Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2130(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0036/2007

Testi mressqa :

A6-0036/2007

Dibattiti :

PV 28/03/2007 - 19
CRE 28/03/2007 - 19

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2007 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0100

Testi adottati
PDF 382kWORD 125k
Il-Ħamis, 29 ta' Marzu 2007 - Brussell
Il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa
P6_TA(2007)0100A6-0036/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa (2006/2130(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Ħelsinki ta' l-10 ta' Diċembru 1999(1) u d-Dikjarazzjoni ta' Nizza tat-8 ta' Diċembru 2000(2) dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-isport u l-funzjoni soċjali tiegħu fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 17 u III-282 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (it-Trattat Kostituzzjonali),

-   wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Presidenza tar-Renju Unit dwar il-futbol Ewropew, li wasslet għall-"Evalwazzjoni Indipendenti ta' l-Isport Ewropew 2006",

-   wara li kkunsidra l-każistika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (il-Qorti tal-Ġustizzja), mill-Qorti tal-Prim Istanza u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-isport,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0036/2007),

A.   billi fir-Rapport ta' Ħelsinki l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ta' sħubija bejn il-korpi governattivi tal-futbol u l-awtoritajiet pubbliċi għall-governanza tajba tal-logħba li tirrispetta b'mod sħiħ in-natura awtoregolatorja ta' l-isport professjonali,

B.   billi l-isport Ewropew, u b'mod partikulari l-futbol, huwa parti inaljenabbli mill-identità Ewropea u mill-kultura u ċ-ċittadinanza Ewropej, u l-Mudell tal-Futbol Ewropew, karatterizzat minn kompetizzjonijiet ta' l-isport miftuħa fi ħdan struttura piramidali fejn mijiet ta' eluf ta' clubs ta' dilettanti u miljuni ta' voluntiera u players jiffurmaw il-bażi għall-aqwa clubs professjonali, huwa r-riżultat ta' tradizzjoni demokratika li ilha fis-seħħ u ta' appoġġ qawwi mill-komunità kolha kemm hi,

C.   billi l-futbol għandu rwol soċjali u edukattiv importanti, u huwa strument effiċjenti għall-inklużjoni soċjali u d-djalogu multikulturali u jeħtieġ li jkollu rwol attiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, ir-razziżmu u l-vjolenza, peress li ħafna minn dawn l-inċidenti mmotivati minn dawn il-fatturi għadhom qed iseħħu ġewwa u barra l-istadiums, u billi l-clubs u l-leagues tal-futbol professjonali wkoll għandhom rwol soċjali u kulturali vitali fil-komunitajiet lokali u nazzjonali tagħhom,

D.   billi l-futbol professjonali għandu kemm dimensjoni ekonomika kif ukoll dimensjoni mhux ekonomika,

E.   billi l-aspetti ekonomiċi tal-futbol professjonali huma suġġetti għal-liġi tal-Komunità, u l-każistika tirrikonoxxi l-ispeċifiċità ta' l-isport u l-irwol soċjali u edukattiv li għandu l-futbol fl-Ewropa,

F.   billi għalhekk hija r-responsabilità ta" l-awtoritajiet politiċi u sportivi nazzjonali u Ewropej li jiżguraw li, meta l-liġi tal-Komunità tiġi applikata għall-futbol professjonali, din ma tikkompromettix l-iskopijiet soċjali u kulturali tiegħu, billi jkun żviluppat qafas legali xieraq li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji fundamentali ta' l-ispeċifiċità tal-futbol professjonali, ta' l-awtonomija tal-korpi tiegħu u tas-sussidjarjetà,

G.   billi kien deċiż, minħabba l-importanza ta' l-isport li qed tikber fil-politiki varji ta' l-Unjoni Ewropea (il-politiki dwar il-moviment ħieles, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-kompetizzjoni, is-saħħa u l-politiki awdjoviżivi), li l-isport ikun inkluż fit-Trattat Kostituzzjonali bħala qasam ta' kompetenza ta' l-UE (skond l-Artikoli 17 u III-282); u billi t-Trattat Kostituzzjonali ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha u d-Dikjarazzjoni ta' Nizza dwar l-isport fl-UE waħedha m'hijiex biżżejjed biex tittratta l-problemi ta' bħalissa, li jmorru lil hinn mid-dimensjonijiet nazzjonali u għaldaqstant jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej,

H.   billi l-professjonaliżmu u l-kummerċjalizzazzjoni akbar ta' l-isport kollu u b'mod partikulari tal-futbol wasslu biex il-liġi tal-KE hija ħafna aktar rilevanti f'dan il-qasam, fatt rifless fin-numru li qed jiżdied ta' każijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni,

   - dan kabbar ħafna l-problema ta' l-inċertezza legali u s-setturi konċernati qed jaraw dejjem aktar li approċċ ibbażat biss fuq konsiderazzjoni ndividwali ta' każi m'huwiex xieraq, fehma li ġiet dokumentata wkoll fl-istudju kkummissjonat minn numru ta' ministri ta' l-isport fl-Istati Membri ta' l-UE u ppubblikat riċentement bit-titolu Evalwazzjoni Indipendenti ta' l-Isport Ewropew 2006,
   - m'huwiex ċar, pereżempju, jekk ir-regola tal-Unjoni ta' l-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropew (UEFA) li tistipula li t-timijiet irid ikollhom numru minimu ta' players minn pajjiżhom, dispożizzjoni li hija importanti ferm għall-iżvilupp taż-żgħażagħ, jekk tiġi evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tkunx meqjusa li hi konsistenti ma' l-Artikolu 12 tat-Trattat KE,
   I. billi minħabba din l-inċertezza legali, m'huwiex ċar kemm għandhom awtonomija korpi awtoregolatorji bħall-UEFA u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, u l-leagues nazzjonali, u sa liema punt huma marbutin, meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-awtoregolazzjoni u fil-qadi tal-funzjoni regolatorja tagħhom, b'ċerti prinċipji tal-liġi Komunitarja bħall-moviment ħieles, in-non-diskriminazzjoni u r-regoli tal-kompetizzjoni,

J.   billi din l-inċertezza legali m'hijiex problematika biss fis-sens ekonomiku, iżda b'mod partikulari fis-sens ta' l-irwol soċjali, kulturali u edukattiv tal-futbol, u fl-istess ħin tnaqqas l-interess tal-fans u l-isforzi biex jittejjeb l-appoġġ, u xxekkel il-prinċipju tal-'fair play',

K.   billi ttieħdet deċiżjoni biex l-isport ikun inkluż fit-Trattat Kostituzzjonali bħala kwistjoni ta' kompetenza ta' l-UE (Artikoli 17 u III-282) sabiex l-UE tingħata setgħat biex tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tiegħu,

L.   billi l-futbol professjonali ma jaħdimx bħal qasam tipiku ta' l-ekonomija u billi l-clubs tal-futbol professjonali ma jistgħux jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet tas-suq bħal oqsma ekonomiċi oħra, minħabba l-interdipendenza bejn avversarji sportivi u l-bilanċ kompetittiv meħtieġ biex tinżamm l-inċertezza tar-riżultati, u billi l-persuni varji involuti, inklużis-supporters, il-players, il-clubs, il-leagues u l-assoċjazzjonijiet, ma jaħdmux bħal konsumaturi jew intrapriżi normali,

M.   billi l-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa huwa mhedded mill-konċentrazzjoni li qed tikber ta' għana ekonomika u setgħa sportiva,

N.   billi l-importanza li qed tikber tad-dħul mill-bejgħ ta' drittijiet tax-xandir tista' xxekkel il-bilanċ kompetittiv bejn clubs minn pajjiżi differenti, peress li dħul bħal dan huwa marbut ħafna mad-daqs tas-swieq nazzjonali tax-xandir,

O.   billi għal għexieren ta' snin, il-futbol professjonali kien ikkaratterizzat dejjem aktar minn dimensjoni internazzjonali u kien affettwat bl-istess mod minn sistemi regolatorji u leġiżlattivi internazzjonali differenti,

P.   billi leġiżlazzjoni nazzjonali u kriterji ta' liċenzjar diverġenti fl-Ewropa jwasslu għal kundizzjonijiet li m'humiex indaqs, ekonomikament u legalment, u li din is-sitwazzjoni tostakola serjament il-kompetizzjoni sportiva ġusta bejn timijiet f'leagues Ewropej, u għaldaqstant bejn timijiet nazzjonali wkoll,

Q.   billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport b'mod ġenerali għadha ferm taħt il-livell ta' l-irġiel, billi n-nisa għadhom m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-korpi sportivi li jieħdu d-deċiżjonijiet u billi għad hemm każijiet ta' diskriminazzjoni bejn is-sessi fil-pagi ta' professjonijsti sportivi,

R.   billi, minkejja l-fatt li s-sentenza Bosman fl-1995 kellha effett pożittiv fuq il-kuntratti tal-players u fuq il-mobilità tal-players - għalkemm għad hemm ħafna problemi marbuta ma' l-impjiegi u problemi soċjali x'jissolvew - kellha wkoll bosta konsegwenzi negattivi għall-isport, inklużi abiltà akbar min-naħa ta' l-ogħna clubs biex jixtru l-aqwa players, rabta aktar b'saħħitha bejn is-setgħa finanzjarja u s-suċċess sportiv, żieda inflazjonarja fil-pagi tal-players, anqas opportunitajiet għal players imħarrġa lokalment biex jesprimu t-talent tagħhom fl-ogħla livell u anqas solidarjetà bejn l-isport professjonali u l-isport tad-dilettanti,

S.   billi ħafna attivitajiet kriminali (logħbiet miftiehma, korruzzjoni, eċċ.) huma r-riżultat taż-żieda kontinwa fl-infiq, ta' l-inflazzjoni tas-salarji u l-kriżijiet finanzjarji sussegwenti li jiffaċċjaw ħafna clubs,

T.   billi l-Kummissjoni kkonfermat f'deċiżjonijiet formali l-kompatibilità tal-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-media mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE,

Kuntest ġenerali

1.  Jisħaq ir-rabta tiegħu mal-Mudell ta' Futbol Ewropew, bir-relazzjoni simbijotika tiegħu bejn il-futbol tad-dilettanti u l-futbol professjonali;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta" l-istrutturi piramidali nazzjonali interkonnessi tal-futbol Ewropew, li jikkoltivaw talenti mindu jkunu żgħar u jħeġġu l-kompetizzjoni għaliex il-leagues u l-kompetizzjonijiet nazzjonali jwasslu wkoll għal kompetizzjonijiet Ewropej, u huwa neċessarju li jinstab bilanċ tajjeb bejn il-pedament nazzjonali tal-logħba u l-livell Ewropew sabiex leagues u assoċjazzjonijiet tal-futbol ikunu jistgħu jikkoperaw b'mod effiċjenti;

3.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal sforz konġunt mill-korpi governattivi tal-futbol u mill-awtoritajiet politiċi f'bosta livelli biex jirranġaw ċerti żviluppi negattivi, bħall-kummerċjalizzazzjoni eċċessiva u l-kompetiżżjoni inġusta, sabiex ikun żgurat futur pożittiv għall-futbol professjonali b'kompetizzjonijiet eċċitanti, grad għoli ta" identifikazzjoni tas-supporters mal-clubs tagħhom u aċċess pubbliku wiesa" għal kompetizzjonijiet permezz ta", fost oħrajn, prezzijiet speċjali tal-biljetti għaż-żgħażagħ u l-familji, speċjalment fil-każ ta' logħbiet internazzjonali importanti;

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ħidma ta' l-"Evalwazzjoni Indipendenti ta" l-Isport Ewropew 2006" u l-istudju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew dwar "L-Isport Professjonali fis-Suq Intern", u jistieden lill-Istati Membri, lill-korpi governattivi tal-futbol Ewropej u nazzjonali u lill-Kummissjoni fil-"White Paper" futura tagħha dwar l-isport li se toħroġ dalwaqt biex ikomplu l-isforzi mibdija mill-Presidenza tar-Renju Unit biex jistudjaw il-ħtieġa ta' miżuri ta' politika filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà billi jitqiesu l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin ta' dik l-Evalwazzjoni;

5.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li ma jitħalliex li l-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa jitfassal biss fuq bażi fejn kull każ jitqies separatament, u li titkabbar iċ-ċertezza legali;

6.  Jaqbel mal-prinċipju bażiku li l-aspetti ekonomiċi ta" l-isport professjonali huma inklużi fil-qasam ta" applikazzjoni tat-Trattati, filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta' l-isport kif stipulata fid-Dikjarazzjoni ta' Nizza; u jikkonsidra li f'dan ir-rigward l-effetti ristrettivi konsegwenzjali ta" regola sportiva li jikkawżaw diffikultà ekonomika huma kompatibbli mal-liġi ta" l-UE, sakemm ir-regola ssegwi objettiv leġittimu relatat man-natura u l-għan ta' l-isport u li l-effetti ristrettivi tagħha jkunu inerenti fl-ilħuq ta' dan l-objettiv u proporzjonati miegħu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal gwidi dwar kif għandu jiġi applikat dan il-prinċipju, u biex tibda proċess ta" konsultazzjoni ma" l-awtoritajiet tal-futbol Ewropej u nazzjonali bil-għan li jitfassal ftehim ta" qafas formali bejn l-UE u l-korpi governattivi tal-futbol Ewropej u nazzjonali;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni, fi sħubija mal-Parlament, l-Istati Membri u ma" korpi governattivi tal-futbol Ewropej u nazzjonali u ma" partijiet interessati oħra, biex il-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet f'din ir-riżoluzzjoni jkunu inklużi fil-"White Paper" tagħha li se toħroġ dalwaqt, u biex jitfassal pjan ta" azzjoni għall-isport Ewropew b'mod ġenerali u b'mod partikulari għall-futbol li jistipula l-kwistjonijiet li l-Kummissjoni trid tittratta u l-istrumenti li jridu jintużaw sabiex jissaħħu ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet indaqs;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli djalogu strutturat mal-korpi governattivi tal-futbol, inklużi assoċjazzjonijiet u leagues nazzjonali, u ma' partijiet interessati oħra sabiex tissolva l-problema ta' l-inċertezza legali;

10.  Jilqa" b'sodisfazzjon is-suċċess u l-interess kbir fil-futbol tan-nisa fl-Ewropa u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza soċjali tiegħu li qed tikber;

Governanza

11.  Jistieden lill-korpi governattivi tal-futbol kollha biex jiddefinixxu u jikkoordinaw aħjar il-kompetenzi, ir-responsabiltajiet, il-funzjonijiet u l-proċeduri li bihom jittieħdu deċiżjonijiet tagħhom sabiex tiżdied id-demokrazija, it-trasparenza u l-leġittimità tagħhom, għall-benefiċċju tal-qasam tal-futbol kollu kemm hu; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi gwida dwar liema awtoregolazzjoni leġittima u xierqa hija appoġjata, b'rispett xieraq għal leġiżlazzjoni nazzjonali u appoġġ finanzjarju għal federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet bil-għan li jiġu żviluppati u mtejba players tal-futbol żgħażagħ kif ukoll it-tim nazzjonali;

12.  Jistieden lill-UEFA biex tinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi li jirrappreżentaw lil players, clubs u leagues fil-proċess ta" teħid ta" deċiżjonijiet;

13.  Jemmen li governanza mtejba li twassal għal awtoregolazzjoni b'aktar koperazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew se tnaqqas it-tendenza ta' rikors għall-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja;

14.  Jirrikonoxxi l-kompetenza u l-leġittimità ta" tribunali ta" l-isports peress li huma jindirizzaw id-dritt taċ-ċittadini għal smigħ ġust, kif stipulat fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea;

15.  Huwa tal-fehma li rikors għall-qrati ċivili, anke meta ma jkunx ġustifikat fis-sens sportiv, ma jistax jiġi penalizzat b'regolamenti dixxiplinarji; u jikkundanna d-deċiżjonijiet arbitrarji tal- Federazzjoni ta' Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Internazzjonali (FIFA) f'dan ir-rigward;

16.  Jitlob lill-UEFA u lill-FIFA sabiex jaċċettaw fl-istatuti tagħhom id-dritt għal rikors għall-qrati ordinarji, iżda jirrikonoxxi li l-prinċipju ta" awtoregolazzjoni jimplika u jiġġustifika l-istrutturi tal-mudell sportiv Ewropew u l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-organizzazzjoni ta" kompetizzjonijiet sportivi, inklużi regolamenti kontra d-doping u sanzjonijiet dixxiplinarji;

17.  Jinsisti li l-prinċipju ta' proporzjonalità huwa essenzjali għall-korpi governattivi tal-futbol kollha meta jeżerċitaw is-setgħa awtoregolatorja tagħhom; u jitlob lil-Kummissjoni biex tiżgura li dan il-prinċipju huwa applikat f'kawżi legali li jikkonċernaw l-isport;

18.  Jistieden lill-FIFA biex iżżid id-demokrazija interna tagħha u t-trasparenza ta' l-istrutturi tagħha;

19.  Jemmen li l-kawża Charleroi li bħalissa qiegħda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tista' xxekkel serjament l-abilità ta' assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali ta' daqs żgħir u medju li jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet internazzjonali u tista' thedded l-investiment vitali fil-bażi tal-futbol li jsir minn assoċjazzjonijiet nazzjonali; f'dan ir rigward, jemmen li l-clubs għandhom iħallu lill-players tagħhom jilagħbu mat-tim nazzjonali mingħajr ma jkunu intitolati għal kumpens; iħeġġeġ lill-UEFA u lill-FIFA, flimkien mal-clubs u l-leagues Ewropej, biex jilħqu ftehim dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għal players li jweġġgħu waqt li jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżhom u dwar it-twaqqif ta" sistema ta" assikurazzjoni kollettiva;

20.  Jappoġġja s-sistema ta" liċenzjar ta" clubs tal-UEFA, li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet indaqs bejn clubs u li tikkontribwixxi għall-istabiltà finanzjarja tagħhom, u jistieden lill-UEFA biex tiżviluppa aktar din is-sistema ta" liċenzjar aktar f'konformità mal-liġi Komunitarja sabiex tiggarantixxi t-trasparenza finanzjarja u l-immaniġġjar xieraq;

21.  Jirrakkomanda kampanja qawwija mill-awtoritajiet politiċi u dawk ta" l-isports nazzjonali u Ewropej biex jistabbilixxu iktar trasparenza u governanza tajba fil-futbol professjonali Ewropew;

22.  Jappoġġja sforzi biex titħares l-integrità tal-logħba billi jiġu esklużi kunflitti ta" l-interess ta" partijiet ewlenin interessati fi clubs jew f'korpi governattivi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti, f'konsultazzjoni ma" korpi li jirregolaw il-futbol, il-leagues u l-clubs, dwar l-introduzzjoni ta" status legali Ewropew għal kumpaniji ta" l-isport biex jittieħed kont ta'l-attivitajiet ekonomiċi ta" clubs tal-futbol ewlenin filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom marbuta ma" l-isport; tali status jirrendi possibbli it-tifsil ta' regoli għall-moniteraġġ ta' attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji ta' kumpaniji bħal dawn u għall-involviment tal-partitarji u l-parteċipazzjoni tal-komunità;

24.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-korpi governattivi tal-futbol biex jippromwovu l-irwol soċjali u demokratiku tal-partitarji tal-futbol li jappoġġjaw il-prinċipji tal-'fair play' billi jappoġġjaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta' Assoċjazzjonijiet ta' Partitarji (b'rikonoxxenza tar-responsabilità tagħhom) li jkunu jistgħu jiġu involuti fis-sjieda u l-ġestjoni tal-clubs permezz tal-ħatra ta" ombudsman għall-futbol u speċifikament permezz tat-twessigħ tal-mudell tas-"Supporters Direct" fuq livell Ewropew;

25.  Jitlob lill-UEFA biex tistudja mod kif l-organizzazzjonijiet tal-partitarji jistgħu jiġu involuti bħala partijiet interessati importanti meta jkunu organizzati fuq livell Ewropew u sabiex teżamina l-possibilità ta' korp tas-"Supporters Direct" Ewropew;

26.  Jikkonsidra li players tal-futbol professjonali, it-trade unions tagħhom u l-clubs u l-leagues għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fit-tmexxija tal-futbol permezz ta" djalogu soċjali aħjar;

Ġlieda kontra attivitajiet kriminali

27.  Jappoġġja l-isforzi tal-korpi governattivi tal-futbol Ewropej u nazzjonali biex jintroduċu trasparenza akbar fl-istrutturi ta' sjieda ta' clubs u jitlob lill-Kunsill biex jiżviluppa u jadotta miżuri għall-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali li jippersegwitaw il-futbol professjonali, inklużi l-ħasil tal-flus, l-imħatri illegali, id-'doping' u l-match fixing, u l-prostituzzjoni sfurzata bħala attività sekondarja ta" avvenimenti ewlenin tal-futbol;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konformità sħiħa ma" leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza u l-ħasil tal-flus minn entitajiet involuti fil-qasam tal-futbol;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu mekkaniżmi li jħaddnu l-koperazzjoni bejn il-clubs, il-pulizija u l-organizzazzjonijiet tal-partitarji, bil-għan li jiġġieldu l-vjolenza u l-fenomenu tal-hooligans u għamliet oħra ta" mġiba delinkwenti qabel, waqt u wara l-logħbiet tal-futbol u sabiex ikun hemm skambju ta' l-aħjar prattiki;

30.  Jitlob lill-Kunsill sabiex isaħħaħ il-koordinazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni u tas-sanzjonijiet li jikkonċernaw lill-hooligans, ukoll fir-rigward ta' logħbiet nazzjonali; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kunsill sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni tiegħu 2002/348/JHA li tikkonċerna s-sigurtà fejn jidħlu l-logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, japprova miżuri ulterjuri, wara l-inċidenti vjolenti ta' dan l-aħħar ġewwa u barra l-istadiums tal-futbol;

31.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet Ewropej tal-futbol kif ukoll lill-federazzjonijiet u lil-leagues biex imexxu kampanja ta' sensibilizzazzjoni kbira fuq livell Ewropew fost il-partitarji bl-għan li titrażżan il-vjolenza ġewwa u barra l-grawnds;

Rwol soċjali, kulturali u edukattiv tal-futbol

32.  Jenfasizza l-importanza ta" l-edukazzjoni permezz ta" l-isport u l-potenzjal tal-futbol li jgħin biex żgħażagħ vulnerabili soċjalment jerġgħu jsibu t-triq it-tajba u jitlob lill-Istati Membri, lill-assoċjazzjonijiet, il-leagues u l-clubs nazzjonali biex jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex huma wkoll jappoġġjaw proġetti ta" inklużjoni soċjali minn clubs tal-futbol;

34.  Jesprimi l-appoġġ ċar tiegħu għal miżuri tal-UEFA li jinkoraġġixxu l-edukazzjoni ta" players żgħażagħ billi jirrikjedu ammont minimu ta" players imrawma lokalment fit-tim ta" club professjonali u billi jqiegħdu limitu fuq id-daqs tat-timijiet; jemmen li dawn il-miżuri ta" inċentiva huma proporzjonati u jistieden lill-clubs professionali biex jimplimentaw din ir-regola b'mod strett;

35.  Huwa konvint li huma meħtieġa arranġamenti addizzjonali biex jiġi żgurat li l-inizjattiva tal-players lokali ma twassalx għat-traffikar tat-tfal, billi ċerti clubs li jagħtu kuntratti lil players żgħar ħafna (ta' anqas minn 16-il sena);

36.  Juri li l-players żgħażagħ iridu jingħataw l-opportunità għal edukazzjoni ġenerali u taħriġ vokazzjonali fl-istess waqt li jwettqu attivitajiet tal-club u ta' taħriġ u li l-clubs għandhom jiżguraw li players żgħażagħ minn pajjiżi terzi jirritornaw f'arthom qawwijin u sħaħ jekk il-karriera tagħhom fl-Ewropa ma tirnexxix;

37.  Jemmen li l-liġi dwar l-immigrazzjoni għandha dejjem tiġi rrispettata fir-rigward ir-reklutaġġ ta" talenti barranin żgħażugħ u jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-problema tat-traffikar tat-tfal fil-kuntest tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tan-nies(3) u / jew fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-ħarsien taż-żgħażagħ fil-post tax-xogħol(4); jġbed l-attenzjoni għall-fatt li players żgħażagħ iridu jingħataw l-opportunità għal edukazzjoni ġenerali u taħriġ vokazzjonali matul l-attivitajiet tal-club u t-taħriġ tagħhom, sabiex ma jiddependux għalkollox mill-clubs; jitlob azzjoni għall-prevenzjoni ta" l-esklużjoni soċjali ta" żgħażagħ li fl-aħħar mill-aħħar ma jintgħażlux;

38.  Jistieden lill-entitajiet li jirregolaw il-futbol u lill-clubs sabiex jagħmlu parti mill-ġlieda konta l-ittraffikar tal-bniedem billi

   - jiffirmaw il-Karta Ewropea għas-solidarjietà fil-futbol, li timpenja l-firmatarji sabiex jirrispettaw il-prattiki tajba rigward l-iskoperta, ir-reklutaġġ u l-lqugħ ta' players tal-futbol żgħażagħ barranin;
   - joħolqu Fond ta' Solidarjetà li għandu jiffinanzja l-programmi ta' prevenzjoni fil-pajjiżi l-aktar affettwati mit-traffikar tal-bniedem;
   - jirrevedu l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal-FIFA għall-Istatus u t-Trasferiment tal-Players rigward il-protezzjoni tal-minuri;

39.  Jenfasizza l-irwol soċjali u edukattiv importanti ta" ċentri tat-taħriġ u l-irwol vitali li għandhom kemm fil-benesseri tal-clubs u fl-iżvilupp futur ta" talenti tal-futbol; jappoġġja inċentivi finanzjarji għal clubs li għandhom ċentru ta" taħriġ, sakemm inċentivi bħal dawn ikunu konformi mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi dan l-irwol kruċjali meta tfassal linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li fih players żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw u jitrabbew fi spirtu ta" onestà u "fair play";

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu l-perspettiva tal-ġeneru fl-aspetti kollha tal-politika dwar l-isport, bil-għan li titnaqqas aktar id-differenza kontinwa bejn l-irġiel u n-nisa kemm fir-rappreżentazzjoni f'korpi ta" l-isport u fil-pagi, kif ukoll fil-parteċipazzjoni fl-isport, biex b'hekk il-benefiċċji personali u soċjali li jiġu mill-isport ikunu l-istess għal kulħadd;

Impjiegi u kwistjonijiet soċjali

42.  Jiddispjaċih għad-differenzi fil-leġiżlazzjoni soċjali u fiskali bejn l-Istati Membri, li joħolqu żbilanċji bejn clubs, u għan-nuqqas ta' rieda ta' l-Istati Membri li jsolvu dawn id-differenzi fil-livell Ewropew;

43.  Jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali mogħtija fi Stat Membru ieħor għall-moviment ħieles tal-ħaddiema;

44.  Jemmen li r-realtà ekonomika attawli ta' l-aġenti tal-players tirrikjedi li l-korpi governattivi tal-futbol fil-livelli kollha, b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, itejbu r-regoli li jirregolaw l-aġenti tal-players; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-isforzi tal-UEFA biex tirregola l-aġenti tal-players, jekk meħtieġ billi tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-aġenti tal-players li tinkludi: standards u kriterji ta' evalwazzjoni stretti qabel ma wieħed ikun jista' jopera bħala aġent tal-players; trasparenza fit-tranżazzjonijiet ta' l-aġenti; standards minimi armonizzati għall-kuntratti ta' l-aġenti; sistema effiċjenti ta' mmoniterjar u ta' dixxiplina mill-korpi governattivi Ewropej; l-introduzzjoni ta' "sistema ta' liċenzjar ta' l-aġenti" u reġistru ta' l-aġenti; u li jwaqqfu r-"rappreżentazzjoni doppja" u l-ħlas ta' l-aġenti mill-players;

45.  Jistieden lill-UEFA u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew dwar kwistjonijiet bħat-tul ta" żmien tal-kuntratti, id-definizzjoni tal-perjodu ta" trasferimenti, possibiltajiet li kuntratt jintemm qabel iż-żmien u kumpens għal clubs li jħarrġu l-players, billi dan id-djalogu jista" jipprevjeni u jegħleb tensjonijiet bejn il-players u min iħaddimhom;

46.  Jilqa' l-ħidma tal-FIFPro, tal-UEFA u tal- EPFL biex jiżdiedu d-drittijiet tal-players billi jiġi żgurat li l-players dejjem jingħataw kuntratti bil-miktub b'ċertu rekwiżiti minimi;

47.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni għall-impjieg tiġi implimentata b'mod iżjed effettiv fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li l-players professjonali jingħataw id-drittijiet li huma intitolati għalihom u li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bħala impjegati;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja b'mod attiv inizjattivi u kampanji għall-ġlieda kontra x-xogħol tat-tfal f'industriji marbuta mal-futbol u biex teżamina l-possibilitajiet politiċi u legali kollha sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, inklużi dawk tat-tfal jiġu rrispettati;

Ġlieda kontra l-vjolenza, ir-razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni

49.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil dawk kollha involuti fil-futbol professjonali biex jaċċettaw, peress li l-players tal-futbol ukoll huma intitolati legalment għal post tax-xogħol mingħajr razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni, ir-responsabiltà tagħhom fit-tkomplija u l-intensifikar tal-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija billi jikkundannaw il-forom kollha ta" diskriminazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra l-istadium; jitlob li jkun hemm sanzjonijiet aktar stretti kontra kwalunkwe tip ta' att diskriminatorju fil-futbol; jitlob lill-UEFA u lill-assoċjazzjonijiet u lil leagues nazzjonali biex japplikaw regoli dixxiplinarji b'mod koerenti, strett u kkoordinat, mingħajr ma jinsew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-clubs;

50.  F'dan ir-rigward jistieden ukoll lill-Kummissjoni, lill-UEFA u lil partijiet interessati oħra biex jieħdu azzjoni rigward id-Dikjarazzjoni tal-Parlament ta' l-14 ta' Marzu 2006 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu fil-futbol(5); jikkumplimenta lill-UEFA u lill-FIFA għas-sanzjonijiet iktar ibsin li qed ikunu inkorporati fl-istatuti tagħhom u għall-miżuri li qed jittieħdu, u jistenna bil-ħerqa aktar azzjoni mill-partijiet konċernati kollha fil-qasam tal-futbol;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-UEFA u lil partijiet interessati oħra biex ma jippermettux li forom oħra ta" diskriminazzjoni, bħad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta" sess, oriġini, orjentament sesswali jewoħrajn, mwettqa ġewwa jew barra l-istadium, ma jiġux ikkastigati;

52.  Jikkundanna kull forma ta' mġieba vjolenti ġewwa l-grawnds tal-futbol, jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex japplikaw l-aktar miżuri stretti possibbli li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex inaqqsu u jeqirdu kull forma ta' vjolenza fil-grawnds u jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-sanzjonijiet li bihom il-UEFA qed tfittex li teqred din il-vjolenza;

Liġi tal-kompetizzjoni u s-suq intern

53.  Jemmen bis-sħiħ li l-introduzzjoni ta' sistema modulata ta' kontroll ta' l-ispejjeż tista' tkun mod kif jissaħħu l-istabiltà finanzjarja u l-bilanċ kompetittiv bejn it-timijiet, pereżempju meta din tiġi ntegrata f'sistema aġġornata ta' liċenzjar ta' clubs;

54.  Jikkonsidra li l-futbol irid jiżgura l-interdipendenza tal-kompetituri u l-ħtieġa li tiġi garantita l-inċertezza tar-riżultati tal-kompetizzjonijiet, billi dan jista' jservi ta" ġustifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet ta" l-isport biex jimplimentaw qafas speċifiku fis-suq għall-produzzjoni u l-bejgħ ta" avvenimenti sportivi; madankollu, jikkonsidra li karatteristiċi speċifiċi bħal dawn ma jiġġustifikawx eżenzjoni awtomatika mir-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji għal kwalunkwe attivitajiet iġġenerati mill-futbol professjonali, minħabba l-importanza ekonomika li qed tiżdied ta' attivitajiet bħal dawn;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida ċari dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar għajnuna mill-Istat, filwaqt li tindika x'tip ta' appoġġ mill-Istat huwa aċċettabbli u leġittimu sabiex jiġi ssodisfat l-irwol soċjali, kulturali u edukattiv li għandu l-futbol, bħal appoġġ finanzjarju jew appoġġ ieħor mogħti minn awtoritajiet pubbliċi għall-bini jew l-immodernizzar ta" stadiums jew faċilitajiet tal-futbol;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-korpi governattivi tal-futbol internazzjonali, Ewropej u nazzjonali biex jirriflettu fuq il-konsegwenzi ta" liberalizzazzjoni possibbli tas-suq tal-logħob ta'l-imħatri u fuq mekkaniżmi li jiżguraw il-finanzjament ta" l-isport b'mod ġenerali u b'mod partikulari tal-futbol, u biex jistudjaw miżuri oħra li jħarsu l-integrità tal-kompetizzjonijiet tal-futbol nazzjonali u Ewropej;

57.  Jirrikonoxxi l-importanza tat- trade marks fl-industrija ta' l-isport ħlief meta jintużaw biex jostakolaw il-moviment ħieles ta' prodotti;

58.  Jinnota li ħafna drabi hemm żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-biljetti għal logħbiet tal-futbol ewlenin li huwa ta' benefiċċju għall-isponsers iżda ta' ħsara għall-konsumaturi; jisħaq li l-interessi tal-konsumaturi għandhom jitqiesu bis-sħiħ meta jitqassmu l-biljetti u li għandu jkun garantit bejgħ ġust u non-diskriminatorju ta' biljetti fil-livelli kollha ; jirrikonoxxi madankollu li d-distribuzzjoni ta' biljetti jista', fejn hu xieraq, tiġi ristretta għal membri ta' clubs tas-supporters, clubs ta' l-ivvjaġġar jew skemi simili, li wieħed jista' jsir membru tagħhom mingħajr diskriminazzjoni;

Bejgħ ta' drittijiet tat-televiżjoni u l-liġi tal-kompetizzjoni

59.  Isostni li l-bejgħ kollettiv fil-kompetizzjonijiet kollha huwa fundamentali għall-ħarsien tal-mudell ta' solidarjetà finanzjarja tal-futbol Ewropew; jilqa' b'sodisfazzjon dibattitu pubbliku u aktar investigazzjoni mill-Kummissjoni dwar jekk dan il-mudell għandux jiġi adottat fl-Ewropa kollha kemm fil-każ ta' kompetizzjonijiet fuq skala pan-Ewropea kif ukoll għal dawk domestiċi, kif issuġġerit mill-Evalwazzjoni Indipendenti ta" l-Isport Ewropew 2006; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi evalwazzjoni dettaljata ta' l-impatt ekonomiku u sportiv ta' dawn id-deċiżjonijiet rilevanti tagħha dwar id-drittijiet tal-media u sa liema punt dawn kienu jew ma kinux effettivi;

60.  Jisħaq li l-bejgħ ta" drittijiet tal-media mogħtija lil-leagues Ewropej tal-futbol nazzjonali għandhom dejjem ikunu konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE, b'kont meħud ta'l-ispeċifiċità ta" l-isport, u li l-bejgħ għamdu jiġi innegozjat u ikkompletat b'mod trasparenti; iżda madanakollu jemmen li xandiriet tal-futbol għandhom ikunu aċċessibbli għall-akbar numru ta' persuni possibbli anke permezz ta' stazzjonijiet li jxandru b'xejn ("free to air");

61.  Jisħaq li l-merti ta' l-Artikolu 3a tad-Direttiva 97/36/KE(6) dwar "Televiżjoni mingħajr Fruntieri" attwali huma ta' min ifaħħarhom;

62.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa vitali għall-futbol professjonali li d-dħul minn drittijiet tat-televiżjoni jitqassam b'mod ġust li jiżgura s-solidarjetà bejn il-logħob professjonali u l-logħob tad-dilettanti, u bejn clubs li jikkompetu ma" xulxin fil-kompetizzjonijiet kollha; jinnota li d-distribuzzjoni preżenti tad-dħul mit-televiżjoni tal-UEFA Champions League jirrifletti ħafna d-daqs tas-swieq tat-televiżjoni nazzjonali tal-clubs; jinnota li dan jiffavorixxi lill-pajjiżi kbar, u b'hekk inaqqas is-setgħa ta' clubs minn pajjiżi iżgħar;

63.  Għalhekk jistieden lill-UEFA flimkien mal-Kummissjoni biex tkompli tevalwa mekkaniżmi biex jinħoloq bilanċ iktar kompetittiv f'dan il-qasam billi tiżdied ir-ridistribuzzjoni;

64.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xandir televiżiv ta" kompetizzjonijiet sportivi qed isir dejjem iktar fuq stazzjonijiet "encrypted" u mħallsin minn qabel (pay TV), u li għalhekk kompetizzjonijiet bħal dawn qed isiru inaċċessibbli għal numru ta" konsumaturi;

'Doping'

65.  Jirrakkomanda li l-prevenzjoni tad-"doping" u l-ġlieda kontrih għandhom jikkostitwixxu preokkupazzjoni importanti għall-Istati Membri; jitlob politika mmirata lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-"doping" u jisħaq il-bżonn ta' ġlieda kontra l-irregolaritajiet premezz ta' kontrolli, riċerka, ittestjar, immonitorjar fuq tul ta' żmien minn tobba indipendenti u permezz ta' l-edukazzjoni u, fl-istess ħin, il-prevenzjoni u t-taħriġ; jistieden lill-clubs professjonali biex jadottaw wegħda biex jiġġieldu kontra d-"doping" u biex jimmonitorjaw il-konformità permezz ta' kontrolli interni;

o
o   o

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-UEFA u lill-FIFA, lill-EPFL (Leagues Ewropej tal-Futbol Professjonali), lill-European Club Forum, u lill-FIFPro.

(1) COM(1999)0644.
(2) Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza, 7-9 ta' Diċembru 2000, Anness IV.
(3) ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1.
(4) ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.
(5) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 143.
(6) ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60.

Avviż legali - Politika tal-privatezza