Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2009(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0254/2006

Testi mressqa :

A6-0254/2006

Dibattiti :

PV 27/09/2006 - 12
CRE 27/09/2006 - 12

Votazzjonijiet :

PV 28/09/2006 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0389

Testi adottati
PDF 291kWORD 84k
Il-Ħamis, 28 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
In-nisa u l-kummerċ internazzjonali
P6_TA(2006)0389A6-0254/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar perspettivi tan-nisa fil-kummerċ internazzjonali (2006/2009(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2836/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tas-sessi fil-koperazzjoni għall-iżvilupp(1),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/51/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2000 li tistabbilixxi Programm li għandu x'jaqsam ma' l-istrateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005),(2) u l-programm tax-xogħol rispettiv tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) ta' l-1979 u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha,

–   wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni" adottata f'Beijing fil-15 ta' Settembru 1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-NU dwar in-Nisa,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU ta' l-10 ta' Ġunju 2000 dwar is-segwitu tal-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing, l-Evalwazzjoni u l-Assessjar ta' l-istess Pjattaforma għal Azzjoni, u d-Dokument aħħari tat-23 Sessjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-green paper tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2001 "Il-Promozzjoni ta' Qafas Ewropew għall-Responsabilità Soċjali ta' l-Impriżi" (COM(2001)0366),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2006 "L-Implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Nagħmlu l-Ewropa Pilastru ta' Eċċellenza dwar ir-Responsabbiltà Soċjali ta' l-Impriżi" (COM(2006)0136),

–   wara li kkunsidra n-Normi tan-NU dwar ir-Responsabilitajiet tal-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Impriżi oħra ta' Negozju fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem, approvati fit-13 ta' Awissu 2003, mis-Sottokummissjoni tan-NU dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fi Tliet Partijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali ta' Novembru 1977, u l-Linji Gwida attwali ta' l-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-ILO dwar il-Prinċipji Fundamentali u d-Drittijiet tax-Xogħol tat-18 ta' Ġunju 1998, ir-Rakkomandazzjoni R100 ta' l-ILO dwar il-Protezzjoni ta' Ħaddiema Migranti f'Pajjiżi u f'Territorji Sottożviluppati, ir-Rakkomandazzjoni R111 ta' l- ILO dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward ta' l-Impjiegi u x-Xogħlijiet, ir-Rakkomandazzjoni R156 ta' l-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema kontra l-Perikli konnessi max-xogħol u ma' l-Ambjent tax-Xogħol minħabba Tniġġis ta' l-Arja, Storbju u Vibrazzjonijiet, u r-Rakkomandazzjoni R191 ta' l-ILO dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Protezzjoni tal-Maternità,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-8 ta' Settembru 2000, u r-reviżjoni u l-aġġornament tagħha fis-Samit Dinji ta' l-2005 ta' l-14-16 ta' Settembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell fis-16 u s-17 ta' Diċembru 2004, li jikkonfermaw l-impenn sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea għall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u koerenza fil-politika,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-Ispirtu ta' São Paulo tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tat-18 ta' Ġunju 2004,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 dwar id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0254/2006),

A.  Billi l-kummerċ internazzjonali għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u jippromwovi t-tisħiħ tas-setgħat ekonomiċi, soċjali u politiċi tan-nisa fl-isfera produttiva kif ukoll dik riproduttiva; billi, madankollu, il-proċess tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ ikkontribwixxa biex ir-relazzjonijiet tax-xogħol saru inqas formali, ġab żieda ta' impjiegi prekarji u l-femminizzazzjoni tal-qgħad f'ħafna setturi ta' l-ekonomija,

B.  Billi 70 % tal-1.3 biljun persuna li tgħix fil-faqar fid-dinja huma nisa; billi n-nisa b'mod ġenerali jesperjenzaw aktar diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, għall-proprjetà, għall-kreditu, għar-riżorsi u l-fatturi oħra tal-produzzjoni, kif ukoll għall-korpi politiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet,

C.  Billi fuq medda twila ta' żmien, l-inugwaljanza bejn is-sessi, li tfisser li n-nisa għandhom inqas aċċess għall-mezzi tal-produzzjoni u tas-suq, ixxekkel it-tkabbir għax in-nisa jonfqu proporzjon relattivament ikbar tad-dħul tagħhom fuq l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ikel, u għax il-potenzjal ekonomiku tal-popolazzjoni kollha ma jiġix użat b'mod sħiħ,

D.  Billi l-ftehimiet kummerċjali għandhom jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tax-xogħol, u għandhom jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti li qegħdin jappellaw għal żvilupp sostenibbli,

E.  Billi r-responsibilitajiet riproduttivi u domestiċi kif ukoll ir-responsabilitajiet tal-manteniment tal-familja u l-provvediment ta' ħarsien soċjali b'mod ġenerali huma meqjusa bħala l-funzjoni essenzjali tan-nisa fi kważi s-soċjetajiet kollha, iżda dawn ir-responsabilitajiet fil-biċċa l-kbira ma humiex rikonoxxuti u ma humiex imħallsa,

F.  Billi jekk il-liberalizzazzjoni tas-suq ma tqisx il-fatturi li huma speċifiċi għas-sessi, se tippromwovi proċessi bħall-femminizzazzjoni ta' impjiegi prekarji, l-intensifikazzjoni ta' l-esplojtazzjoni tan-nisa, u d-dagħjfien ta' l-istrateġiji ta' l-għixien ta' nisa foqra fid-dinja kollha, inklużi n-nisa migranti,

G.  Billi li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikkontribwixxa b'mod sħiħ għall-espansjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija informali,

H.  Billi l-ILO tiddefinixxi l-ekonomija informali bħala ekonomija bbażata fuq impjiegi informali mingħajr kuntratt, benefiċċji jew protezzjoni soċjali għall-ħaddiema, li jseħħ kemm f'intrapriżi informali kif ukoll barra minnhom,

I.  Billi l-feminizzazzjoni tal-migrazzjoni internazzjonali mhix qed tingħata biżżejjed attenzjoni; billi l-ħaddiema migranti ħafna drabi ma jistgħux jitolbu għal kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol,

J.  Billi l-inklużjoni ta' Ftehima dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) fi ħdan id-WTO fl-1995 irrestrinġiet l-aċċess għal mediċini ġeneriċi b'tali mod li f'Diċembru 2005 f'Hong Kong intlaħaq ftehim li t-TRIPS kellu jiġi emendat,

1.  Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha impatt differenzjali fuq in-nisa u l-irġiel, jiġbed l-attenzjoni dwar il-koerenza bejn l-objettivi tal-politika Ewropea għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-objettivi tal-politika għall-kummerċ, l-iżvilupp u l-għajnuna bil-għan li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn l-oqsma tal-politika; jenfasizza li l-parteċipazzjoni ekonomika hija importanti ħafna għat-tisħiħ tas-setgħat tan-nisa u sabiex in-nisa jgħelbu d-diskriminazzjoni strutturali, liema tisħiħ iwassal għal kundizzjonijiet tal-ħajja itjeb għan-nisa u l-familji tagħhom, u jikkontribwixxi għall-involviment aktar attiv tan-nisa fil-politika u fit-titjib fil-koeżjoni soċjali; wieħed mill-għanijiet huwa d-distribuzzjoni ġusta tal-proprjetà, id-drittijiet indaqs u l-indipendenza ekonomika;

2.  Jinnota li, filwaqt li ħafna nisa bbenefikaw ukoll mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment barrani dirett minħabba l-opportunitajiet ta' xogħol li nħolqu b'riżultat ta' dan, il-liberalizzazzjoni kkontribwixxiet għall-informalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol, għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol marru lura, u għall-femminizzazzjoni ta' l-impjiegi f' ħafna oqsma ta' l-ekonomija;

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lit-tneħħija tar-riservi kollha għas-CEDAW u għar-ratifika tal-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha mill-istati msieħba kollha;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, iffirmat ukoll mill-amministraturi tad-donaturi u tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna finanzjarja għan-nisa, bil-għan li jagħti prova li din l-għajnuna tkun waslet fid-destinazzjoni tagħha u li ma żvijatx mill-obbjettivi inizjali tagħha;

5.  Jenfasizza l-bżonn ta' studji dwar il-mod kif in-nisa jistgħu jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u ta' ġbir sistematiku ta' data li fiha s-sessi huma diżaggregati, bil-għan li tirrimedja l-fatt li l-politiki kurrenti tal-kummerċ u l-politiki ta' l-istituzzjonijiet ekonomiċi globali ma jqisux il-kwistjonijiet tas-sessi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament b'rapport ta' progress annwali dwar dan is-suġġett; ifakkar li l-analiżi tas-sessi għandha tkun parti integrali ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq is-sostenibbiltà ta' ftehimiet kummerċjali li qed isiru mill-Kummissjoni fil-preżent;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni ta' l-impatt fuq is-sessi qabel tikkonkludi kwalunkwe ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, u biex tintroduċi klawżoli effettivi ta' kundizzjonalità ma' dawk il-pajjiżi li fihom iseħħ ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari tad-drittijiet tan-nisa;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni għall-ħolqien uffiċjali ta' uffiċċju tal-kummerċ u kwistjonijiet tas-sessi fi ħdan id-DĠ tal-Kummerċ, li l-irwol tiegħu ikun jinkludi monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet tal-kummerċ, u li b'mod attiv jirrispondi għal każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-metodi tal-produzzjoni u tal-proċess (PPM, kif definiti mid-WTO) mill-perspettivi tal-kwistjonijiet tas-sessi, bil-għan li tidentifika l-PPM suġġetti għal diskriminazzjoni speċifika fuq bażi ta' sessi, skond is-CEDAW u l-patti tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tfassal strateġiji biex tipprovdi inċentiv għall-konformità ma' l-istandards internazzjonali fil-pajjiżi esportaturi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li kumpaniji li jibbenefikaw minn programmi ta' aċċess għas-suq Ewropew fil-qafas tal-politika ta' l-UE għall-koperazzjoni ma jkunux qed jikkontribwixxu għat-tifrix ta' prattiki bħall-esplojtazzjoni inumana ta' l-impjegati, b'mod partikolari n-nisa;

10.  Jenfasizza li l-benefiċċji ta' l-impjiegi fl-ekonomija formali u informali jiddependu fuq varjetà ta' fatturi, inklużi l-pagi, il-kundizzjonijiet ta' xogħol u s-sigurtà tal-post tax-xogħol, u n-nisa għadhom qed jiġu diskriminati fir-rigward ta' dawn il-benefiċċji; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-politika tagħha għall-koperazzjoni għall-iżvilupp biex toħloq fond partikulari bħala parti minn ftehimiet futuri ta' kummerċ u koperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jappoġġjaw lin-nisa fil-pajjiżi kkunċernati billi jinkoraġġixxu l-aċċess tagħhom għall-kreditu, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bil-għan li jitnaqqas is-sehem ta' impjiegi informali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, liema rapport ikun iffirmat ukoll mid-donaturi u mill-benefiċjarji, bil-għan li jagħti prova li fondi speċifiċi ma jkunux intużaw għal skopijiet oħra ħlief dawk li jkunu inizjalment intenzjonati għalihom;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'ħeffa jintroduċu l-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattiki tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) u biex jiżguraw li l-appoġġ li jkun ġej minn dan il-fond ma jiħux post il-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali;

12.  Jisħaq li n-numru għoli ta' telf ta' impjiegi fl-Ewropa jikkonferma x-xejra dejjem tikber ta' ristrutturar industrijali; jinnota li s-setturi li l-aktar intlaqtu ħażin huma l-manifattura, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fir-rigward ta' l-EGF, jieħdu n-non-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bis-serjetà;

13.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu objettivi ta' integrazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sessi u ta' opportunitajiet indaqs fil-fondi kollha Ewropej; jisħaq dwar il-bżonn ta' indikazzjonijiet tal-progress milħuq fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

14.  Jinnota li l-impjiegi u x-xogħol diċenti għandu jkun il-kontenut tad-disa' Għan tal-Millennju għall-Iżvilupp li għandu jiġi adottat mill-aktar fis possibbli, u jitlob għall-inklużjoni ta' standards ewlenin tax-xogħol fi ftehimiet multilaterali u bilaterali ta' kummerċ u l-inklużjoni tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-MDGs kollha;

15.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-aċċess universali u bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd għal servizzi essenzjali bħall-ilma, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-enerġija huwa rekwiżit għat-tisħiħ tas-setgħat tan-nisa; jisħaq, madankollu, li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi fil-qafas tal-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ tas-Servizzi (GATS) jista' jkollu impatt pożittiv fuq dan l-għan biss jekk il-prinċipji tal-GATS dwar il-flessibilità nazzjonali u l-ispazju tal-politika jiġu rrispettati b'mod sħiħ fin-negozjati bilaterali u multilaterali kurrenti;

16.  Jenfasizza li hemm ippjanata reviżjoni tat-TRIPS sentejn wara l-implimentazzjoni tagħha, liema reviżjoni għadha ma saritx, u għaldaqstant iħeġġeġ li ssir din ir-reviżjoni, ibbażata fuq evalwazzjoni tal-impatt tal-prezz ta' l-implimentazzjoni tagħha fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq fil-Laqgħa Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong, f'Diċembru 2005, dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' mediċini antivirali għall-HIV/AIDS hux qiegħed ġenwinament jirriżulta f'aċċess akbar għall-mediċini, u biex tinkludi l-perspettiva tas-sessi f'din l-evalwazzjoni;

18.  Jitlob għall-iżvilupp ta' miżuri nazzjonali ta' politika li jippromwovu l-ugwaljanza tas-sessi, il-protezzjoni u l-promozzjoni ta' l-impjiegi, l-għajnuna soċjali, itejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tax-xogħol għan-nisa u għall-irġiel u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tar-rispett lejn il-flessibilità nazzjonali u l-ispazju politiku fin-negozjati kollha dwar il-politika tal-kummerċ u ta' l-iżvilupp; jitlob li jkun żgurat id-dritt ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta' ekonomiji vulnerabbli li jagħżlu jekk u liema setturi ta' servizzi għandhom jiftħu jew jeżentaw mill-liberalizzazzjoni tas-suq;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fid-djalogu u fil-koperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi, tiddedika attenzjoni speċjali lir-restrizzjonijiet legali fuq l-aċċess tan-nisa għall-mezzi tal-produzzjoni bħalma huma l-kreditu, id-drittijiet ta' l-art u l-kapital;

20.  Jisħaq li minħabba l-irwol importanti tan-nisa fl-attivitajiet agrikoli familjari, id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jimplimentaw politiki agrikoli li jiżgurawlhom sovranità fuq l-ikel, b'mod partikulari fin-negozjati tad-WTO, għandu jiġi rispettat u msaħħaħ, speċjalment fir-rigward tal-Ftehima tad-WTO dwar l-Agrikoltura; jenfasizza l-importanza tal-'mikro-krediti' bħala għodda biex jittaffa l-faqar; jitlob lill-Kummissjoni biex darbtejn fis-sena tippreżenta rapport li jkun iffirmat ukoll mill-awtoritajiet donaturi u benefiċjarji ta' l-għajnuna finanzjarja, bil-għan li jagħti prova li din l-għajnuna qed tasal fid-destinazzjoni tagħha;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikabbru l-kapaċitajiet tagħhom ta' tiswir, negozjar, u implimentazzjoni tal-politiki tal-kummerċ li jiġu mfassla apposta skond il-bżonnijiet ta' kull pajjiż u li jippromwovu żvilupp ekonomiku sostenibbli li jkun bilanċjat bejn irġiel u nisa; jitlob li l-għajnuna kollha pprovduta tkun ibbilanċjata bejn irġiel u nisa;

22.  Iqis li evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq is-sessi għandhom isiru fi stadju bikri ta' l-ippjanar u l-ibbaġitjar ta' għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li dan se jagħmilha possibbli għal dawk li jsawwru l-politika biex jevalwaw l-effett ta' politika partikulari fuq in-nisa u l-irġiel b'mod aktar preċiż u biex iqabblu u jevalwaw is-sitwazzjoni u x-xejriet kurrenti mar-riżultati mistennija tal-politika proposta; jemmen li r-rapport annwali għandu jkollu taqsima dwar is-segwitu ta' evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq is-sessi;

23.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern Norveġiż li bil-liġi jimponi kwota ta' 40% għal rappreżentazzjoni femminili fuq il-bordijiet ta' kumpaniji b'ishma konġunti;

24.  Jitlob li l-programmi "għajnuna għall-kummerċ" ikunu mmirati lejn il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u ta' l-iżvilupp sostenibbli, iffinanzjati permezz ta' fondi addizzjonali; jisħaq li l-finanzjament "għajnuna għall-kummerċ" għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-kapaċità ta' provvista li hija bżonnjuża għall-involviment fil-kummerċ, u m'għandhiex tkun magħmula b'kondizzjonalità għal politiki ta' gvernijiet li jirċevuha li jilliberalizzaw is-swieq ta' l-agrikoltura, l-industrija jew is-servizzi;

25.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' l-ibbaġitjar bil-perspettiva tas-sessi fil-politika Ewropea għall-kummerċ bħala strateġija ta' kontribut għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'urġenza jwettqu l-ibbaġitjar bil-perspettiva tas-sessi bħala għodda standard fil-politiki baġitarji fuq il-livelli kollha;

26.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni ekonomika hija essenzjali għall-iżvilupp tal-kunfidenza u l-kapaċità tan-nisa u għat-titjib ta' l-istatus tagħhom fil-komunità; jenfasizza wkoll li l-aċċess għar-riżorsi jagħti lin-nisa l-ħila li joħolqu d-dħul u l-assi, li jagħmilha possibbli li jinħoloq ambjent fejn nisa bi dħul baxx u nisa fqar jistgħu jibnu n-negozji, itejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għixien, iżommu l-familji mitmugħin tajjeb u b'saħħithom, jedukaw lit-tfal, jiżviluppaw ir-rispett fid-dar u fil-komunità u jinvolvu ruħhom fil-politika; jenfasizza l-potenzjal enormi tal-'mikrokrediti' bħala għodda imprezzabbli biex ittaffi l-faqar, tippromwovi l-awtosuffiċjenza u tistimula l-attività ekonomika f'uħud mill-aktar pajjiżi fqar u żvantaġġati tad-dinja;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex titqies il-perspettiva tas-sessi fin-negozjati tal-kummerċ dinji; jistieden ukoll lill-Istati membri biex jinkoraġġixxu n-nisa biex jippreżentaw lilhom infushom bħala kandidati għal pożizzjonijiet f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WTO, il-Bank Dinji, l-IMF u l-ILO, u biex jappoġġjaw lin-nisa li jagħmlu hekk;

28.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.

(1) {0><}99{>ĠU L 354, 30.12.1998, p. 5.<0}
(2) {0><}99{>ĠU L 17, 19.1.2001, p. 22.<0}
(3) {0>Texts Adopted<}89{>Testi adottati, P6_TA(2005)0427.<0}

Avviż legali - Politika tal-privatezza