Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Jannar 2012
   PDF PDF
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU IV : RELAZZJONIJIET MA' KORPI OĦRA
KAPITOLU 5 : RIŻOLUZZJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Artikolu 122 : Dibattiti fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt

1.   Kumitat, delegazzjoni interparlamentari, grupp politiku jew mhux inqas minn erbgħin Membru jistgħu jitolbu bil-miktub lill-President biex isir dibattitu dwar każ urġenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt (Artikolu 137(3)).

2.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tagħmel lista ta' suġġetti li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz aħħari ta' l-aġenda għad-dibattitu li jkun imiss fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt skond it-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1 u skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness IV. In-numru totali ta' suġġetti nklużi fl-aġenda m'għandux ikun akbar minn tlieta, inklużi s-sotto-kapitoli.

Skont l-Artikolu 140, il-Parlament jista' jwarrab suġġett li jkun se jiġi diskuss u jibdlu ma' ieħor mhux skedat. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet fuq is-suġġetti magħżula għandhom jitqiegħdu fuq il-Mejda sa fil-għaxija ta' dak il-jum li fih tkun approvata l-aġenda. Il-President għandu jistabbilixxi data ta' skadenza preċiża sa meta jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda dawn il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet.

3.   Il-ħin totali allokat għad-diskorsi tal-gruppi politiċi u tal-Membri mhux affiljati għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 149(4) u (5) fil-limiti tal-ħin massimu ta' 60 minuta mħolli għad-dibattitu għal kull sessjoni parzjali.

Il-ħin li jifdal wara li jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-introduzzjoni u l-votazzjoni fuq il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u l-ħin għad-diskorsi, jekk ikun hemm, li jkun allokat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għandu jinqasam bejn il-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati.

4.   Fl-aħħar tad-dibattitu għandu jittieħed vot immedjat. L-Artikolu 170 ma japplikax.

Il-votazzjonijiet li jsiru meħuda skond dan l-Artikolu jistgħu jiġu organizzati fuq bażi kollettiva taħt ir-responsabbiltà tal-President jew tal-Konferenza tal-Presidenti.

5.   Jekk jiġu mressqa żewġ mozzjonijiet, jew aktar, għal riżoluzzjonijiet dwar l-istess suġġett, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 110(4).

6.   Il-President u l-presidenti tal-gruppi politiċi jistgħu jiddeċiedu li mozzjoni għal riżoluzzjoni għandha titqiegħed għall-vot mingħajr dibattitu. Deċiżjoni ta' dan it-tip teħtieġ il-qbil unanimu tal-presidenti tal-gruppi politiċi kollha.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli 174, 175 u 177 m'għandhomx japplikaw għal riżoluzzjonijiet inklużi fl-aġenda għal dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt.

Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet għandhom jitqiegħdu fuq il-Mejda għal dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt biss wara li tkun ġiet approvata l-lista tas-suġġetti. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fil-ħin allokat għad-dibattitu jiskadu. L-istess għandu japplika fil-każ tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li għalihom, fuq talba skond l-Artikolu 155(3), ikun ġie stabbilit li m'hemmx kworum. Il-Membri jibqa' jkollhom id-dritt li jerġgħu ipoġġu fuq il-Mejda dawn il-mozzjonijiet, biex jiġu eżaminati fil-kumitat skond l-Artikolu 120 jew biex ikun hemm dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fis-sessjoni parzjali li jkun imiss.

Suġġett ma jistax jitqiegħed fl-aġenda għal dibattitu fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-prinċipji tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt jekk diġà jkun fl-aġenda għal dik is-sessjoni parzjali.

M'hemm ebda dispożizzjoni fir-Regoli ta' Proċedura li tippermetti li jsir dibattitu konġunt fuq mozzjoni għal riżoluzzjoni mqiegħda fuq il-Mejda skond il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, u fuq rapport ta' kumitat dwar l-istess suġġett.

*
*        *

Meta ssir talba skond l-Artikolu 155(3) sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx hemm kworum, din it-talba għandha tkun valida biss fil-każ tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni li għandha titqiegħed għall-vot u mhux fil-każ tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jiġu wara.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Jannar 2012Avviż legali