Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2071(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0054/2009

Testi mressqa :

A6-0054/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 24
CRE 23/03/2009 - 24

Votazzjonijiet :

PV 24/03/2009 - 4.16
CRE 24/03/2009 - 4.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0161

Testi adottati
PDF 268kWORD 96k
It-Tlieta, 24 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea
P6_TA(2009)0161A6-0054/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea (2008/2071(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 26 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, adottat fl-1966, rigward id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra b'mod partikulari l-Artikolu 5(a) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1979,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2(1), 19(1), 24(3), 34 u 39 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-20 ta' Novembru 1989 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi Oħra Krudili, Diżumani jew Degradanti,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tal-1990 dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2(f), 5, 10(c), 12 u 16 tar-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1992,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna, adottati fil-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 1993,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, l-ewwel strument internazzjonali marbut mad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardja b'mod esklussiv il-vjolenza kontra n-nisa, adottata f'Diċembru 1993,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, adottati fil-Kajr fit-13 ta' Settembru 1994,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati mill-Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-nisa li saret f'Beijing: 'Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi'(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 1997 dwar il-ksur tad-drittijiet tan-nisa(2),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottat fit-12 ta' Marzu 1999 mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istatus tan-Nisa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel tat-12 ta' April 1999 dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' April 1999 dwar il-proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi adottat programm ta' azzjoni Komunitarja (il-programm DAPHNE) dwar il-miżuri maħsuba għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2000 dwar il-konklużjonijiet tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti "Nisa 2000: ugwaljanza bejn il-sessi, l-iżvilupp u l-paċi għas-seklu XXI" li saret bejn il-5 u d-9 ta' Ġunju 2000(5),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ACP-UE (il-Ftehim ta' Kotonou), iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000, u l-Protokoll Finanzjarju anness miegħu,

–   wara li kkunsidra l-proklamazzjoni konġunta tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali min-naħa tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni waqt il-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7 ta' Diċembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2000 biex l-FGM tiddaħħal fl-ambitu tal-Artikolu B5-802 tal-baġit 2001, maħsub biex jiffinanzja l-programm DAPHNE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1247 (2001) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili tat-22 ta' Mejju tal-2001,

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-FGM, adottat fit-3 ta' Mejju 2001 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2003/28 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' April 2003 li ħabbret is-6 ta' Frar bħala l-Jum Internazzjonali ta' "tolleranza żero" għall-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5, 6 u 19 tal-Protokoll tal-2003 tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, magħruf ukoll bħala l-"Protokoll ta' Maputo", li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-petizzjoni 298/2007, imressqa minn Cristiana Muscardini fis-27 ta' Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: 'Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal'(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-UE dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (prinċipji ġenerali) u l-Artikoli 12 u 13 tat-Trattat KE (non-diskriminazzjoni),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0054/2009),

A.   billi skont iċ-ċifri miġbura mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO), bejn 100 u 140 miljun mara u tfajla fid-dinja ġarrbu l-mutilazzjoni ġenitali u, skont ċifri tal-WHO u tal-Fond tal-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kull sena bejn 2 miljuni u 3 miljun mara jiġu esposti għar-riskju potenzjali li jġarrbu dawn il-prattiki li jirriżultaw f'diżabilità gravi,

B.   billi kull sena madwar 180,000 emigrata fl-Ewropa ġġarrab jew tkun f'periklu li ġġarrab mutilazzjoni ġenitali femminili,

C.   billi, skont il-WHO, l- FGM hija pprattikata b'mod mifrux f'mill-anqas 28 pajjiż Afrikan, xi pajjiżi Ażjatiċi u fil-Lvant Nofsani,

D.   billi l-vjolenza kontra n-nisa, inkuża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, ġejja minn strutturi soċjali bbażati fuq in-nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sessi u fuq bilanċ ta' poter żbilanċjat, id-dominazzjoni u l-kontroll, fejn il-pressjoni soċjali u familjari twassal għall-ksur ta' dritt fundamentali, jiġifieri r-rispett għall-integrità tal-persuna umana,

E.   billi l-mutilazzjoni sesswali imposta fuq il-bniet jistħoqqilha l-aktar kundanna enfatika u tikkostitwixxi vjolazzjoni ovvja tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali li tħares lit-tfal u lid-drittijiet tagħhom,

F.   billi d-WHO identifikat erba' tipi ta' mutilazzjonijiet ġenitali femminili, mill-klitoridektomija (it-tneħħija parzjali jew totali tal-klitoride) u l-qtugħ (it-tneħħija tal-klitoride u tal-labia minora) – it-tieni jirrappreżenta 85% tal-proċeduri tal-mutilazzjonijiet ġenitali femminili –sal-aktar forma estrema, l-infibulazzjoni (it-tneħħija għalkollox tal-klitoride u l-labia minora u l-parti ta' ġewwa tal-labia majora u t-teħjit tal-vulva, biex b'hekk jitħalla biss ftuħ vaġinali dejjaq), u l-introċiżjoni (it-titqib, it-tniffid jew l-inċiżjoni tal-klitoride jew tal-labia),

G.   billi kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, ta' liema grad tkun, hija att ta' vjolenza kontra n-nisa li jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom, l-aktar id-dritt għall-integrità personali u s-saħħa fiżika u mentali, u tas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom; billi tali vjolazzjonijiet ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jkunu ġġustifikati billi jiġi invokat ir-rispett ta' tradizzjonijiet kulturali ta' tipi diversi jew ċerimonji ta' inizjazzjoni,

H.   billi fl-Ewropa madwar 500 000 mara soffriet il-mutilazzjoni ġenitali u billi huwa partikolarment fost il-familji tal-immigrati u r-refuġjati li ċ-ċirkonċiżjoni bħal din hija drawwa u l-bniet saħansitra jintbagħtu lura f'arthom għal dan l-iskop,

I.   billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili tikkawża danni gravi ħafna u irreparabbli fit-terminu l-qasir u fit-terminu t-twil għas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet li jgħaddu minnha, u b'hekk tikkostitwixxi assalt serju fuq il-persuna u l-integrità tagħhom; u f'ċerti każijiet tista' saħansitra tkun fatali; billi l-użu ta' strumenti rudimentali u l-assenza ta' prekawzjonijiet antisettiċi għandhom effetti dannużi oħra, tant li r-rapport sesswali u l-ħlas jistgħu jkunu ta' wġigħ, l-organi ssirilhom ħsara irreparabbli u jista' jkun hemm il-kumplikazzjonijiet bħalma huma l-emorraġija, ix-xokk, l-infezzjoni, it-trażmissjoni tal-virus tal-AIDS, it-tetanu, tumuri beninni u kumplikazzjonijiet serji li jaffettwaw it-tqala u l-ħlas,

J.   billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li hija ksur tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet kif jinsabu f'diversi konvenzjonijiet internazzjonali, hija pprojbita mid-Dritt Kriminali tal-Istati Membri u tikser il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

K.   billi r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili li jippermettu li jitħarrku l-persuni li jkunu wettqu tali proċeduri fuq it-tfal,

L.   billi l-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa teżigi mill-Istati Membri li jieħdu kull miżura xierqa biex jemendaw jew jabolixxu l-liġijiet, id-drawwiet u l-prattiki eżistenti li jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li jieħdu l-miżuri kollha xierqa ħalli jimmodifikaw il-mudelli soċjali u kulturali ta' mġiba tal-irġiel u tan-nisa, bil-għan li jitneħħew il-preġudizzji u l-prattiki konswetudinarji u ta' kull xorta oħra bbażati fuq l-idea tal-inferjorità jew superjorità ta' wieħed mis-sessi jew fuq l-irwoli sterjotipati tar-raġel u tal-mara,

M.   billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, teżiġi li l-Istati Partijiet jirrispettaw u jiżguraw id-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni għal kull tifel u tifla fil-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr ebda diskriminazzjoni, irrispettivament mis-sess tat-tifel jew tifla, u li jadottaw il-miżuri kollha effettivi u xierqa biex jabolixxu l-prattiki tradizzjonali li huma ta' ħsara għal saħħet it-tfal,

N.   billi l-Karta Afrikana tad-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal tirrakkomanda li l-istati firmatarji jneħħu għal kollox il-prattiki soċjali u kulturali li jaffettwaw il-benesseri, id-dinjità, u t-trobbija u l-iżvilupp normali tat-tfal,

O.   billi l-paragrafu 18 tad-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna, adottat f'Ġunju 1993, jiddikjaraw li d-drittijiet umani tan-nisa u l-bniet huma parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli tad-drittijiet universali tal-bniedem,

P.   billi l-Artikolu 2 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tas-sena 1993 tirreferi b'mod espliċitu għall-mutilazzjoni ġenitali femminili u għal prattiki tradizzjonali oħrajn dannużi għan-nisa,

Q.   billi l-Artikolu 4 ta' din id-Dikjarazzjoni jistipula li l-istati għandhom jikkundannaw il-vjolenza kontra n-nisa u ma għandhomx jinvokaw drawwiet, tradizzjonijiet, jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi biex jevitaw l-obbligu li jeliminawha,

R.   billi l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, li saret il-Kajr fl-1994, jipprevedi li l-gvernijiet jabolixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili kulfejn għadha teżisti u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-NGOs u lill-istituzzjonijiet reliġjużi li qed jitqabdu biex jeliminaw prattiki bħal dawn,

S.   billi fil-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata fir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti f'Beijing il-gvernijiet issejjħu biex isaħħu l-liġijiet tagħhom, jirriformaw l-istituzzjonijiet tagħhom u jippromwovu standards u prattiki maħsuba biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, irrappreżentata, fost forom oħrajn, fil-mutilazzjoni ġenitali femminili,

T.   billi l-ftehim ta' sħubija ACP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou) hija msejsa fuq prinċipji universali bħal dawn u fiha dispożizzjonijiet li jaħdmu biex jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili (Artikolu 9, li jispeċifika l-elementi essenzjali tal-ftehim, u l-Artikoli 25 u 31 rispettivament dwar l-iżvilupp soċjali u l-kwistjonijiet ta' ġeneru),

U.   billi r-rapport adottat fit-3 ta' Mejju 2001 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jitlob li jkun hemm projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u jikkunsidra lil din il-prattika bħala ekwivalenti għat-trattament diżuman skont it-termini tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi r-rapport jgħid li l-ħarsien tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet ma għandux jitħalla jieħu preċedenza fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li l-prattiki li jammontaw għat-tortura jiġu pprojbiti legalment,

V.   billi, f'dak li jirrigwardja l-politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li l-mutilazzjoni ġenitali femminili hija vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi numru li qed jikber ta' talbiet għal ażil minn ġenituri huma ġġustifikati mit-theddida li jistgħu jkunu suġġetti għaliha fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom talli rrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex binthom issirilha l-mutilazzjoni ġenitali,

W.   billi sfortunatament, il-fatt li jingħata l-istatus ta' persuni li qed ifittxu ażil lill-ġenituri ma jiggarantix li t-tifla se teħles mir-riskju tal-mutilazzjoni ġenitali femminili li, f'xi każijiet, titwettaq wara li l-familja tkun stabbiliet ruħha fil-pajjiż tal-UE li jospitaha,

X.   billi d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Frar 2008 tal-Kummissarji Ewropej Ferrero-Waldner u Michel espliċitament ikkundannat il-mutilazzjoni ġenitali femminili, billi ddeskrivietha bħala inaċċettabbli kemm jekk imwettqa fl-Unjoni Ewropea u kemm jekk f'pajjiżi terzi, u qalet li l-ksur tad-drittijiet tan-nisa ma jista' qatt, fi kwalunkwe ċirkostanza, ikun ġustifikat billi jiġu invokati r-relativiżmu kulturali jew it-tradizzjonijiet,

Y.   billi ċ-ċentri u istituzzjonijiet nazzjonali għaż-żgħażagħ u l-familji jistgħu joffru għajnuna f'waqtha lill-familji biex tittieħed azzjoni ħalli tipprevjeni t-twettiq tal-mutilazzjoni ġenitali femminili,

1.  Jikkundanna bis-sħiħ il-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll bħala ksur brutali tal-integrità u l-personalità tan-nisa u l-bniet u għalhekk jikkunsidraha bħala delitt gravi f'għajnejn is-soċjetà;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jabbozzaw strateġija globali u pjanijiet t'azzjoni mmirati lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili mill-UE u, għal dan il-għan, jipprovdu l-mezzi meħtieġa – fil-forma ta' liġijiet u dispożizzjonijiet amministrattivi, sistemi ta' prevenzjoni, u miżuri ekukattivi u soċjali, u b'mod partikolari, tixrid wiesa' ta' tagħrif dwar il-mekkaniżmi ta' protezzjoni eżistenti disponibbli għall-gruppi vulnerabbli – ħalli l-vittmi reali u potenzjali jitħarsu b'mod xieraq;

3.  Jinsisti rigward il-ħtieġa li tiġi eżaminata skont il-każ partikolari kull talba għal ażil li ssir minn ġenituri minħabba li ġew mhedda fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom talli rrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom biex binthom issirilha mutilazzjoni ġenitali femminili u biex jiġi żgurat li talbiet bħal dawn ikunu appoġġjati minn ġabra sħiħa ta' provi li tieħu kont tal-kwalità tat-talba, tal-personalità u tal-kredibilità tal-persuna li tkun qed titlob ażil, u jekk il-mottivi għat-talba ikunux ġenwini;

4.  Jinsisti li n-nisa u l-bniet li jingħataw ażil fl-UE minħabba theddida ta' mutilazzjoni ġenitali femminili għandhom, bħala miżura preventiva, isirulhom kontrolli regolari minn awtoritajiet tas-saħħa u/jew tobba, biex jitħarsu minn kwalunkwe theddida ta' mutilazzjoni ġenitali femminili li titwettaq sussegwentement fl-UE; jikkunsidra li din il-miżura ma tkun diskriminatorja bl-ebda mod kontra dawn in-nisa u bniet, iżda tkun mod kif jiġi żgurat li l-mutilazzjoni ġenitali femminili tkun ipprojbita fl-UE;

5.  Jitlob li din l-istrateġija globali tkun akkumpanjata minn programmi ta' edukazzjoni kif ukoll mill-organizzazzjoni ta' kampanji nazzjonali u internazzjonali li jqanqlu kuxjenza;

6.  Jappoġġja l-manuvri tal-EUROPOL biex tiġi kkoordinata laqgħa bejn il-korpi tal-pulizija Ewropej biex jiġu intensifikati l-miżuri fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili, jiġu affrontati l-kwistjonijiet marbutin mar-rata baxxa ta' rapporti u d-diffikultà biex jinġabru l-evidenza u x-xhieda, u jittieħdu passi effettivi biex jitħarrku dawk li jiksru l-liġi; għal dan il-għan jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw miżuri addizzjonali possibbli għall-ħarsien tal-vittmi ladarba dawn jieħdu passi;

7.  Jinnota li l-miżuri biex jingħelbu prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, li huma msemmija fil-Protokoll ta' Maputo msemmi hawn fuq, jinkludu dan li ġej: il-ħolqien ta' kuxjenza pubblika permezz ta' informazzjoni, edukazzjoni u kampanji formali u informali, projbizzjoni ta' kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluża dik mwettqa minn staff mediku, permezz ta' liġijiet u sanzjonijiet, appoġġ għall-vittmi mis-servizzi tas-saħħa, appoġġ legali u ġudizzjarju, pariri psikoloġiċi u taħriġ u protezzjoni għan-nisa li qegħdin fir-riskju li jkunu soġġetti għal prattiki dannużi jew forom oħra ta' vjolenza, abbuż jew intolleranza;

8.  Jappella lill-Istati Membri biex jikkwantifikaw l-għadd ta' nisa li saritilhom l-mutilazzjoni ġenitali femminili jew dawk li qegħdin f'riskju f'pajjiżi individwali, billi jikkunsidraw l-fatt li għad ma hemmx ċifri disponibbli għal bosta pajjiżi, li bl-istess mod lanqas ma għandhom sistemi armonizzati ta' kif jiġbru d-data;

9.  Jitlob li jiġi introdott "protokoll Ewropew tas-saħħa" għall-finijiet ta' monitoraġġ u għat-twaqqif ta' bażi tad-data dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili, billi din tkun utli mill-perspettiva statistika jew għal kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn il-komunitajiet immigrati kkonċernati;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru d-data xjentifika li tista' tassisti lid-WHO fl-interventi tagħha ta' appoġġ biex l-Ewropa u l-kontinenti l-oħra kollha jeħilsu mill-mutilazzjoni ġenitali femminili;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fin-negozjati u l-ftehmiet tagħha ta' koperazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati, klawżola biex tiġi eradikata l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

12.  Jitlob li l-aħjar prattiki applikati fil-livelli differenti jinġabru u ssirilhom analiżi tal-impatt tagħhom (fejn xieraq permezz tal-proġetti ffinanzjati u r-riżultati miskuba permezz ta' DAPHNE III) u li l-informazzjoni marbuta magħhom tinxtered b'mod wiesa' bl-użu tal-esperjenza prattika u teoretika tal-esperti;

13.  Jirrimarka li ċ-ċentri u l-istituzzjonijiet nazzjonali għandhom rwol vitali fl-identifikazzjoni tal-vittmi u biex jieħdu miżuri ta' prekawzjoni kontra l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

14.  Jappella sabiex jissaħħu n-networks Ewropej li bħalissa huma mmirati għall-prevenzjoni tal-prattiki tradizzjonali li jagħmlu ħsara, ngħidu aħna billi jiġu organizzati korsijiet ta' taħriġ għall-NGOs, għall-organizzazzjonijiet reġjonali li ma għandhomx skop ta' profitt, għal min jopera fis-settur, u għall-promozzjoni tal-formazzjoni ta' networks ta' dan it-tip;

15.  Japprezza l-kontributi importanti ta' bosta organizzazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali mhux governattivi, istituzzjonijiet ta' riċerka, in-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili fl-Ewropa u ta' persuni impenjati li bis-saħħa tal-finanzjament mill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-programm DAPHNE, fost l-oħrajn, qed iwettqu diversi proġetti ħalli jqanqlu kuxjenza u jipprevjenu u jeliminaw l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jirrimarka li l-bini ta' networks bejn l-NGOs u l-organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali bbażati fuq il-komunitajiet huwa, mingħajr dubju, fundamentali għas-suċċess biex tiġi eradikata l-mutilazzjoni ġenitali femminili u għall-ġbir ta' informazzjoni u esperjenzi;

16.  Jirrimarka li l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE(8) livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, jispeċifika li l-aspetti tal-ġeneru jistgħu jitqiesu, imma li dawn waħidhom ma jwasslux għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10;

17.  Jitlob li kemm l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, permezz tal-pjanijiet ta' ħidma pluriennali u/jew annwali rispettivi tagħhom, ikollhom rwol minn ta' quddiem nett fil-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jemmen li dawn l-aġenziji jistgħu jwettqu azzjonijiet ta' prijorità ta' riċerka u/jew ta' tqanqil ta' kuxjenza u b'hekk jgħinu fit-titjib tal-għarfien tal-fenomenu tal-mutilazzjoni ġenitali femminili f'livell Ewropew;

18.  Jikkunsidra li huwa neċessarju li jiġu organizzati fora ta' djalogu, li jkun hemm ir-riforma ta' dispożizzjonijiet legali tradizzjonali, li jiġi indirizzat is-suġġett tal-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala parti mill-kurrikulu skolastiku u li ssir promozzjoni tal-koperazzjoni mal-persuni mhux ċirkonċiżi fil-pajjiżi kkonċernati;

19.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien, fl-interess tad-drittijiet tal-bniedem, tal-integrità tal-persuna, tal-libertà tal-kuxjenza u tad-dritt tas-saħħa, biex tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni eżistenti u, jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tirriżulta li mhijiex xierqa, jipproponu leġiżlazzjoni speċifika dwar din il-kwistjoni;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw il-liġijiet diġà eżistenti dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili, jew jilleġiżlaw pieni għall-ħsara kbira fuq il-persuna li tirriżulta minnha, jekk dawn il-prattiki twettqu fl-Unjoni Ewropea, u biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u fil-ġlieda kontriha billi jrawmu l-kuxjenza tajba fost il-professjonisti involuti (inklużi l-ħaddiema soċjali, l-għalliema, il-forzi tal-pulizija, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa), bil-għan li jkunu jistgħu jgħarfu każijiet ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, u jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jintlaħaq l-akbar grad possibbli ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet fis-seħħ fis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha obbligatorja għat-tobba tal-familja, it-tobba u t-timijiet kliniċi li jirrappurtaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili lill-awtoritajiet tas-saħħa u/jew lill-pulizija;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex jew jimplimentaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili jew iħarrku skont il-leġiżlazzjoni eżistenti lil kull persuna li twettaq mutilazzjoni ġenitali;

23.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex ifittxu, jikkundannaw u jikkastigaw it-twettiq ta' dawn il-prattiki, billi japplikaw strateġija integrata li tikkunsidra d-dimensjoni legiżlattiva, dik tas-saħħa u dik soċjali u l-integrazzjoni tal-popolazzjoni immigrata; jitlob, b'mod partikolari, li d-direttivi rilevanti dwar l-immigrazzjoni jittrattaw l-att tat-twettiq tal-mutilazzjoni ġenitali bħala reat, u jistipulaw pieni xierqa għal kull min jinstab ħati ta' tali reat, jekk dawn il-prattiki jkunu twettqu fl-Unjoni Ewropea;

24.  Jitlob li jinħolqu uffiċji għall-armonizzazzjoni teknika permanenti u għall-kuntatt ħalli jinġiebu flimkien l-Istati Membri u jinħoloq ness bejnhom u l-istituzzjonijiet Afrikani; jemmen li dawn l-uffiċji għandu jkollhom persunal magħmul minn speċjalisti fil-mutilazzjoni ġenitali femminili u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej u Afrikani ewlenin tan-nisa;

25.  Iħeġġeġ sabiex jiġi miċħud b'konvinzjoni t-titqib tal-klitoride u l-medikalizzazzjoni f'kull forma, li ġew proposti bħala t-triq tan-nofs bejn iċ-ċirkonċiżjoni tal-klitoride u r-rispett tat-tradizzjonijiet li jservu biex jiddefinixxu l-identità u li jwasslu biss biex il-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili tiġi ġġustifikata u aċċettata fit-territorju tal-UE; itenni l-kundanna assoluta u sħiħa tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, peress li ma hemm l-ebda raġuni - la soċjali, la ekonomika, la etnika, la marbuta mas-saħħa, u lanqas xort' oħra - li tista' tiġġustifikaha;

26.  Iħeġġeġ sabiex il-mutilazzjoni ġenitali femminili tiġi eliminata permezz ta' politiki maħsuba biex jiġu appoġġjati u integrati n-nisa u l-familji li jgħixu skont it-tradizzjonijiet li jħaddnuha, sabiex, mingħajr ma titnaqqar il-liġi jew jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtodeterminazzjoni sesswali, in-nisa jitħarsu minn kull forma ta' abbuż u vjolenza;

27.  Jafferma li r-raġunijiet mogħtija minn bosta komunitajiet favur iż-żamma ta' prattiki tradizzjonali li huma ta' ħsara għas-saħħa tan-nisa u l-bniet ma għandhom l-ebda ġustifikazzjoni;

28.  Jistieden lill-Istati Membri:

   - jikkunsidraw bħala reat kwalunkwe forma ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, irrispettivament minn jekk ingħata l-kunsens min-naħa tal-mara kkonċernata, kif ukoll biex jikkastigaw lil min jgħin, jinkoraġġixxi, jagħti parir jew jagħti appoġġ lil persuna biex twettaq wieħed minn dawn l-atti fuq il-ġisem ta' mara jew ta' tifla,
   - biex ifittxu, iħarrku u jikkastigaw kull resident li jkun wettaq ir-reat tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, anki jekk ir-reat ikun sar "il barra mill-fruntieri tagħhom (l-extraterritorjalità),
   - jadottaw miżuri leġiżlattivi li jippermettu lill-imħallfin jew lill-prosekuturi pubbliċi jieħdu miżuri prekawzjonali u preventivi jekk ikunu konxji minn każijiet ta' nisa jew bniet li jkunu fir-riskju li jiġu mutilati;

29.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġija preventiva ta' azzjoni soċjali mmirata għall-protezzjoni tal-minorenni mingħajr ma jistigmatizzaw il-komunitajiet tal-immigranti, permezz ta' programmi pubbliċi u servizzi soċjali maħsuba kemm biex jipprevjenu dawn il-prattiki (taħriġ, edukazzjoni, tqanqil ta' kuxjenza fost il-komunitajiet li qegħdin f'riskju) u l-assistenza għall-vittmi li jkunu ġew soġġetti għalihom (appoġġ psikoloġiku u mediku li jkun jinkludi, jekk possibbli, trattament mediku bla ħlas biex tissewwa l-ħsara); jitlob ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw, skont it-termini tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tat-tfal, li t-theddida jew ir-riskju li xi ħadd jiġi suġġett għall-mutilazzjoni ġenitali femminili jista' jiġġustifika l-intervent tal-awtoritajiet;

30.  Jitlob lill-Istati Membri jabbozzaw linji gwida għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, l-għalliema u l-ħaddiema soċjali bil-għan li jinfurmaw u jedukaw lill-ġenituri, b'rispett u bl-assistenza tal-interpreti, jekk ikun meħtieġ, dwar il-periklu enormi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-fatt li prattiki bħal dawn jitqiesu reat fl-Istati Membri, u wkoll li jikkoperaw u jiffinanzjaw l-attivitajiet tan-networks u l-NGOs li jaħdmu biex jedukaw, iqanqlu kuxjenza u jimmedjaw fl-isfera tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, b'kuntatt mill-qrib mal-familji u mal-komunitajiet;

31.  Jitlob lill-Istati Membri jxerrdu informazzjoni preċiża li tista' tinftiehem minn popolazzjoni illitterata,b'mod partikolari fil-konsolati tal-Istati Membri meta jinħarġu l-viżi; huwa tal-fehma li l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-projbizzjoni legali għandhom jiġu kkomunikati mis-servizzi tal-immigrazzjoni meta n-nies jaslu fil-pajjiż ospitanti, sabiex il-familji jifhmu li l-projbizzjoni fuq att tradizzjonali bl-edba mod m'għandha titqies bħala aggressjoni kulturali, iżda bħala protezzjoni legali għan-nisa u l-bniet; jikkunsidra li l-familji għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi skont il-liġi kriminali, li jistgħu jwasslu għall-priġunerija, jekk kemm-il darba tiġi aċċertata l-mutilazzjoni;

32.  Jitlob li jkun hemm titjib fl-istatus legali tan-nisa u l-bniet f'pajjiżi fejn hija prattikata l-mutilazzjoni ġenitali femminili, sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nisa fihom infushom u l-inizjattiva u r-responsabilità indipendenti tagħhom;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
(2) ĠU C 115, 14.4.1997, p. 172.
(3) ĠU C 219, 30.7.1999, p. 497.
(4) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
(5) ĠU C 67, 1.3.2001, p. 289.
(6) ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 126.
(7) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p.24.
(8) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza