Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0525/2007

Dibattiti :

PV 13/12/2007 - 11.3
CRE 13/12/2007 - 11.3

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 12.3
CRE 13/12/2007 - 12.3

Testi adottati :

P6_TA(2007)0632

Testi adottati
WORD 49k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2007 - Strasburgu Verżjoni finali
Nisa tas-serħan
P6_TA(2007)0632B6-0525, 0528, 0538 u 0542/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar ġustizzja għan-nisa tas-serħan (skjavi sesswali fl-Asja qabel u matul it-Tieni Gwerra Dinjija)

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-200 anniversarju mill-abolizzjoni tal-kummerċ ta' l-ilsiera fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Qerda ta' l-Ittraffikar tan-Nisa u t-Tfal (1921), li l-Ġappun huwa firmatarju tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 dwar ix-Xogħol Sfurzat ta' l-ILO(1930), li hija rratifikata mill-Ġappun,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti1325 (2000) dwar in-Nisa u l-Paċi u s-Sigurtà,(

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Gay McDougall, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Istupru Sistematiku, l-Iskjavitù Sesswali u l-Prattiċi ta' l-Iskjavitù waqt il-Kunflitti Armati (22 ta' Ġunju 1998),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tat-38 sessjoni tal-Kumitat tan-NU ta' Kontra t-Tortura (9-10 ta' Mejju 2007),

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Studju ta' Dokumenti tal-Gvern Olandiż dwar il-Prostituzzjoni Sfurzata ta' Nisa Olandiżi fl-Indji tal-Lvant Olandiżi Matul l-Okkupazzjoni Ġappuniża, L-Aja (2004),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar in-nisa tas-serħan tal-Kungress Amerikan, adottati fit-30 ta' Lulju 2007, u dawk tal-Parlament Kanadiż, adottati fid-29 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-gvern tal-Ġappun, matul il-kolonjaliżmu u l-okkupazzjoni ta' żmien il-gwerra ta' l-Asja u tal-Ġżejjer tal-Paċifiku mis-snin 1930 sa l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, kien ikkummissjona b'mod uffiċjali l-akkwist ta' xebbiet, li kienu saru magħrufa mad-dinja bħala ianfu jew 'nisa tas-serħan', għall-għan waħdieni ta' jasar sesswali għall-Forzi Armati Imperjali tiegħu,

B.   billi s-sistema tan-'nisa tas-serħan' inkludiet l-istupru ta' nisa minn bosta rġiel (gang rape), aborti sfurzati, umiljazzjonijiet u vjolenza sesswali li rriżultat f'mutilazzjoni, mewt jew suwiċidju eventwali, f'wieħed mill-ikbar każijiet ta' traffikar ta' bnedmin fis-seklu 20,

C.   billi bosta każi li tressqu min-'nisa tas-serħan' quddiem qrati Ġappuniżi spiċċaw kollha fiċ-ċaħda tat-talbiet tal-vittmi għall-kumpens, minkejja li diversi sentenzi tal-qrati jirrikonoxxu l-involviment dirett jew indirett tal-Forzi Armati Imperjali u r-responsabilità ta' l-istat,

D.   billi bosta mill-vittmi tas-sistema tan-'nisa tas-serħan' diġà mietu, u dawk li għadhom ħajjin għandhom 80 sena jew iżjed;

E.   billi matul dawn l-aħħar snin bosta membri u uffiċjali għoljin tal-Gvern Ġappuniż għamlu stqarrijiet ta' apoloġija dwar is-sistema tan-'nisa tas-serħan', filwaqt li sfortunatament ċerti uffiċjali Ġappuniżi riċentement esprimew ix-xewqa li jdgħajjfu jew li jirrevokaw dawk l-istqarrijiet,

F.   billi l-iskala sħiħa tas-sistema ta' l-iskjavitù sesswali qatt ma nkixfet kollha kemm hi mill-gvern Ġappuniż u xi kotba ġodda u obbligatorji wżati fl-iskejjel Ġappuniżi jippruvaw jimminimizzaw it-traġedja tan-'nisa tas-serħan' u reati tal-gwerra Ġappuniżi oħrajn li saru matul it-Tieni Gwerra Dinjija,

G.   billi l-mandat tal-Fond għan-Nisa Asjatiċi, li huwa fondazzjoni privata mibdija mill-gvern u li l-għan tagħha hu l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti li jikkumpensaw l-abbuż u s-sofferenza tan-'nisa tas-serħan', ġie fi tmiemu fil-31 ta' Marzu 2007,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjoni eċċellenti li hemm bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun li hija bbażata fuq il-valuri komuni tad-demokrazija b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nisa li kienu vittmi tas-sistema tan-'nisa tas-serħan' matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrijiet tas-Segretarju tal-Kabinett Ġappuniż Yohei Kono fl-1993 u tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Tomiichi Murayama fl-1995 dwar in-'nisa tas-serħan', kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament (id-Diet) Ġappuniż ta' l-1995 u ta' l-2005 li esprimew l-apoloġiji tagħhom lejn il-vittmi ta' żmien il-gwerra, inklużi dawk tas-sistema tan-'nisa tas-serħan';

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva li kien ħa l-Gvern Ġappuniż fl-1995 li jwaqqaf il-Fond għan-Nisa Asjatiċi (li llum intemm) - fondazzjoni privata li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet iffinanzjata mill-gvern - li qassmet xi kumpens għad-dannu lil bosta mijiet ta' 'nisa tas-serħan', iżda jqis li din l-inizjattiva umanitarja ma tistax tissodisfa t-talbiet tal-vittmi għal rikonoxximent legali skond il-liġi internazzjonali, kif stqarret ir-Rapporteur Speċjali Gay McDougall, fir-rapport tagħha imsemmi hawn fuq ta' l-1998;

5.  Jitlob lill-Gvern Ġappuniż biex jirrikonoxxi, japoloġizza u jaċċetta formalment ir-responsabilità storika u legali, b'mod ċar u bla ekwivoki, għall-isfurzar tax-xebbiet fl-iskjavitù sesswali mill-Forzi Armati Imperjali, magħrufa mad-dinja bħala 'nisa tas-serħan', matul l-okkupazzjoni ta' żmien il-gwerra u kolonjali ta' l-Asja u tal-Ġżejjer tal-Paċifiku mis-snin 1930 sa l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija,

6.  Jitlob lill-Gvern Ġappuniż biex jimplimenta l-mekkaniżmi amministrattivi effettivi biex jipprovdi kumpens għall-vittmi kollha li għadhom ħajjin tas-sistema ''comfort women'' u lill-familji tal-vittmi li mietu;

7.  Jitlob lill-Parlament Ġappuniżabiex jieħu miżuri legali biex jelimina l-ostakli eżistenti għall-kisba ta' kumpens quddiem il-qrati Ġappuniżi; b'mod partikolari, id-dritt għall-individwi biex jitlobu permezz ta' każ kontra l-gvern li jingħatalhom kumpens għandu jiġi rikonoxxut b'mod espliċitu fil-liġi nazzjonali, u każijiet għal għoti ta' kumpens għall-vittmi li baqgħu ħajjin wara skjavitu' sesswali, li huwa att kriminali skond il-liġi internazzjonali, għandhom jingħataw prijorità, billi jittieħed kont ta' l-età tal-vittmi;

8.  Jitlob lill-gvern tal-Ġappun biex jiċħad pubblikament dikjarazzjonijiet li jgħidu li s-sottomissjoni u l-iskjavitu' ta' ''nisa tas-serħan'' qatt ma seħħet;

9.  Iħeġġeġ lin-nies Ġappuniżi u lill-gvern biex jieħdu passi ulterjuri biex jirrikonoxxu l-istorja sħiħa tan-nazzjon tagħhom bħalma hu d-dmir morali tal-pajjiżi kollha, biex iqajmu kuxjenza fil-Ġappun fir-rigward ta' l-azzjonijiet ta' dan in-nazzjon fl-1930s u fl-1940s, inkluż b'konnessjoni man-''nisa tas-serħan''; jitlob lill-gvern tal-Ġappun biex jeduka lill-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri dwar dawk l-avvenimenti;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' Istati Membri lill-Gvern u lill-Parlament Ġappuniż, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet ta' l-istati ta' l-ASEAN, lir-Repubblika Popolari Demokratika tal-Korea, lir-Repubblika tal-Korea, lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lit-Taiwan u lit-Timor-Leste.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2008Avviż legali