Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0334/2006

Testi mressqa :

A6-0334/2006

Dibattiti :

PV 25/10/2006 - 13
CRE 25/10/2006 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2006 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0459

Testi adottati
WORD 73k
Il-Ħamis, 26 t'Ottubru 2006 - Strasburgu Verżjoni finali
Ftehima ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja UE - Sirja
P6_TA(2006)0459A6-0334/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' ftehima ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra (2006/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni mressqa lill-Kunsill minn Véronique De Keyser f'isem il-Grupp PSE dwarin-neguzjati għal konklużjoni ta' ftehima ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra (B6-0373/2006),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' ftehima ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra (COM(2004)0808,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-Sirja, b'mod partikulari dawk tat-8 ta' Settembru 2005 dwar il-qagħda ta' priġunieri politiċi fis-Sirja(1) u tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar is-Sirja(2) ,

–   wara li kkunsidra s-Seba' Laqgħa Interparlamentari - Parlament Ewropew/Sirja, tal-11 sat-18 ta' Ġunju 2005 fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar il-Proċess ta' Barċellona rivedut(3) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar ir-relazzjonijiet bejn is-Sirja u l-Libanu, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1559(2004) tat-2 ta' Settembru 2004 u 1701(2006) tal-11 ta' Awissu 2006, u l-aktar rapport reċenti ta' Serge Brammertz, Kummissarju tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Investigazzjoni tan-NU tal-25 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 83, paragrafu 5 u l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin (A6-0334/2006),

A.   billi s-Sirja għandha importanza ġeostrateġika f'dak ir-reġjun tal-Lvant Qarib u tal-Lvant Nofsani, speċjalment fid-dawl ta' l-irwol potenzjali tiegħu bħala rabta bejn il-partijiet fil-process għall-paċi, kif ukoll katalist fis-soluzzjoni tal-kunflitt reġjonali; billi dan l-irwol jista' jitjieb sabiex jiżviluppa djalogu ma' dak il-pajjiż,

B.   billi bħalissa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-iffirmar ta' ftehima ta' assoċjazzjoni bejn il-Komunita? Ewropea u s-Sirja għadhom ma ġewx sodisfatti, għalkemm il-Parlament huwa konvint li s-Sirja għandha l-potenzjal li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji,

C.   billi l-gwerra fl-Iraq, ir-relazzjonijiet strateġiċi tas-Sirja ma' l-Iran u l-involviment tagħha fil-kwistjonijiet tal-Libanu kellhom impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn is-Sirja u l-ġirien tagħha u l-komunita? internazzjonali b'mod ġenerali,

D.   billi l-iskop tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u s-Sirja huwa li jinkoraġġixxi u jgħin fit-tranżizzjoni għal sistema politika demokratika, li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, u ekonomija miftuħa u bbażata fuq is-suq, u dan dejjem fi ħdan qafas ta' djalogu effikaċi u ta' sħubija konkreta,

E.   billi s-Sirja diġa? adottat numru ta' miżuri ekonomiċi preskritti għal ftehima ta' assoċjazzjoni futura,

F.   billi l-ħarsien tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi l-pedament ta' l-iżvilupp kollu ta' socjetà ċivili b'saħħitha u indipendenti, u billi l-pożizzjoni tal-gvern matul dawn l-aħħar snin kienet ambigwa, imma xorta nisslet xi ftit tama li s-sistema politika tas-Sirja tista' tinfetaħ xi ftit,

G.   billi minkejja l-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tagħha fil-proċess ta' Barċellona, is-Sirja hija l-uniku pajjiż li magħha l-Komunita? Ewropea għadha ma ffirmatx ftehima ta' assoċjazzjoni miegħu, u dan jimpedixxi l-iżvilupp sħiħ ta' sħubija Ewro Mediterranja,

H.   billi d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza ta' Marzu 1963, flimkien ma' l-atti leġiżlattivi kollha relatati magħha għadhom fis-seħħ sa llum, minkejja li fir-rakkomandazzjonjiet ta' wara l-għaxar kungress reġjunali tal-Partit tal-Baath (li sar mis-6 sad-9 ta' Ġunju 2005) kienet ġiet prevista li ssir reviżjoni tagħhom,

I.   billi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Investigazzjoni tan-NU imsemmi hawn fuq, dwar il-qtil ta' l-ex Prim Ministru Libaniż Rafik Hariri, kif jitolbu r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, huma element fundamentali għall-iffirmar tal-ftehim ta' assoċjażżjoni fil-ġejjieni,

J.   billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż marret għall-agħar mill-aħħar riżoluzzjoni tal-Parlament dwar is-Sirja, tal-15 ta' Ġunju 2006 imsemmija hawn fuq, u billi mhux l-attivisti kollha li tpoġġew il-ħabs f'Mejju 2006 talli ffirmaw petizzjoni sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn is-Sirja u l-Libanu ġew meħlusa,

1.  Huwa konvint li l-ftehima ta' assoċjazzjoni tagħti nifs deċiżiv lir-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali li huma meħtieġa għat-titjib tas-sitwazzjoni fil-pajjiż,

2.  Jinsisti madanakollu li r-rispett għall-valuri demokratiċi, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet ċivili huma prerekwiżiti neċessarji u jkun xieraq li f'dan ir-rigward ikun żgurat li hemm inkluż mekkaniżmu għall-kontroll effikaċi fil-klawżola tad-"drittijiet tal-bniedem" tal-ftehima; jitlob b'mod partikolari rispett akbar għall-minoritajiet etniċi u jinsisti fuq il-bżonn li tkun osservata l-libertà tat-twemmin;

3.  Iqis li r-rabta qawwija tas-Sirja fis-sħubija Euro-Mediterranja se ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u sħabha tan-Nofsinhar tal-Mediterran u se tiffaċilita l-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

4.  Jistaqsi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-passi li jmiss rigward l-iffirmar tal-ftehima ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja li diġà kienet inbdiet fid-19 ta' Ottubru 2004;

5.  Jitlob lill-Kunsill sabiex jintensifika l-inizjattivi tiegħu bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja u sabiex finalment tiġi ffirmata l-ftehima filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li:

   · jiġu inkoraġġiti u appoġġjati l-azzjonijiet tal-Gvern Sirjan bil-ħsieb li titwaqqaf sistema demokratika;
   · s-Sirja tiġi mistiedna tirrispetta s-sovranità tal-Libanu u sabiex tastjeni milli tintervjeni fil-kwistjonijiet interni tiegħu b'mod partikolari milli timblokka l-provvista ta' l-armi u milli twaqqaf l-armament mill-ġdid tal-milizja tal-Hezbollah b'koperazzjoni sħiħa mal-Forza Interim għal-Libanu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIFIL), u billi ġġedded l-isforzi tagħha sabiex terġa tibda proċess kredibbli ta' paċi fir-reġjun li jwassal għal soluzzjoni komprensiva u għar-restituzzjoni ta' l-Għoljiet tal-Golan lil Damasku;
   · jiġu kkunsidrati s-sinjali politiċi li joħorġu mill-għaxar kungress reġjonali tal-Partit tal-Baath, li prominenti fosthom hemm il-bidla tal-grupp ta' tmexxija ma' mexxejja aktar żgħażagħ li huma qrib il-President Al-Assad, kif turi n-nominazzjoni ta' Abdullah Dardari għal kariga ta' viċi Prim Ministru;
   · tingħata attenzjoni partikulari għall-implimentazzjoni tal-klawsoli tal-ftehima ta' assoċjazzjoni maħsubin biex jagħmlu aktar trasparenti s-swieq pubbliċi; isejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li ftehimiet bilaterali jew multilaterali oħra jimxu fuq din il-linja;
   · jistieden lill-Gvern Sirjan jadotta miżuri fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tkun rispettata l-liġi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-libertà ta' l-espressjoni, għall-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-torturi u t-tneħħija tal-piena tal-mewt; tinġibed l-attenzjoni partikolarment għar-riforma meħtieġa fil-liġi ta' assoċjazzjoni Sirjana sabiex jintemmu r-restrizzjonijiet prinċipali għall-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
   · iqajjem, madankollu, mal-Gvern Sirjan, it-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' żviluppi fuq kwistjonijiet bħall-pereżempju l-ftuħ għal sistema politika b'aktar minn partit wieħed u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili; jiġi enfasizzat li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehima ta' assoċjazzjoni u jitlob lis-Sirja tirrispetta l-impenji tagħha fil-qafas tal-proċess ta' Barċellona u rigward il-politika Ewropea tal-Viċinat; għal dak il-għan, is-Sirja tiġi mistiedna sabiex tagħmel dak li hu meħtieg biex immedjatament tneħħi l-istat ta' emergenza;
   · jitlob lill-Gvern Sirjan jeżamina mill-ġdid il-każijiet tal-priġunieri politiċi u jeħles lill-priġunieri ta' kuxjenza u lill-attivisti paċifiċi, jippermetti l-eżistenza ta' gruppi bħal per eżempju il-firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Damasku, iffirmata fis-16 ta' Ottubru 2005 minn ħames partiti proskritti kif ukoll minn persuni indipendenti, kif ukoll mill-firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Bejrut-Damasku, Damasku-Bejrut tat-12 ta' Mejju 2006; jitlob lis-Sirja tiggarantixxi li l-persuni detenuti jew il-ħabsin ikunu trattati tajjeb, ma jiġux ittorturati u jibbenefikaw minn aċċess immedjat, regolari u mingħajr limitu għall-avukati, t-tobba u l-familji tagħhom; il-gvern Sirjan jiġi mħeġġeġ li jikkopera bis-sħiħ mal-gvern Lebaniż, skond il-ftehima bejn il-Prim Ministru Sirjan u dak Lebaniż tal-5 ta' Mejju 2005, sabiex jinkisbu riżultati konkreti dwar il-każ ta' ċittadini Sirjani u Lebaniżi, fil-qafas tal-Kumitat ta' Inkjesta maħluq għal dan il-għan;
   · issir kundanna quddiem il-Gvern Sirjan, kif għamel il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-15 ta' Ġunju 2006, għall-mewġa ta' arresti li saru b'reazzjoni għad-Dikjarazzjoni "Damasku-Bejrut, Bejrut-Damasku", dik id-dikjarazzjoni hi l-ewwel inizjattiva konġunta ta' intellettwali u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Sirjani u Libaniżi, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom;
   · jiġi indirizzat it-tħassib ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-minoritajiet, reliġjużi jew oħrajn, speċjalment dawk tal-Kurdi; l-Gvern Sirjan jintalab jagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-iżviluppi ta' dawn il-kwistjonijiet;
   · jerġa' jinbeda djalogu ġenwin mas-Sirja li jinvolvi lil dan il-pajjiż fl-isforzi għall-paċi bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni komprensiva għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani;
   · jintalab li s-Sirja li tassumi rwol kostruttiv fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet 1559(2004) u 1701(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u tiġi mistiedna speċifikament biex min-naħa tagħha ssaħħaħ il-kontrolli fuq il-fruntiera bejn il-Libanu u s-Sirja sabiex ma tippermettix il-forniment ta' armamenti lil entitajiet mhux statali;
   · jiġi enfasizzat li l-kollaborazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet Sirjani mal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Investigazzjoni tan-NU tjiebet, imma għandha ssir insistenza li din għandha tiġi aktar intensifikata u li jkun hemm segwitu konkret għall-investigazzjoni u għar-riżultati miksuba;
   · issir insistenza biex is-Sirja tikkonforma kompletament mar-riżoluzzjonijiet 1559(2004), 1562(2004), 1680(2006) u 1701(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u rigward id-dikjarazzjoni dwar il-Libanu tal-Kunsill Ewropew adottata fil-laqgħa tiegħu tas-16 u tas-17 ta' Ġunju 2006 li jappellaw lis-Sirja u lil-Libanu biex jiddefinixxu l-fruntiera komuni tagħhom sabiex tissaħħaħ l-istabbilità fir-reġjun; is-Sirja tiġi mistiedna biex tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex ikun iċċarat l-istat finali taż-żona ta' l-irziezet ta' Shebaa, kif jitolbu r-rakkomandazzjonijiet tat-12 ta' Settembru 2006 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u kif titlob ukoll il-liġi internazzjonali;
   · jingħaraf b'mod pożittiv f'din il-perspettiva l-irtirar tat-truppi Sirjani mit-territorji tal-Libanu; min-naħa l-oħra, jintalab biċ-car li l-Gvern Sirjan jistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi formali mal-Libanu, li dan irrifjuta li jagħmel sa llum , u li jtemm l-appoġġ tiegħu għall-Hezbollah;
   · jintalab lill-Gvern Sirjan biex jispjega x'azzjonijiet konkreti qed jittieħdu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' l-armamenti u t-terroriżmu u Al Qa'ida u rigward kontrolli fuq il-fruntieri tiegħu bl-iskop li jiġi pprojbit il-kuntrabandu ta' l-armamenti u d-dħul ta' terroristi fil-pajjiżi ġirien;
   · jiġi ddeplorat f'dan il-kuntest l-iffirmar ta' ftehima militari li saret ma' l-Iran fil-15 ta' Ġunju 2006 dwar it-tisħiħ ta' koperazzjoni reċiproka kontra t-"theddid" mill-Amerika u l-Iżrael;
   · jiġbed l-attenzjoni tas-Sirja għass-siwi ta' l-irwol potenzjali tagħha bħala stabbilizzatur fil-Lvant Qarib u l-Lvant Nofsani bl-iskop li tinsab riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitti tar-reġjun; tingħata attenzjoni għat-tħassib rigward l-appoġġ tas-Sirja għall-gruppi militanti Palestinjani tal-Hamas u tal-Jihad Iżlamika bbażati f'Damas għad-detriment tal-forzi moderati Palestinjani li jixtiequ l-koeżistenza u l-paċi ma' l-Iżrael;
   · jistieden lill-Gvern Sirjan biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u ambjentali tal-kampijiet tar-refuġjati Palestinjani fis-Sirja biex jiġu rrispettati l-istandards dinjija rigward id-drittijiet tal-bniedem;
   · jistieden lill-Gvern Sirjan biex jeħles lil Yacoub Hanna Shamoun, Kristjan Assirjan li ilu miżmum il-ħabs għal aktar minn għoxrin sena mingħajr proċess legali, jew biex jiffissa data biex dan jinħeles fi żmien qasir;
   · jimxi bi prudenza rigward ripatriazzjoni lejn is-Sirja ta' immigranti u refuġjati minn minoritajiet reliġjużi sakemm ittul ir-ripressjoni; u, fil-każ in kwistjoni, jarmonizza aħjar l-approċċ nazzjonali ta' diversi Stati Membri f'dan il-qasam;
   · jintalab biex jingħata appoġġ għal djalogu bejn is-Sirja u l-Parlament Ewropew dwar dawn il-punti differenti sabiex ikun jista' jsir progress fil-koperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja u bit-tama li tiġi ffirmata l-ftehima ta' assoċjazzjoni;

6.  Jitlob lill-Kunsill biex jikkunsidra t-tfassil ta' inċentivi u allokazzjonijiet addizzjonali għas-Sirja li jmorru lil hinn minn dawk mogħtija bħala parti minn ftehima ta' assoċjazzjoni sabiex jingħata inkoraġġiment lis-Sirja biex tirrevedi l-politika barranija attwali tagħha u l-allinjament reġjunali tagħha sabiex dan iservi ta' għajnuna għall-promozzjoni tal-paċi, l-istabbilità u l-prosperità reġjunali, u b'mod partikolari, għall-għarfien tad-dritt li għandu l-Istat ta' Iżrael għall-eżistenza tiegħu, kif ukoll l-appoġġ tiegħu għall-progress fil-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani.

7.  Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni bir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u l-Majlis al-Sha'ab tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.

(1) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p.349..
(2) P6_TA(2006)0279.
(3) P6_TA(2005)0412.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Mejju 2007Avviż legali