Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0543/2006

Testi mressqa :

B6-0543/2006

Dibattiti :

PV 25/10/2006 - 15
CRE 25/10/2006 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2006 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0460

Testi adottati
PDF 241kWORD 62k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2006 - Strasburgu
Konferenza ta' Nairobi dwar il-Bidla fil-Klima
P6_TA(2006)0460B6-0543/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Nairobi dwar il-Bidla fil-Klima (COP 12 u COP/MOP 2)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (il-UNFCCC), il-Protokoll ta' Kyoto ta' l-UNFCCC u l-proċeduri ta' applikazzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati waqt il-konferenzi ta' Bonn (Lulju 2001), Marrakesh (Ottubru u Novembru 2001), New Delhi (Ottubru u Novembru 2002), Milan (Diċembru 2003), Buenos Aires (Diċembru 2004) u Montreal (Novembru u Diċembru 2005),

–   wara li kkunsidra t-tnax-il Konferenza, li ġejja, tal-Partijiet (COP 12) fil-UNFCCC u t-tieni Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet fil-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 2) li se jsiru f'Nairobi, il-Kenja, bejn is-6 u s-17 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-bidla fil-klima, u b'mod partikulari dawk tas-16 ta' Novembru 2005 dwar 'Nirbħu l-Ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima Dinjija'(1), tat-18 ta' Jannar 2006 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Montreal (COP 11- COP/MOP 1)(2) u ta' l-4 ta' Lulju 2006 dwar 'Innaqqsu l-Impatt ta' l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima'(3),

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B6-0440/2006 tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel skond l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill u l-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-aħħar sejbiet xjentifiċi, inklużi rapporti riċenti dwar it-tidwib tas-saff tas-silġ ta' Greenland, is-silġ perenni tal-baħar fl-Artiku u l-permafrost fis-Siberja kif ukoll sejbiet ġodda dwar kemm qed jogħla l-livell tal-baħar minħabba l-bidla fil-klima,

–   wara li kkunsidra l-prijorità ppubblikata tal-Presidenza Finlandiża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNFCCC u tal-Protokoll ta' Kyoto mill-Partijiet kollha hija fundamentali biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, anke jekk il-miżuri mhumiex se jkunu verament effettivi sakemm ma tinstabx soluzzjoni globali li tinkludi l-blokki ekonomiċi l-kbar li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira ta' l-emissjonijiet li jniġġsu,

B.   billi l-ħdax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 11) fil-UNFCCC u l-ewwel Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet fil-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 1) li ltaqgħu f'Montreal f'Novembru u Diċembru 2005 ddeċidew li jagħtu bidu għal proċess biex jiġu kkunsidrati impenji ulterjuri mill-Partijiet fl-Anness I għall-perjodu ta' wara l-2012 u li jidħlu fi djalogu għall-iskambju ta' esperjenzi u għall-analiżi ta' metodi strateġiċi għal azzjoni koperattiva fit-tul dwar il-bidla fil-klima, u stabbilixxew grupp ta' diskussjoni u ħidma tal-UNFCCC dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet minħabba t-tneħħija ta' foresti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

C.   billi t-teknoloġiji ġodda se jkunu essenzjali biex il-bidla fil-klima tiġi affrontata b'mod li jagħti biżżejjed riżultati meta mqabbla mal-flus minfuqa, b'konċentrazzjoni ġdida fuq effiċjenza ikbar fl-użu ta' l-enerġija,

D.   billi jeħtieġ li jiġu ffissati malajr miri ulterjuri sabiex jiġi evitat li l-bidla fil-klima ma tibqax taħt kontroll u sabiex jiġu pprovduti biżżejjed inċentivi għal investiment mgħaġġel f'aktar żvilupp u fl-installazzjoni ta' teknoloġiji li jużaw enerġija li tiġġedded u li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, filwaqt li l-investiment f'infrastruttura ta' l-enerġija li hija inkompatibbli mal-miri tal-politika dwar il-klima għandu jiġi evitat,

E.   billi l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett serra qed ikomplu jiżdiedu f'ħafna Stati Membri, li juri li hemm bżonn ta' azzjoni b'saħħitha, ta' miżuri ddefiniti mill-ġdid u ta' inizjattivi ġodda biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' twettaq l-obbligi tagħha skond Kyoto,

F.   billi l-kontribut ta' l-avjazzjoni għall-bidla fil-klima huwa sostanzjali u qed jikber malajr filwaqt li l-avjazzjoni internazzjonali m'hi suġġetta għall-ebda impenn li jirriżulta mill-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kyoto tagħha,

G.   billi l-aħħar evidenza xjentifika tindika li l-limitazzjoni tat-tisħin għal +2°C tista' ma tkunx biżżejjed biex jinkiseb l-għan tal-UNFCCC li tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima,

H.   billi fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija, tas-16 ta' Novembru 2005, il-Parlament Ewropew stqarr li l-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis qawwi ta' l-emissjonijiet - 30% sa l-2020 u 60-80% sa l-2050,

I.   billi 24% ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett serra fl-2005 kienu kkaġunati mill-ħruq ta' foresti u billi l-aħħar evidenza xjentifika mill-Amażonja turi l-impatt fuq il-klima tat-tnaqqis tal-kopertura tal-foresti u ta' l-indeboliment tal-'pompa tal-foresti'; li jwassal għal żieda fl-intensità ta' l-urugani li joriġinaw min-naħa t'isfel ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana u fi tnaqqis f'kemm tagħmel xita fin-naħa t'isfel tal-Brażil, fl-Urugwaj u fl-Arġentina;

J.   billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill se jkunu bbażati wkoll fuq it-tħejjijiet ta' l-UE għas-sessjoni li ġejja tal-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti, li huwa ttamat li japprova strument globali għall-ħarsien tal-foresti;

K.   billi s-sigurtà ta' l-enerġija u s-sigurtà tal-klima għandhom jimxu id f'id, u billi s-sigurtà ta' l-enerġija u tal-klima ta' l-Ewropa jiddependu ħafna fuq l-għażliet li jagħmlu ekonomiji kbar bħaċ-Ċina u l-Indja; billi l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima tista' tkun effettiva biss jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw - b'mod partikulari ekonomiji kbar u li qed jikbru malajr bħaċ-Ċina u l-Indja - ikunu involuti attivament fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett serra,

1.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex iżżomm l-irwol tagħha fuq quddiem fin-negozjati waqt il-Konferenza tal-COP 12 - COP/MOP 2 f'Nairobi u biex iżżomm il-livell għoli ta' ambizzjoni waqt diskussjonijiet fil-futur ma' l-imsieħba internazzjonali tagħha;

2.  Jinsisti li f'dik l-okkażjoni l-Unjoni Ewropea għandha tippreżenta aġenda ambizzjuża għad-diskussjonijiet dwar impenji ulterjuri mill-Partijiet fl-Anness I skond il-Protokoll ta' Kyoto, għad-diskussjonijiet il-ġodda dwar ir-reviżjoni ta' dak il-Protokoll, u għad-djalogu tal-UNFCCC dwar azzjoni koperattiva fit-tul;

3.  Ifakkar li, kif stipulat fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija, tas-16 ta' Novembru 2005, l-istrateġija ta' l-UE dwar il-bidla fil-klima għandha tkun ibbażata fuq seba' objettivi:

   il-bini fuq elementi ewlenin ta' Kyoto - objettivi li jorbtu dwar il-livelli ta' emissjonijiet ta' gass bl-effett serra, sistema dinjija ta' limiti massimi u kummerċ ("cap-and-trade"), u mekkaniżmi flessibbli,
   impenji għal tnaqqis qawwi ta' l-emissjonijiet bi 30% sa l-2020, bil-ħsieb li jinkiseb tnaqqis ta' madwar 80% sa l-2050, permezz ta' taħlita ta' inċentivi għas-suq u ta' regolamentazzjoni biex jiġu stimulati l-investimenti fl-effiċjenza u f'teknoloġiji bla karbonju u b'livelli baxxi ta' karbonju,
   l-adozzjoni ta' metodu proattiv biex jiġu involuti atturi ewlenin oħra - b'mod partikulari l-Istati Uniti,
   l-iżvilupp ta' sħubija strateġika dwar l-enerġija ma' pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel, il-Brażil u l-Messiku sabiex jiġu mgħejuna finanzjarjament biex jiżviluppaw strateġiji għal enerġija sostenibbli li jibbenefikaw minn għejun mingħajr karbonju jew b'livelli baxxi ta' karbonju u b'hekk tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima,
   il-promozzjoni ħerqana tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam ta' teknoloġiji ta' l-enerġija sostenibbli billi jiġi ffaċilitat it-tpartit ta' l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u l-industrija, u t-tneħħija ta' inċentivi "perversi" bħas-sussidji għall-fjuwil fossilu, kif ukoll l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, inklużi dawk tal-bidla tal-klima, fil-prezz tal-produzzjoni ta' l-enerġija,
   l-użu ta' leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali biex tiġi stimulata effiċjenza akbar fl-użu ta' l-enerġija u biex jitnaqqas il-prezz tat-teknoloġija li tnaqqas l-impatt fuq il-klima,
   it-tħeġġiġ ta' ħafna aktar involviment dirett fl-isforzi għal mitigazzjoni fil-livell taċ-ċittadin, permezz ta' kampanji biex jinħoloq għarfien, fejn prerekwiżit meħtieġ ikun il-provvista ta' informazzjoni dettaljata dwar il-kontenut ta' karbonju ta' prodotti bħal karozzi, inġenji ta' l-ajru, djar u servizzi u fejn għall-futur ikun hemm għażla ta' sistema ta' kwoti personali negozjabbli;

4.  Ifakkar it-talba tiegħu li ma jkunx hemm interruzzjoni bejn l-ewwel u t-tieni perjodi ta' impenn skond il-Protokoll ta' Kyoto u li l-limitu ta' żmien biex jintlaħaq ftehim dwar impenji fil-ġejjieni dwar il-klima għandu jkun tmiem l-2008;

5.  Ifakkar l-appoġġ tiegħu biex jitkomplew jintużaw mekkaniżmi flessibbli, u għall-għan fit-tul ta' suq dinji tal-karbonju bbażat fuq il-mudell "cap-and-trade";

6.  Jistieden lill-Partijiet fil-COP 12-COP/MOP 2 sabiex jindirizzaw l-impatti ta' l-avjazzjoni internazzjonali fuq il-bidla fil-klima u jagħmel stedina għal diskussjoni, fin-negozjati li jmiss waqt il-Konferenza tal-COP 12-COP/MOP 2 f'Nairobi, dwar taxxa globali fuq it-titjiriet;

7.  Huwa tal-fehma li l-pajjiżi industrijalizzati għandu jibqa' jkollhom rwol vitali fl-indirizzar tal-bidla tal-klima fuq livell dinji; jistieden, għalhekk, lill-Partijiet fl-Anness I biex jissodisfaw l-impenji eżistenti tagħhom u biex jadottaw objettivi ambizzjużi għat-tieni perjodu ta' impenn wara l-2012; jistieden, barra minn hekk, lil dawk il-pajjiżi industrijalizzati li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll ta' Kyoto biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom, biex jieħdu miżuri domestiċi vigorużi, u biex jieħdu rwol attiv f'negozjati internazzjonali fil-ġejjieni, b'intenzjoni li jipparteċipaw fir-reġim għal bidla tal-klima fil-futur;

8.  Jisħaq li l-iżvilupp ekonomiku huwa dritt għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw; jenfasizza, madanakollu, li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw m'għandhomx għalfejn jirrepetu l-prattiki li jniġġsu tal-pajjiżi industrijalizzati, u għaldaqstant jagħmel stedina sabiex tingħata iktar attenzjoni lill-koperazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija u fil-bini tal-kapaċità fil-qasam ta' l-enerġija sostenibbli;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu l-aċċess għal teknoloġiji effiċjenti u b'livelli baxxi ta' karbonju bħala prijorità fil-koperazzjoni ta' l-UE rigward l-iżvilupp;

10.  Jenfasizza l-importanza ewlenija li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jiġu industrijalizzati malajr jiġu involuti f'reġim internazzjonali għal bidla fil-klima fil-futur, waqt li jiġu rispettati l-preokkupazzjonijiet vitali tagħhom dwar il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku tagħhom u dwar il-ġlieda kontra l-faqar;

11.  Jilqa' bi pjaċir ix-xogħol tal-grupp ta' diskussjoni u ħidma tal-UNFCCC dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet minħabba t-tneħħija ta' foresti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, reċenti ħafna fil-laqgħa tagħha f'Ruma mit-30 ta' Awissu sa l-1 ta' Settembru 2006 u jinnota l-ftehim wiesa' li ntlaħaq dwar il-ħtieġa ta' ħlasijiet għal servizzi marbuta ma' l-ekosistema u jħeġġeġ għall-inklużjoni malajr tat-tneħħija ta' foresti evitata, bħala kontribut għall-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto;

12.  Jinnota li jkun xieraq li l-Afrika u reġjuni oħra li qed jiżviluppaw jieħdu sehem fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett serra u li jkun xieraq li n-negozjati internazzjonali jkunu jinkludu inċentivi sabiex tiġi evitata t-tneħħija ta' foresti; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi proġetti sostenibbli rigward il-foresti bħala parti mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif;

13.  Jemmen li sabiex taffronta l-bidla fil-klima b'mod effettiv, il-politika globali dwar il-klima għandha toħloq sitwazzjoni fejn kulħadd fl-industrija jkollu l-istess opportunitajiet, u b'hekk jiġu inkuraġġiti l-innovazzjonijiet u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u jiġi evitat il-ħruġ tal-karbonju; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li jinħolqu standards u miri globali għar-riżultati li għandu jkun hemm rigward attivitajiet differenti, inklużi l-prodotti tal-konsumatur u t-trasport fil-livell globali;

14.  Jisħaq li l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-soċjetà għandu jkun mifhum aħjar; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif l-aħjar torganizza laqgħat ta' diskussjoni u ħidma - fl-Ewropa u f'postijiet oħra b'dawk li għandhom interessi u li huma rilevanti bħall-gruppi taċ-ċittadini, l-industrija, il-komunitajiet tal-bdiewa, l-esperti tas-sigurtà u l-ekonomisti - sabiex ikun hemm fehim aħjar b'aktar dettalji tal-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;

15.  Jinsisti li l-Istati Membri individwali, u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, jirrispettaw l-impenji attwali tagħhom skond il-Protokoll ta' Kyoto u l-ftehim dwar it-tqassim tal-piżijiet ("burden sharing"), peress li l-pożizzjoni ta' l-UE fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali tiddgħajjef jekk dan ma jseħħx;

16.  Jemmen li d-delegazzjoni ta' l-UE għandha rwol importanti f'dawn in-negozjati dwar il-bidla fil-klima, u għalhekk ma jistax jaċċetta li l-membri tal-parti tal-Parlament Ewropew minn dik id-delegazzjoni ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinazzjoni ta' l-UE waqt il-Konferenza tal-Partijiet preċedenti; jistenna li l-parteċipanti tal-Parlament Ewropew ikollhom aċċess għal laqgħat ta' dan it-tip f'Nairobi, għall-inqas fuq il-bażi ta' stejtus ta' osservaturi, bi dritt għall-kelma jew mingħajr;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, bit-talba li tiġi ċċirkulata mal-partijiet kollha involuti li m'humiex fl-UE.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2005)0433
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0019
(3) Testi Adottati, P6_TA(2006)0296

Avviż legali - Politika tal-privatezza