Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0334/2008

Testi mressqa :

B6-0334/2008

Dibattiti :

PV 07/07/2008 - 17
CRE 07/07/2008 - 17

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2008 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0353

Testi adottati
PDF 215kWORD 46k
L-Erbgħa, 9 ta' Lulju 2008 - Strasburgu
Tilwim Airbus / Boeing
P6_TA(2008)0353B6-0334/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 dwar it-tilwim fl-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar allegazzjonijiet ta' sussidji lill-Airbus u lill-Boeing

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-tilwim fl-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti dwar allegazzjonijiet ta' sussidji lill-Airbus u lill-Boeing,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-1 ta" Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi translatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-Senat ta' l-Istati Uniti (Res. 632) tat-8 ta' Diċembru 2006 li tħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-UE biex jaħdmu flimkien biex isaħħu s-suq transatlantiku,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa Għolja UE-Stati Uniti tat-30 t'April 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi jagħti valur lis-sħubija transatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti u jappoġġa politika tal-kummerċ ġusta u bbilanċjata b'mod ġenerali,

B.   billi, tul l-aħħar għaxar snin, ir-relazzjoni ekonomika transatlantika għaddiet minn perjodu ta' integrazzjoni mingħajr preċedenti, bl-investiment Ewropew fl-Istati Uniti jirrappreżenta 75% tad-dħul totali ta' investiment fl-Istati Uniti fl-2006 u bl-investiment ta' l-Istati Uniti fl-Ewropa jitla' għal ċifra rekord ta' USD 128 biljun (128 000 000 000), jew 59% ta' l-investiment dirett barrani li ħareġ mill-Istati Uniti, fl-2006,

C.   billi l-importanza ta' l-industrija ta' l-inġenji ta' l-ajru għall-impjiegi u l-ħolqien ta' l-impjiegi, b'mod partikulari f'setturi li jirrikjedu ħiliet ta' livel għoli, kif ukoll f'firxa wiesgħa ta' industriji oħra, għall-iżvilupp reġjonali u għal koperazzjoni industrijali transnazzjonali bl-aħjar teknika moderna hija ta' rilevanza partikolari,

D.   billi fl-industrija civili ta' l-inġenji ta' l-ajru, kemm l-Airbus u kemm il-Boeing bħalissa għandhom il-kapaċità li jfasslu u jintegraw ajruplani kummerċjali kbar u huwa fl-interess tal-linji ta' l-ajru u tal-klijenti tagħhom li jżommu livell għoli ta' kompetizzjoni b'saħħtiha,

E.   billi fl-1992, l-UE u l-Istati Uniti ffirmaw ftehima bilaterali dwar il-kummerċ f' inġenji ta' l-ajru ċivili kbar (il-Ftehima ta' l-1992) li ħolqot kundizzjonijiet indaqs b'regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-gvern,

F.   billi l-UE konsistentement żammet ma' l-ispirtu u ma' l-ittra tal-Ftehima ta' l-1992 u pprovidet regolarment provi dokumentati tal-konformità,

G.   billi l-Istati Uniti fil-biċċa l-kbira injorat l-obbligi tagħha skond il-Ftehima ta' l-1992 billi ma rrapurtatx is-sussidji tagħha lill-Boeing kif ukoll billi pprovdiet sussidji ikbar mil-limiti miftiehma u billi tat sussidji pprojbiti lill-Boeing,

H.   billi l-Ftehima ta' l-1992 żammet l-istabilità fis-settur sa l-2004, meta l-Istati Uniti uriet l-intenzjoni li tirtira minnha unilateralment u fetħet kawża quddiem id-WTO kontra l-UE, fejn iċċitat il-finanzjament li jista' jitħallas lura ta' l-UE, li jikkonforma għal kollox mal-Ftehima ta' l-1992 u li huwa simili għal dak li tibbenefika minnu l-Boeing għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' partijiet kbar mis-787 tagħha fil-Ġappun u pajjiżi oħra li jaqsmu r-riskji,

I.   billi minkejja diversi sforzi b'rieda tajba mill-UE, s'issa ma kienx possibbli li tkun stabbilita bażi ġusta u bbilanċjata għal soluzzjoni nnegozjata,

J.   billi jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għad-disponibilità konsistenti tal-Kummissjoni għal soluzzjoni bbilanċjata u nnegozjata mingħajr prekundizzjonijiet,

K.   billi appoġġ mill-gvern ibbilanċjat u ġust għall-qasam ta' l-ajruspazju fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku irriżulta f'riċerka u innovazzjoni, iktar sikurezza, prestazzjoni ambjentali aħjar, u effiċjenza fit-trasport bl-ajru,

L.   billi l-finanzjament ta' l-Istati Membri għall-Airbus huwa strettament limitat, irid jitħallas lura bl-interessi u evidentement m'għandu l-ebda impatt fuq il-kapaċità tal-Boeing li tikkompeti, ladarba l-Airbus ħallset lura 40 % iktar milli rċiviet mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri mill-1992 'l hawn u ħallset lura iktar minn EUR 7 biljun s'issa,

M.   billi l-UE qed tikkontesta diversi sussidji Federali, mill-Istati u lokali li huma pprojbiti u azzjonabbli li bbenefikaw lill-Boeing, għal total ta' USD 23.7 biljun f'sussidji li ma jridux jitħallsu lura li ngħataw tul l-aħħar għoxrin sena u sa' l-2004,

N.   billi jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu fl-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa fil-kompetizzjonijiet ta' akkwist pubbliku u nnota b'mod favorevoli l-kuntratt li ngħata lit-tim tal-kumpannija Awronawtika Ewropea ta' Difiża u ta' l-Ispazju Northrop Grumman (EADS) għal programm tat-tankers ta" l-ajru ta' l-Istati Uniti fuq bażi ta' kriterji newtrali imfassla biex jidentifikaw u jqiegħdu f'idejn il-Forza ta' l-Ajru ta' l-Istati Uniti l-aqwa tagħmir li hu wkoll l-iktar adattat;

O.   billi jinnota, madankollu, bi tħassib kbir, l-attakki ħorox mill-Boeing bl-għan li jagħtu immaġni li l-operazzjonijiet ta' l-EADS u ċerti Stati Membri huma sħab inaffidabbli tan-negozju fil-qasam ta' l-ajruspazju u riskju ta' sigurtà għall-istat ta' tħejjija militari ta' l-Istati Uniti; messaġġ li ma għaddhiex mingħajr ma ġie nnutat fl-Ewropa;

P.  Ir-rapport ta' l-Uffiċċju tal-Kontabilità tal-Gvern li jsostni l-protesta tat-talba tal-Boeing, huwa rikonoxxut bħala sempliċiment evalwazzjoni tal-proċess ta' selezzjoni u mhux tal-merti ta' l-ajruplan; il-Parlament jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li l-integrità tal-proċess ta' akkwist tad-Dipartiment tad-Difiża ta' l-Istati Uniti, trid tibqa' intatta għall-kompetituri kollha;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissjoni, li qed taġixxi f'isem l-UE fid-difiża ta' l-interessi ta' l-Istati Membri u ta' l-industrija ta' inġenji ta' l-ajru ċivili kbar ta' l-UE:

   (a) Il-Parlament jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe azzjoni anti-kompettitiva fil-politika leġiżlattiva jew eżekuttiva li tirrestrinġi b'mod mhux xieraq il-kapaċità tal-kumpaniji ta' l-UE li jikkompetu kemm għall-programmi ċivili kemm għal dawk militari għandha tingħata tweġiba xierqa mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha;
   (b) Il-Parlament jappoġġa għal kollox id-difiża ta' l-interessi ta' l-UE fil-proċeduri pendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim quddiem id-WTO u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha f'dan ir-rigward: jiddubita, madankollu, jekk id-deċiżjonijiet tad-WTO hux se jipprovdu, fihom infushom, is-soluzzjoni fuq perjodu ta' żmien twil li s-suq jeħtieġ bħala bażi għall-kompetizzjoni ġejjiena fil-paċi u ġusta f'dan il-qasam, li minn naħa l-oħra, tista' tiġi pprovduta minn soluzzjoni nnegozjata;
   (c) Il-Parlament iqis li l-punt tat-tluq għal kwalunkwe diskussjoni jeħtieġ ikun dak ta' diskussjoni mingħajr prekundizzjonijiet dwar il-pattijiet tan-negozjati, li juri li hemm intenzjoni ġenwina miż-żewġ naħat li jaslu għal bilanċ pragmatiku bejn l-appoġġ ċivili ta' l-UE u l-iskema militari-industrijali ta' l-Istati Uniti, li tistipula dawk l-aspetti ta' l-involviment tal-gvern li ġenwinament jaffettwaw l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet verament indaqs.

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

(1) ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 235.

Avviż legali - Politika tal-privatezza