RAPPORT dwar ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonija elettronika

1.10.2013 - (2013/2080(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Catherine Trautmann

Proċedura : 2013/2080(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0313/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika

(2013/2080(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE (id-Direttiva dwar Regolamentazzjoni Aħjar),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE (id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 526/2013 (ir-Regolament BEREC),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Kwadru),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE (id-Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva dwar l-Aċċess),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 531/2012 (ir-Regolament BEREC imfassal mill-ġdid),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2010/572/UE (Rakkomandazzjoni dwar aċċess regolat għal Netwerks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE (ir-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2009/396/KE (ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-rati ta’ terminazzjoni),

–   wara li kkunsidra l-COM 2002/C 165/03 (il-Linji Gwida dwar l-SMP),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2008/850/KE (Artikolu 7 tar-Regoli ta’ proċedura tad-Direttiva Qafas),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–   wara li kkunsidra l-proposta tas-7 ta’ Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (COM(2013)0048),

–   wara li kkunsidra l-ħidma riċenti li twettqet mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar in-newtralità tan-net,

–   wara li kkunsidra l-proposta tas-26 ta’ Marzu 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (COM(2013)0147),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0313/2013),

A. billi l-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni kien emendat l-aħħar fl-2009, fuq il-bażi ta' proposti ppreżentati fl-2007 u wara snin ta’ ħidma preparatorja;

B.  billi t-traspożizzjoni tal-emendi tal-2009 fl-Istati Membri kellha sseħħ sal-25 ta’ Mejju 2011 u tlestiet fl-aħħar Stat Membru f’Jannar 2013;

C. billi hemm marġini ta’ interpretazzjoni għal kull Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) fil-mod kif timplimenta l-qafas, sabiex l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-qafas għandha tkun tista' tqis ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom il-qafas jiġi implimentat fl-Istati Membri;

D. Billi d-differenzi fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju wasslu għal spejjeż ogħla għall-operaturi attivi f’iktar minn pajjiż wieħed, u b’hekk ġew ostakolati l-investimenti u l-iżvilupp ta’ suq uniku għat-telekomunikazzjonijiet;

E.  billi l-Kummissjoni Ewropea ma sfruttatx il-possibilità li tadotta deċiżjoni li tidentifika s-swieq transnazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva Qafas;

F.  billi l-utenti tan-negozji pan-Ewropej ma ġewx rikonoxxuti bħala parti separata tas-suq, u dan wassal għal nuqqas ta’ offerti bl-ingrossa standardizzati, spejjeż żejda u suq intern frammentat;

G. billi l-għanijiet tal-qafas huma li jippromwovi ekosistema ta’ kompetizzjoni, investiment u innovazzjoni, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-intrapriżi tas-settur, b’mod partikolari dawk Ewropej;

H. billi l-qafas regolatorju għandu jinżamm bħala ġabra waħda koerenti;

I.   billi, f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni hija obbligata tirrevedi perjodikament il-qafas sabiex tiżgura li dan ikun aġġornat skont l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq;

J.   billi, aktar milli tibni fuq il-qafas regolatorju, il-Kummissjoni impenjat ruħha f’mogħdija parallela ta’ inizjattivi individwali, fejn is-’suq uniku diġitali’ huwa l-avatar l-aktar reċenti;

K. billi l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tirrevedi d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u r-rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti, iżda mhux il-partijiet l-oħra tal-qafas regolatorju;

L.  billi l-Kummissjoni ilha ma taġġorna l-obbligi dwar is-servizz universali mill-1998, minkejja t-talba inkluża fid-Direttiva tal-2009 dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadin;

M. billi qafas rilevanti, stabbli u konsistenti huwa essenzjali biex jippromwovi l-investiment, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u b'hekk servizzi ta’ kwalità aħjar;

N. billi approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq ARN kollettivi wera li huwa aktar effettiv fil-promozzjoni ta’ każistika regolatorja komuni;

O. billi s-separazzjoni funzjonali, jiġifieri l-obbligu ta’ operatur integrat vertikalment li jqiegħed l-attivitajiet relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ prodotti ta’ aċċess rilevanti f’unità ta’ negozju intern li topera indipendentement, tibqa’ rimejdu tal-aħħar istanza;

P.  billi kompetizzjoni effettiva u sostenibbli hija mutur importanti tal-investiment effiċjenti maż-żmien;

Q. billi l-qafas regolatorju ppromwova l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

R.  billi l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, flimkien mal-promozzjoni tal-investiment, huma għanijiet politiċi ewlenin stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas;

S.  billi minkejja l-progress li qed jinkiseb, l-UE qed twettaq biss passi żgħar lejn il-kisba tal-objettivi ta’ broadband tal-Aġenda Diġitali fil-perjodu ta’ żmien definit;

T.  billi t-tixrid tal-aċċess għall-internet broadband ta' veloċità għolja kien gradwali (54 % tad-djar Ewropej issa għandhom aċċess għal veloċitajiet ogħla minn 30 Mbps), iżda l-addozzjoni ta’ dan it-tip ta’ aċċess mill-konsumatur Ewropew qed issir bil-mod (4.2 % biss tad-djar); billi t-tixrid tal-aċċess għall-internet ultraveloċi (iktar minn 100 Mbps) qed titwettaq bil-mod, u jirrapreżenta biss 3.4 % tal-linji fissi kollha, u d-domanda tal-utent tidher baxxa, b'madwar 2 % biss tal-unitajiet domestiċi li qed jabbonaw għal dawn il-linji[1];

U. billi t-trasparenza fil-ġestjoni tat-traffiku tan-netwerks waħedha ma tiggarantix in-newtralità tal-Internet;

V. billi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetizzjoni kemm bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll bejnhom u fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika jeħtieġu attenzjoni, b’mod partikolari theddid għan-natura miftuħa tal-internet;

W. billi għad hemm preżenti ostakoli għall-kompetizzjoni f’ħafna netwerks, billi jitqies in-nuqqas ta’ definizzjoni u applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ newtralità tan-netwerk sabiex tiġi żgurata n-non-diskriminazzjoni tas-servizzi għall-utenti finali;

X. billi l-użu tal-4G fl-Ewropa ġie ostakolat minn nuqqas ta’ koordinazzjoni suffiċjenti fl-allokazzjonijiet tal-ispettru tar-radju, b’mod partikolari d-dewmien tal-Istati Membri li jwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi permess l-użu tal-faxxa 800 MHz għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika sal-1 ta’ Jannar 2013, kif stipulat fil-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPP);

Y. billi l-RSPP talab lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-użu tal-ispettru bejn l-400 MHz u s-6 GHz u tivvaluta jekk spettru addizzjonali jistax jiġi liberalizzat u jsir disponibbli għal applikazzjonijiet ġodda, bħall-faxxa 700 Mhz, iżda mhux biss din;

Z.  billi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u infrastrutturi ġodda għandhom jitqiesu meta ssir valutazzjoni tal-impatt tal-qafas legali fuq l-għażliet offruti lill-utenti u l-konsumaturi;

Aa. billi l-qafas għandu jibqa’ newtrali u għandhom japplikaw l-istess regoli għal servizzi ekwivalenti;

1.  Jiddispjaċih għad-dewmien mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-bidliet tal-2009 għall-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-frammentazzjoni tas-suq intern fil-komunikazzjonijiet kkawżata mill-implimentazzjoni diversa ta' dak il-qafas fis-28 Stat Membru;

2.  Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-qafas għamel progress sostanzjali lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, is-suq tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE għadu frammentat tul il-fruntieri nazzjonali, u b’hekk huwa diffiċli għall-intrapriżi u ċ-ċittadini li jibbenefikaw b’mod sħiħ minn suq uniku;

3.  Iqis li huwa biss permezz ta’ suq Ewropew kompetittiv fis-servizzi tal-broadband ta’ veloċità għolja li jistgħu jiġu stimulati l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol u jiġu offruti prezzijiet kompetittivi lill-utenti aħħarija;

4.  Hu tal-fehma li r-reviżjoni li jmiss għandha tfittex li tiżviluppa aktar il-qafas, bil-għan li tindirizza kwalunkwe dgħufijiet u tieħu kont tal-iżviluppi tas-suq, dawk soċjali u teknoloġiċi u tendenzi futuri;

5.  Hu tal-fehma li l-aspetti li jridu jiġu kkunsidrati f’reviżjoni tal-qafas regolatorju sħiħ għandhom jinkludu:

     (i) ir-reviżjoni li missha ilha li saret tal-obbligi tas-servizz universali, inkluż l-obbligu li jingħata aċċess għall-internet broadband għal prezz raġonevoli bi tweġiba għall-bżonn urġenti li jitnaqqas id-distakk diġitali; u b'dan irażżan il-limitazzjonijiet imposti mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat;

     (ii) il-kompetenza tal-ARNs għall-kwistjonijiet kollha, inkluż l-ispettru, li huma indirizzati mill-qafas; is-setgħat mogħtija lill-ARNs fl-Istati Membri u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ARNs, b'konsegwenza;

     (iii) il-kooperazzjoni bejn l-ARNs u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni;

     (iv) l-obbligi simmetriċi relatati mal-aċċess għan-netwerks (Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas), minħabba li f’ċertu Stati Membri tali setgħat regolatorji ma ngħatawx lill-ARNs;

     (v) ir-regoli dwar l-effetti ta' ingranaġġ (Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas) u d-dominanza konġunta (Anness II tad-Direttiva Qafas), minħabba li minkejja l-emendi tal-2009, l-ARNs għadhom isibuha diffiċli jużaw dawn l-għodod;

     (vi) il-proċessi tar-reviżjoni tas-suq;

     (vii) l-impatt tas-servizzi li huma totalment sostitwibbli għal dawk ipprovduti minn fornituri tradizzjonali; f'ċerti każijiet ikunu meħtieġa ċerti kjarifiki rigward sa fejn twassal in-newtralità teknoloġika tal-qafas, kif ukoll dwar id-dikotomija bejn is-servizzi tar-reġim tas-"Soċjetà tal-Informatika" u dawk tal-"komunikazzjonijiet elettroniċi";

     (viii) il-ħtieġa li jitħassru r-regolamenti skaduti;

     (ix) it-tneħħija tar-regolamentazzjoni fejn analiżi tas-suq tkun uriet li s-suq ikkonċernat ikun effettivament kompetittiv, u li jkunu jeżistu modi u l-metodi biex jiġi estiż il-monitoraġġ;

     (x) li l-NRAs jingħataw l-ooportunità li jirrappurtaw dwar l-esperjenza tagħhom b'obbligi u rimedji non-diskriminatorji;

     (xi) l-effettività u l-mod kif jaħdmu l-proċeduri tal-Artikolu 7/7a (‘koregolamentazzjoni’): filwaqt li b’mod ġenerali kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BEREC jaqblu li dawn jaħdmu sew, billi jippermettu bilanċ tajjeb, il-Kummissjoni targumenta li f’ċertu każijiet l-ARNs ma aġġustawx il-miżuri regolatorji kollha tagħhom, jew damu biex adattawhom, filwaqt li l-BEREC jilmenta dwar il-limiti ta’ żmien ristretti;

     (xii) is-sitwazzjoni fejn fażi II tal-proċedura ma tiġix imnedija minħabba li ARN tkun irtirat l-abbozz ta’ miżura tagħha jew fejn ARN ma tipproponix rimedju għal problema rikonoxxuta fuq ċertu suq, f’liema każ l-unika soluzzjoni tkun il-proċedura ta’ ksur: għaż-żewġ każijiet bħal dawn, għandu jeżisti mod biex tiġi mnedija proċedura xierqa skont l-Artikolu 7/7a;

     (xiii) l-effettività u l-mod kif taħdem il-proċedura skont l-Artikolu 19: il-Kummissjoni wżat is-setgħat tagħha skont l-Artikolu 19 darbtejn (ir-rakkomandazzjoni dwar l-NGA f’Settembru 2010, u r-rakkomandazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni u l-metodoloġiji tal-istimi tal-prezzijiet); minħabba li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7/7a, m'hemmx kalendarju ta’ żmien għall-proċedura skont l-Artikolu 19, id-djalogu regolatorju bejn il-BEREC u l-Kummissjoni kellu aktar xkiel, li wassal għal ilmenti mill-BEREC li l-opinjoni tiegħu kienet mitluba bi preavviż qasir wisq, u mill-Kummissjoni li ċertu ARNs kienu riluttanti matul il-perjodu tal-abbozzar u implimentazzjoni;

     (xiv) servizzi u operaturi pan-Ewropej, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjoni (mhux użata) tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva Qafas li tippermetti l-Kummissjoni tidentifika swieq transnazzjonali; għandha tingħata iktar attenzjoni lill-provvista kompetittiva ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet lil intrapriżi tal-UE u lill-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ rimedji fuq livell ta’ negozju mal-UE kollha;

(xv) l-identifikazzjoni ta’ swieq transnazzjonali, bħala l-ewwel pass, tal-inqas fir-rigward tas-servizzi tal-intrapriżi; li l-fornituri jkunu jistgħu jinnotifikaw lil BEREC li biħsiebhom iservu tali swieq, u s-superviżjoni tal-fornituri li jservu tali swieq mill-BEREC;

     (xvi) il-BEREC u l-funzjonament tiegħu kif ukoll l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tiegħu;

     (xvii) il-libertà ta’ aċċess għall-kontenut għal kulħadd, skont l-Artikolu 1(3a) tad-Direttiva Qafas, u n-newtralità tan-netwerk, li tibni fuq l-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva Qafas;

     (xviii) ir-rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti;

     (xix) ir-regolamentazzjoni tat-tagħmir, inkluż l-iggruppar tat-tagħmir u s-sistemi operattivi;

(xx) żviluppi globali riċenti fiċ-ċibersigurtà u l-ispjunaġġ ċibernetiku u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tar-rispett tal-privatezza tagħhom meta jużaw komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi tas-soċjetà tal-informatika, u

(xxi) il-fatt li l-Internet sar infrastruttura kruċjali għat-twettiq ta’ varjetà kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjali;

6.  Iqis li l-għanijiet ewlenin tar-reviżjoni għandhom jinkludu:

     (i) li jiġi żgurat li servizzi totalment sostitwibbli jkunu soġġetti għall-istess regoli; għal dan il-għan għandha titqies id-definizzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas;

(ii) li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkun jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni kompluta u komprensibbli dwar il-veloċitajiet ta’ konnessjoni mal-internet sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti ta’ operaturi differenti;

(iii) li tiġi promossa aktar il-kompetizzjoni effettiva u sostenibbli, li hija l-mutur ewlieni ta’ investiment effiċjenti maż-żmien;

(iv) li tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-broadband ta’ veloċità għolja;

     (v) li jiġi pprovdut qafas stabbli u sostenibbli għall-investiment;

     (vi) li tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata, konsistenti u effettiva;

     (vii) li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ fornituri pan-Ewropej u l-provvista ta’ servizzi kummerċjali transkonfinali;

(viii) li jiġi żgurat li l-qafas ikun adatt għall-era diġitali u li jwassal għal ekosistema tal-internet li tappoġġja l-ekonomija kollha, u

(ix) li tiżdied il-fiduċja tal-utent fis-suq intern fil-komunikazzjonijiet, inkluż permezz tal-miżuri għall-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-futur għall-protezzjoni ta’ dejta personali u miżuri li jżidu s-sigurtà ta’ komunikazzjoni elettronika fis-suq intern;

7.  Jemmen li l-għan globali tal-qafas għandu jkompli jkun il-promozzjoni ta’ ekosistema settorjali ta’ kompetizzjoni u investiment, li hi ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-utenti, filwaqt li jħeġġeġ il-ħolqien ta’ suq intern reali fil-komunikazzjonijiet u jippromwovi l-kompetittività globali tal-Unjoni;

8.  Jenfasizza li l-qafas regolatorju għandu jibqa’ koerenti, rilevanti u effettiv;

9.  Jemmen li l-qafas għandu jservi l-għan li tinżamm konsistenza u tingħata ċertezza regolatorja, għal kompetizzjoni ġusta u bbilanċjata fejn l-atturi Ewropej kollha jista’ jkollhom l-opportunitajiet tagħhom; iqis li d-dispożizzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni, inkluża awtorizzazzjoni Ewropea unika, aspetti relatati mal-konsumaturi u l-arranġamenti tekniċi għal irkantijiet tal-ispettru, jista' jkollhom irwol importanti bil-ħsieb li jinħoloq suq uniku għall-komunikazzjonijiet, iżda li jeħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl ta’ dan l-għan; iqis li l-proċedura għar-reviżjoni tal-qafas mixtieqa hawnhekk għandha titqies bħala pass 'il quddiem għall-ekonomija diġitali Ewropea u għalhekk tkun indirizzata permezz ta' approċċ koerenti u ppjanat;

10. Jenfasizza li n-non-diskriminazzjoni fl-informazzjoni fil-fażijiet ta’ emissjoni, trażmissjoni u riċeviment hija neċessarja sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni u jiġu eliminati l-ostakoli għad-dħul;

11. Jenfasizza li hemm potenzjal għal imġiba antikompetittiva u disriminattiva fl-immaniġġjar tat-traffiku; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jevitaw kwalunkwe ksur tan-newtralità tan-netwerk;

12. Jinnota li d-dispożizzjonijiet li jippermettu li l-ARNs jintervjenu biex jagħmlu obbligatorju l-kwalità tas-servizzi fil-każ li jkun hemm waqfien jew restrizzjonijiet tas-servizz antikompetittivi, flimkien ma' trasparenza tal-kuntratti aħjar, huma għodod b'saħħithom biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess u użu tas-servizzi li jagħżlu;

13. Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-kwalità tas-servizzi minn tarf sa tarf flimkien mal-għoti tal-aħjar sforzi jistgħu jfixklu l-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk; jistieden lill-Kummissjoni u lir-regolaturi jimmonitorjaw dawn ix-xejriet u, jekk ikun il-każ, iniedu l-għodod tal-obbligi tal-kwalità tas-servizz stipulati fl-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Drittijiet tal-Utenti; jappella biex, jekk ikun meħtieġ, jitqiesu miżuri leġiżlattivi addizzjonali fil-livell tal-UE;

14. Jenfasizza li sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni, tiżdied l-għażla tal-konsumaturi, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-effiċjenza fit-tnedija tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, għandhom jiġu esplorati u offruti taħlita ta' miżuri differenti u t-teknoloġiji disponibbli kollha għall-konsumaturi, sabiex jiġi evitat li s-servizz jiddeterjora, li l-aċċess jiġi bblukkat, li li t-traffiku tan-netwerk isir aktar bil-mod;

15. Jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom l-għan li japplikaw prinċipji, proċeduri u kundizzjonijiet regolatorji għall-użu ta’ spettru li ma jostakolax il-fornituri Ewropej ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi milli jipprovdu netwerks u servizzi f’bosta Stati Membri jew madwar l-Unjoni;

16. Jinsab konvint li aktar koordinazzjoni tal-ispettru flimkien mal-applikazzjoni ta’ prinċipji komuni għad-dritt tal-użu tal-ispettru madwar l-Unjoni jkun rimedju importanti biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tad-disponibilità tal-ispettru, biex b’hekk jitħeġġu l-investiment u l-ekonomija ta’ skala;

17. Jenfasizza li l-pagamenti ta’ inċentiv u/jew ir-revoka tad-dritt ta’ użu fil-każ li ma jintużax l-ispettru tar-radju rilevanti jistgħu jkunu miżuri importanti li jilliberaw biżżejjed spettru tar-radju armonizzat sabiex jiġu stimulati servizzi ta’ broadband mingħajr fili ta’ kapaċità għolja;

18. Jenfasizza li rkantar pan-Ewropew ta’ servizzi mingħajr fili 4G u 5G, b’numru limitat ta’ detenturi tal-liċenzja li kollettivament iservu t-territorju kollu tal-UE, jippermetti servizzi mingħajr fili pan-Ewropej, biex b'hekk jixxejnu l-pedamenti li fuqu huwa mibni r-roaming;

19. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità ħafna ogħla lill-aspetti tal-konsumaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi; jenfasizza li swieq li jiffunzjonaw sew, b'konsumaturi konfidenti u informati sew, huma s-sinsla tas-suq tal-UE fis-sħuħija tiegħu;

20. Jenfasizza li ladarba l-konsumaturi qed jagħżlu dejjem aktar il-kuntratti f'forma ta' ġabra li jkopru servizzi multipli, huwa partikolarment importanti li jiġu infurzati b'mod riġidu r-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-aġġornament tal-kuntratti prekuntrattwali u eżistenti;

21. Jisħaq fuq l-importanza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-konsumaturi msaħħa rigward ir-restrizzjonijiet tas-servizzi, is-sussidji għat-tagħmir u l-immaniġġjar tat-traffiku; Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw l-infurzar konsistenti tal-projbizzjoni tar-riklamar qarrieqi;

22. Jenfasizza li l-ġbir flimkien tal-kontenut jista' jkun ostaklu biex wieħed jaqleb minn fornitur għal ieħor, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-BEREC biex iqisu l-aspetti antikompetittivi potenzjlament involuti f'dan ir-rigward;

23. Jinnota li hemm każijiet meta l-operaturi rrestrinġew il-funzjonalità tat-tethering (fejn il-mowbajl jista' jintuża bħala router/hotspot) tal-mowbajls tal-konsumaturi anki meta l-kuntratt tal-konsumaturi jispeċifika użu tad-dejta bla limiti; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-BEREC, iqisu l-kwistjoni tar-riklamar qarrieqi potenzjali fid-dawl tal-ħtieġa ta' ċarezza akbar f'dan ir-rigward;

24. Jinnota l-importanza tal-qlib u l-iffaċilitar tal-portabilità tan-numri f'suq dinamiku, it-trasparenza tal-kuntratti u l-għoti ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward it-tibdil fil-kuntratti; jiddispjaċih għall-fatt li l-miri tal-portabilità mhux qed jiġu sodisfati, u jitlob għal azzjoni mill-Kummissjoni u l-BEREC;

25. Jappoġġja dawk l-Istati Membri li implimentaw ir-rekwiżiti msaħħa għal aċċess ekwivalenti għall-utenti b'diżabilità, u jistieden lill-Istati Membri kollha biex isegwu l-eżempju tagħhom; jistieden lill-BEREC itejjeb il-promozzjoni ta' dispożizzjonijiet u aċċess għal utenti b'diżabilità;

26. Ifaħħar l-Istati Membri kollha għall-implimentazzjoni tan-numru tat-telefown tal-emerġenza komuni 112; jitlob għal titjib rigward il-ħin għal rispons dwar il-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata; jinnota li għadd ta' Stati Membri diġà kkonfiguraw teknoloġiji li jipprovdu, b'mod kważi instantanju, l-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata;

27. Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tan-numri 116, speċjalment il-linja diretta għar-rappurtar tat-tfal nieqsa (116000); jitlob għal promozzjoni aħjar ta' dawn in-numri mill-Kummissjoni;

28. Jinnota li l-Kummissjoni abbandunat l-ambizzjonijiet tagħha għal sistema ta' numerazzjoni telefonika pan-Ewropea;

29. Jenfasizza l-progress sinifikanti li sar biex jiġi provdut aċċess broadband universali fil-livell ta' dħul, filwaqt li jinnota li kien ferm inkonsistenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-aġenda diġitali billi jistimulaw l-investiment privat u jagħmlu investiment pubbliku f'kapaċitajiet tan-netwerk ġodda;

30. Jenfasizza li ż-żieda fil-volumi ta' dejta, id-disponibilità limitata tar-riżorsi tal-ispettru u l-konverġenza ta' teknoloġiji, apparat u kontenut jeħtieġu ġestjoni tat-traffiku tad-dejta intelliġenti u metodi differenti ta' tixrid bħall-kooperazzjoni bejn ix-xandir terrestri diġitali u n-netwerks tal-broadband bla wajers.

31. Jenfasizza li reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet kollha interessati u analiżi bir-reqqa tal-kwistjonijiet kollha;

32. Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tibda r-reviżjoni li jmiss tal-qafas sħiħ, sabiex tippermetti dibattitu xieraq matul il-perjodu parlamentari li jmiss;

33. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  SWD(2013)217 - Tabella ta’ valutazzjoni tal-aġenda diġitali, p. 43.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha l-aktar reċenti għall-emendi għall-kwadru tal-Unjoni għall-komunikazzjonijiet elettroniċi f’Novembru 2007. Il-kwadru rivedut ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill sentejn wara, f’Novembru 2009, wara negozjati twal u diffiċli. Id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet il-25 ta’ Mejju 2011, jiġifieri 18-il xahar wara l-adozzjoni. Madankollu, huwa biss numru żgħir ta’ Stati Membri li ttrasponew ir-regoli fil-ħin u l-aħħar Stati Membri li nnottifikaw it-traspożizzjoni sħiħa għamlu dan biss f’Jannar 2013.

Għalkemm il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrevedi l-kwadru perjodikament u reċentement ikkommettiet ruħha biex tirrevedi żewġ partijiet integrali tal-kwadru (id-Direttiva Nru 2002/58 dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u r-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq rilevanti), għadha ma ddikjaratx l-intenzjoni tagħha li twettaq reviżjoni sħiħa.

Sitt snin wara l-proposta tal-Kummissjoni, l-ewwel valutazzjoni li saret li hija dik tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi għadha ma tlestitx; pereżempju għad ma hemmx trasportatur pan-Ewropew. Għalkemm naħseb li suq unifikat huwa essenzjali, il-pakkett l-ewwel nett kien imfassal biex iġib ċertezza regolatorja fis-settur; dan għandu jitqies bħala parti minn stampa ikbar, jiġifieri bħala għodda li tista’ twassal il-kundizzjonijiet meħtieġa biex trawwem u tikkombina kemm l-investiment u l-kompetizzjoni, u għalhekk għandu impatt fuq il-ħajja taċ-ċittadini.

Din hija raġuni għalfejn l-effiċjenza tal-kwadru għandha tkun evalwata fid-dawl ta’ dawn il-kisbiet u l-ewwel kwistjoni li trid tiġi ttrattata hija r-raġuni għalfejn il-livell mistenni ta’ investiment ma segwiex l-adozzjoni tal-pakkett.

B’kunsiderazzjoni tal-kriżi ekonomika, il-kuntest soċjali u s-setgħa ta’ dan is-settur f’termini ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi, strateġija valida għall-Kummissjoni għandha tkun li tikkunsidra li dak il-kwadru fih innifsu ma jweġibx għall-isfidi kollha tas-settur u li ħafna biċċiet oħra differenti ta’ leġiżlazzjoni għandhom impatt fuq l-atturi.

Għalhekk hu ta’ dispjaċir li għadna qed nistennew il-Kummissjoni toħloq tali rabta bejn il-biċċiet differenti bħall-protezzjoni tad-dejta, il-kwistjonijiet tal-konsumatur, l-investiment u l-kompetizzjoni, il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat eċċ.

Huwa sorprendenti li l-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali għadha kemm ħabbret l-intenzjoni tagħha li tniedi ‘pakkett sħiħ finali’ ta’ proposti leġiżlattivi sabiex tipproduċi ‘suq uniku reali’ – jiġifieri, is-’suq intern għall-komunikzzjoni elettronika’ previst fil-proposti tal-2007 – sal-Għid tal-2014.

Minħabba li nifhem il-ħsieb kurrenti tal-Kummissjoni, f’mod ġenerali naqbel mal-idea ta’ passaport uniku Ewropew (bil-miżuri ta’ sostenn meħtieġa rigward is-superviżjoni, id-dumping fiskali, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol u tad-dejta) u armonizzazzjoni ikbar tal-allokazzjoni u l-irkantijiet tal-ispettru, sabiex jiġi ffaċilitat l-istess approċċ madwar l-Unjoni u jiġu evitati l-iżbalji tal-passat, pereżempju rigward il-prezz li jitħallas għall-ispettru. Naqbel ukoll mal-idea ta’ żvilupp ulterjuri tal-kunċett ta’ newtralità tan-netwerk u li dan isir liġi vinkolanti. Madankollu, nissuġġerixxi li dawn il-kwistjonijiet huma diffiċli u sensittivi, u jeħtieġu konsultazzjoni u analiżi bir-reqqa, u ma nħossx li huwa xieraq li jiġu ppreżentati lill-koleġiżlaturi f’mod frammentat. Ir-regoli ma jistgħux jinbidlu l-ħin kollu. Minflok, nippreferi li dawn il-kwistjonijiet, u aspetti oħra li dan ir-Rapport se jidentifika, jifformaw parti mir-reviżjoni wiesgħa li jmiss tal-kwadru.

Tabilħaqq, għalkemm il-kwadru tal-2009 jirrappreżenta titjib ċar u apprezzat fuq il-predeċessur tiegħu, pereżempju billi jipprovdi l-ARN b’għodod regolatorji effiċjenti u konsistenti, jiena nemmen li mill-adozzjoni tiegħu tfaċċaw sfidi ġodda flimkien mal-ħolqien ta’ ekosistema ġdida li tirriżulta mill-emerġenza ta’ teknoloġiji, atturi u mudelli tan-negozju ġodda u ħtiġiet u aspettazzjonijiet ġodda tal-konsumatur.

Dawn jinkludu l-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (inkluż ir-rakkomandazzjoni dwar l-NGA tal-Kummissjoni), il-politika tal-ispettru tar-radju, in-newtralità tan-netwerk, u ċ-ċibersigurtà. Ninsab imħasseb ħafna dwar it-tendenza riċenti tal-Kummissjoni li kultant tuża proposti ġodda (bħall-abbozz tar-rakkomandazzjoni dwar l-istima tal-prezzijiet u n-nondiskriminazzjoni) biex tiddefinixxi rimedji dettaljati ħafna u għalhekk tidher kważi qisa qed tipprova tieħu post ir-regolaturi. Qabel ma toħroġ proposta ġdida, il-Kummissjoni għandha tidentifika lakuna fil-leġiżlazzjoni, tiddefinixxi objettivi komuni u torganizza konsultazzjoni pubblika sħiħa u formali dwar kif jistgħu jintlaħqu.

Bħala riżultat kont qed nistenna li l-Kummissjoni kienet se titbiegħed mill-viżjoni stretta tar-rwol tar-regolament, billi toħloq dinamiżmu u tipproponi miżuri għal użu aħjar tal-għodod tal-kwadru diġà għad-dispożizzjoni tagħna aktar milli tipproponi inizjattiva kompletament ġdida, li l-adozzjoni tagħha mill-koleġiżlaturi qabel it-tmiem tal-leġiżlatura tidher kważi impossibbli. Barra minn hekk, din l-aħħar proposta se twassal ukoll għal żieda fl-inċertezza u għalhekk tnaqqis fl-investiment.

Din hija r-raġuni għalfejn nilqa’ din l-opportunità biex niżen il-kwadru u nqis fejn tinsab il-Kummissjoni rigward il-mistoqsijiet li kienu diġà ġew ippreżentati fl-2009 iżda li ssemmew biss dak iż-żmien minħabba nuqqas ta’ kunsens.

L-ispettru

Rigward l-ispettru, il-kwadru ħaddan prinċipju ‘moderat’ ta’ newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz, u ta bidu għall-ewwel programm ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju li mbagħad sejjaħ għal inventarju tal-użu tal-frekwenzi mill-Istati Membri. Kienet l-opportunità għall-Kummissjoni biex ikollha rwol ikbar għall-ispettru, iżda kien hemm kundizzjoni waħda: li tkun kapaċi turi l-kapaċità tagħha bħala koordinatur f’dan il-qasam u li turi l-valur miżjud Ewropew. Iżda għaddew ċertu ammont ta’ snin u għadna qed nistennew għal servizzi ġenwini pan-Ewropej, u l-inventarju mwiegħed għad irid jasal.

In-newtralità tan-netwerk

In-negozjati dwar il-famuża Emenda 138 wasslitna għal dikjarazzjoni mill-Kummissjoni li se taġixxi fuq id-diskriminazzjoni tal-kontenut u n-newtralità tan-netwerk. Ir-regolaturi kellhom biċċa xogħol kbira jidentifikaw ċertu problemi bħall-imblukkar ta’ kontenut u n-nuqqas ta’ kwalità tas-servizz, iżda l-Kummissjoni għadha ma ħaditx passi fuq din il-kwistjoni ewlenija, minbarra għal Komunikazzjoni dgħajfa dwar it-trasparenza u l-iffaċilitar tat-tibdil tal-ISP.

Kif iddikjarat qabel, in-Newtralità tan-Netwerk huwa suġġett jaħraq li jeħtieġ konsultazzjoni fil-fond u deliberazzjoni bir-reqqa, ma nistgħux nirriskjaw naqbżu d-dibattitu dwar id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, iżda se ninsisti fuq il-ħtieġa li mmorru lil hinn minn sempliċement linji gwida, sabiex ikollna strument verament vinkolanti.

OTTs

Il-kwadru leġiżlattiv u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-Awtorizzazzjoni huwa ffukat fuq l-operaturi iżda l-pajsaġġ tal-komunikazzjonijiet issa kibber biex jinkludi operaturi oħra bħal atturi ta’ kontenut over-the-top. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(c) tad-DK jeskludi espressament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Nixtieq nesplora l-ħtieġa li l-fornituri tal-OTT jkunu soġġetti għall-istess regolamentazzjoni fir-rigward tal-kontenut, l-aċċess jew il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta, meta dawn jipprovdu servizzi komparabbli għal dawk inklużi preżentament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwadru.

Is-servizz universali

Minkejja li l-kwadru tal-2009 diġà kien qed jitlob reviżjoni tal-obbligu tas-servizz universali biex jintegra l-iżviluppi teknoloġiċi, il-Kummissjoni ma ppubblikat l-ebda pjan dwar din il-kwistjoni. Nitlob għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta li tieħu kont tat-tnaqqis meħtieġ tad-distakk diġitali u twieġeb għal-limitazzjonijiet imposti mil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat, li għandhom jiġu riveduti.

Roaming

F’ċertu sens, ir-roaming jippreżenta problema politika partikolari. Filwaqt li din il-kwistjoni ma kinitx indirizzata fil-pakkett dwar it-telekomunikazzjonijiet u m’iniex konvint li għandha tkun, jidher li uħud minn dawk li jfasslu l-politika jappoġġjaw il-pubblikazzjoni rapida ta’ verżjoni ġdida.

Nixtieq infakkar li r-regolament kurrenti dwar ir-roaming kien adottat biss is-sena l-oħra, u dan jimponi firxa ta’ miżuri strutturali fuq l-operaturi maħsuba biex joħolqu l-kompetizzjoni u għalhekk ibaxxu l-prezzijiet tar-roaming għal-livelli nazzjonali. Ir-regolament imissu jiġi riveduti fl-2016. Anke bl-aħjar intenzjonijiet, ikun sorprendenti kieku l-Kummissjoni issa kellha tikkunsidra tipproponi ideat li kienet opponiet biss sena ilu, u li ġew ippreżentati u miċħuda kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsill. Jiena favur l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, u l-Grupp tiegħi ppropona dan fl-aħħar reviżjoni tar-Regolament dwar ir-roaming, iżda issa irridu nafdaw li s-sistema proposta mill-Kummissjoni, kif imtejba mill-Parlament, u stabbilita taħt ir-regolament il-ġdid is-sena l-oħra taħdem – dan huwa każ fejn iċ-ċertezza regolatorja u l-konsistenza li jwasslu għar-reviżjoni tal-2016 tar-Regolament dwar ir-roaming (li jista’ jitreġġa’ ’l quddiem u jiġi inkluż fir-reviżjoni globali) għandhom jieħdu preċedenza sakemm il-Kummissjoni ma tistax tissostanzja li sempliċement għamlet żball daqs sena ilu u li tibdil ulterjuri issa jkun aktar ta’ benefiċċju milli ħsara. Is-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ma jaħdimx fuq ir-roaming biss.

Jiena wettaqt konsultazzjoni żgħira tiegħi stess sabiex nifhem aħjar dawn il-kwistjonijiet. Jiena staqsejt lil BEREC u lill-Kummissjoni grupp ta’ mistoqsijiet biex jipprovduni u l-Membri l-oħra bil-ħsieb kurrenti tagħhom. It-tweġibiet tagħhom ġew distribwiti u huma disponibbli fuq il-websajt tal-ITRE: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/organes/itre/itre_20130619_0900.htm.

Insib numru ta’ punti mqajma minn BEREC b’mod partikolari interessanti. Dawn jinkludu:

· li l-iskala u l-veloċità tal-bidla fis-settur tal-komunikazzjonijiet, inkluż il-ħruġ ta’ teknoloġiji, atturi u mudelli tan-negozju ġodda kif ukoll il-konverġenza dejjem tikber tan-netwerks, is-servizzi u l-applikazzjonijiet u l-kontenut sa mill-2009, ippreżentaw sfidi ġodda u jeħtieġu ħsieb dwar l-impatt tagħhom fil-ġejjieni u għar-reviżjoni li jmiss tal-kwadru;

· il-ħtieġa għal kwadru stabbli u konsistenti sabiex jiġu żgurati l-investiment u l–kompetizzjoni, inkluż permezz tal-iffaċilitar tal-azzjoni kontra imġiba mhux kompetittiva li fil-preżent hija diffiċli li tiġi indirizzata, bħad-dominanza konġunta;

· il-ħtieġa għal involviment akbar mill-ARN, pereżempju fl-ispettru, it-twessigħ tar-rekwiżit ta’ indipendenza tagħhom u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetenza tagħhom anke fi żminijiet ta’ ssikkar tal-baġit u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni bejn l-ARN u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni;

· il-ħtieġa li jiġu rfinuti r-rwoli, il-proċeduri u l-kooperazzjoni bejn BEREC u l-Kummissjoni, inkluż konsultazzjoni aktar intensiva u sistematika ta’ BEREC mill-Kummissjoni qabel il-ħruġ ta’ proposta ġdida, għaliex din l-għodda diġà teżisti iżda mhux qed tintuża bis-sħiħ mill-Kummissjoni;

· l-obbligu tas-servizzi universali (din tal-aħħar hija kwistjoni li l-kollegi tiegħi tal-IMCO se jindirizzaw);

· ir-rwol u r-rilevanza tar-regolamentazzjoni assimettrika u simetrika, b’mod partikolari fil-kuntest tal-NGA;

· il-kwistjoni tas-swieq rilevanti u t-tneħħija tar-regolamentazzjoni;

· il-kwistjoni diffiċli tal-apparat, bħas-settijiet tal-idejn, li fihom infushom ħafna drabi jirrappreżentaw pakketti ta’ servizzi li l-utenti jkunu marbuta magħhom.

B’mod partikolari rigward l-investiment u l-introduzzjoni ta’ netwerks b’veloċità għolja ħafna, nenfasizza dan minkejja l-proposta sfortunata tal-Kunsill li jnaqqas sew il-baġit tas-CEF. L-istimulazzjoni tal-investiment fl-introduzzjoni ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet hija tal-anqas importanti daqs ir-regolamentazzjoni tan-netwerks eżistenti u nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-UE jkun ta’ detriment kbir għall-ġejjieni.

B’mod ġenerali, nemmen li l-ġenerazzjonijiet ta’ regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li wasslu għall-kwadru kurrenti ħadmu sew u ħolqu industrija dinamika u kisbiet sostanzjali ħafna għall-konsumaturi u utenti oħra. Kif indikajt hawn fuq, issa hemm madankollu numru ta’ kwistjonijiet li jidhru li jeħtieġu jitqiesu fir-reviżjoni li jmiss tal-kwadru. Dan ma jfissirx li l-kwadru huwa żbaljat - juri biss il-veloċità tal-iżvilupp li jaffettwa s-settur.

Fl-aħħar nett, il-kwadru għandu jitħalla jiżviluppa. Kif għidt diversi drabi matul in-negozjati tar-reviżjoni tal-2009, din għandha tkun evoluzzjoni, mhux rivoluzzjoni. Evoluzzjoni tfisser l-identifikazzjoni ta’ oqsma li jeħtieġu titjib u s-sejba ta’ soluzzjonijiet effettivi fil-prattika u għażliet ta’ kompromess bejn in-numru kbir ta’ aspetti li jikkompetu. Huwa kompitu ta’ sinifikat ekonomiku immens, b’potenzjal enormi ta’ impatt, tajjeb jew ħażin, fuq iċ-ċittadini. Dan jeħtieġ dibattitu u analiżi bir-reqqa.

Il-Kummissjoni ppreżentat sew uħud mill-għanijiet tar-reviżjoni tal-kwadru fil-proposti tagħha tal-2007. Dawn l-għanijiet għadhom applikabbli: il-ħtieġa għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-ispettru; li, fejn hija meħtieġa r-regolamentazzjoni, tkun effiċjenti u sempliċi; u l-ikkompletar tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Minn dak iż-żmien tfaċċaw kwistjonijiet ġodda minħabba l-iskala u l-veloċità tal-bidla fis-settur tal-komunikazzjonijiet, u d-domandi tal-utenti. Jien indikajt uħud minn dawn hawn fuq. U l-frammentazzjoni, kemm fis-sens ta’ regoli differenti li japplikaw fi Stati Membri differenti, kif ukoll fis-sens tal-kwadru li ma jiffurmawx ġabra waħda koerenti, teħtieġ tiġi evitata. Kwadru maħsub sew, li jibni fuq dak li għandna, għandu jkun kapaċi fih innifsu jipprovdi l-prinċipji, ir-regoli u l-għodod biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet importanti.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (9.9.2013)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni dwar il-kwadru regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi
(2013/2080(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Malcolm Harbour

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. huwa tal-istess opinjoni li l-kwistjonijiet kollha msemmija fir-rapport għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest ta' rieżami komprensiva tal-qafas sħiħ, inkluża d-Direttiva tas-Servizzi Universali, u mhux f’mod frammentat, li tali rieżami għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa u analiżi dettaljata, u li l-Kummissjoni għandha issa tibda r-rieżami li jmiss tal-qafas sabiex ikun permess dibattitu xieraq fil-leġiżlatura li jmiss;

B.  huwa tal-istess opinjoni li minkejja l-progress li sar, l-Unjoni Ewropea qed tieħu biss passi żgħar lejn l-ilħuq tal-objettivi broadband tal-Aġenda Diġitali fil-perjodu ta' żmien immirat;

1.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità ħafna ogħla lill-aspetti tal-konsumaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi; jenfasizza li swieq li jiffunzjonaw sew, b'konsumaturi konfidenti u informati sew, huma s-sinsla tas-suq tal-UE;

2.  Jenfasizza li ladarba l-konsumaturi qed jagħżlu dejjem aktar il-kuntratti f'forma ta' ġabra li jkopru servizzi multipli, huwa partikolarment importanti li jiġu infurzati b'mod riġidu r-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar l-aġġornament tal-kuntratti prekuntrattwali u eżistenti;

3.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-konsumaturi msaħħa rigward ir-restrizzjonijiet tas-servizzi, is-sussidji għat-tagħmir u l-immaniġġjar tat-traffiku u jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu b'mod koerenti l-projbizzjoni tar-riklamar qarrieqi;

4.  Jenfasizza li hemm potenzjal għal imġiba antikompetittiva u disriminattiva fl-immaniġġjar tat-traffiku u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jevitaw kwalunkwe ksur tan-newtralità tan-netwerk;

5.  Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-kwalità tas-servizzi minn tarf sa tarf flimkien mal-għoti tal-aħjar sforzi jistgħu jfixklu l-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk; jistieden lill-Kummissjoni u r-regolaturi biex jimmonitorjaw dawn ix-xejriet u, jekk ikun xieraq, biex iniedu l-għodod tal-obbligi tal-kwalità tas-servizz stipulati fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/22/KE dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti relatati man-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jekk ikun neċessarju biex jitqiesu miżuri leġiżlattivi addizzjonali tal-UE;

6.  Jenfasizza li l-ġbir flimkien tal-kontenut jista' jkun ostaklu għall-qlib, u jitlob lill-Kummissjoni u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) biex iqisu l-aspetti antikompetittivi involuti f'dan ir-rigward;

7.  Jinnota li hemm każijiet meta l-operaturi jkunu rrestrinġew il-funzjonalità tat-tethering (fejn il-mowbajl jista' jintuża bħala router/hotspot) tal-mowbajls tal-konsumaturi filwaqt li l-kuntratt tal-konsumaturi jispeċifika użu tad-dejta bla limiti; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u l-BEREC biex josservaw ir-reklamar qarrieqi potenzjali u l-bżonn ta' ċarezza miżjuda f'dan ir-rigward;

8.  Jinnota l-importanza tal-qlib u l-iffaċilitar tal-portabilità tan-numri f'suq dinamiku, it-trasparenza tal-kuntratti u l-informazzjoni għall-konsumaturi rigward it-tibdil fil-kuntratti; jiddispjaċih li l-miri tal-portabilità mhux qed jiġu sodisfatti, u jitlob għal azzjoni mill-Kummissjoni u l-BEREC;

9.  Jappoġġja dawk l-Istati Membri li implimentaw ir-rekwiżiti msaħħa għal aċċess ekwivalenti għall-utenti b'diżabilità, u jistieden lill-Istati Membri kollha biex isegwu l-eżempju tagħhom; jistieden lill-BEREC biex iħeġġeġ id-dispożizzjonijiet u l-aċċess għal utenti b'diżabilità b'mod aħjar;

10. Jinnota li d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali li jintervjenu biex jagħmlu obbligatorju l-kwalità tas-servizzi fil-każ li jkun hemm waqfien jew restrizzjonijiet tas-servizz antikompetittivi, flimkien ma' trasparenza tal-kuntratti aħjar, huma għodod b'saħħithom biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess u użu tas-servizzi li jagħżlu;

11. Ifaħħar l-Istati Membri kollha dwar l-implimentazzjoni tan-numru tat-telefown tal-emerġenza komuni 112; jitlob għal titjib rigward il-ħin għal rispons dwar il-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata; jenfasizza li ħafna Stati Membri diġà kkonfiguraw teknoloġiji li jipprovdu, b'mod kważi instantanju, l-post fejn tinsab il-persuna li tkun għamlet it-telefonata;

12. Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tan-numri 116, speċjalment il-linja diretta għar-rappurtar tat-tfal nieqsa (116000); jitlob għal promozzjoni aħjar ta' dawn in-numri mill-Kummissjoni;

13. Jinnota li l-Kummissjoni abbandunat l-ambizzjonijiet tagħha għal sistema ta' numerazzjoni telefonika pan-Ewropea;

14. Jenfasizza l-progress sinifikanti li sar biex jiġi provdut aċċess broadband universali fil-livell ta' dħul, filwaqt li jinnota li kien verament mhux konsistenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-aġenda diġitali billi jistimulaw l-investiment privat – u jagħmlu investiment pubbliku – f'kapaċitajiet tan-netwerk ġodda;

15. Jenfasizza li sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni, tiżdied l-għażla tal-konsumaturi, jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-effiċjenza fit-tnedija tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, għandhom jiġu esplorati u offruti taħlita ta' miżuri differenti u t-teknoloġiji disponibbli kollha għall-konsumaturi, sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tas-servizz, l-ibblukkar tal-aċċess, u traffiku tan-netwerk aktar bil-mod;

16. Jenfasizza li l-volumi dejjem jiżdiedu ta' dejta, id-disponibilità limitata tar-riżorsi tal-ispektrum u l-konverġenza ta' teknoloġiji, apparat u kontenut jeħtieġu ġestjoni tat-traffiku tad-dejta intelliġenti u metodi differenti ta' tixrid bħall-kooperazzjoni bejn ix-xandir terrestri diġitali u n-netwerks tal-broadband bla wajers.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Claudette Abela Baldacchino, Adam Bielan, Preslav Borissov, Birgit Collin-Langen, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Franz Obermayr, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ildikó Gáll-Pelcz, Liem Hoang Ngoc, María Irigoyen Pérez, Pier Antonio Panzeri, Olle Schmidt, Olga Sehnalová, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Patricia van der Kammen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Małgorzata Handzlik, Cornelis de Jong

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.9.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Romana Jordan, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Francesco De Angelis, Elisabetta Gardini, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Eija-Riitta Korhola, Paweł Robert Kowal, Bernd Lange, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Lambert van Nistelrooij

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pier Antonio Panzeri, Britta Reimers