Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0579/2008

Testi mressqa :

B6-0579/2008

Dibattiti :

PV 19/11/2008 - 20
CRE 19/11/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2008 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0567

Testi adottati
WORD 42k
Il-Ħamis, 20 ta' Novembru 2008 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura
P6_TA(2008)0567B6-0579/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi s-settur tal-apikultura madwar id-dinja, u b'mod partikolari fl-Ewropa, qed jaffaċċja diffikultajiet serji ħafna,

B.   billi l-apikultura għandha impatt utli fuq l-ekosistema kollha u hija essenzjali b'mod partikolari għall-ekosistema agrikola,

C.   billi hemm il-ħtieġa li l-bijodiversità, li għaliha l-apikultura tikkontribwixxi b'mod sinifikanti permezz ta' attivitajiet ta' fertilizzazzjoni bil-polline indiretta (cross-pollination) , tiġi ppreservata

D.   billi l-apikultura ilha tiġi ppratikata fl-Ewropa għal eluf ta' snin u tifforma parti integrali mill-wirt kulturali u agrikolu tagħha,

E.   jinnota li prodotti tal-apikultura għandhom benefiċċji nutrittivi u mediċinali,

F.   billi l-varjetà u l-kwalità għolja tal-għasel u ta' prodotti oħra tal-apikultura bħal ma huma r-royal jelly , il-propolis , il-venom u x-xemgħa magħmula mis-settur tal-apikultura Ewropea, huma dovuti għas-sengħa u d-diversità fil-klima tagħha,

G.   billi s-settur isofri minn kompetizzjoni inġusta minħabba prodotti li joriġinaw f'pajjiżi terzi u li jiġu importati fis-suq tal-Komunità,

H.   billi l-għasel jista' jkun importat minn reġjuni varji fid-dinja, imma n-naħal biss, f'numru suffiċjenti, jistgħu jiggarantixxu l-fertilizzazzjoni bil-polline,

I.   billi hemm theddida serja fit-tnaqqis tan-naħal b'konsegwenza tat-tnaqqis sinifikanti fir-riżorsi tal-polline u n-nektar,

J.   billi kien hemm tnaqqis drastiku fin-numru tan-naħal fid-dinja,

K.   billi l-preżenza kontinwa tal-parassita tad-dud tan-naħal, Varroa spp .fid-doqqajs, il-colony collapse disorder u t-tixrid tal-Nosema ceranae huma fost il-kawżi tal-kriżi sanitarja fost in-naħal,

L.   billi 76% tal-produzzjoni tal-ikel għall-konsum uman tiddependi fuq is-settur tal-apikultura,

M.   billi 84% tal-ispeċijiet veġetali kkultivati fl-Ewropa jiddependu fuq il-fertilizzazzjoni bil-polline,

N.   billi l-istruzzjonijiet u prattiki tajba applikabbli għall-użu tal-bijoċidi huma ħafna drabi injorati,

O.   billi sa issa ma jexistux metodi biex jinqered ċertu mard fin-naħal li jwassal għal tnaqqis fir-reżistenza tagħhom ta' resistenza u t-telfa tad-doqqajs,

1.  Iqis li huwa neċessarju li ssir xi ħaġa bla dewmien dwar il-kriżi fis-saħħa tan-naħal b'mod xieraq u b'mezzi effettivi;

2.  Iqis li għandha tittieħed azzjoni biex tingħeleb il-kompetizzjoni inġusta minn prodotti tal-apikultura li joriġinaw minn pajjiżi terzi, li parti minnha hija r-riżultat ta' spejjeż aktar baxxi ta' produzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet taz-zokkor u tax-xogħol;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid minnufih aktar riċerka dwar il-parassiti u l--mard, kif ukoll dwar kawżi potenzjali oħra bħall-erożjoni tad-diversità ġenetika u l-kultivazzjoni ta' uċuħ tar-raba' ġenetikament modifikati, li qed jeqirdu l-popolazzjoni tan-naħal, filwaqt li tagħmel disponibbli riżorsi baġitarji supplimentari ghal din ir-riċerka;

4.  Iqis bħala importanti li tkun obbligatorja l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tal-għasel tan-naħal fuq it-tabelli;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kontroll tas-saħħa tal-PAK, biex tintroduċi miżuri biex tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' zoni ta' rkupru ekoloġiku (bħal ma huma zoni mwarrba għall-apikultura), speċjalment f'reġjuni prinċipali fejn hemm uċuħ tar-raba' li jinħartu;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu kif xieraq is-saħħa tan-naħal, il-possibilitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti min-naħal u l-impatt ekonomiku fuq is-settur tal-apikultura fid-diskussjonijiet kollha u f'passi leġiżlattivi futuri dwar il-kultivazzjoni ta' uċuħ tar-raba' ġenetikament modifikati fl-Unjoni Ewropea;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-miżuri neċċessarji sabiex tillimita r-riskju ta' nuqqas ta' fertilizzazzjoni bil-polline kemm għal dawk li jrabbu n-naħal kif ukoll għall-bdiewa, li l-produzzjoni tagħhom tista' tiżdied b'mod konsiderevoli;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-kontroll u l-viġilanza tal-kwalità tal-ilmijiet tal-wiċċ, għaliex in-naħal huma sensittivi ħafna għal kwalunkwe deterjorament fl-ambjent tagħhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel riċerka dwar ir-rabta li teżisti bejn il-mortalità tan-naħal u l-użu tal-pestiċidi bħal ma huma t-thiamethoxam , l-imidacloprid , il-clothianidin u l-fipronil sabiex tieħu l-miżuri xierqa fejn ikun hemm bżonn, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta' prodotti bħal dawn;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam ma' din is-sitwazzjoni li hija disponibbli fil-preżent f'kull Stat Membru; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkopera ma' organizzazzjonijiet rikonoxxuti bil-ħsieb li jkun hemm skambju ta' informazzjoni xjentifika li huma għandhom li tikkonċerna l-impatt tal-pestiċidi fuq in-naħal;

11.  Iqis li huwa importanti li jiġi introdott rekwiżit li għasel importat ikun analizzat għall-preżenza possibbli tal-batterji American foulbrood ;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi mekkaniżmu ta' għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi ta' apikultura li huma f'diffikulta minħabba l-mortalità tan-naħal;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora r-riċerka u l-ġlieda kontra l-mard tan-naħal, fil-politika veterinarja tagħha

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jagħtu appoġġ immedjat lis-settur tal-apikultura;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Aġġornata l-aħħar: 31 t'Awissu 2009Avviż legali