ewropej kollha li joperaw f'pajjiżi terzi u li jimpjegaw aktar minn 1 000 persuna jkunu obbligati japplikaw il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali mill-1 ta' Jannar 2014;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi klawsola vinkolanti dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fil-ftehimiet bilaterali kummerċjali u ta’ investiment kollha ffirmati mill-UE, abbażi tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva kif definiti fil-livell internazzjonali, b'enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba u b'attenzjoni ċara fuq id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol deċenti, l-istandards tax-xogħol, il-libertà ta' assoċjazzjoni, in-negozjar kollettiv u kunsiderazzjonijiet soċjali oħrajn, b'mod partikolari l-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD; jissuġġerixxi li din il-klawsola għandha tarmonizza l-istandards u l-kunċetti eżistenti sabiex jiġu żgurati l-komparabilità u s-sens ta' ġustizzja, u tkun tinkludi miżuri għall-monitoraġġ ta' dawn il-prinċipji fil-livell tal-UE u għall-implimentazzjoni tagħha, u li jitwaqqfu Punti ta' Kuntatt Nazzjonali bħala forums għall-mistoqsijiet dwar il-kwistjonijiet li jitqajmu fil-Linji Gwida tal-OECD, bħar-rekwiżit li jiġu mmonitorjati l-attivitajiet tal-kumpaniji u s-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen ta' provvista, u r-rekwiżit li tiġi applikata diliġenza dovuta;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fis-suq uniku, inklużi dawk il-korporazzjonijiet transnazzjonali li s-sussidjarji jew il-ktajjen ta' provvista tagħhom jinsabu fl-UE, jikkonformaw mal-obbligi legali kollha tagħhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-konsumaturi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv imġiba kummerċjali responsabbli fost kumpaniji tal-UE li joperaw barra minn pajjiżhom, b'enfasi speċjali fuq l-iżgurar ta' konformità stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom li joriġinaw jew mil-liġijiet nazzjonali jew minn kwalunkwe obbligu legali bilaterali jew internazzjonali li l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom huma suġġetti għalihom, mhux l-inqas il-konformità mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jissuġġerixxi għal dan il-għan li l-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha b'mod attiv mas-sħab tagħha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'dawk emerġenti għall-iskambju tal-aqwa prattiki u ta' għarfien dwar modi u mezzi kif jittejjeb l-ambjent kummerċjali u titqajjem kuxjenza dwar imġiba kummerċjali responsabbli;
10. Jissuġġerixxi li l-gvernijiet tal-Istati Membri jistiednu lill-BEI jinkludi klawsola dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fl-operazzjonijiet tiegħu;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi proċedura aktar miftuħa u ċara għat-tressiq u l-eżami ta' lmenti relatati ma' nuqqas ta' konformità mal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, inklużi mekkaniżmi ta' infurzar, u tniedi investigazzjonijiet fejn ikun meħtieġ;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-kumpaniji japplikaw ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva; jenfasizza l-ħtieġa li t-tixrid ta’ dawn il-prattiki jiġi mħeġġeġ u appoġġat fost l-SMEs filwaqt li jiġu limitati l-ispejjeż u l-burokrazija;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawsola dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fi ftehimiet ma' organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), partikolarment f'każijiet fejn dawn ikunu relatati ma' attivitajiet ta' żvilupp;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-miżuri bbażati fuq inċentivi b'mod aktar effikaċi u biex tkun aktar attenta fil-monitoraġġ u fl-iżgurar li l-korporazzjonijiet transnazzjonali li s-sussidjarji jew il-ktajjen ta’ provvista tagħhom jinsabu f’pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-GSP u l-GSP+, għandhomx jew le l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-pajjiżi kkonċernati a) jikkonformaw mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u tax-xogħol u r-regoli ambjentali, b) juru impenn ġenwin fir-rigward tad-drittijiet, il-protezzjoni u l-benessri tal-ħaddiema tagħhom u taċ-ċittadini b'mod ġenerali, c) jiddefendu l-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet ta' negozjar kollettiv, u d) jittrattaw kwalunkwe ksur b'mod rapidu u effikaċi;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva f’forums multilaterali billi tappoġġa kooperazzjoni msaħħa bejn id-WTO u forums multilaterali oħra li jittrattaw ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, bħall-ILO u l-OECD;
16. Ifakkar li għas-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali u/jew it-talba ta' kumpens għal esternalitajiet negattivi ta' attività kummerċjali irresponsabbli jew illegali, diġà jeżistu kemm ir-rikorsi fil-qrati kif ukoll alternattivi għar-rikorsi fil-qrati; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tieħu aktar inizjattivi sabiex iżżid l-għarfien dwar iż-żewġ alternattivi kemm fost il-komunità kummerċjali kif ukoll il-pubbliku b'mod ġenerali; ifakkar li l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK) tipprovdi servizzi ta' soluzzjoni tat-tilwim għal individwi, negozji, stati, entitajiet statali u organizzazzjonijiet internazzjonali li jfittxu alternattivi għal rikorsi fil-qorti, liema alternattivi jistgħu jikkontribwixxu biex itejbu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja għall-vittmi f'każ ta' ksur ta' prattiki kummerċjali responsabbli li jikkawżaw danni ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-UE u/jew barra minnha;
17. Jitlob li jkun hemm monitoraġġ ta' miżuri restrittivi (sanzjonijiet, bojkotts, embargos), kif ukoll skemi ta' liċenzji għal oġġetti b'użu doppju, fil-livell tal-UE;
18. Jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li permezz tagħhom il-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva ikollhom jiġu rispettati mhux biss mill-kumpanija ewlenija jew mill-appaltatur prinċipali li jibbenefika minn ftehim kummerċjali, iżda wkoll minn kwalunkwe subappaltatur jew katina ta' provvista li jistgħu jutilizzaw, sew jekk fil-provvista ta' oġġetti, ħaddiema jew servizzi, biex b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni bbażati fuq salarji ġusti u kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti, u jiġu garantiti d-drittijiet u l-libertajiet trejdjunjonistiċi;
19. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mudell tagħha ta’ valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sostenibilità, sabiex dan jirrifletti sew l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għanijiet ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tan-negozjati kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi sħab tal-UE billi twettaq, qabel u wara l-iffirmar ta' ftehim kummerċjali, studji ta’ valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sostenibilità, filwaqt li tqis b'mod partikolari s-setturi vulnerabbli;
20. Jenfasizza li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar kif ir-riżultati tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt fir-rigward tas-Sostenibilità (SIA) tal-ftehimiet jiġu inkorporati fin-negozjati ta' qabel il-konklużjoni tagħhom u dwar liema kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet ikunu nbidlu bil-għan li jiġu evitati impatti negattivi identifikati f'dawn il-valutazzjonijiet;
21. Jitlob li tiġi stabbilita sistema ta’ kooperazzjoni legali transnazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi firmatarji ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali sabiex jiġi żgurat aċċess effikaċi għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun twettaq il-ksur għall-vittmi ta’ ksur ta’ liġijiet soċjali jew ambjentali, jew ta' nuqqas ta' osservanza ta' impenji fil-qasam tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva min-naħa ta' multinazzjonali jew is-sussidjarji immedjati tagħhom, kif ukoll bħala appoġġ għall-istabbiliment ta' proċeduri ġudizzjarji internazzjonali sabiex ikun żgurat, fejn xieraq, għoti ta' kastig fil-każ ta' ksur tal-liġi min-naħa ta' kumpaniji;
22. Jitlob l-iżvilupp ta' standards ta' trasparenza u responsabbiltà aktar effikaċi għall-kumpaniji teknoloġiċi tal-UE involuti fl-esportazzjoni ta' teknoloġiji li jistgħu jintużaw sabiex jiksru id-drittijiet tal-bniedem jew jaġixxu kontra l-interess tas-sigurtà tal-UE;
23. Jistieden lis-SEAE jiżgura li l-uffiċjali tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, jekk ikunu bbażati f'ambaxxati tal-UE, jingħataw taħriġ regolari dwar kwistjonijiet b'rabta mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU ‘Protezzjoni, Rispett u Rimedju’ u li l-ambaxxati tal-UE jaġixxu bħala punti ta' kuntatt tal-UE għal ilmenti li jikkonċernaw kumpaniji tal-UE u s-sussidjarji tagħhom, billi l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-OECD jinsabu biss f'pajjiżi aderenti mal-OECD u għaldaqstant fil-prattika, mhumiex aċċessibbli għal impjegati ta' kumpaniji bħal dawn ibbażati f'pajjiżi li mhumiex OECD;
24. Jappella li l-valutazzjonijiet tal-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq id-drittijiet tal-bniedem isiru kemm jista' jkun kmieni possibbli fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u jitlob sabiex tali valutazzjonijiet ikunu jinkludu studji ta' xenarji u kunsiderazzjonijiet għall-identifikazzjoni ta' standards sabiex jiġu inkorporati d-drittijiet tal-bniedem fit-tfassil (id-Drittijiet tal-Bniedem fit-Tfassil);
25. Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni fil-livell korporattiv dwar l-importanza tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' konformità, bħala kompitu għall-Kummissjoni, għandhom ikunu akkumpanjati minn sensibilizzazzjoni u tisħiħ xieraq tal-kapaċitajiet fil-livell tal-gvernijiet tal-pajjiżi ospitanti, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tad-drittijiet tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u l-aċċess għall-ġustizzja;
26. Jitlob li jiġi implimentat il-prinċipju "kun af l-utent aħħari tiegħek" biex jiġi żgurat aktar skrutinju u biex jiġi evitat milli jseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi stadji tal-bidu jew dawk sussegwenti fil-ktajjen ta' provvista u fil-flussi tal-produzzjoni jew tas-swieq;
27. Jenfasizza li trattati bilaterali futuri dwar l-investiment iffirmati mill-UE għandhom jiżguraw li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jitħarsu l-investituri u l-ħtieġa li jkun previst intervent mill-istat, b’mod partikolari b'rabta mal-istandards soċjali, tas-saħħa u dawk ambjentali;
28. Jieħu nota tal-passi pożittivi li saru fir-riforma attwali tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/KE) u d-Direttiva dwar il-Kontabilità (2003/51/KE) sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva filwaqt li jinstab bilanċ bejn it-tiftix leġittimu għat-trasparenza u r-responsabbiltà u l-impenn ta' rappurtar min-naħa tal-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji li jaqgħu fl-ambitu ta' dawn id-Direttivi jkunu obbligati jirrappurtaw regolarment dwar l-attivitajiet ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħhom, f'konformità mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Kumpaniji Multinazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati arranġamenti speċjali għall-SMEs sabiex ir-rappurtar ikun possibbli kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll dak amministrattiv;
29. Jenfasizza li d-dimensjoni tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva għandha tiġi inkorporata fil-ftehimiet kummerċjali multilaterali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa proposti f'dak ir-rigward kemm fil-fora internazzjonali, b'mod partikolari fl-OECD u fl-ILO, kif ukoll fid-WTO fil-kuntest ta' wara Doha;
30. Jappella sabiex miżuri futuri b'rabta mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jinkludu l-katina tal-valur kollha, mill-estrazzjoni tal-materja prima, għall-kummerċ u r-riċiklaġġ;
31. Jitlob li l-politiki tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva jiġu inklużi fil-livelli kollha tal-ftehimiet kummerċjali mal-UE, u jkunu jinkludu dispożizzjonijiet biex tiġi estiża l-protezzjoni għall-ħaddiema migranti, tal-aġenziji u dawk ippostjati;
32. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-kumpaniji tal-UE jieħdu inizjattivi immirati li jippromwovu r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u jiskambjaw prattiki tajba mas-sħab tagħhom f'pajjiż oħra;
33. Jitlob li l-politiki fil-qasam tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u d-drittijiet tax-xogħol u trejdjunjonistiċi fundamentali, bħad-dritt għall-privatezza u l-libertà ta' assoċjazzjoni, jiġu rispettati mill-kumpaniji tal-UE fl-operazzjonijiet kollha tagħhom, sew jekk ikunu bbażati fl-UE u sew jekk f'pajjiżi terzi;
34. Jitlob li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u attiva u involviment tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, inklużi t-trejdjunjins, fl-iżvilupp, l-operazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċessi u l-istrutturi tal-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-kumpaniji; jistieden lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' din ix-xorta sabiex jaħdmu ma' min iħaddem b'approċċ ġenwin ta' sħubija;
35. Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fil-politika kummerċjali tal-UE u li jkun aktar inklużiv u trasparenti, b'punti ta' riferiment ċari biex jitkejjel it-titjib bl-għan li titħeġġeġ il-fiduċja fis-sistema;
36. Jinnota li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva hija mekkaniżmu li tippermetti lil min iħaddem jappoġġa l-ħaddiema tiegħu u l-komunitajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li r-rispett għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u għall-istandards tax-xogħol jippermettu lil dawn il-pajjiżi jibbenefikaw minn aktar kummerċ internazzjonali, u li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tista' tiżgura li l-gwadann jinqasam b'mod ekwu għall-iżvilupp ta' prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli u sabiex aktar persuni jinqalgħu mill-faqar, speċjalment fi żmien ta' kriżi finanzjarja; jiddispjaċih li l-protokolli għal intervent soċjali attwalment huma biss volontarji u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilhom vinkolanti;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
18.12.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
24
2
1
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, George Sabin Cutaş, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Franziska Keller, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Iuliu Winkler, Paweł Zalewski
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinkoraġġixxi lill-UE twettaq rwol attiv fis-sensibilizzazzjoni tal-kontribut li jistgħu jagħtu l-impriżi lis-soċjeta permezz tar-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji (RSK) fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, l-isport u ż-żgħażagħ;
2. Jinkoraġġixxi lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri jagħtu tagħrif konkret dwar l-RSK, u tagħlim u taħriġ dwarha, ħalli l-impriżi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-RSK u jkunu jistgħu jimplementawha fil-kultura organizzattiva tagħhom;
3. Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet fiskali għall-azjendi li jiffinanzjaw ix-xogħol volontarju u l-inizjattivi mhux għal skop ta’ lukru;
4. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li r-RSK tkun inkorporata fil-kurrikula tal-istituzzjonijiet edukattivi fil-livelli kollha, inklużi l-business schools, u fil-programmi ta' taħriġ għall-instituri u l-impjegati tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju;
5. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw l-RSK fil-kurrikuli relevanti tal-edukazzjoni;
6. Jisħaq dwar l-importanza tar-rabta bejn l-impriżi u l-iskejjel billi jagħtu edukazzjoni sekondarja għolja u, b’mod aktar speċjali, fil-livell ogħla ta’ edukazzjoni9 jindika r-rwol li jista’ jkollha l-RSK fl-għoti ta’ esperjenza prattika lill-istudenti matul l-istudji tagħhom, kemm fuq bażi part-time bi ħlas kemm waqt stages bi ħlas fl-impriżi;
7. Iħeġġeġ lill-impriżi jagħtu stages ta’ kwalità b’komponent qawwi ta’ tagħlim li jiffaċilita t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u l-impjieg, jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet relevanti għas-suq tax-xogħol u jappoġġja l-awtonomija taż-żgħażagħ;
8. Jinkoraġġixxi lill-impriżi jippromwovu l-kreattività u l-proġetti kulturali fil-politiki tagħhom ta’ RSK fil-kuntest tal-impenn ċiviku u li jistimulaw it-tkabbir u l-ħolqien sostenibbli tal-impjiegi;
9. Jindika l-importanza li jkunu involuti l-impriżi żgħar u ta' daqs medju fir-RSK u jirrikonoxxi l-kisbiet tagħhom f'dan il-qasam;
10. Jinkoraġġixxi lill-impriżi, b’kollaborazzjoni mal-instituri u l-ħaddiema, jinfurmaw lill-impjegati tagħhom, u jħarrġuhom u jdaħħluhom, fl-isfidi soċjali maġġuri li jolqtu lill-Ewropa, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija, is-soċjetà, l-ambjent u internazzjonalment;
11. Jistieden li fost min iħaddem tkun promossa l-idea tal-isponsorizzazzjoni;
12. Jindika l-kontribut importanti tal-RSK fil-ħolqien tal-opportunitajiet għat-tagħlim u t-tkabbir, u fit-tiswir u l-promozzjoni ta’ attitudni soċjali, impenn ċiviku, etika professjonali u integrazzjoni soċjali bħala interazzjoni ta’ livell għoli mas-soċjetà, kif ukoll l-attivitajiet interġenerazzjonali bħalma huma l-mentoring reċiproku u t-trasferiment tan-know-how mix-xjuħ għaż-żgħażagħ; jisħaq b’mod partikolari l-kontribut li tista’ tagħti r-RSK fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ u fl-iżvilupp tat-talenti tagħhom;
13. Jisħaq dwar l-importanza li jiġu rispettati l-jeddijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi mhux membri fl-UE;
14. Jilqa’ l-iskema Ewropea ta’ aġġudikazzjoni tal-isħubijiet RSK bejn l-impriżi u stakeholders oħrajn, inklużi l-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet sportivi bħala pass importanti fit-tkattir tal-viżibilità tal-RSK;
15. Jisħaq li l-Investiment Soċjalment Responsabbli (SRI), bħala parti mill-proċess ta’ implementazzjoni tar-RSK fid-deċiżjonijiet tal-investiment, jikkombina l-objettivi finanzjarji u ekonomiċi tal-investituri mal-kunsiderazzjonijiet soċjali, ambjentali, etiċi, kulturali u edukattivi tagħhom;
16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Unjoni jqisu huma u jħejju l-aġenda tagħhom tar-RSK li l-SMEs kulturali u kreattivi jista’ jkollhom impatti sinifikattiv fuq il-bidla soċjali u ambjentali bl-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet soċjali u t-twassil ta' soluzzjonijiet fit-tul fit-taqbida kontra l-faqar billi jagħtu impulsi ġodda lis-suq tax-xogħol;
17. Jistieden li ssir riċerka dwar ir-raġunijiet għall-effikaċja jew nuqqas tagħha tal-varji strateġiji tar-RSK li ġew implementati;
18. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu sostenn u jtejbu l-istatus lill-volontarjat tal-impjegati u lill-volontarjat appoġġjat minn min iħaddem ukoll fil-kuntest tal-RSK, kif jingħad fir-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali(1); jisħaq li l-volontarjat ma għandu b’ebda mod jolqot il-paga jew ix-xogħol tal-ħaddiema u li l-attivitajite ta’ volontarjat u x-xogħol bi ħlas għandhom jikkomplementaw wieħed lill-ieħor;
19. Jemmen li l-kumpaniji b'kontenut kulturali u ta' media għandhom responsabilità soċjali tal-kumpaniji li jiżgura li l-jeddijiet tal-bniedem tal-ut’nti jkunu protetti, u jqis li l-awtoregolazzjoni u l-ispezzjonijiet deep packet għandhom ir-riskju li jagħmlu outsourcing tal-pulizija u tal-eżekuzzjoni tal-liġi favur is-settur privat;
20. Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-media jinkludu standards ta’ ġurnaliżmu trasparenti fil-politiki tagħhom ta’ RSK, inklużi garanziji ta’ protezzjoni tal-fonti u l-jeddijiet tal-whistle blowers.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni
18.12.2012
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
23
0
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Lorenzo Fontana, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Emilio Menéndez del Valle, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Hannu Takkula, Helga Trüpel, Milan Zver
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Iosif Matula, Raimon Obiols, Rui Tavares
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt, József Szájer, Axel Voss