RAPPORT dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli

18.6.2013 - (2013/2044(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Lambert

Proċedura : 2013/2044(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0221/2013
Testi mressqa :
A7-0221/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli

(2013/0000(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 153 u 168 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 21, 23, 24, 25, 34 u 35 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'mod partikolari l-Artikolu 30 (dwar id-dritt għall-protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali) u l-Artikolu 16 tagħha (dwar id-dritt tal-familja għal protezzjoni soċjali, legali u ekonomika),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999[2],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (COM(2011)0607),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE" (COM(2009)0567),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” (COM(2010)0636),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-Koeżjoni soċjali u territorjali'' (COM(2010)0758),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020" (COM(2011)0173),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu” (COM(2012)0083),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummisjoni intitolat “Żviluppi fl-Impjieg u Soċjali fl-Ewropa 2012”,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar skema tat-tqassim ta’ ikel lill-persuni l-aktar imċaħħda fl-Unjoni[10],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE[12],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2001 dwar l-Istrateġija tal-UE għal Persuni Mingħajr Dar[13],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-Mobilità u l-Inklużjoni ta’ persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020[14],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika, Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013[15]

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar l-eliminazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar Strateġija tal-UE għall-persuni bla dar,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-2011 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali “Migrants in an irregular situation: access to healthcare in 10 European Union Member States” (Migranti f'sitwazzjoni irregolari: aċċess għas-servizzi tas-saħħa f'10 Stati Membri Ewropej)[16] u “Fundamental rights of migrants in an irregular situation in the European Union” (Drittijiet fundamentali tal-migranti f'qagħda irregolari fl-Unjoni Ewropea),

–   wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ta’ Marzu 2012 bit-titolu "The social impact of the economic crisis and ongoing fiscal consolidation” (L-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u konsolidament fiskali kontinwu),

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Doctors of the World bit-titolu “Access to health care for vulnerable groups in the European Union in 2012” (Aċċess għall-Kura tas-Saħħa għal Gruppi Vulnerabbli fl-Unjoni Ewropea fl-2012),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar "Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis” (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Kwalità tal-ħajja fl-Ewropa: Impatti tal-kriżijiet)[17],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar “Household debt advisory services in the European Union” (Servizzi ta' konsulenza dwar id-dejn tal-familji fl-Unjoni Ewropea)[18],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Eurofound, “Living conditions of the Roma: Substandard housing and health” (Il-kundizzjonijiet ta' għajxien tar-Roma: livell baxx ta akkomodazzjoni u saħħa)[19],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Eurofound, “Active inclusion of young people with disabilities or health problems” (Inklużjoni attiva taż-żgħażagħ b'diżabilità jew problemi tas-saħħa)[20],

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD bit-titolu “Health at a glance - Europe 2012” (Is-Saħħa mal-Ewwel Daqqa t’Għajn – Ewropa 2012),

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-ILO bit-titolu “Social security for all – Addressing inequities in access to health care for vulnerable groups in countries of Europe and Central Asia” (Sigurtà Soċjali għal Kulħadd – Nindirizzaw l-Inugwaljanzi fl-Aċċess għall-Kura tas-Saħħa għal Grupp Vulnerabbli f’Pajjiżi tal-Ewropa u tal-Asja Ċentrali),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0221/2013),

A. billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet permezz tal-kostituzzjonijiet tagħhom u tas-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom; billi l-inugwaljanzi tal-ġeneru fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-indikaturi tas-saħħa jeżistu fl-UE kollha;

B.  billi l-valuri fundamentali tal-UE jridu jkunu rrispettati anke f’sitwazzjoni ta’ kriżi u l-aċċess għall-kura, l-kura tas-saħħa u l-għajnuna soċjali għandu jitqies dritt fundamentali għal kulħadd fl-UE; billi għall-kuntrarju, tnaqqsu s-servizzi tas-saħħa, tal-kura u dawk soċjali fil-maġġoranza tal-Istati Membri u dan kien ikkawżat mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' awsterità, u b'hekk kienu ta' tfixkil għall-aċċess universali u l-kwalità tas-servizzi.

C. billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE qed jaffaċċjaw sfidi sinifikanti u dawn jinkludu l-kriżi persistenti tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro u l-pressjoni riżultanti fuq il-finanzi pubbliċi, popolazzjoni li qed tixjieħ, in-natura li qed tinbidel tas-servizzi tas-saħħa u ż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa li jindikaw b'mod ċar il-bżonn urġenti għal riforma;

D. billi l-UE għandha l-aktar sistema ta’ protezzjoni soċjali avvanzata fid-dinja, bl-ogħla kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini; jenfasizza li ż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-mudell soċjali Ewropew jeħtieġ li jkunu prijorità politika;

E.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tinnota fil-Karta ta' Tallinn li s-saħħa hija fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità;

F.  billi l-inugwaljanza qed tikber f’numru ta’ Stati Membri peress li dawk l-aktar foqra u l-aktar fil-bżonn f'dawk l-istati qed isiru aktar foqra; billi fl-2011, madwar 24.2% tal-popolazzjoni tal-UE kienet tinsab f’risklju ta’ faqar jew esklużjoni; billi, barra minn hekk, abbażi ta’ dak li ddikjaraw dawk b’introjtu baxx, is-saħħa tagħhom marret għall-agħar, b'differenza dejjem akbar fis-saħħa meta mqabbla mal-25% tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu;

G. billi r-rati ta' qgħad fuq perjodu twil qed jikbru, li qed iħallu ħafna ċittadini mingħajr kopertura tal-assikurazzjoni, u b'hekk qed jillimitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa,

H. billi l-gruppi l-aktar vulnerabbli qed jintlaqtu sproporzjonalment fil-kriżi kurrenti inkwantu huwa jsofru l-impatt doppju ta' telf ta' introjtu u ta’ tnaqqis fis-servizzi tal-kura;

I.   billi l-foqra kroniċi, li ta’ spiss huma persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil jew impjegati b’salarju baxx, persuni single li jgħixu waħedhom ma' tfal li m'għandhomx impjieg jew li jaħdmu għal ftit sigħat u anzjani fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant huma identifikati b'mod konsistenti bħala l-aktar vulnerabbli;

J.   billi l-istudji l-aktar riċenti jikkonfermaw id-deher ta' grupp ġdid ta' nies vulnerabbli, li qabel kienu relattivament benestanti, imma issa jinsabu fil-bżonn minħabba l-livelli ta' dejn personali: il-persuni fil-grupp 'foqra ġodda' jaf ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ħajja, u jibdew ma jħallsux il-kontijiet u l-pagamenti relatati mad-dejn jew ma jkunux jistgħu jħallsu aktar għal servizzi tal-kura meħtieġa u jibdew jibżgħu li se jkollhom jitliqu mill-akkomodazzjoni tagħhom;

K. billi s-servizzi pubbliċi għandhom rwol importanti - li huma ta’ proprjetà pubblika u ta’ ġestjoni pubblika, b’involviment demokratiku tal-utenti tagħhom – f’oqsma essenzjali għall-benessri, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja, l-ilma, l-akkomodazzjoni, it-trasport, u l-kura tat-tfal u tal-anzjani;

L.  billi l-frammentazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu jwasslu għas-sitwazzjoni fejn ħafna pazjenti ma jirċevux kura medika neċessarja filwaqt li oħrajn jirċievu kura li taf ma tkunx neċessarja jew anki taf tkun dannuża;

M. billi l-kriżi żiedet ir-riskju ta’ esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol partikolarment għaż-żgħażagħ, li huma l-aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-parteċipazzjoni futura fix-xogħol u d-dħul;

N.   billi aktar u aktar persuni fl-UE qed jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar statutorja, parti minħabba l-bżonn finanzjarju, fid-dawl tal-fatt tal-pressjoni fuq is-sorsi oħra ta' dħul tal-familji wara l-irtirar;

O. billi l-ispejjeż tas-servizzi għall-utenti tas-servizz qed jogħlew f’ċerti Stati Membri, li jfisser li ħafna nies m’għadhomx jistgħu jaffordjaw livell ta’ servizz adegwat biex jissodisfaw il-bżonnijiet definiti tagħhom, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ indipendenza, f’aktar stress fiċ-ċirkustanzi domestiċi jew tal-impjieg tagħhom jew potenzjalment f’effetti ta’ ħsara fuq saħħithom li jwasslu għall-esklużjoni soċjali tagħhom;

P.  billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu (mhux b'mod intenzjonat) joħolqu ostakli għall-aċċess għall-kura tas-saħħa jew jipprovdu kura tas-saħħa ta' kwalità differenti lil persuni li jaqsmu bejniethom aktar minn karatteristika protetta waħda, bħas-sess, l-età jew is-sħubija ma' grupp ta' minoranza;

Q. billi qed isir tibdil f’ċerti sistemi ta’ sigurtà soċjali biex jitneħħa jew jiġi limitat l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal ċerti gruppi, u għar-rimbors għal ċerti trattamenti u mediċini[21], u dan qed joħloq riskji addizzjonali għas-saħħa personali u pubblika kif ukoll għas-sostenibilità fit-tul ta' dawn is-sistemi;

R.  billi huwa stmat li l-maġġoranza tal-kura fl-UE qiegħda attwalment tiġi provduta minn nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali u mingħajr ħlas; billi dan ir-riżors enormi jinsab mhedded minħabba numru ta' żviluppi demografiċi kif ukoll il-piż dejjem jiżdied tal-kura;

S.  billi d-dritt għal għadd ta’ servizzi ta’ appoġġ fid-djar, residenzjali jew ibbażati fuq il-komunità, inkluża l-assistenza personali, huwa stabbilit fl-Artikolu 19 u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità;

T.  billi r-raġunijiet li jwasslu biex it-tfal jingħataw arranġamenti tal-kura alternattivi huma kumplessi u multidimensjonali imma ta' spiss jidhru direttament jew indirettament relatati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

U. billi nuqqas ta' informazzjoni preċiża u aċċessibbli jista' jikkontribwixxi għall-fatt li gruppi vulnerabbli li ma jkunux jistgħu jaċċedu l-kura neċessarja li huma intitolati għaliha;

V. billi r-rapporti jikkonstataw id-diffikultajiet dejjem akbar li qed jaffrontaw xi ċittadini tal-UE u oħrajn li huma intitolati għad-dritt ta’ kura f’sitwazzjoni transkonfinali li jaċċedu għal dan id-dritt;

W. billi l-problemi tad-demografija medika (livelli baxxi fl-għoti tal-kura f'ċerti żoni ġeografiċi) f'numru ta' Stati membri jagħmluha aktar iebsa għall-gruppi vulnerabbli biex jaċċedu għall-kura;

X. billi rapporti ta’ żieda ta’ diviżjoni soċjali u aggressività, li qed iwasslu f’attakki verbali u fiżiċi kontra l-minoritajiet u persuni qegħdin jiżdiedu; billi tali inċidenti għandhom jiġu rapportati fid-dettall;

Y. billi f’xi Stati Membri rigressjoni fil-politika fir-rigward tal-persuni b’diżabilità, diffikultà fit-tagħlim jew mard psikjatriku qed twassal għal ċaqliq lil hinn minn approċċ ibbażat fuq drittijiet ta’ inklużjoni li jfittex l-inklużjoni sħiħa fil-komunità lejn approċċ aktar istituzzjonali u li joħloq is-segregazzjoni tal-passat;

Z.  jisħaq fuq il-potenzjal ta’ ħafna impjiegi tas-settur tal-kura tas-saħħa u dik soċjali fl-UE kollha;

AA. billi ħafna impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa u s-settur tal-asssistenza f'ċerti Stati Membri joffru remunerazzjoni baxxa, ta’ spiss ma joffrux kuntratti formali u d-drittijiet ta’ xogħol bażiċi oħra u mhumiex attraenti minħabba r-riskju għoli ta' stress fiżiku u emozzjonali, it-theddida ta' eżawriment, u nuqqas ta' opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera; billi s-settur joffri ftit taħriġ u, barra minn hekk, l-impjegati tiegħu huma b'mod predominanti anzjani, nisa u ħaddiema migranti; billi l-kura fl-UE hija ta' spiss provduta minn nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali mingħajr ħlas, li huma stess jistgħu jitqiesu grupp vulnerabbli minħabba l-pressjonijiet dejjem akbar sabiex jipprovdu livelli ta' kura aktar sofistikati u tekniċi; billi numru ta' Stati Membri huma neqsin minn servizz ta’ kura ta' kwalità, disponibbli għal kulħadd, indipendenti mid-dħul;

AB. billi t-tranżizzjoni minn forom ta’ kura istituzzjonali għal forom ta’ kura bbażati fuq il-komunità teħtieġ żieda fl-appoġġ relatat mal-akkomodazzjoni sabiex il-persuni vulnerabbli jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti;

AC. billi ż-żgħażagħ li jitilqu mill-ambjent ta’ kura residenzjali għal ħajja indipendenti huma partikularment esposti għal faqar u esklużjoni soċjali;

AD. billi numru dejjem jikber ta' anzjani jrid jiġi klassifikat bħala vulnerabbli;

AE. billi ċittadini tal-UE fqar li huma ċittadini ta' Stati Membri oħrajn u ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membru ieħor jistgħu jesperjenzaw ukoll diffikultajiet kbar biex jaċċedu l-kura;

AF. billi kull persuna hija intitolata għal standard tal-għajxien li tippermetti lilha u lil qrabatha li jgawdu minn saħħa u benessri;

AG. billi importanti li jiġi enfasizzat is-sinifikat tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha, li għandhom rwol vitali li jgħinu lil gruppi esklużi;

AH. billi l-ħarsien tas-saħħa għandu effetti importanti fuq il-kwalità, it-tul u d-dinjità tal-ħajja tal-bniedem;

AI. billi madwar 10% tat-trabi li jitwieldu fl-UE f’sena partikolari jitwieldu prematuri (qabel is-37 ġimgħa tqala), u billi l-ommijiet ta’ trabi prematuri sikwit ma jkollhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa meħtieġa tal-istandard rekwiżit, u dan huwa fatt li jinħass saħansitra aktar f’termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

AJ. billi l-faqar, l-edukazzjoni inadegwata u livell aktar baxx ta’ integrazzjoni soċjali jirriżultaw f’livell ta’ saħħa baxx; billi l-ostakoli ewlenin għall-kura tas-saħħa ta' gruppi vulnerabbli huma n-nuqqas ta' għarfien u ta’ komprensjoni tas-sistema tas-saħħa, il-problemi amministrattivi, in-nuqqas ta' għarfien dwar il-prevenzjoni tal-mard, u n-nuqqas ta’ aċċess fiżiku għas-servizzi;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri ta’ awsterità li qed jiġu implimentati u jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali tal-miżuri ta’ awsterità u jinkludu rakkomandazzjonijiet li jitrattaw l-impatt soċjali u ekonomiku fuq terminu medju u terminu twil ta’ miżuri ta’ dan it-tip fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi rapporti sommarji regolari ta' valutazzjonijiet bħal dawn u tressaqhom quddiem il-Parlament; jitlob li l-proċess tas-Semestru Ewropew ma jiffukax biss fuq is-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali imma jieħu kont ukoll tal-impatt possibbli fuq l-aċċessibilità u d-dimensjoni tal-kwalità tas-servizzi ta’ kura;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jippromwovu l-investiment soċjali fis-servizzi soċjali bħas-settur ta’ saħħa, is-settur ta’ assistenza u dak soċjali, li huma setturi li huma essenzjali fil-dawl tat-tibdil demografiku u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għandhom potenzjal kbir fil-qasam tal-ħolqien ta' impjiegi;

3.    Jinsab konvint li r-riformi neċessarji għandhom jindirizzaw il-kwalità u l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa, għandhom itejbu l-aċċess għall-kura t-tajba fil-mument it-tajjeb fl-ambjent it-tajjeb u għandhom iżommu lin-nies b'saħħithom u jiżguraw li kemm jista’ jkun jiġu evitati kumplikazzjonijiet tal-mard komuni u li jistgħu jiġu evitati;

4.  Ifakkar li l-Istati Membri qablu li jadottaw approċċ li jċaqlaq l-attenzjoni minn miżuri "kurattivi” li jindirizzaw s-sintomi ta’ esklużjoni u nuqqas ta’ saħħa “lejn miżuri preventivi bħala strateġija li sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u jitnaqqas il-piż ta’ mard kroniku, fraġilità u diżabilità”[22]; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-ispejjeż fuq terminu twil ta’ nuqqas ta’ azzjoni;

5.  Jikkunsidra l-fatt li individwi vulnerabbli jitħallew mingħajr aċċess għall-kura tas-saħħa jew għas-servizzi ta’ assistenza bħala ekonomija falza għax dan jista' jkollu impatt negattiv fit-tul kemm fuq l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa kif ukoll fuq is-saħħa individwali u pubblika;

6.  Jikkunsidra li ħafna miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu qasir, li qegħdin ikunu implimentati bħalissa, bħall-introduzzjoni ta’ tariffi ta’ aċċess għall-kura ta’ saħħa li għandhom jitħallsu minn qabel, iż-żieda fl-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rimborsati jew l-esklużjoni tal-aċċess għall-kura ta’ gruppi vulnerabbli bħall-migranti f’sitwazzjoni irregolari, ma ġewx evalwati bis-sħiħ għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi wiesgħa jew l-effetti potenzjalment diskriminatorji u l-implikazzjonijiet fuq terminu twil tagħhom u l-konsegwenzi eventwali għall-medja ta' għomor ;

jenfasizza l-fatt li tali miżuri għandhom impatti negattivi sproporzjonati fuq gruppi vulnerabbli;

7.  Jikkunsidra b’dispjaċir li l-istigma soċjali ta’ ċerti kundizzjonijiet mediċi tiskoraġġixxi l-individwi milli jfittxu l-kura neċessarja, u dan jista’ jħalli mard li jittieħed, pereżempju, mhux ikkurat, bir-riskju li dan iġib miegħu għas-saħħa pubblika;

8.  Jiddispjaċih dwar l-impatt sproporzjonat li l-prattiki tal-arrest tal-pajjiżi u l-obbligi ta' rappurtar marbuta mal-infurzar tal-liġi tal-immigrazzjoni għandhom fuq il-kapaċità tal-migranti mhux dokumentati li jirċievu attenzjoni medika[23];

9.    Jirrikonoxxi li hemm relazzjonijiet stretti bejn serje ta’ vulnerabilitajiet, esperjenza ta’ kura istituzzjonalizzata, nuqqas ta’ aċċess għal assistenza ta’ kwalità bbażata fuq il-komunità u l-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni; ifakkar li s-servizzi tas-saħħa u l-kura jista' jkollhom rwol importanti fil-prevenzjoni u t-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi forom estremi bħal nuqqas ta' akkomodazzjoni; jenfasizza li l-gruppi li għandhom diversi fatturi ta’ vulnerabilità, bħar-Roma, persuni mingħajr permess ta’ residenza validu jew persuni mingħajr dar, jinsabu f'riskju akbar li jitħallew barra minn kampanji ta' prevenzjoni ta’ riskji, dijanjosi u trattament;

10. Jindika l-effetti negattivi fit-tul ta’ tnaqqis fil-miżuri ta’ kura preventiva fi żminijiet ta’ kriżi; jikkunsidra li l-miżuri preventivi, jekk hemm bżonn li jitnaqqsu, tal-anqas għandhom jittellgħu lura fil-livell preċedenti, sabiex tibqa’ l-kontinwità u ma tkunx distrutta l-infrastruttura; jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-hekk imsejħa politiki ta' awsterità imposti minn ċerti Stati Membri ma jkunux il-kawża ta' nuqqas ta' investiment fis-servizzzi ta' saħħa nazzjonali iżda li, fid-dawl tal-importanza u n-natura essenzjali tagħhom, għandhom isiru sforzi sabiex jiġu konsolidati dawn is-servizzi ħalli jissodisfaw il-bżonnijiet tas-soċjetà, b’mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli tagħha;

11. Jikkunsidra li miżuri ta’ awsterità ma għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jipprivaw liċ-ċittadini mill-aċċess tagħhom għal servizzi soċjali u ta’ saħħa jew mill-innovazzjoni u l-kwalità fil-provvista ta’ servizzi soċjali u ma għandhomx ireġġgħu lura xejriet pożittivi fl-iżvilupp tal-politika;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu r-reklutaġġ fis-servizzi tal-kura soċjali u jaħdmu biex iżidu l-attraenza tas-settur bħala għażla ta' karriera vijabbli għaż-żgħażagħ;

13.  Jenfasizza li numru ta’ ċittadini tal-UE li qed jgħixu f’pajjiż tal-UE ieħor li mhumiex tagħhom u li ma għandhomx assikurazzjoni tas-saħħa, minħabba qgħad jew nuqqas ta’ permess ta’ residenza, qed jiżdied; jenfasizza li l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE koperti minn assikurazzjoni tas-saħħa f'pajjiż ieħor tal-UE għandhom ta' spiss diffikultà biex jeċċedu l-kura għax jridu jħallsu minn qabel;

14. Jitħasseb li persuni b’diżabilità fl-UE qed ikunu affetwati sproporzjonalment bit-tnaqqis fl-ispiża pubblika, u bħala riżultat ta’ dan qed jitilfu servizzi ta’ appoġġ li jippermettulhom jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità;

15. Jikkunsidra li dan qed iwassal għal żieda fin-numru ta’ persuni li qed jgħixu taħt kura istituzzjonalizzata għal perijodu twil u għal aktar esklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità fl-UE, li huwa ksur dirett tal-impenji tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020;

16.  Jenfasizza li l-kura li trid tiġi rċevuta min-nies b'diżabilità għandha tiġi provduta b'mod aċċessibbli, mhux biss f'termini ta' infrastruttura, imma wkoll komunikazzjoni, li hija speċjalment importanti fil-każ ta' persuni b'diżabilitajiet intellettwali (diffikultajiet fit-tagħlim); jenfasizza l-bżonn li jitħeġġeġ it-taħriġ tal-fornituri tal-kura u t-tobba mhux speċjalisti biex joffru kura b'mod aċċessibbli;

17. Jikkunsidra li kull tnaqqis fis-servizzi tal-kura u tal-appoġġ għaż-żgħażagħ jew gruppi oħra vulnerabbli huma soġġetti li jxejnu l-politika eżistenti tal-UE dwar l-inklużjoni attiva; jenfasizza li r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ipoġġu pressjoni addizzjonali fuq it-tipi kollha ta' servizzi soċjali u li azzjoni mmirata tista' tgħin;

18.  Jinnota li, minħabba l-qgħad li qed jiżdied u l-qgħad fuq perjodu twil minħabba l-kriżi, proporzjon kbir taċ-ċittadini bħalna – il-persuni mingħajr impjieg fuq perjodu twil u d-dipendenti tagħhom – huwa mċaħħad mill-aċċess għas-sistema tas-saħħa pubblika, is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri, u speċjalment dawk bl-ogħla rati ta' qgħad, biex jindirizzaw b'mod effettiv u mgħaġġel din il-kwistjoni ewlenija permezz tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji;

19. Jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 dwar "Investiment fit-Tfal: it-tkissir taċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"; jirrikonoxxi l-importanza u l-effiċjenza tal-ispiża tal-investiment fis-snin bikrija tat-tfulija, għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tagħhom; jirrikonoxxi li l-investiment f'servizzi soċjali ta’ kwalità għolja huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal adegwati u effettivi u għal biex ikunu stabbiliti strateġiji ta’ prevenzjoni komprensivi; ifakkar fl-importanza li tiġi adottata perspettiva ta' tul il-ħajja kollha u l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni u dijanjosi bikrija; jenfasizza li l-pandemija reċenti tal-ħosba wriet kemm huwa importanti għas-saħħa pubblika t-tilqim b'xejn għat-tfal;

20. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni soċjali u ekonomiċi kbar tal-membri tal-familja li jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor u l-voluntiera (kura informali) u r-responsabbiltajiet li qed jiżdiedu fuqhom bit-tnaqqis fil-provvista tas-servizzi jew biż-żeda fl-ispejjeż tagħhom; iqis li l-miżuri ta' awsterità m'għandhomx iwasslu biex itaqqlu żżejjed b'mod ulterjuri nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali; jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza esperta tal-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor u li jiġi garantit xogħol ta' kwalità għolja; jitlob għal appoġġ u għajnuna xierqa għall-membri tal-familja li jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor f'sens li jingħaqdu flimkien il-kura u l-karriera u jqis li l-ħin li tkun qattgħet persuna bħala waħda li tieħu ħsieb ħaddieħor irid jiġi kkalkulat fl-eliġibilità għall-pensjoni; Jenfasizza li l-maġġoranza tal-għoti tal-kura fl-UE hija provduta fuq bażi informali, jiġifieri minn membri tal-familja u voluntiera, u jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali biex iżidu l-apprezzament ta' dan il-kontribut u l-premji finanzjarji għalih;

21.  Jirrikonoxxi li aktar u aktar nisa huma involuti f'xogħol imħallas (għalkemm qed jitħallsu 18% anqas mill-irġiel), u li fl-istess ħin in-nisa għadhom relattivament ta' spiss persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor (78% minnhom huma nisa), li jirriżulta fi sfida biex ikollhom bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja. jemmen li, b'mod ġenerali, il-fakultà ta' xogħol flessibbli hija importanti biex tgħin lin-nies jikkombinaw ix-xogħol u l-kura; jinsab imħasseb dwar l-impatt negattiv li t-tnaqqis tas-servizzi jew l-ispejjeż dejjem għola tagħhom għandhom fuq il-livelli ta’ impjieg fost in-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tixjiħ b'saħħtu;

22. Ifakkar li s-settur tal-kura ġie identifikat mill-UE bħala qasam ta' tkabbir potenzjali fl-impjieg u l-PE identifika l-bżonn ta' paga u taħriġ aħjar sabiex dan isir għażla ta' karriera attraenti u jtejjeb il-kwalità tas-servizz; Jinnota n-nuqqas ċar ta' ħaddiema f'partijiet mis-settur tas-saħħa u l-għoti tal-kura u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ tal-kura fost iż-żgħażagħ, kif ukoll miżuri ta’ taħriġ li jistgħu jgħinu lil dawk li jagħtiu u jipprovdu kura jifhmu aktar il-bżonnijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura;

23. Jisħaq fuq l-importanza dejjem tiżdied tal-għoti tas-servizz mobbli sabiex is-servizzi jitwasslu għand dawk li jeħtiġuhom, f'żoni urbani kif ukoll rurali;

24. Jenfasizza l-kontribut utli tas-settur tal-voluntiera għall-kura ta’ anzjani li għandhom bżonn ta’ kura u, fejn neċessarju, ta’ individwi iżolati li qed jgħixu weħedhom;

25.  Japprezza l-fatt li ntgħażlet is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (EIP) biex jiġu affrontati l-isfidi li jirriżultaw mit-tixjiħ demografiku; dan jinkludi l-objettiv li, sal-2020, jiżdied b'sentejn it-tul tal-ħajja b'saħħitha taċ-ċittadini tal-UE; dan ifittex ukoll sitwazzjoni ta' suċċess triplu għall-Ewropa billi:

i) tiżdied is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien;

ii) jitjiebu s-sostenibilità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura;

iii) jinħolqu opportunitajiet ta' tkabbir u tas-suq għan-negozji;

26. Jirrikonoxxi x-xogħol magħmul minn organizzazzjonijiet tat-tielet settur u volontarji, imma jikkunsidra li dan m’għandux jissostitwixxi r-responsabbiltà tal-Istat li jiżgura servizzi ta’ kwalità għolja, effikaċi u għall-but ta’ kulħadd li huma aċċessibbli għal kulħadd bħala pubbliċi, b’appoġġ finanzjarju mir-riżorsi pubbliċi;

27. Jenfasizza l-"Qafas Ewropew tal-Kwalità għal Kura fuq Perjodu Twil", li jipprovdi prinċipji u linji gwida għad-dinjità u l-benessri ta' anzjani fi bżonn ta' kura u ġie ppubblikat bħala parti mill-proġett WeDO tal-Kummissjoni[24];

28. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-għarfien dwar is-saħħa u jipprovdu informazzjoni xierqa dwar is-servizzi disponibbli għal gruppi vulnerabbli li ta' spiss għandhom diffikultà biex jaċċedu s-servizzi li għandhom bżonn; ta' importanza ugwali huwa l-involviment ta' dawk li jirċievu l-kura u dawk li jagħtu l-kura fil-proċessi ta' deċiżjoni li jaffettwawhom;

Rakkomandazzjonijiet

29. Jistieden lill-Kummissjoni biex takkwista data kumparabbli u kurrenti fil-forma ta' analiżi fundamentali dwar l-aċċess għall-kura;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet interssati relevanti kollha, jimmonitorjaw u jindirizzaw fil-pjani nazzjonali ta' riforma l-politiki nazzjonali li jmorru kontra l-mira ta’ tnaqqis tal-faqar tal-2020; jistieden lill-Istati Membri jiffokaw speċjalment fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u jneħħu l-ostakoli għall-aċċess, itejbu u jsaħħu l-miżuri ta’ assimilazzjoni u ta’ prevenzjoni fi stadju bikri sabiex jirritornaw lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u jevitaw ħsara fit-tul u spejjeż li jirriżultaw min-nuqqas ta’ azzjoni;

31. Jistieden lill-Kummissjoni, is-sħab soċjali u l-Istati Membri biex jaġixxu fuq is-sejbiet ta' analiżi dwar il-punti b'saħħithom u dgħajfa tas-Sena Ewropea tax-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet tal-2012;

32. Ifakkar li l-politiki ta' awsterità, bit-tnaqqis tagħhom fis-servizzi soċjali u l-welfare u l-impatt deflazzjonarju tagħhom fuq l-ekonomija huma inkompatibbli mal-ilħuq tal-mira tal-2020 tat-tnaqqis tal-faqar kif ukoll miri oħra tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza, in-nuqqas ta' faqar u l-koeżjoni territorjali;

33. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw bl-għan li jiġi implimentat għadd massimu ta’ programmi għal titjib fl-istandards tas-saħħa fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, fil-kuntest tal-mobilità, li hija rikonoxxuta bħala dritt fundamentali fl-UE;

34. Jistieden lill-Kummisjoni teżamina t-tensjonijiet li jistgħu jirriżultaw bejn id-drittijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-Regolament 883/2004[25] u t-tħaddim tad-Direttiva 2004/38/KE[26], bil-ħsieb li tirrakkomanda xi bdil neċessarju biex jitnaqqas id-divarju fil-kopertura;

35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu l-prijoritijiet, jeliminaw id-distakk bejn l-irġiel u n-nisa u jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa u tal-ippjanar tal-familja, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli u żvantaġġati oħra li jeħtieġu ħarsien tas-saħħa soċjali;

36. Jistieden lill-Kummisjoni tinkludi salvagwardja soċjali li tipproteġi l-kura u s-servizzi soċjali u sistemi ta’ protezzjoni soċjali fi qbil mal-pajjiżi li jirċievu assistenza finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħat-telemediċina sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kura;

37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal minn età bikrija, u tipprovdi appoġġ finanzjarju adegwat għal dawn is-servizzi;

38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi bbażati fuq il-komunità għal tfal b'diżabilitajiet;

39. Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jeliminaw ostakli u xkiel rigward l-aċċess ta' nies b'diżabilità għat-trasport pubbliku, is-servizzi u l-informazzjoni;

40. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iwaqqfu prijoritajiet ħalli jeliminaw id-differenzi u jipprovdu aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa għal gruppi vulnerabbli li jinkludu n-nisa fqar, il-migranti u r-Roma fil-protezzjoni tas-saħħa soċjali billi jiġi żgurat li l-kura tas-saħħa tkun għall-but ta’ kulħadd, disponibbli u ta’ kwalità, li l-organizzazzjoni tkun effiċjenti u effikaċi u li l-finanzjament ikun adegwat fiż-żoni ġeografiċi kollha;

41. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki li jippromwovu s-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard billi jiżguraw kura tas-saħħa bla ħlas, universali u ta' kwalità lill-gruppi l-aktar żvantaġġati, b'attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar tal-kura tas-saħħa primarja, mediċina preventiva, aċċess għad-dijanjosi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni; jitlob li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex ikunu miġġielda l-problemi ewlenin tas-saħħa li jiffaċċaw in-nisa u jkun żgurat id-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva, servizzi tas-saħħa għan-nisa vittmi tal-vjolenza, u kura tas-saħħa għat-trabi;

42. Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex iqisu b'mod sħiħ ir-rabta bejn is-saħħa fiżika u mentali fuq naħa u l-qgħad u l-insigurtà tal-impjieg fuq l-oħra – li l-kriżi żvelat bħala fenomeni ewlenin – sabiex ikun hemm pjanar xieraq stabbilit ħalli jiġu evitati u indirizzati l-konsegwenzi dannużi ta' dan it-tip;

43. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-kura primarja, filwaqt li jiffukaw fuq titjib tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura għan-nisa, b’mod partikolari għan-nisa li jgħixu f’żoni remoti ’l bogħod miċ-ċentri urbani, kif ukoll fuq miżuri għall-aktar gruppi żvantaġġati– it-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, qiegħda jew bla dar – li jiggarantixxu d-dritt ta’ monitoraġġ mediku regolari għal kulħadd;

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitrattaw il-kura tal-omm u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, speċjalment f’każijiet ta’ twelid prematur, bħala prijorità tas-saħħa pubblika u jinkorporawha fl-istrateġiji tas-saħħa Ewropej u nazzjonali;

45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw l-edukazzjoni u l-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa għall-professjonijiet tas-saħħa kollha li jaħdmu fl-unitajiet tal-kura ta' qabel il-konċepiment, tal-maternità u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, bl-għan li ji jkun prevenut it-twelid prematur u jitnaqqas l-għadd ta’ mard kroniku li jolqot lit-trabi li jitwieldu b’mod prematur;

46. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li tingħata għajnuna xierqa lin-nisa waqt u wara tqala u t-treddigħ, billi joffru servizzi ta’ indukrar/konsultazzjoni bla ħlas meta jkun meħtieġ, u nutriment adegwat, speċjalment lil dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-kriżi ekonomika attwali;

47. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strutturi xierqa li joffru lin-nies appuntamenti mediko-soċjali sabiex jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom l-ifqar nies;

48. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni aċċessibbli u ċara dwar id-drittijiet tal-migranti fil-lingwi relevanti kollha, inkluża dik tar-Roma;

49. Jinkoraġġixi l-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra r-reat ta’ mibegħda u jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, jekk hemm bżonn billi jsaħħu l-entitajiet ta’ kontra d-diskriminazzjoni nazzjonali tagħhom u jippromwovu taħriġ fl-awtoritajiet pubbliċi;

50. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 19 tat-TFUE u jadottaw d-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali sabiex tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali[27] u japplikaw il-prinċipju tat-trattament ugwali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-forniment tagħhom li huma kummerċjalment disponibbli għall-pubbliku, inkluża l-akkomodazzjoni;

51. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt biex jiżguraw li l-miżuri meħuda li jista' jkollhom impatt fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli jkunu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u f'konformità mad-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[28];

52. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jevitaw il-problema ta' nies mingħajr dar, jipprovdu l-kura neċessarja għal nies mingħajr dar, u biex ma jagħmlux in-nuqqas ta' akkomodazzjoni reat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kull politika jew programm ta’ finanzjament maħsuba biex jappoġġaw l-innovazzjoni soċjali u/jew servizzi relatati mal-kura jimmiraw lejn dawk is-servizzi li jilħqu l-aħjar il-bżonnijiet soċjali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, u li huma żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli;

54. Jinnota l-kamp ta' applikazzjoni tal-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali tal-Parlament u jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija soċjali, li tista', flimkien man-negozji soċjali, issaħħaħ b'mod effikaċi l-qasam li qed jikber malajr tal-kura tas-saħħa u dak soċjali;

55. Jinkoraġġixxi lill-Kummisjoni u lill-Kunsill jaħdmu mal-Parlament biex jerġgħu jinfurzaw finanzjament lill-programmi li jimmiraw gruppi vulnerabbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha disponibbli għaliha biex tiżgura t-teħid sħiħ u l-ħlas massimu tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u strumenti oħra rilevanti li jindirizzaw il-bżonnijiet tan-persuni li huma vulnerabbli jew fir-riskju ta’ esklużjoni, u li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-mira ta’ faqar tal-Ewropa 2020 u jippromwovu innovazzjoni u l-kwalità fis-setturi tas-saħħa u tal-kura; jenfasizza l-importanza ta’ strumenti ta’ finanzjament relatati bħall-Programm tal-UE għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali u l-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni jiżviluppa pakkett ta’ indikaturi oġġettivi u suġġettivi bil-ħsieb li jiġu mkejla l-komponenti materjali u mhux materjali tal-benessri, inklużi l-indikaturi soċjali, u li tiġi ppubblikata regolarment data dwar dan, sabiex jiġu integrati l-indikaturi Ewropej u nazzjonali dwar il-PDG u l-qgħad u b’hekk jiġi mkejjel il-progress fuq il-livell tas-soċjetà u mhux biss l-iżvilupp ekonomiku;

57. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jirrikonoxxu b'mod ċar il-kontribut utli magħmul minn dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu miżuri ta’ appoġġ immirati għal dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor u għas-settur tal-volontarjat, ħalli jipprovdu aktar miżuri personali, ta’ kwalità u kosteffikaċi, pereżempju miżuri li jippermettu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, li jiffaċilitaw aktar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali u dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod formali, u li jiżguraw politiki tas-sigurtà soċjali u taħriġ għal dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw qafas koerenti għat-tipi kollha ta' liv għall-kura; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi direttiva tal-UE dwar il-liv tal-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor, b’mod koerenti mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fit-Trattat;

58. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni preċiża u li tinftiehem faċilment fil-lingwi u l-formats relevanti, dwar id-dritt għall-kura, u biex din tkun aċċessibbli b'mod wiesa';

59. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jabbozzaw definizzjonijiet ċari tal-profili professjonali fis-settur tal-kura li jippermettu delimitazzjoni preċiża tad-drittijiet u l-obbligi;

60. Jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw l-atturi potenzjali kollha fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u anki s-sħab soċjali, f'inizjattivi li jirrigwardaw is-servizzi tal-prevenzjoni, tas-saħħa u dawk soċjali;

61. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-programmi ta’ taħriġ meħtieġa mis-setturi tal-kura u tal-appoġġ, u joffru gotjiet lin-nies li jagħmlu studji relevanti;

62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kampanja bil-għan li tirrekluta ż-żgħażagħ u ttejjeb l-immaġini pubblika tas-settur tal-kura bħala settur li jimpjega;

63. Jitlob li d-drittijiet tax-xogħol ta’ dawk li qed jaħdmu fis-settur tal-kura jiġu rispettati, inkluż id-dritt għal introjtu dinjituż u kundizzjonijiet dinjitużi u d-dritt li wieħed jingħaqad ma’ trejdjunjins u jifforma trejdjunjins u d-dritt għal negozjar kollettiv;

64. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex iwaqqfu skemi ta' finanzjament sostenibbli għas-servizzi tal-kura u biex jiżviluppaw skemi ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema bl-għajnuna tal-finanzjament tal-FSE;

65. Jinkoraġġixxi s-sħab soċjali jiżviluppaw djalogu soċjali formali dwar is-settur tal-kura;

66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
  • [2]  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.
  • [3]  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.
  • [4]  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
  • [5]  ĠU C 76 E, 25.3.2013, p. 16.
  • [6]  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
  • [7]  ĠU C236 E, 12.8.2011, p. 79.
  • [8]  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
  • [9]  ĠU C70 E, 8.3.2012, p. 19.
  • [10]  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p.188.
  • [11]  ĠU C199 E, 7.7.2012, p.112.
  • [12]  ĠU C199 E, 7.7.2012, p. 25.             
  • [13]  ĠU C51 E, 22.02.2013, p.101.
  • [14]  ĠU C131 E, 8.05.2013, p. 9.
  • [15]  Testi adottati, P7_TA(2013)0053.
  • [16]  FRA ‘Migrants in an irregular situation: access to healthcare in 10 European Union Member States’, Ottubru 2011 - http://fra.europa.eu/en/publication/2012/migrants-irregular-situation-access-healthcare-10-european-union-member-states
  • [17]  Eurofound (2012), Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu - http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1264.htm
  • [18]  Eurofound (2012) Household debt advisory services in the European Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1189.htm ).
  • [19]  Eurofound (2012), Living conditions of the Roma: Substandard housing and health, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2012/02/en/1/EF1202EN.pdf).
  • [20]  Eurofound (2012) Active inclusion of young people with disabilities or health problems, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/areas/socialcohesion/illnessdisabilityyoung.htm).
  • [21]  Ara per eżempju l-Artikolu 5 tad-Digriet Reali Spanjol Nru.16/2012, tal-20 ta' April 2012, li daħal fis-seħħ fit-28 ta' Diċembru 2012. Disponibbli fuq: http://noticias.juridicas.com/base_datos/Admin/rdl16-2012.html#a5.
  • [22]  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar tixjiħ b'saħħtu u b'dinjità, adottati fl-2980 Laqgħa tal-Kunsill dwar Impjieg, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur , Novembru 2009.
  • [23]  Il-linji gwida FRA “Apprehension of migrants in an irregular situation – fundamental rights considerations” jipproponu prinċipji ewlenin għall-Istati Membri dwar prattiki ta' identifikazzjoni u rappurtar f'faċilitajiet mediċi u ħdejhom: http://fra.europa.eu/sites/default/files/document-on-apprehensions_1.pdf
  • [24]  WeDO, proġett appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea (2010-2012), imexxi minn grupp ta’ tmexxija kompost minn 18-il organizzazzjoni f’12-il Stat Membru. L-interess komuni tal-organizzazzjonijiet sħab kollha kien u jibqa' li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' anzjani fi bżonn ta' kura.
  • [25]  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
  • [26]  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
  • [27]  COM (2008)0426.
  • [28]  ĠU L 180, 19.7.2000, p.22.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kien imħasseb għal xi żmien dwar l-effett tal-hekk imsejħa miżuri ta’ awsterità fuq is-soċjetà b’mod ġenerali u fuq gruppi vulnerabbli b’mod partikulari. Dan kien espress permezz ta’ azzjonijiet varji bħal: ir-rapporti tagħna dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[1], fejn esprimejna l-ħsieb li d-dimensjoni soċjali trid tkun inkluża bħala parti integrali fir-reazzjoni għall-kriżi tal-UE; ir-rapport dwar iż-Żgħażagħ u l-Kriżi[2]; l-opinjoni tagħna dwar in-Nisa u l-Kriżi[3] u r-rapport li ġej dwar il-Kundizzjoni ta' Persuni mingħajr Dar[4]. Għandna wkoll numru ta’ rapporti li jittrattaw l-Istrateġija UE-2020, speċjalment f’dak li għandu x'jaqsam mat-Tkabbir Inklussiv u l-Pjattaforma kontra l-Faqar, fejn għamilna ċar il-ħsieb tagħna li rridu nimmiraw li nipprevjenu l-faqar għax dan huwa offiża għad-dinjità tal-bniedem, imma wkoll bħala fowkus fuq il-prevenzjoni li ġeneralment tkun aktar kosteffikaċi fuq perijodu ta’ żmien twil. L-EMPL argumenta favur li 20 % tal-finanzjament tal-FSE jkun allokat għat-trattament tal-faqar u bħalissa qed jiżviluppa l-pożizzjoni tiegħu fuq il-Finanzjament għall-Persuni Mċaħħdin Materjalment propost[5] fejn il-Kumitat diġà rrapporta fuq ċerti kwistjonijiet fid-dettal u r-Rapporteur fittex li ma jidduplikax ix-xogħol.

F’dan ir-rapport ta’ inizjattiva, ir-Rapporteur għandu l-għan li jidentifika numru ta’ kwistjonijiet għall-gruppi magħrufa li huma vulnerabbli, xi gruppi fejn il-bżonnijiet qed ikunu aktar evidenti u ġodda, u gruppi vulnerabbli potenzjali li qed jiżviluppaw bħala riżultat tal-kundizzjonijiet li qed jinbidlu bħalissa, bħal dejn personali. Il-Kumitat huwa tassew grat lejn l-organizzazzjonijiet differenti li pprovdewna b’informazzjoni aġġornata. Il-bżonn ta’ dejta eżatta u komparabbli li tkun riċenti kemm jista’ jkun kien identifikat b’mod ċar bħala prijorità.

Huwa ċar li s-settur tal-kura għal persuni mdaħħla fiż-żmien, dawk b’diżabbiltà fiżika jew fit-tagħlim u dawk li jipprovdu appoġġ lit-tfal jew liż-żgħażagħ, jew oħrajn bi bżonnijiet speċifiċi huwa taħt aktar stress minħabba li n-nefqa qed tonqos imma d-domanda qed tiżdied. Il-provvista tal-kura tas-saħħa qed taffaċja sfidi simili. Dan it-tnaqqis, sew jekk fis-servizzi jew fil-benefiċċji soċjali, jaffetwa kemm lil dawk li għandhom bżonn il-kura u kemm lil dawk li jipprovduha. Il-baġits għas-settur pubbliku qed ikunu mnaqqsa. Fornituri tat-tielet settur jirrapportaw dħul inqas mill-kuntratti tas-settur pubbliku, finanzjar b’għotjiet u donazzjonijiet pubbliċi; xi wħud jitħassbu dwar il-futur tagħhom: anke sforzi volontarji għandhom bżonn infrastruttura. Nistgħu naraw li tnaqqis għal żmien qasir qed iwassal għal problemi fit-tul.

Qed ikun hemm dejjem iżjed evidenza li inugwaljanza soċjali qed tkompli tiżviluppa f’partijiet tal-UE minħabba li s-sitwazzjoni tal-gruppi diġà vulnerabbli qed tiħżien, fejn ħafna mill-aktar foqra qed jiftaqru aktar.[6] Dan għandu riperkussjonijiet kbar fuq il-miri ta' tnaqqis tal-faqar u d-dimensjoni tat-tkabbar inklussiv tal-Istrateġija UE-2020. Ċerti sistemi ta’ sigurtà soċjali, speċjalment dawk li għandhom ċerta struttura bbażata fuq il-familja, jew fejn l-intitolamenti jistgħu jkunu taħt il-kundizzjoni ta’ ċerti mudelli ta’ xogħol, jidhru wkoll anqas kapaċi li jlaħħqu maż-żieda fil-pressjonijiet tal-kriżi, mhux anqas fir-rigward tal-faqar fost it-tfal.[7]

Kwistjoni ċara ta’ responsabbiltà soċjali f’din il-kriżi huwa r-rwol tal-aċċess għall-kura tas-saħħa. Filwaqt li s-saħħa pubblika fiha nnifisha tikkonċerna lill-Kumitat ieħor, qed jinħolqu ostakoli f’numru ta’ Stati Membri permezz ta’ regoli ta’ sigurtà soċjali. Pereżempju, assigurazzjoni ta’ saħħa li tispiċċa wara perijodu ta’ qagħad jew sistemi magħluqa għal ċerti gruppi, bħal migranti mingħajr dokumenti, minn kura primarja jew mhux urġenti, jew li huma bbażati fuq impjieg full-time li jpoġġu fi żvantaġġ ħaddiema part-time jew każwali. In-nisa b’mod ġenerali, imma b’mod speċjali n-nisa bi sfond ta’ minoranza etnika bħal Roma jew ħaddiema migranti, huma żvantaġġati b’mod partikulari[8]. Numru ta’ Stati Membri qed ibiddlu jew jirriformaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali: tibdil ta’ dan it-tip irid ikun evalwat biex jiżgura li n-nies mhux qed ikunu esklużi mill-kopertura. In-numru ta’ persuni mingħajr dar jew f’akkomodazzjoni għal żmien qasir qed jiżdied f’numru ta’ Stati Membri, bħala riżultat ta’ dan ħafna mhux qed ikollhom kontinwità fil-kura: xi tfal mhux qed jirċievu tilqim bażiku u huwa ċar li ċertu mard li jittieħed qed jerġa' jidher fost dawk li m'għandhomx dar xierqa u huma nieqsa mill-aċċess għas-servizzi. Jista’ jidher li xi ċittadini tal-UE ma jistgħux ikollhom aċċess għall-kura fi Stat Membru ieħor, minkejja d-dispożizzjoni tar-Regolament 883/2004[9], minħabba l-mod li bih qed tkun implimentata d-Direttiva 2004/38/KE[10]: dan irid ikun esplorat u jitnaqqas id-divarju fil-kopertura.

Iż-żieda fl-ispejjeż tal-kofinanzjament jew preskrizzjonijiet, meta mqabbel mad-dħul ta’ dawk fil-bżonn, qed tiskoraġġixxi lin-nies milli jfittxu l-kura fi stadju bikri u għalhekk ikollhom bżonn ta’ kura aktar urġenti u li tiswa aktar flus iżjed 'il quddiem. Dan jista’ jirriżulta wkoll fl-inkapaċità li jkomplu programmi ta’ trattament li jista’ jirriżulta f'assenza mill-post tax-xogħol jew, traġikament, riżultati mediċi negattivi. Il-mistħija jew stigma tat-tfittix tal-kura għal ċerti kundizzjonijiet, bħal HIV/AIDS, STS jew anke kanċer f’ċerti soċjetajiet hija wkoll irrapportata bħala ostakolu. Rati f’xi Stati Membri qed jiżdiedu. Xi pajjiżi qed jimmiraw li jnaqqsu l-ispiża tal-farmaċewtiċi stess permezz ta’ aktar kooperazzjoni bejn il-korpi tal-akkwist. Il-persunal fis-settur tal-kura tas-saħħa naqas b’mod sinifikanti f’numru ta’ pajjiżi li affettwa wkoll il-provvista tas-servizzi, inkluż f’partijiet rurali fejn il-provvista kienet diġà aktar batuta. Il-persunal sofra wkoll nuqqas fil-ħlas f’ħafna pajjiżi b’riżultat minnhom ikun li l-persunal jitlaq biex jaħdem f’xogħol ieħor jew f’pajjiż ieħor: it-tnejn li huma għandhom implikazzjonijiet fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-provvista tal-kura tas-saħħa.

Intqal ukoll lill-Kumitat li hemm aktar tħassib dwar dawk li għandhom kuntratt għal żmien qasir jew każwali li x’aktarx ma jibbenefikawx minn benefiċċji tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u dan apparti l-problemi kkaġunati permezz ta’ dħul irregolari.

Ta’ min jiftakar ukoll li f’xi Stati Membri, proċeduri ta' aċċess għas-sigurtà soċjali u l-forniment ta’ servizzi tal-welfare kumplessi jistgħu wkoll jiskoraġġixxu lil xi nies milli jitolbu jew jirċievu dak li huma ntitolati għalih, li għandu implikazzjonijiet fuq kemm ikunu kapaċi jlaħħqu. Din hija wkoll kwistjoni għal xi wħud f’sitwazzjoni transkonfinali. Tnaqqis fil-persunal, taħriġ mhux adegwat jew ħafna tibdil ta’ persunal jista’ wkoll ifisser li l-kwalità jew l-eżattezza tal-informazzjoni jkunu kompromessi u għalhekk jagħmlu lin-nies aktar vulnerabbli.

Dħul baxx, mhux sigur jew nuqqas ta’ dħul disponibbli, flimkien ma’ żieda fl-ispejjeż ġenerali jistgħu wkoll ifissru li n-nies jinqatgħu minn servizzi essenzjali f’xi Stati Membri u għalhekk ma jkollhomx aċċess biex isaħħnu jew ikessħu d-dar bir-riżultati fuq is-saħħa li dan iġib miegħu, speċjalment f’kundizzjonijiet ta’ temp estremi. Il-kura fid-dar issir kważi impossibbli f'sitwazzjoni ta' dan it-tip. Aċċess għall-bżonnijiet bażiċi jrid ikun żgurat.

Tnaqqis fil-benefiċċji u/ jew servizzi huwa rrapportat li għandu effett negattiv dirett fuq il-persuni b’diżabbiltà u fuq il-kwalità ta’ ħajjithom. Intqal lill-Kumitat li, fl-agħar sitwazzjoni possibli, il-kura kienet qed tkun ridotta għal "tindif u alimentazzjoni” u ma tippromwovix aktar il-ħajja indipendenti u l-mudell soċjali ta’ diżabbiltà skont l-impenji tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet. Xi Stati Membri m’għadhomx aktar qed jiċċaqalqu lil hinn minn kura istituzzjonalizzata u approċċi ta’ kura aktar innovativi u ta’ setgħa qed jitpoġġew fil-ġenb, anke meta huma aktar kosteffikaċi. Hemm ukoll żieda fl-esperjenzar ta’ diskors ta’ mibegħda, ibbuljar u attakk kontra l-persuni b’diżabbiltà, dawk bi problemi ta’ saħħa mentali u gruppi vulnerabbli oħra bħal migranti (mingħajr dokumenti) u Roma: persuni meqjusa bħala "jiswew wisq biex tieħu ħsiebhom”. Din l-attitudni hija appoġġjata minn ċerti movimenti politiċi u midja u xi retorika politika. Atteġġjament diskriminatorju m’għandhux jitħalla għaddej, kemm għas-saħħa u d-dinjità tal-individwi attakati u kemm ta’ dawk li jaħdmu magħhom.

Kura għall-persuni mdaħħla fiż-żmien, bi bżonnijiet speċjali, hija wkoll taħt stress f’ħafna pajjiżi. Benefiċċji ta’ kura fit-tul ma jeżistux fl-Istati Membri kollha u, anke fejn jeżistu, jistgħu xorta jkunu għadhom akkumpanjati minn spejjeż għal servizzi addizzjonali. Il-kura hija ħafna drabi informali, ipprovduta minn membri tal-familja li jistgħu wkoll ikunu impjegati jew għandhom responsabbiltajiet ta’ kura oħrajn, u s-servizzi li jgħinuhom huma taħt pressjoni. Jistgħu jsibu ruħhom jipprovdu attenzjoni medika pjuttost qawwija bi ftit jew xejn taħriġ jew appoġġ. L-ispejjeż tas-servizzi ta’ appoġġ bħal għajnuna fid-dar jistgħu jkunu qed jogħlew jew l-għajnuna tkun irtirata. Dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jistgħu wkoll ikunu qed jappoġġjaw lill-adulti b’imġiba diffiċli jew ta’ vizzju u fl-istess ħin irabbu lil uliedhom stess. Din il-kura informali fil-verità tiffranka lill-gvernijiet nazzjonali ammont enormi ta’ flus u jekk l-appoġġ għal dawk li jagħmluha jkun imxejjen, din tkun ekonomija falza. Hemm ukoll il-mistoqsija dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-kura informali fid-dawl tat-tibdil fil-kompożizzjoni tal-familji.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kura professjonali, dan huwa settur magħruf għal ħlas baxx, kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji u tibdil tal-persunal rapidu u ta' spiss, u mhijiex sorpriża li hemm nuqqas ta’ persunal. F’xi Stati Membri l-kura tista’ tkun ipprovduta minn individwi privati fid-dar, bi ftit jew xejn regolazzjoni effettiva: Il-Parlament iddikjara l-importanza tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar Il-Ħaddiema Domestiċi f’dan ir-rigward. Ir-relazzjonijiet industrijali huma ta’ spiss batuti, għalhekk approċċ ibbażat fuq settur ta’ msieħba soċjali jista’ jgħin billi jgħolli l-istandards.

Fir-rigward tal-iżvilupp tat-tfal, nafu l-importanza ta’ esperjenza ta’ kwalità għolja fis-snin bikrija. L-evidenza turi li fatturi soċjali huma partikularment kruċjali fis-snin bikrija tal-ħajja, li għandhom impatt qawwi fuq is-saħħa futura, l-iżvilupp fl-edukazzjoni u l-opportunitajiet fil-ħajja tat-tfal. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-aktar rata għolja ta’ qligħ għall-investiment kapitali uman jinsab fis-snin bikrija tat-tfulija[11], filwaqt li n-nefqa pubblika hija tipikament l-aktar baxxa f’din l-età[12]. Kważi miljun tifel u tifla huma kkalkolati li qed jgħixu taħt kura alternattiva fl-UE: l-iżvantaġġi li jaffaċċjaw huma magħrufa tajjeb, l-istess bħalma huwa l-bżonn ta’ intervenzjoni ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja biex jew jipprevjenu milli dawn it-tfal jgħixu taħt kura, jew li jkollhom esperjenza ta' appoġġ ibbażata aktar fuq il-komunità waqt li jkunu hemm, u waqt it-transizzjoni tagħhom lejn l-indipendenza.

Il-konsegwenzi serji potenzjali għas-soċjetà taż-żieda fl-insikurezza u l-inkapaċità li tkun ipprovduta kura effettiva kienu enfasizzati lill-Kumitat tagħna. L-involviment tat-“trojka” fil-baġits nazzjonali jfisser li l-UE tidher li għandha effett dirett f’oqsma li huma primarjament fir-responsabbiltà tal-Istati Membri, u għalhekk l-UE trid tidher ukoll li qed tippromwovi soluzzjonijiet. Tal-anqas, evalwazzjonijiet komprensivi tal-impatt soċjali tal-bidla fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-provvista ta’ servizzi tal-kura huma essenzjali sabiex ikun evitat li nagħmlu sitwazzjoni ħażina agħar milli hi, li joħloq problemi fit-tul u jxejjen għanijiet oħra ta' politika: dan huwa inkarigu għall-UE fit-“trokja” u fl-evalwazzjoni tal-Pjani ta’ Riforma Nazzjonali.

  • [1]  Ir-Rapport Cornelissen 2012 u r-Rapport Lope Fontagné 2013 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (2011/2320(INI) (2012/2257(INI))
  • [2]  Rapport Turunen dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol (2009/2221(INI))
  • [3]  Rapport Zimmer dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-sessi 2012/2301(INI))
  • [4]  Rapport “Delli” dwar l-akkomodazzjoni soċjali
  • [5]  Proposta għal Regolament dwar il-Finanzjament għal Għajnuna Ewropea lill-Persuni Mċaħħdin Materjalment
  • [6]  Żviluppi Soċjali u tal-Impjieg fl-Ewropa 2012 u t-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja, Eurofund 2012
  • [7]  Rapport ta' Konsulenza tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-Trattament u l-Prevenzjoni tal-Faqar fost it-Tfal u l-Promozzjoni tal-Benesseri tat-Tfal, 27 ta' Ġunju 2012 –
  • [8]  It-8 Paper dwar Sigurtà Soċjali għal Kulħadd, Scheil-Adlung u Kuhl, ILO 2011
  • [9]  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ siġurtà
  • [10]  Id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;
  • [11]  The case for investing in disadvantaged young children, James J. Heckman University of Chicago u University College Dublin, in-Netwerks ta' Esperti Ewropej dwar l-Ekonomija fl-Edukazzjoni, Jannar 2012
  • [12]  "The Benefits of Early Child Development Program: An Economic Analysis", Van der Gaag, J. u Tan, J.P.,

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (29.5.2013)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli
(2013/2044(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Inês Cristina Zuber

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet permezz tal-kostituzzjonijiet tagħhom u tas-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom; billi l-inugwaljanzi tal-ġeneru fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u fl-eżiti tas-saħħa jeżistu fl-UE kollha;

B.  billi ċerti gruppi, bħal pereżempju n-nisa b’diżabilità, ikollhom jonfqu aktar flus fuq is-saħħa mill-bqija tal-popolazzjoni;

C. billi kull persuna hija intitolata għal standard tal-għajxien li tippermetti lilha u lil qrabatha li jgawdu saħħa u benesseri;

D. billi n-nies kollha, indipendentement mill-ġeneru, sfond etniku, twemmin reliġjuż jew kulturali jew diżabiltajiet, għandhom dritt għall-ħarsien tas-saħħa, indipendentement mill-kundizzjoni ekonomika u soċjali u min-nazzjonalità tagħhom; billi dan id-dritt għandu jitwettaq permezz ta’ servizzi mediċi preventivi u ta’ kura kif ukoll ta’ rijabilitazzjoni, u r-responsabilità għalihom għandha tkun l-ewwel u qabel kollox tal-Istati Membri, permezz tas-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom;

E.  billi importanti li jiġi enfasizzat is-sinifikat tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha, li għandhom rwol vitali li jgħinu lil gruppi esklużi;

F.  billi l-kriżi ekonomika attwali u l-adozzjoni ta’ politiki li jindirizzaw id-defiċits pubbliċi wasslu lil xi Stati Membri biex inaqqsu l-baġits tas-saħħa nazzjonali; billi dan wassal għal riskju ta’ inqas aċċess għall-kura tas-saħħa għall-aktar gruppi żvantaġġati – it-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-migranti u l-minoranzi etniċi;

G. billi huwa aktar probabbli li n-nisa jirtiraw mis-suq tax-xogħol, għal diversi raġunijiet (tqala, responsabilitajiet familjari jew indukrar ta' persuni dipendenti), u dan jolqot l-istatus tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa.

H. billi fl-2011, 24.2% tal-popolazzjoni tal-UE (119.6 miljun ruħ), kienu meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew esklużjoni soċjali. 25 miljun persuna minnhom huma tfal; billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma’ ostakoli akbar fid-dħul fis-suq tax-xogħol, u dan jagħmilha aktar diffiċli għalihom biex jgħixu ħajja ordnata u indipendenti;

I.   billi l-ħarsien tas-saħħa għandu effetti importanti fuq il-kwalità, it-tul u d-dinjità tal-ħajja tal-bniedem;

J.   billi madwar 10% tat-trabi li jitwieldu fl-UE jitwieldu prematuri (qabel is-37 ġimgħa tqala), u billi l-ommijiet ta’ trabi prematuri sikwit ma jkollhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa meħtieġa tal-istandard rekwiżit, fatt li jinħass saħansitra aktar f’termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

K. billi l-faqar, l-edukazzjoni inadegwata u livell aktar baxx ta’ integrazzjoni soċjali jirriżultaw f’livell ta’ saħħa baxx; billi l-ostakoli ewlenin għall-kura tas-saħħa ta' gruppi vulnerabbli huma n-nuqqas ta' għarfien u ta’ komprensjoni tas-sistema tas-saħħa, il-problemi amministrattivi, in-nuqqas ta' għarfien dwar il-prevenzjoni tal-mard, u n-nuqqas ta’ aċċess fiżiku għas-servizzi;

L.  billi waħda mill-akbar sfidi li tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa hija l-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ;

1.  Jirrakkomanda ħafna li l-aġġustamenti fil-baġits tas-saħħa pubblika ma jolqtux lil dawk li huma partikolarment vulnerabbli, u li gruppi tali għandhom għal kuntrarju, jikkostitwixxu prijorità; għaldaqstant jirrakkomanda li ssir riforma komprensiva favur is-sistemi tas-saħħa u tal-kura pubbliċi li għandhom jiġu kumplimentati b’aktar investiment pubbliku effettiv f’dawn is-servizzi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, u b’mod partikolari, biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi tal-ġeneru fis-settur tas-saħħa u biex ikun żgurat aċċess indaqs għall-kura tas-saħħa għall-aktar gruppi żvantaġġati;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex ma jkomplux iżidu l-piż tal-indukrar tan-nisa billi jibagħtuhom lura fir-rwol tradizzjonali tagħhom fil-familja;

3.  Jirrakkomanda ħafna li jittieħdu miżuri drastiċi biex jiġi miġġieled il-qgħad fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u li jkun provdut finanzjament xieraq għall-provvediment ta’ servizzi tas-saħħa u tal-benesseri adattati u adegwati biex jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki li jippromwovu s-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard billi jiżguraw kura tas-saħħa bla ħlas, universali u ta' kwalità lill-gruppi l-aktar żvantaġġati, b'attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar tal-kura tas-saħħa primarja, mediċini preventivi, aċċess għad-dijanjosi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni; jitlob li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex ikunu miġġielda l-problemi ewlenin tas-saħħa li jiffaċċaw in-nisa u jkun żgurat id-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva, servizzi tas-saħħa għan-nisa vittmi tal-vjolenza, u kura tas-saħħa għat-trabi;

5.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-kura primarja, filwaqt li jiffukaw fuq titjib tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura għan-nisa, b’mod partikolari għan-nisa li jgħixu f’żoni remoti ’l bogħod miċ-ċentri urbani, kif ukoll fuq miżuri għall-aktar gruppi żvantaġġati– it-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, qiegħda jew bla dar – li jiggarantixxu d-dritt ta’ monitoraġġ mediku regolari għal kulħadd;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitrattaw il-kura tal-omm u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, speċjalment f’każijiet ta’ twelid prematur, bħala prijorità tas-saħħa pubblika u jinkorporawha fl-istrateġiji tas-saħħa Ewropej u nazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw l-edukazzjoni u l-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa għall-professjonijiet tas-saħħa kollha li jaħdmu fl-unitajiet tal-kura ta' qabel il-konċepiment, tal-maternità u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, bl-għan li ji jkun prevenut it-twelid prematur u jitnaqqas l-għadd ta’ mard kroniku li jolqot lit-trabi li jitwieldu b’mod prematur;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Mmembri biex jiżguraw li tingħata għajnuna xierqa lin-nisa waqt u wara tqala u t-treddigħ, billi joffru servizzi ta’ indukrar/konsultazzjoni bla ħlas meta jkun meħtieġ, u nutriment adegwat, speċjalment lil dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-kriżi ekonomika attwali;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw bl-għan li jiġi implimentat għadd massimu ta’ programmi għal titjib fl-istandards tas-saħħa fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, fil-kuntest tal-mobilità, li hu rikonoxxut bħala dritt fundamentali fl-UE;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu l-prijoritijiet, jeliminaw id-distakk bejn l-irġiel u n-nisa u jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa u tal-ippjanar tal-familja, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli u żvantaġġati oħra li jeħtieġu ħarsien tas-saħħa soċjali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari f'termini ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u t-trattament mediku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Norica Nicolai, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Rosa Estaràs Ferragut, Nicole Kiil-Nielsen, Katarína Neveďalová, Chrysoula Paliadeli, Antigoni Papadopoulou, Angelika Werthmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Verónica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Malika Benarab-Attou, Iliana Malinova Iotova, Svetoslav Hristov Malinov, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou