Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2253(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0303/2008

Testi mressqa :

A6-0303/2008

Dibattiti :

PV 22/09/2008 - 23
CRE 22/09/2008 - 23

Votazzjonijiet :

PV 25/09/2008 - 7.4
CRE 25/09/2008 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0459

Testi adottati
WORD 112k
Il-Ħamis, 25 ta' Settembru 2008 - Brussell Verżjoni finali
Konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea
P6_TA(2008)0459A6-0303/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-konċentrazzjoni u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni Ewropea (2007/2253(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam dwar is-sistema ta" xandir pubbliku fl-Istati Membri(1) (Protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-pluraliżmu tal-media fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (SEC(2007) 0032),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta" attivitajiet ta" xandir bit-televiżjoni(2) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2002 dwar il-konċentrazzjoni tal-media(3) ,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità ta" l-Espressjonijiet Kulturali (il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 t' April 2004 dwar ir-riskji ta' ksur, fl-UE u b'mod partikolari fl-Italja, tal-liberta' tal-espressjoni u l-informazzjoni (Artikolu 11 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(4) ,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2001 dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-istat lix-xandir pubbliku(5) ,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 dwar ix-xandir pubbliku(6) ,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 tal-31 ta' Jannar 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-mandat tal-media pubbliċi fis-soċjetà tal-informazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec1466(2000) tas-27 ta' Ġunju 2000 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa rigward l-edukazzjoni dwar il-media,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)2 tal-31 ta' Jannar 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-pluraliżmu fil-media u d-diversita' tal-kontenut fil-media,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-interoperabilita' tas-servizzi diġitali interattivi tat-televiżjoni(7) ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0303/2008),

A.   billi l-Unjoni Ewropea kkonfermat l-impenn tagħha għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media, bħala pilastru essenzjali tad-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta" l-espressjoni, imħaddna fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jibqgħu prinċipji fundamentali għaż-żamma tad-demokrazija, tal-pluraliżmu ċiviku u tad-diversità kulturali,

B.   billi l-Parlament Ewropew ħafna drabi esprima l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas legali stabbli, kemm fil-media u kemm fis-soċjetà ta" l-informazzjoni b'mod ġenerali, bil-għan li tiżgura livell ekwivalenti ta" ħarsien tal-pluraliżmu fl-Istati Membri u tagħti l-opportunità lill-operaturi sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa mis-suq waħdieni,

C.   billi, kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma tal-istaff tagħha msemmi hawn fuq, il-kunċett tal-pluraliżmu tal-media ma jistax ikun limitat għall-kwistjoni tal-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-impriżi, iżda jinkludi wkoll kwistjonijiet relatati mas-servizzi tax-xandir pubbliku, mas-setgħa politika, mal-kompetizzjoni fl-ekonomija, mad-diversità kulturali, mal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, mat-trasparenza, u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti fl-Unjoni,

D.   billi s-servizzi tax-xandir pubbliku għandu jkollhom ir-riżorsi u l-istrumenti meħtieġa biex ġenwinament ikunu jistgħu jkunu indipendenti mill-pressjoni politika u mill-forzi tas-suq,

E.   billi bħalissa servizzi tax-xandir pubbliku jinsabu taħt pressjoni, b'mod mhux ġustifikat u għad-detriment tal-kwalità tal-kontenut, biex jikkompetu għall-udjenza mal-istazzjonijiet kummerċjali, li l-għan aħħari tagħhom mhix il-kwalità iżda li jissodisfaw il-gosti tal-parti l-kbira tal-pubbliku,

F.   billi l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali tagħti importanza konsiderevoli, fost affarijiet oħra, lill-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jwasslu għad-diversità fil-media,

G.   billi l-istess Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali tirrikonoxxi d-dritt tal-istati kontraenti tagħha li jieħdu miżuri mmirati għat-titjib tad-diversità tal-media, inkluż permezz ta' xandir mis-servizz pubbliku,

H.   billi l-irwol importanti tal-media awdjoviżivi pubbliċi biex ikun żgurat il-pluraliżmu huwa rikonoxxut fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali u fil-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam, li jistipula li s-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri hija relatata direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà u l-bżonn li jkun ippreservat il-pluraliżmu tal-media, waqt li l-Istati Membri huma responsabbli milli jiddeterminaw il-mandat tax-xandir televiżiv pubbliku u li jipprovdu l-fondi għalih,

I.   billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq tirrikonoxxi bis-sħiħ l-irwol ċentrali li għandhom il-korpi tax-xandir pubbliku fil-promozzjoni tal-pluralità u d-diversità kulturali u lingwistika u tenfasizza li, waqt l-eżami tal-għajnuniet mill-Istat in kwistjoni, il-Kummissjoni se tapplika kriterji bħall-importanza tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u s-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta' kull soċjetà,

J.   billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 msemmija hawn fuq ittenni l-irwol vitali tax-xandir pubbliku fl-iżgurar tal-pluraliżmu u titlob li l-Istati Membri jagħtuh mandat wiesa' li jirrifletti l-irwol tiegħu li jagħti lill-pubbliku l-benefiċċji ta' servizzi awdjoviżivi u ta' informazzjoni ġodda u ta' teknoloġiji ġodda,

K.   billi l-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam kien adottat biex jiżgura l-kompetenzi tal-Istati Membri biex jorganizzaw is-sistema nazzjonali ta' xandir pubbliku tagħhom b'mod li jkun imfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet demokratiċi u kulturali tas-soċjetà tagħhom, sabiex ikun moqdi bl-aħjar mod l-għan tal-preservazzjoni tal-pluraliżmu tal-media,

L.   billi r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 msemmija hawn fuq tenfasizza l-irwol speċifiku tax-xandir pubbliku bħala sors ta' informazzjoni u kummenti imparzjali u indipendenti, u ta' kontenut innovattiv u varjat li jikkonforma ma' standards għoljin ta' etika u ta' kwalità, u bħala forum għad-diskussjoni pubblika u bħala mezz għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika iktar wiesgħa tal-individwi, u b'hekk titlob li l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jaddattaw dak il-mandat biex jissodisfa l-għan tiegħu f' ambjent tal-media ġdid;

M.   billi l-pluraliżmu tal-media jista' jkun garantit biss permezz ta' bilanċ politiku kif suppost fil-kontenut tax-xandir tat-televiżjoni pubblika,

N.   billi l-esperjenza turi li l-konċentrazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tas-sjieda tipperikola l-pluraliżmu u d-diversità kulturali u billi sistema bbażata purament fuq il-kompetizzjoni tas-suq ħieles biss ma tistax tagħti garanzija li jkun hemm il-pluraliżmu fil-media,

O.   billi fl-Ewropa l-mudell ibbażat fuq żewġ pilastri, għat-televiżjoni privata u pubblika u s-servizzi tal-media awdjoviżivi, wera kemm jiswa fil-konsolidazzjoni tal-pluraliżmu fil-media u għandu jkun żviluppat iktar,

P.   billi l-konċentrazzjoni tas-sjieda qed tiġġenera iktar dipendenza tal-professjonisti tal-media fuq is-sidien ta' impriżi kbar tal-media,

Q.   billi t-teknoloġiji ġodda, u b'mod partikulari l-bidla għat-tekonoloġija diġitali għall-produzzjoni u t-tixrid tal-kontenut awdjoviżiv u d-dħul fis-suq ta' servizzi ġodda ta' komunikazzjoni u informazzjoni influwenzaw b'mod sinifikanti l-kwantità ta' prodotti u mezzi ta' tixrid disponibbli; billi, madankollu, żieda kwantitattiva fil-media u fis-servizzi ma tagħtix garanzija awtomatika ta' diversità fil-kontenut; billi mezzi ġodda u aġġornati biex ikunu żgurati l-pluraliżmu fil-media u d-diversità kulturali u l-forniment ta' informazzjoni f'waqtha u objettiva lill-pubbliku għalhekk huma neċessarji,

R.   billi l-qafas regolatorju attwali tat-telekomunikazzjonijiet, li jirrifletti r-relazzjoni u l-interdipendenza diretti bejn l-infrastruttura u r-regolamentazzjoni tal-kontenut, jipprovdi lill-Istati Membri bl-istrumenti tekniċi adatti għall-ħarsien tal-pluraliżmu tal-media u tal-kontenut, bħar-regoli dwar l-aċċess u l-kontenut li jrid jixxandar bilfors (must-carry rules),

S.   billi, madankollu, ir-rispett għall-pluraliżmu tal-informazzjoni u d-diversità tal-kontenut mhux awtomatikament garantit mill-avvanzi teknoloġiċi, iżda jrid jirriżulta minn politika attiva, konsistenti u viġilanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej,

T.   billi, filwaqt li l-Internet żied bil-kbir l-aċċess għal sorsi ta' informazzjoni, perspettivi u fehmiet varji, dan għadu ma ħax post il-media tradizzjonali bħala mezz deċiżiv għall-formazzjoni tal-opinjoni pubblika,

U.   billi bis-saħħa tal-iżviluppi teknoloġiċi, min jippubblika l-gazzetti qiegħed dejjem aktar ixerred il-kontenut permezz tal-Internet u għaldaqstant huwa dipendenti fil-parti l-kbira fuq id-dħul mir-reklamar (online),

V.   billi l-media tibqa' għodda ta' influwenza politika, u billi hemm riskju konsiderevoli fir-rigward tal-abilità tal-media li twettaq il-funzjonijiet tagħha bħala l-gwardjan tad-demokrazija, minħabba li l-impriżi privati tal-media huma motivati mill-profitt finanzjarju; billi dan iġib il-periklu ta' telfien tad-diversità, tal-kwalità tal-kontenut u tal-multipliċità ta' opinjonijiet, u li għalhekk is-salvagwardja tal-pluraliżmu m'għandhiex titħalla biss f'idejn il-mekkaniżmi tas-suq,

W.   billi l-impriżi l-kbar tal-media bnew pożizzjonijiet sostanzjali u ta' spiss dominanti f'xi Stati Membri, u billi l-eżistenza ta' gruppi tal-istampa f'idejn impriżi li jistgħu jagħtu kuntratti ta' akkwist pubbliku tirrappreżenta theddida għall-indipendenza tal-media,

X.   billi l-kontribut tal-impriżi tal-media multinazzjonali f'xi Stati Membri huwa essenzjali biex il-panorama tal-media terġa' tingħata l-ħajja, iżda billi ċertu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas huwa wkoll meħtieġ,

Y.   billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tax-xogħol tal-professjonisti tal-media trid titjieb u billi, fin-nuqqas ta' garanziji soċjali, numru dejjem ikbar ta' ġurnalisti qed ikunu impjegati b'kundizzjonijiet prekarji,

Z.   billi l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE hija limitata fil-kapaċità tagħha li tindirizza kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni tal-media minħabba li l-attivitajiet li joħolqu l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media fil-livelli vertikali u orizzontali fl-Istati Membri l-ġodda ma laħqux il-livell finanzjarju li fih tibda tapplika l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE,

AA.   billi l-introduzzjoni ta' regoli restrittivi żżejjed dwar is-sjieda tal-media toħloq ir-riskju tat-tnaqqis fil-kompetittività tal-impriżi Ewropej fis-suq dinji u taż-zieda tal-influwenza ta' gruppi tal-media li mhumiex Ewropej,

AB.   billi l-konsumaturi tal-media għandu jkollhom aċċess għal għażla kbira ta' kontenut,

AC.   billi dawk li joħolqu l-media jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproduċu kontenut tal-ogħla kwalità possibbli iżda l-kundizzjonijiet biex dan l-għan jintlaħaq mhumiex sodisfaċenti b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha,

AD.   billi l-proliferazzjoni tal-media ġodda (l-Internet broadband, l-istazzjonijet televiżi bis-satellita, it-televiżjoni diġitali terrestri, eċċ.) u l-forom varjati ta' sjieda tal-media mhumiex biżżejjed fihom infushom biex jiggarantixxu l-pluraliżmu f'termini ta' kontenut tal-media,

AE.   billi r-regoli dwar il-kwalità tal-kontenut u l-ħarsien tal-minorenni għandhom ikunu applikati kemm fil-livell pubbliku u kemm fil-livell kummerċjali,

AF.   billi l-impriżi tal-media huma indispensabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-pluraliżmu tal-media u l-preservazzjoni tad-demokrazija u għaldaqstant għandhom ikunu kkonċernati b'mod iktar attiv mill-prattiki relatati mal-etika tan-negozju u r-responsabilità soċjali,

AG.   billi l-ħwienet tal-media kummerċjali qed jużaw dejjem iktar kontenut prodott mill-utenti privati, speċjalment kontenut awdjoviżiv, għal ħlas żgħir jew mingħajr l-ebda ħlas, u dan joħloq problemi ta' etika u ta' ħarsien tal-privatezza, prattika li qiegħda tpoġġi lill-ġurnalisti u lill-professjonisti oħra tal-media taħt pressjoni kompettitiva mhux f'lokha,

AH.   billi l-weblogs jirrappreżentaw kontribut importanti ġdid għall-pluraliżmu tal-media u huma mezz dejjem iktar komuni għall-espressjoni tal-individwu kemm mill-professjonisti tal-media u kif ukoll mill-persuni privati;

AI.   billi x-xandara pubbliċi iridu jingħataw fondi b'mod stabbli, iridu jġibu ruħhom b'mod ġust u bbilanċjat u jridu jingħataw il-mezzi li jippromwovu l-interess pubbliku u l-valuri soċjali,

AJ.   billi l-Istati Membri għandhom kamp ta' applikazzjoni wiesa' għall-interpretazzjoni tal-kompetenza tal-media tas-servizz pubbliku u l-finanzjament tagħha,

AK.   billi l-media tas-servizz pubbliku għandha preżenza tas-suq notevoli biss fl-oqsma awdjoviżivi u non-lineari,

AL.   billi l-mudell awdjoviżiv Ewropew irid jibqa' bbażat fuq il-bilanċ bejn servizz pubbliku b'saħħtu, indipendenti u pluralista u settur kummerċjali dinamiku; billi l-kontinwità ta' dan il-mudell hija essenzjali għall-vitalità u l-kwalità tal-ħolqien, il-pluraliżmu tal-media u r-rispett għad-diversità kulturali u għall-promozzjoni tagħha,

AM.   billi kultant is-servizz pubbliku jsofri kemm minn finanzjament mhux adegwat u kemm minn pressjoni politika,

AN.   billi l-ħidma li ngħatat lix-xandir pubbliku minn kull Stat Membru titlob finanzjament għal perjodu twil ta' żmien u indipendenza garantita, li żgur mhux il-każ fl-Istati Membri kollha,

AO.   billi f'ċerti Stati Membri l-media tas-servizz pubbliku jista' jkollha rwol ewlieni f'termini kemm ta' kwalità u kemm ta' udjenza,

AP.   billi l-aċċess pubbliku universali għall-kontenut ta' kwalità għolja u divers qed isir terġa' aktar kruċjali f'dan il-kuntest ta' bidliet teknoloġiċi u konċentrazzjoni akbar u f'ambjent dejjem aktar kompetittiv u globalizzat; billi s-servizzi awdjviżivi pubbliċi huma essenzjali biex tkun iffurmata l-opinjoni pubblika f'demokrazija, sabiex in-nies jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversità kulturali u biex ikun garantit il-pluraliżmu; u billi dawn is-servizzi jridu jkunu jistgħu jużaw il-pjattaformi l-ġodda tax-xandir biex iwettqu l-ħidma li tingħatalhom, jiġifieri li jilħqu l-gruppi kollha li jiffurmaw is-soċjetà, ikun x'ikun il-mezz ta' aċċess użat,

AQ.   billi l-media tas-servizz pubbliku jeħtieġ li jkollhom biżżejjed fondi pubbliċi biex ikunu jistgħu jikkompetu mal-media kummerċjali, f'termini li joffru standard għoli ta' kontenut kulturali u tal-aħbarijiet, mal-media kummerċjali,

AR.   billi tul dawn l-aħħar għaxar snin tfaċċaw kanali ġodda tal-media u billi s-sehem li qed jiżdied ta' dħul mir-reklamar li jmur għall-bejgħ minn fuq l-Internet huwa sors ta' tħassib għall-mezzi tal-media tradizzjonali,

AS.   billi x-xandara tas-servizz pubbliku u x-xandara kummerċjali se jibqa' jkollhom rwoli komplementari, flimkien mal-atturi l-ġodda, fil-panorama awdjoviżiva l-ġdida kkaratterizzata minn multipliċità ta' pjattaformi għax-xandir,

AT.   billi l-UE m'għandha l-ebda kompetenza intrinsika biex tirregola l-konċentrazzjoni tal-media, madankollu l-kompetenza tagħha f'oqsma varji tal-politika tippermettilha li tieħu rwol attiv fis-salvagwardja u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media; billi l-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, ir-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni kif ukoll ir-relazzjonijiet (kummerċjali) esterni li fihom l-UE tista' u għandha ssegwi attivament politika biex issaħħaħ u trawwem il-pluraliżmu tal-media,

AU.   billi hemm numru dejjem jiżdied ta' kunflitti dwar il-libertà tal-espressjoni,

AV.   billi, fis-soċjetà tal-informazzjoni, l-edukazzjoni bil-media hija mezz essenzjali biex iċ-ċittadini jingħataw l-għodda biex jagħtu kontribut attiv u infurmat għad-demokrazija,

AW.   billi l-kwantità ikbar ta' informazzjoni li wieħed jirċievi (grazzi għall-Internet b'mod partikulari) qed iżżid l-importanza tal-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha,

AX.   billi jeħtieġ li l-promozzjoni tal-livell ta' litteriżmu tal-media fost iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea tingħata ħafna iktar appoġġ,

AY.   billi l-media Ewropej issa qed joperaw f'suq globalizzat li jfisser li r-restrizzjonijiet komprensivi li jirrigwardaw is-sjieda tagħhom se jnaqqsu b'mod konsiderevoli mill-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma' impriżi ta' pajjiżi terzi li mhumiex marbuta b'restrizzjonijiet simili; billi għaldaqstant huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni ġusta u d-dispożizzjonijiet ta' ħarsien għall-pluraliżmu fuq naħa u l-iżgurar li n-negozji jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jikkompetu fis-suq internazzjonali tal-media fuq in-naħa l-oħra,

AZ.   billi ngħixu f'soċjetà li fiha li l-ħin kollu qed niġu nondati bl-informazzjoni, komunikazzjonijiet immedjati u messaġġi mhux iffiltrati, filwaqt li l-għażla tal-informazzjoni titlob ċerti kapaċitajiet,

BA.   billi miżuri biex ikun ikkonsolidat u promoss il-pluraliżmu fil-media jridu jkunu fundamentali għar-relazzjonijiet barranin tal-UE (fil-qasam tal-kummerċ u bnadi oħra) b'mod partikulari fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-istrateġija tat-tkabbir u tal-ftehimiet ta' sħubija bilaterali,

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissalvagwardaw il-pluraliżmu tal-media, biex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE kollha jkunu jistgħu jaċċessaw media b'xejn u diversifikata fl-Istati Membri kollha u biex jirrakkomandaw titjib fejn meħtieġ;

2.  Jemmen bis-sħiħ li sistema ta' media pluralistika hija rekwiżit fundamentali biex jiġi ppreservat mudell soċjali u demokratiku Ewropew;

3.  Jinnota li l-panorama Ewropea tal-media hija suġġetta għal konverġenza kontinwa, kemm fir-rigward tal-media kif ukoll tas-swieq;

4.  Jenfasizza li l-konċentrazzjoni tas-sjieda tas-sistema tal-media toħloq ambjent li jiffavorixxi l-monopolizzazzjoni tas-suq tar-reklami, tintroduċi ostakoli għall-aċċess ta' parteċipanti ġodda fis-suq u twassal ukoll għall-uniformità tal-kontenut tal-media;

5.  Jinnota li l-iżvilupp tas-sistema tal-media kull ma jmur qed jitmexxa mill-interess tal-profitti u li, għalhekk, il-proċessi politiċi, ekonomiċi jew dawk relatati mas-soċjetà, jew il-valuri espressi fil-kodiċi ta' kondotta tal-ġurnalisti, mhumiex salvagwardjati biżżejjed; jikkunsidra, għalhekk, li l-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-media għandhom ikunu interkonnessi, sabiex ikunu garantiti l-aċċess, il-kompetizzjoni u l-kwalità u biex jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media u l-poter politiku, li huma ta' ħsara għall-kompetizzjoni ħielsa, għal kundizzjonijiet indaqs u għall-pluraliżmu;

6.  Ifakkar lill-Istati Membri li dejjem għandu jsir sforz biex ikun hemm bilanċ, fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bejn id-dmirijiet tagħhom u l-libertà tal-espressjoni, li l-protezzjoni tagħha fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabilità tal-qrati;

7.  7 Jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha għall-promozzjoni ta' qafas legali stabbli b'livell għoli iggarantit ta' ħarsien tal-pluraliżmu fl-Istati Membri kollha;

8.  Jitlob, għalhekk, għal bilanċ kemm bejn ix-xandara pubbliċi u privati - f'dawk l-Istati Membri fejn jeżisti xandir pubbliku fil-preżent - u sabiex ir-rabta reċiproka bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-media tkun iggarantita sabiex tissaħħaħ il-pluralità tal-media;

9.  Jemmen li l-objettivi prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu li joħolqu kundizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta' kwalità tal-media (inklużi fil-media pubblika), li jiżguraw id-diversità tal-media u jiggarantixxu l-indipendenza sħiħa tal-ġurnalisti;

10.  Jitlob għal miżuri li jtejbu l-kompetittività tal-kumpaniji tal-media Ewropej sabiex jagħtu kontribut sinifikattiv lit-tkabbir ekonomiku, li għandu jitrawwem ukoll permezz ta' żieda fil-livell ta' kuxjenza u għarfien tal-aspetti ekonomiċi u finanzjarji fost iċ-ċittadini;

11.  Jenfasizza l-influwenza dejjem tiżdied ta' investituri tal-media minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea speċjalment fl-Istati Membri ġodda;

12.  Jitlob għal applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni fil-livell tal-UE u nazzjonali, sabiex ikun iggarantit livell għoli ta' kompetizzjoni u aċċess għas-suq għal kompetituri ġodda;

13.  Huwa tal-fehma li l-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni għenet biex tkun limitata l-konċentrazzjoni tal-media; madankollu jenfasizza l-importanza ta' media indipendenti bis-superviżjoni tal-Istat Membru u jħeġġeġ, għal dan il-għan, li r-regolazzjoni tal-media fil-livell nazzjonali tkun effettiva, ċara, trasparenti u ta' standard għoli;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa indikaturi speċifiċi biex ikun evalwat il-pluraliżmu tal-media;

15.  Jitlob li jitfasslu indikaturi oħra, apparti l-pluraliżmu tal-media, bħala kriterji biex tkun analizzata l-media, inklużi l-orjentazzjoni tagħha rigward lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi u l-kodiċijiet ta' kondotta professjonali għall-ġurnalisti;

16.  Jikkunsidra li r-regoli dwar il-konċentrazjoni tal-media għandhom jirregolaw mhux biss is-sjieda u l-produzzjoni tal-kontenut tal-media, iżda wkoll il-kanali u l-mekkaniżmi (elettroniċi) għall-aċċess u t-tixrid tal-kontenut fuq l-Internet, bħalma huma l-magni ta' tiftix.

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat l-aċċess għall-informazzjoni għan-nies b'diżabilità;

18.  Jirrikonoxxi li l-awtoregolazzjoni għandha rwol importanti fl-iżgurar tal-pluraliżmu tal-media; jilqa' b'sodisfazzjoni l-inizjattivi eżistenti tal-industrja f'dan il-qasam;

19.  Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' karta għal-libertà tal-media biex ikunu ggarantiti l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu;

20.  Jitlob li l-libertà tal-media tkun irrispettata u biex ir-rappurtar tal-media jkun konsistentement konformi mal-kodiċi tal-etika;

21.  Jenfasizza l-bżonn li jitwaqqfu sistemi ta' monitoraġġ u ta' implimentazzjoni għall-pluraliżmu tal-media bbażati fuq indikaturi affidabbli u imparzjali;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw l-indipendenza ġurnalistika u editorjali b'garanziji legali u soċjali xierqa u speċifiċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ħolqien u l-applikazzjoni uniformi ta' statuti editorjali fl-Istati Membri, u fis-swieq kollha fejn joperaw il-kumpaniji tal-media bbażati fl-UE, sabiex jimpedixxu lis-sidien, lil dawk li għandhom l-ishma, jew lil korpi esterni bħall-gvernijiet, milli jindaħlu fil-kontenut tal-aħbarijiet;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz ta' mezzi adegwati, bilanċ xieraq bejn is-sensibilitajiet politiċi u soċjali, b'mod partikulari fil-kuntest ta' programmi tal-aħbarijiet u ta' ġrajjiet kurrenti;

24.  Jilqa' d-dinamika u d-diversità li ddaħħlu fil-panorama tal-media mill-media ġodda u jinkoraġġixxi l-użu responsabbli tat-teknoloġija l-ġdida kollha bħat-televiżjoni mobbli bħala pjattaforma għall-media kummerċjali, pubblika u tal-komunità;

25.  Jinkuraġġixxi diskussjoni miftuħa dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-istejtus tal-weblogs;

26.  Jappoġġja l-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur fil-livell ta' media online, bil-partijiet terzi obbligati li jsemmu s-sors tad-dikjarazzjonijiet li jiċċitaw;

27.  Jirrakkomanda li l-litteriżmu tal-media jiġi inkluż fost il-kompetenzi Ewropej ewlenin u jappoġġja l-iżvilupp tal-kurrikulum ċentrali Ewropew għal-litteriżmu tal-media waqt li jenfasizza l-irwol tagħhom biex tingħeleb kwalunkwe forma ta' qasma diġitali;

28.  Isostni li l-għan tal-edukazzjoni medjatika irid ikun, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni Rec1466 (2000) msemmija hawn fuq dwar l-edukazzjoni dwar il-media, li jipprovdi liċ-ċittadini bil-mezzi biex jinterpretaw b'mod kritiku, u jużaw, il-volum dejjem jikber ta' informazzjoni li qed tingħatalhom; jikkunsidra li dan il-proċess ta' tagħlim se jippermetti liċ-ċittadini li jifformulaw il-messaġġi u jagħżlu l-media l-iktar adegwati biex jikkomunikawhom, u b'hekk jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bis-sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertà ta' informazzjoni u espressjoni;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-adozzjoni ta' approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku, tagħti biżżejjed attenzjoni lill-istandards tal-evalwazzjoni kritika tal-kontenut u għall-iskambji tal-aħjar prattiċi f'dan ir-rigward;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkonsolidaw qafas oġġettiv għall-għoti ta" liċenzji tax-xandir fl-oqsma tat-televiżjoni bil-kejbil u bis-satellita u s-swieq tax-xandir analogu u diġitali, fuq bażi ta" kriterji trasparenti u ġusti, sabiex tkun stabbilita sistema ta" kompetizzjoni pluralistika u jkunu evitati l-abbużi minn kumpaniji li jgawdu monopolji jew pożizzjonijiet dominanti;

31.  Ifakkar lill-Kummissjoni li f'diversi okkażżjonijiet, intalbet tfassal direttiva bl-għan li tiżgura l-pluraliżmu, tinkoraġixxi u tippreserva d-diversità kulturali kif definita fil-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-Diversità Kulturali, kif ukoll tissalvagwardja l-aċċess għall-kumpaniji kollha tal-media għall-elementi tekniċi li jistgħu jgħinuhom biex jilħqu l-pubbliku kollu kemm hu;

32.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw xandir pubbliku ta" kwalità għolja li jista' joffri alternattiva reali għall-programmi tal-istazzjonijiet kummerċjali u li jista', mingħajr ma neċessarjament ikollu jikkompeti għas-sehem mill-udjenza jew għad-dħul mir-reklamar, igawdi pożizzjoni ta' profil aktar għoli fix-xena Ewropea bħala pilastru taż-żamma tal-pluraliżmu tal-media, tad-djalogu demokratiku u tal-aċċess għaċ-ċittadini kollha għal kontenut ta" kwalità;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw koperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet regolatorji Ewropej u biex jintensifikaw id-diskussjonijiet u l-iskambji ta" fehmiet formali u informali bejn l-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tax-xandir;

34.  Jirrakkomanda li, fejn ikun xieraq, is-servizzi pubbliċi tax-xandir fl-Istati Membri jirrifletti n-natura multikulturali tar-reġjuni;

35.  Iħeġġeġ l-iżvelar tas-sjieda tal-mezzi tal-media kollha sabiex ikun hemm iktar trasparenza rigward l-għanijiet u l-esperjenza tax-xandar u tal-pubblikatur;

36.  Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għall-media kif ukoll għas-settur tal-Internet u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tiffaċilita u tippromwovi l-pluraliżmu tal-media; jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, tqis l-impatt tagħhom fuq il-pluraliżmu tal-media;

37.  Jirrakkomanda li r-regolamenti li jirregolaw l-għajnuna mill-istat ikunu mfassla u implimentati b'mod li jippermettu lill-media tas-servizz pubbliku u tal-komunità biex jirrealizzaw il-funzjoni tagħhom f'ambjent dinamiku, waqt li jiżguraw li x-xandir pubbliku jwettaq il-funzjoni li fdawlu l-Istati Membri b'mod trasparenti u responsabbli, u jevita l-abbuż ta' fondi pubbliċi għal raġunijiet ta' konvenjenza politika jew ekonomika;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu kont xieraq tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar id-diversità kulturali u r-Rakkomandazzjoni Rec(2007)3 msemmija hawn fuq, meta tieħu d-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq; f'każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-linji gwida eżistenti, jitlob li kwalunkwe miżura jew kjarifika proposta tkun evalwata f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt tagħha fuq il-pluraliżmu tal-media u tken tirrispetta kif dovut il-kompetenzi tal-Istati Membri;

39.  Jirrakomanda li l-Kummissjoni tuża l-proċess ta' reviżjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 msemmija hawn fuq - jekk tqis li din tkun meħtieġa - bħala mod kif issaħħaħ ix-xandir pubbliku bħala garanti importanti tal-pluraliżmu tal-media fl-UE;

40.  Jikkunsidra li, sabiex il-media awdjoviżiva pubblika tissodisfa l-kompitu tagħha fl-era tat-teknoloġija diġitali, huwa meħtieġ li hija tiżviluppa servizzi ta' informazzjoni u media ġodda, apparti l-programmi tradizzjonali, sabiex tkun tista' tinteraġixxi ma' kull network u pjattaforma diġitali;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni f'ċerti Stati Membri ta' dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-fornituri tat-televiżoni bil-kejbil jinkludu kanali tax-xandir pubbliku u jallokaw sezzjoni tal-ispettru diġitali għall-fornituri pubbliċi;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapplika ftehim wiesgħa dwar il-mandat tax-xandir pubbliku konformi ma' interpretazzjoni dinamika u li tibqa' tgħodd fil-futur tal-protokoll tat-Trattat ta' Amsterdam, b'mod partikulari rigward il-parteċipazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tax-xandir pubbliku fl-iżviluppi tekonoloġiċi u l-forom ta' produzzjoni u preżentazzjoni tal-kontenut li joħorġu minnhom (fil-forma ta' servizzi kemm lineari u kemm non-lineari); billi dan għandu jinkludi wkoll finanzjament adegwat għas-servizzi ġodda bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku;

43.  Itenni li r-regolamentazzjoni tal-użu tal-ispettru trid tqis l-għanijiet tal-interess pubbliku bħall-pluraliżmu tal-media u għaldaqstant ma tistax tkun suġġetta għal reġim ibbażat purament fuq is-suq; jikkkunsidra barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli li jiddeċiedu l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex jaqdu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-soċjetajiet tagħhom, b'mod partikulari rigward is-salvagwardja u l-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media;

44.  Jirrakkomanda li waqt ir-reviżjoni tal-Pakkett Telecom jinżammu, u, fejn ikun meħtieġ, ikunu estiżi, ir-regoli dwar il-kontenut li jrid jixxandar bilfors (must-carry rules),

45.  Jaqbel mar-Rakkomandazzjoni Rec(2007)2 msemmija hawn fuq li l-aċċess ġust tal-fornituri tal-kontenut għan-networks elettroniċi tal-komunikazzjoni għandu jkun żgurat;

46.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 msemmija hawn fuq, billi l-interoperabilità hija ta' importanza fundamentali għall-pluraliżmu tal-media;

47.  Jitlob għal approċċ bilanċjat fir-rigward tal-allokazzjoni tad-dividend diġitali biex jiġi żgurat aċċess ekwu għall-atturi kollha, biex b'hekk ikun issalvagwardjat il-pluraliżmu tal-media;

48.  Huwa mħasseb dwar id-dominanza ta' ftit atturi online kbar, dominanza li tillimita l-parteċipanti li daħlu fis-suq dan l-aħħar u b'hekk toħnoq il-kreattività u l-imprenditorija f'dan is-settur;

49.  Jitlob aktar trasparenza fir-rigward tad-data u l-informazzjoni personali dwar l-utenti maħżuna mill-magni tat-tiftix tal-Internet, il-fornituri tas-servizzi tal-email u s-siti tan-networking soċjali;

50.  Jikkunsidra li r-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE tħares biżżejjed l-aċċessibilità ta" gwidi ta" programmi elettroniċi u ta' faċilitajiet ta" riċerka u navigazzjoni simili, iżda tista' tiġi kkunsidrata aktar azzjoni fir-rigward tal-mod kif l-informazzjoni dwar il-programmi disponibbli hija ppreżentata sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' interess ġenerali jkunu aċċessibbli b'mod faċli; jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta, permezz ta" proċeduri konsultattivi, jekk hemmx bżonn ta' linji gwida minimi jew ta' regolamentazzjoni speċifika għas-settur biex jiġi salvagwardjat il-pluraliżmu tal-media;

51.  Jitlob li jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ bejn ix-xandara regolati mil-liġi pubblika u x-xandara privati, u l-applikazzjoni koerenti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-media, biex jissaħħaħ il-pluraliżmu tal-media;

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni u kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 340, 10.11.1997, p. 109.
(2) ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.
(3) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 205.
(4) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026.
(5) ĠU C 320, 15.11.2001, p.5.
(6) ĠU C 30, 5.2.1999, p.1.
(7) Testi adottati, P6_TA(2007)0497.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2009Avviż legali