Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2248(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0082/2009

Testi mressqa :

A6-0082/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2009 - 4.6
CRE 26/03/2009 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0192

Testi adottati
PDF 277kWORD 115k
Il-Ħamis, 26 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
L-impatt tal-urbanizzazzjoni estensiva fi Spanja fuq id-drittijiet individwali taċ-ċittadini Ewropej, fuq l-ambjent u fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
P6_TA(2009)0192A6-0082/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-impatt tal-urbanizzazzjoni estensiva fi Spanja fuq id-drittijiet individwali taċ-ċittadini Ewropej, fuq l-ambjent u fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, fuq il-bażi tal-petizzjonijiet li rċieva (2008/2248(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-petizzjonijiet irċevuti fir-rigward tas-suġġett ta' din ir-Riżoluzzjoni, l-aktar il-Petizzjoni 0609/03,

–   wara li kkunsidra d-dritt ta" petizzjoni stabbilit fl-Artikolu 194 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0082/2009),

A.   billi l-proċess tal-petizzjonijiet jipprovdi liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej b'mezz li bih jiksbu rimedju barra l-qrati għall-ilmenti tagħhom dwar kwistjonijiet li jinqalgħu mill-oqsma tal-attività tal-Unjoni Ewropea,

B.   billi l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li "l-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri",

C.   billi fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-UE l-Unjoni timpenja ruħha li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (l-ECHR),

D.   billi kull ċittadin jew resident ta' stat firmatarju tal-ECHR li jikkunsidra li d-drittijiet tal-bniedem tiegħu ġew miksura għandu jirrikorri għand il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, waqt li jikkunsidra li qabel ma jiftaħ xi proċedimenti quddiem dik il-Qorti, hu jrid jeżawrixxi kull rimedju domestiku, kif stipulat fl-Artikolu 35 tal-ECHR,

E.   billi l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE jipprevedi l-proċedimenti li bihom l-Unjoni tista" tirreaġixxi għall-ksur tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6(1) u tfittex soluzzjonijiet,

F.   billi l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE jagħti wkoll lill-Parlament il-jedd li jippreżenta proposta motivata lill-Kunsill biex jiddetermina jekk ikunx hemm riskju ċar ta" ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni,

G.   billi l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxi r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, taċ-ċittadini, inkluża d-dar privata tagħhom, u billi l-Artikolu 8 tal-ECHR jagħti l-istess drittijiet u jiċċara li "m'għandux ikun hemm indħil minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizju ta" dan id-dritt għajr b'konformità mal-liġi, u fejn meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew il-benesseri ekonomiku tal-pajjiż, għaż-żamma tal-ordni u l-prevenzjoni tal-kriminalità, għall-ħarsien tas-saħħa u l-morali, jew għall-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet ta" ħaddieħor"; billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-Karta fl-attivitajiet kollha tagħhom,

H.   billi d-dritt għall-proprjetà privata huwa rikonoxxut bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistipula li "kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt", u li "l-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet", u li "l-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku",

I.   billi l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KE jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li jkun liberament residenti fit-territorju tal-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Trattat u l-miżuri meħuda biex dan jitwettaq",

J.   billi skont l-Artikolu 295, it-Trattat KE "m'għandu bl-ebda mod jippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema ta" pussess ta" proprjetà"; billi, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik id-dispożizzjoni sempliċement tirrikonoxxi s-setgħa tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-regoli dwar is-sistema ta' sjieda tal-proprjetà; u billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-kompetenza tal-Istati Membri f'dan ir-rigward għandha dejjem tiġi applikata flimkien mal-prinċipji tal-liġi Komunitarja, bħall-moviment liberu tal-oġġetti, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital (ara s-Sentenza tat-22 ta" Ġunju 1976 fil-Każ C-119/75 Terrapin v Terranova [1976] ECR 1039),

K.   billi, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li, waqt li d-dritt għall-proprjetà jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, dan mhuwiex dritt assolut u jrid jitqies f'relazzjoni mal-funzjonijiet soċjali tiegħu u billi, konsegwentement, l-eżerċitar tiegħu jista' jitrażżan, sakemm dan it-trażżin fil-fatt jikkorrispondi għall-objettivi ta' interess ġenerali segwiti mill-Komunità u ma jikkostitwixxix indħil sproporzjonat u intollerabbli, li jxekkel is-sustanza nnifisha tad-drittijiet garantiti (ara s-sentenza tal-10 ta' Diċembru 2002 fil-Kawża C-491/01 British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco [2002] ECR I-11453),

L.   billi, minkejja din il-każistika, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, il-Komunità m'għandhiex ġurisdizzjoni fl-evalwazzjoni tal-kumpatibilità ta' dawk id-dispożizzjonijiet mad-drittijiet fundamentali li r-rispett tagħhom hu żgurat mill-Qorti (ara, pereżempju, l-ordni tas-6 ta" Ottubru 2005 fil-Kawża C-328/04 Vajnai [2005] ECR-8577, para. 12 u 13),

M.   billi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-ECHR jiddikjara li "kull persuna naturali jew ġuridika hija intitolata għat-tgawdija paċifika tal-beni tagħha", li "ħadd m'għandu jiġi mċaħħad mill-beni tiegħu għajr għall-interess pubbliku u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali"; billi t-tieni paragrafu ta" dak l-artikolu jgħid li "d-dispożizzjonijiet ta' qabel m'għandhom bl-ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jinforza dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu tal-beni skont l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet jew pieni oħra"; u billi, fil-mument tar-ratifika ta" dan il-Protokoll, Spanja esprimiet riserva fir-rigward tal-Artikolu 1 fid-dawl tal-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li jistipula li: 1. "Jintgħaraf id-dritt għall-proprjetà privata u għall-wirt. 2. Il-funzjoni soċjali ta" dawn id-drittijiet għandha tiddetermina l-limiti tal-kontenut tagħhom b'konformità mal-liġi. 3. Ħadd ma" jista" jiċċaħħad mill-beni jew mid-drittijiet tiegħu, ħlief għal raġunijiet ġustifikati ta" ħtieġa pubblika jew ta" interess soċjali u b'kumpens xieraq b'konformità mal-liġi",

N.   billi l-Parlament jikkunsidra li ċ-ċessjoni obbligata ta" proprjetà privata akkwistata b'mod leġittimu, mingħajr proċess kif suppost u kumpens xieraq u l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż arbitrarji ta" żvilupp infrastrutturali mhux mitlub u spiss bla siwi, tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tal-individwu skont l-ECHR u fid-dawl tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, pereżempju, Aka v. Turkey(1)),

O.   billi fl-2008 l-awtoritajiet Spanjoli ħarġu istruzzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Liġi tal-Kosta tal-1988, li kienet ġiet injorata għal bosta snin li waqthom saret ħsara ambjentali estensiva lill-inħawi tal-kosta fi Spanja; u billi lanqas l-istruzzjonijiet attwali ma jipprovdu miżuri implimentattivi ċari biex jiġu segwiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti, u billi ħafna petizzjonijiet ġodda li waslu jixhdu l-kontenut retroattiv tal-istruzzjoni u l-qerda u t-tiġrif arbitrarji ta' proprjetà ta' individwi akkwistata leġittimament, id-drittijiet tagħhom għal proprjetà ta' dan it-tip u l-kapaċità tagħhom li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom permezz ta' wirt,

P.   billi, minħabba d-direzzjoni reali tal-linja ta' demarkazzjoni, dawk milquta huma konvinti li din ġiet definita b'mod arbitrarju b'detriment għas-sidien barranin, pereżempju fuq il-gżira ta' Formentera,

Q.   billi l-Liġi tal-Kosta għandha impatt sproporzjonat fuq is-sidien individwali tal-proprjetà li d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ, u fl-istess ħin m'għandhiex biżżejjed impatt fuq dawk li realment qerdu l-kosta, li f'ħafna każi kienu responsabbli għal żvilupp urbanistiku eċċessiv tul il-kosta, żvilupp li jinkludi ċentri għall-vaganzi, u li żgur li kienu jafu li kienu qed jaġixxu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija,

R.   billi matul il-mandat attwali tal-Parlament il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'risposta għall-għadd kbir ħafna ta" petizzjonijiet li waslulu, wettaq investigazzjonijiet dettaljati u rrapporta tliet darbiet dwar il-kobor tal-abbuż tad-drittijiet leġittimi taċ-ċittadini tal-UE għall-proprjetà akkwistata minnhom legalment fi Spanja, u esprima bid-dettalji t-tħassib tiegħu dwar id-dgħajfien tal-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali, il-kwalità u l-provvista tal-ilma, il-proċeduri tal-akkwist pubbliku marbutin mal-kuntratti għall-urbanizzazzjoni u n-nuqqasijiet fil-kontroll tal-proċeduri tal-urbanizzazzjoni minn bosta awtoritajiet lokali u reġjonali fi Spanja(2), kwistjonijiet li fil-mument huma s-suġġett ta' proċeduri legali kemm fi Spanja kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja,

S.   billi hemm ħafna eżempji ta" każijiet fejn l-awtoritajiet fil-livelli kollha tagħhom, minn dawk ċentrali għal dawk awtonomi u lokali, kienu responsabbli biex jibda jitħaddem mudell għall-iżvilupp mhux sostenibbli li kellu konsegwenzi ambjentali serji ħafna, kif ukoll konsegwenzi ekonomiċi u soċjali,

T.   billi l-Parlament irċieva ħafna petizzjonijiet minn individwi privati u minn diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-UE, b'ilmenti dwar aspetti differenti tal-urbanizzazzjoni, u billi nnota li ħafna mill-kwistjonijiet li jitqajmu fil-petizzjonijiet imressqa b'rabta mal-espansjoni urbanistika ma jikkostitwixxux ksur tal-liġi Komunitarja, kif jidher mill-komunikazzjonijiet lill-Istati Membri, u għandhom jiġu solvuti billi jiġu użati r-rimedji legali kollha disponibbli fl-Istati Membri kkonċernati,

U.   billi hemm evidenza dejjem tiżdied li l-awtoritajiet ġudizzjarji fi Spanja bdew jirreaġixxu għall-isfida ppreżentata mill-urbanizzazzjoni eċċessiva f'ħafna żoni tal-kosta, partikolarment billi jinvestigaw u jixlu ċerti uffiċjali lokali korrotti li bl-aġir tagħhom ippermettew żvilupp urban bla preċedenti u mhux regolat, bi ħsara għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, u b'hekk għamlu ħsara irreparabbli fil-bijodiversità u l-integrità ambjentali ta" bosta reġjuni Spanjoli; billi l-Parlament osserva, madankollu, li, b'risposta għal dawn l-akkużi, il-proċeduri qed jieħdu żmien esaġerat u li s-sentenzi mogħtija f'ħafna minn dawn il-każijiet mhumiex infurzabbli b'mod li jipprovdu rimedju sodisfaċenti għall-vittmi ta" dawn l-abbużi, u billi dan saħħaħ l-impressjoni li għandhom ħafna ċittadini tal-UE affettwati li mhumiex Spanjoli, fir-rigward tan-nuqqas ta" azzjoni u/jew il-parzjalità tal-ġustizzja Spanjola; billi ta" min isemmi li, madankollu, hemm ukoll mod biex isir appell lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ladarba jkunu ġew eżawriti r-rimedji nazzjonali,

V.   billi din l-attività mifruxa, appoġġjata minn awtoritajiet lokali u reġjonali irresponsabbli permezz ta" liġijiet mhux adegwati u kultant mhux ġustifikati li ħafna drabi jaħdmu kontra l-għanijiet ta" diversi atti leġiżlattivi Ewropej, għamlet ħsara kbira lill-immaġni ta" Spanja u l-interessi usa' tagħha fl-ekonomija u l-politika fl-Ewropa, kif għamlet ukoll l-applikazzjoni laxka tal-liġijiet dwar l-ippjanar urbanistiku u l-ambjent fis-seħħ fil-komunitajiet awtonomi Spanjoli għal ċerti operazzjonijiet ta' żvilupp urbanistiku, kif ukoll il-kxif ta' każijiet serji ta' korruzzjoni li rriżultaw minn dawn l-abbużi,

W.   billi l-ombudsmen reġjonali spiss ħadu azzjoni, f'ċirkustanzi diffiċli ħafna, biex jiddefendu l-interessi taċ-ċittadini tal-UE f'każijiet marbuta mal-abbużi urbanistiċi, għalkemm f'xi komunitajiet awtonomi, il-gvernijiet reġjonali ġieli rnexxielhom jinjoraw l-isforzi tagħhom,

X.   billi l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni Spanjola jirreferi għad-drittijiet tal-individwi għall-proprjetà tagħhom, u billi kien hemm interpretazzjonijiet differenti ta' dan l-Artikolu, partikolarment fir-rigward taċ-ċessjoni ta" proprjetà għal użu soċjali għall-kuntrarju tad-drittijiet tal-individwi għad-djar u l-abitazzjonijiet akkwistati minnhom legalment; billi għad ma kien hemm l-ebda sentenza dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar l-art fir-reġjun ta" Valencia,

Y.   billi l-Artikolu 47 tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprevedi li l-Ispanjoli kollha għandhom id-dritt li jibbenefikaw minn akkomodazzjoni diċenti u xierqa, u jqabbad lill-awtoritajiet pubbliċi biex jippromowovu l-kundizzjonijiet rikjesti u jistabbilixxu r-regoli relevanti biex dak id-dritt isir effettiv, u biex jirregolaw l-użu tal-art fl-interess ġenerali biex tiġi evitata l-ispekulazzjoni,

Z.   billi l-gvern nazzjonali Spanjol għandu l-obbligu li japplika t-Trattat tal-KE u li jiddefendi u jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-liġi Ewropea fit-territorju tiegħu, tkun xi tkun l-organizzazzjoni interna tal-awtoritajiet politiċi kif stabbilita mill-Kostituzzjoni tar-Renju ta" Spanja,

AA.   billi l-Kummissjoni, bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE, bdiet proċeduri kontra Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f'kawża dwar l-abbużi ta" urbanizzazzjoni eċċessiva li kien hemm fi Spanja li jikkonċernaw direttament l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet ta" Valencia tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku(3),

AB.   billi l-Kummissjoni, fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, nediet investigazzjoni dwar aktar minn 250 proġett urbanistiku li dwarhom kien hemm opinjoni negattiva mill-awtoritajiet tal-ilma u tal-baċiri tax-xmajjar kompetenti, u li għaldaqstant jistgħu jkunu bi ksur tad-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma(4), l-aktar fl-Andalusija, fil-Castilla-la-Mancha, fil-Murcia u fir-reġjun ta" Valencia,

AC.   billi bosta minn dawn il-proġetti ta" urbanizzazzjoni huma iżolati miż-żoni urbani kkonsolidati u jeħtieġu nfiq sostanzjali fir-rigward tas-servizzi bażiċi bħad-dawl, il-provvista tal-ilma, u l-infrastruttura tat-toroq; billi l-investiment f'dawn il-proġetti spiss jinvolvi element ta" fondi tal-UE,

AD.   billi f'ħafna każi dokumentati ta" problemi ta" urbanizzazzjoni fi Spanja, il-Kummissjoni naqset milli taġixxi b'qawwa biżżejjed, mhux biss fir-rigward tal-infurzar tal-prinċipju kawtelatorju li fuqhu hi bbażata l-liġi ambjentali iżda anke tal-interpretazzjoni laxka tal-atti ta" awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti li jorbtu legalment, bħall-"approvazzjoni proviżorja" ta" pjan integrat ta" żvilupp urbanistiku minn awtorità lokali,

AE.   billi l-għan tad-Direttiva dwar l-Istudju Strateġiku tal-Impatt Ambjentali(5), li l-Artikolu 3 tagħha jkopri espliċitament it-turiżmu u l-urbanizzazzjoni, huwa li tipprovdi livell għoli ta" ħarsien tal-ambjent u li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tħejjija u l-adozzjoni ta" pjanijiet u programmi bl-iskop li jiġi promoss żvilupp sostenibbli; u billi d-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma teħtieġ li l-Istati Membri ma jħallux li l-ilmijiet tagħhom jiddeterjoraw u li jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma ħelu tagħhom,

AF.   billi ż-żjarat ta" tiftix tal-fatti li saru mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet urew li jidher li dawn l-għanijiet spiss jiġu interpretati ħażin minn xi awtoritajiet lokali u reġjonali (mhux biss fiż-żoni tal-kosta) meta jipproponu jew japprovaw programmi urbanistiċi estensivi; billi l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet urbanistiċi kkontestati mill-petizzjonanti jinvolvu l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-art rurali allokata għall-urbanizzazzjoni – għall-benefiċċju ekonomiku konsiderevoli tal-aġenti u l-iżviluppaturi urbanistiċi; u billi hemm ukoll diversi każijiet fejn artijiet protetti, jew artijiet li kellhom ikunu protetti minħabba l-bijodiversità sensittiva tagħhom tneħħew mil-lista u ġew klassifikati mill-ġdid, jew ma ġew ikklassifikati qatt, bl-iskop preċiż li tkun permessa l-urbanizzazzjoni taż-żona kkonċernata,

AG.   billi dawn il-kunsiderazzjonijiet ikomplu jkabbru l-abbuż li jinħass minn eluf ta" ċittadini tal-UE li bħala riżultat tal-pjanijiet tal-aġenti urbanistiċi, mhux talli tilfu l-proprjetà li akkwistaw leġittimament, iżda kienu wkoll imġiegħla jħallsu l-ispejjeż arbitrarji ta" proġetti infrastrutturali mhux mixtieqa, spiss mhux meħtieġa, jew mhux xierqa, bir-riżultat aħħari li ħafna familji għaddew minn katastrofi ekonomika u emozzjonali,

AH.   billi bosta eluf ta" ċittadini Ewropej akkwistaw, bona fide f'ċirkostanzi differenti, proprjetà fi Spanja bl-assistenza ta" avukati lokali, pjanifikaturi ta" bliet u arkitetti, biex wara skoprew li kienu sfaw vittmi ta" abbuż urbanistiku minn awtoritajiet lokali bla skruplu, bir-riżultat li ġew iffaċċjati bit-twaqqigħ tal-proprjetà tagħhom minħabba li nstab li kienet inbniet illegalment u kienet għalhekk bla valur u ma setgħetx tinbiegħ,

AI.   billi l-aġenti tal-proprjetà fi Stati Membri bħar-Renju Unit, u fornituri ta' servizzi oħra relatati mas-suq tal-proprjetà fi Spanja jkomplu jirriklamaw proprjetà f'urbanizzazzjonijiet ġodda anke meta bilfors huma konxji li hemm possibilità ċara li l-proġett ikkonċernat mhux se jitlesta jew jinbena,

AJ.   billi ż-żoni tal-gżejjer naturali u ż-żoni tal-kosta Mediterranja ta" Spanja sofrew ħsarat kbar ħafna fl-aħħar għaxar snin li fihom dawn ir-reġjuni mtlew għal kollox bl-istrutturi tal-konkrit b'mod li m'affettwax biss l-ambjent fraġli tax-xtut – li l-parti l-kbira tiegħu huwa protett bid-Direttiva tal-Habitats /Natura 2000(6) u d-Direttiva tal-Għasafar(7), bħall-urbanizzazzjonijiet ta" Cabo de Gata (Almería) u f'Murcia – iżda wkoll l-attività soċjali u kulturali ta" ħafna żoni, u dan fisser it-telfien traġiku u irrekuperabbli tal-identità kulturali u tal-wirt storiku u anke tal-integrità ambjentali tagħhom, u dan kollu primarjament minħabba n-nuqqas ta" ppjanar "il fuq mill-awtoritajiet lokali u n-nuqqas ta" linji gwida għall-ippjanar reġjonali li jiffissaw limiti raġonevoli għat-tkabbir urban u tal-iżvilupp stabbiliti fuq kriterji espliċiti ta" sostenibilità ambjentali, u minħabba r-regħba u l-imġiba spekulattiva ta" ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll ta" dawk midħla tal-industrija tal-bini li rnexxielhom jiksbu profitti kbar - li l-biċċa l-kbira minnhom ġew esportati(8) -mill-attivitajiet tagħhom f'dan ir-rigward,

AK.   billi dan il-mudell ta' tkabbir għandu wkoll konsegwenzi negattivi għas-settur turistiku, peress li għandu impatt qerriedi fuq it-turiżmu ta' kwalità peress li jeqred il-valuri lokali u jħeġġeġ l-espansjoni urbana eċċessiva,

AL.   billi dan huwa mudell li jaħtaf u jisraq l-oġġetti kulturali u jgħarraq il-valuri u l-karatteristiċi distinti tal-identità li huma fundamentali għad-diversità kulturali Spanjola, filwaqt li jeqred siti arkeoloġiċi, bini u postijiet ta' interess kulturali, kif ukoll l-ambjent u l-pajsaġġ naturali ta" madwarhom,

AM.   billi l-industrija tal-bini, wara li għamlet profitti kunsiderevoli tul is-snin ta" espansjoni ekonomika mgħaġġla, illum sfat il-vittma ewlenija tal-kollass attwali tas-swieq finanzjarji, kollass ipprovokat parzjalment minn inizjattivi spekulattivi fis-settur tad-djar, u billi dan ma jolqotx biss il-kumpaniji nfushom, li issa qed jiffaċċjaw il-falliment, iżda wkoll lil għexieren ta" eluf ta" ħaddiema fl-industrija tal-bini li qed iħabbtu wiċċhom mal-qgħad kaġun tal-politiki urbanistiċi mhux sostenibbli li ġew imħaddna u li issa anki huma sfaw vittmi tagħhom,

1.  Jistieden lill-Gvern ta" Spanja u lir-reġjuni kkonċernati biex iwettqu evalwazzjoni fil-fond u jirrevedu l-leġiżlazzjoni kollha li tolqot id-drittijiet tas-sidien tal -proprjetà minħabba l-urbanizzazzjoni bla limiti, sabiex itemmu darba għal dejjem l-abbuż tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fit-Trattat tal-KE, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-ECHR u fid-Direttivi relevanti tal-UE, kif ukoll f'konvenzjonijiet oħra li tagħhom l-UE hija firmatarja;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli biex ineħħu kull forma legali li tinkuraġġixxi l-ispekulazzjoni, bħall-aġenti tal-urbanizzazzjoni;

3.  Jikkunsidra li l-awtoritajiet reġjonali kompetenti għandhom jissospendu u jirrevedu l-pjanijiet urbanistiċi ġodda kollha li ma jikkonformawx mal-kriterji stretti tas-sostenibbiltà ambjentali u tar-responsabbiltà soċjali u li ma jiggarantixxux ir-rispett tas-sjieda leġittima tal-proprjetà akkwistata, u għandhom iwaqqfu jew jikkanċellaw l-iżviluppi kollha eżistenti, speċjalment fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti ta" urbanizzazzjoni u l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ilma u l-ambjent, kull fejn il-kriterji stabbiliti mil-liġijiet tal-UE ma jkunux ġew segwiti jew applikati;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli biex jiżguraw li l-ebda att amministrattiv li jobbliga lil ċittadin iċedi proprjetà privata miksuba b'mod leġittimu ma jsib il-bażi legali tiegħu f'liġi li tkun ġiet adottata wara d-data tal-kostruzzjoni tal-proprjetà kkonċernata, peress li dan ikun bi ksur tal-prinċipju tan-non-retroattività ta" atti amministrattivi li huwa prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Jannar 1985 dwar il-Każ 234/83 Gesamthochschule Duisburg [1985] ECR 327) u jdgħajjef il-garanziji li jagħtu liċ-ċittadini ċ-ċertezza legali, il-kunfidenza u l-aspettattivi leġittimi ta" protezzjoni skont il-liġi tal-UE;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli biex jiżviluppaw kultura ta" trasparenza maħsuba biex tgħarraf liċ-ċittadini dwar l-immaniġġjar tal-ħamrija u t-trawwim effikaċi ta" mekkaniżmi ta" informazzjoni u parteċipazzjoni pubblika;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Spanjol biex jorganizza dibattitu pubbliku, bil-parteċipazzjoni tal-entitajiet amministrattivi kollha, li jkun jinvolvi studju rigoruż permezz tat-twaqqif ta' kumitat ta' ħidma dwar l-iżvilupp urban fi Spanja u li jagħmilha possibbli li jittieħdu miżuri leġiżlattivi kontra l-ispekulazzjoni u l-iżvilupp mhux sostenibbli;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti biex jistabbilixxu mekkaniżmi ġudizzjarji u amministrattivi li jiffunzjonaw, bl-involviment tal-ombudsmen reġjonali, li għandhom jingħataw is-setgħa li jipprovdu mezzi li jħaffu r-rimedju u kumpens lill-vittmi ta" abbużi urbanistiċi li jkunu batew b'riżultat tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet fis-seħħ;

8.  Jitlob lill-entitajiet finanzjarji u kummerċjali kompetenti li għandhom x'jaqsmu mal-industrija tal-bini u tal-urbanizzazzjoni biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet politiċi biex ifittxu soluzzjonijiet fir-rigward tal-problemi kkaġunati mill-urbanizzazzjoni fuq skala kbira, li laqtet għadd kbir ta" ċittadini tal-UE li għażlu li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta" stabbiliment skont l-Artikolu 44 fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż tal-oriġini tagħhom;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiggarantixxu arranġament ġust għall-bosta każi pendenti ta' ċittadini tal-UE milquta min-nuqqas ta' tlestija tad-dar tagħhom minħabba ppjanar u koordinazzjoni ħżiena bejn l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tal-kostruzzjoni;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk il-partijiet milquta ma jirnexxilhomx jieħdu sodisfazzjon fil-qrati Spanjoli, huma jkollhom jappellaw lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ladarba l-ksur allegat tad-dritt għall-proprjetà ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jipprovdu pariri u appoġġ, jekk jintalbu jagħmlu dan, mill-awtoritajiet Spanjoli, biex jipprovdulhom, f'perjodu qasir iżda raġonevoli, il-mezzi li bihom jegħlbu b'mod effikaċi l-impatt diżastruż tal-urbanizzazzjoni bla limiti fuq ħajjet iċ-ċittadini;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istess waqt tiżgura li jkun hemm osservanza stretta tal-liġijiet Komunitarji u l-għanijiet stipulati fid-Direttivi koperti minn din ir-riżoluzzjoni, sabiex il-konformità magħhom tkun tista" tiġi żgurata;

13.  Jesprimi t-tħassib u d-diżappunt serju tiegħu li l-awtoritajiet legali u ġuridiċi fi Spanja ltaqgħu ma' diffikultajiet biex jittrattaw l-impatt tal-urbanizzazzjoni bla limiti fuq ħajjet in-nies, kif jixhdu l-eluf ta" rappreżentazzjonijiet li rċevew il-Parlament u l-Kumitat responsabbli tiegħu dwar il-kwistjoni;

14.  Jikkunsidra li huwa allarmanti li jidher li hemm nuqqas ta" fiduċja mifrux fost il-petizzjonanti fis-sistema ġudizzjarja Spanjola bħala mezz effikaċi biex jiksbu kumpens u ġustizzja;

15.  Jesprimi tħassib rigward in-nuqqas ta" traspożizzjoni korretta tad-Direttivi dwar il-ħasil tal-flus(9), li fil-mument huwa s-suġġett ta" proċedimenti ta" ksur tat-Trattat, li llimita t-trasparenza u s-segwitu legali taċ-ċirkolazzjoni illeċita ta' kapital finanzjarju, inklużi l-investimenti, f'ċerti proġetti kbar ta' urbanizzazzjoni;

16.  Huwa tal-fehma li persuni li xtraw proprjetà bona fide fi Spanja, u li mbagħad skoprew li t-tranżazzjoni tagħhom ġiet iddikjarata illegali, għandu jkollhom dritt li jieħdu kumpens xieraq permezz tal-qrati Spanjoli;

17.  Jikkunsidra li jekk individwi privati, li jkunu xtraw xi proprjetà fi Spanja meta kienu jafu li t-tranżazzjoni kkonċernata x'aktarx kienet illegali, jistgħu jiġu obbligati jħallsu l-ispejjeż tar-riskju li jkunu ħadu, u dan għandu a fortiori japplika b'analoġija għall-professjonisti li jaħdmu f'dal-qasam; jikkunsidra għalhekk li l-iżviluppaturi li daħlu f'xi kuntratti, meta suppost kienu konxji tal-illegalità tagħhom, m'għandhomx ikunu intitolati għall-kumpens għal proġetti mitluqa minħabba nuqqas ta' konformità mal-liġi nazzjonali u Ewropea, u m'għandhomx ikollhom jedd awtomatiku ta' rkupru ta" pagamenti li diġà ħallsu lil muniċipalitajiet jekk dawn ikunu saru meta huma kienu konxji mill-illegalità probabbli tal-kuntratt li kienu daħlu għalih;

18.  Jemmen, madankollu, li n-nuqqas ta" ċarezza, preċiżjoni u ċertezza dwar id-drittijiet tal-individwi għall-proprjetà fil-liġijiet fis-seħħ, u n-nuqqas ta" applikazzjoni xierqa u konsistenti tal-liġi ambjentali, huma l-għerq ta" ħafna problemi marbuta mal-urbanizzazzjoni u li dawn, magħduda ma" ċerta laxkezza fil-proċess ġuridiku, mhux biss ikkumplikaw il-problema iżda ħolqu wkoll forma endemika ta" korruzzjoni li l-vittma ewlenija tagħha huwa għal darb'oħra ċ-ċittadin tal-UE, u li kkawżat ukoll telf sostanzjali lill-Istat Spanjol;

19.  Jappoġġja l-konklużjonijiet li ntlaħqu mill-Ombudswoman tal-Komunità ta" Valencia (Síndica de Greuges) – li hija istituzzjoni magħrufa għad-difiża tagħha tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini – konklużjonijiet li jiddikjaraw li setgħu ntlaqtu d-drittijiet tas-sidien, kemm minħabba sottovalutazzjoni mill-iżviluppatur jew minħabba li dawn is-sidien ġieli kellhom iġarrbu tariffi eċċessivi għall-iżvilupp li kienu imposti b'mod unilaterali mill-iżviluppatur;

20.  Jikkunsidra li sa mill-bidu nett tal-proċess ta" żvilupp, għandhom ikunu garantiti l-aċċess għall-informazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess, u li l-informazzjoni ambjentali għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini b'mod ċar, sempliċi u li jinftiehem;

21.  Jemmen li għadha ma saret l-ebda definizzjoni xierqa ta" "interess ġenerali", la fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iżvilupp u lanqas mill-awtoritajiet kompetenti, u jemmen li dan it-terminu jintuża biex jiġu approvati proġetti li mhumiex sostenibbli f'sens ambjentali, u f'ċerti każi biex iduru mal-istudji ta" impatt ambjentali negattivi u ma" rapporti magħmula mill-Konfederazzjonijiet Idrografiċi rispettivi;

22.  Jagħraf u jappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet Spanjoli biex jipproteġu l-ambjent tal-kosta u, fejn possibbli, biex jirrestawrawh b'mod li jippermetti l-bijodiversità u r-riġenerazzjoni tal-ispeċijiet indiġeni tal-flora u l-fawna; f'dan il-kuntest speċifiku jappellalhom biex jirrevedu b'urġenza l-Liġi tal-Kosta u, jekk ikun meħtieġ, jimmodifikawha sabiex iħarsu d-drittijiet tas-sidien leġittimi tad-djar u tas-sidien ta' biċċiet żgħar t'art f'żoni tal-kosta li m'għandhom l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent tal-kosta; jenfasizza li protezzjoni bħal din m'għandhiex tingħata lil dawk il-proġetti li jkunu ppjanati bħala proġetti spekulattivi li ma jirrispettawx id-Direttivi ambjentali applikabbli tal-UE; biħsiebu jirrevedi l-petizzjonijiet li rċieva dwar das-suġġett fid-dawl tat-tweġibiet li rċieva mingħand l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli;

23.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ippjanar urban tal-muniċipalità ta" Marbella fl-Andalusija, fejn għexieren t'eluf ta" djar mibnija illegalment, aktarx bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika, tal-politika dwar l-ilma u tal-akkwist pubbliku, se jiġu legalizzati permezz ta' pjan ġenerali ġdid għall-belt, li qed iwassal għal nuqqas ta" ċertezza legali u ta" salvagwardji għax-xerrejja tad-djar, għas-sidien tal-proprjetà u għaċ-ċittadini b'mod ġenerali;

24.  Ifaħħar u jappoġġja bis-sħiħ l-attivatijiet tal-ombudsmen reġjonali ("síndics de greuges") u l-staff tagħhom u wkoll lill-prosekuturi pubbliċi l-aktar assidwi ("fiscales") li stinkaw ħafna sabiex l-istituzzjonijiet milquta jerġgħu jimplimentaw l-applikazzjoni tal-proċeduri xierqa li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet;

25.  Ifaħħar ukoll l-attività tal-petizzjonanti, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u dawk tal-komunitajiet lokali, li tinvolvi eluf ta" ċittadini Spanjoli u mhumiex, li ġabu dawn il-kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-Parlament, u li kienu strumentali fis-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-ġirien tagħhom u ta" dawk kollha milquta minn din il-problema komplessa;

26.  Ifakkar li d-Direttiva tal-Istima tal-Effetti fuq l-Ambjent(10) u d-Direttiva tal-Istima Strateġika tal-Effetti fuq l-Ambjent(11) jimponu l-obbligu tal-konsultazzjoni mal-pubbliku fl-istadju tat-tħejjija u t-tfassil tal-pjanijiet, u mhux – kif spiss ġara fil-każijiet imressqa quddiem il-Kumitat tal-Parlament għall-Petizzjonijiet – wara li jkunu fil-fatt diġà approvati mill-awtorità lokali; ifakkar, fl-istess kuntest, li kull modifika sostanzjali ta" pjanijiet eżistenti għandha wkoll tosserva din il-proċedura u li l-pjanijiet għandhom ikunu attwali u mhux statistikament impreċiżi jew skaduti;

27.  Ifakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha s-setgħa, bis-saħħa tal-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006(12), li twaqqaf il-ħlas tal-fondi strutturali u, bl-Artikolu 92, li tissospendi dan il-finanzjament lill-Istat Membru jew reġjun ikkonċernat, u li tistabbilixxi miżuri ta" korrezzjoni għall-proġetti li jibbenefikaw minn fondi, li sussegwentement jitqiesu li ma jkunux konformi għal kollox mar-regoli applikabbli skont l-atti leġiżlattivi tal-UE;

28.  Ifakkar ukoll li l-Parlament, bħala l-awtorità baġitarja, jista" wkoll jiddeċiedi li jqiegħed fondi allokati għall-politiki ta" koeżjoni fir-riserva jekk jikkunsidra li dan ikun meħtieġ biex jikkonvinċi lil xi Stat Membru li jieqaf milli jkompli jikser serjament ir-regoli u l-prinċipji li huwa obbligat josserva skont it-Trattat, jew b'riżultat tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-UE, sakemm jinstab tarf tal-problema;

29.  Itenni l-konklużjonijiet fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu billi jixħet dubju dwar il-metodi tal-ħatra tal-aġenti urbanistiċi u s-setgħat ħafna drabi eċċessivi li spiss jingħataw lill-pjanifikaturi tal-bliet u lill-iżviluppaturi tal-proprjetà minn ċerti awtoritajiet lokali, bi ħsara għall-komunitajiet u għaċ-ċittadini li jkollhom djarhom f'dawk l-inħawi;

30.  Għal darb'oħra jistieden lill-awtoritajiet lokali jikkonsultaw liċ-ċittadini tagħhom u jinvolvuhom fil-proġetti ta" żvilupp urban biex jinkoraġġixxu żvilupp urban ġust, trasparenti u sostenibbli fejn ikun meħtieġ, fl-interess tal-komunitajiet lokali, u mhux fl-interess esklużiv tal-iżviluppaturi u l-aġenti tal-proprjetà jew ta" interessi personali oħra;

31.  Jistieden lill-awtoritajiet responsabbli mill-iżvilupp urban biex jestendu l-proċess tal-konsultazzjoni dwar l-iżvilupp għas-sidien tal-proprjetà (b'avviż ta" riċevuta li takkumpanja l-komunikazzjonijiet) kull meta jkun hemm xi tibdil fil-klassifikazzjoni tal-proprjetajiet tagħhom, u biex jipproponu lill-awtoritajiet lokali li joħorġu stediniet diretti u personali matul il-proċedimenti tal-appell li jikkonċernaw il-pjanijiet taż-żoni jew il-klassifikazzjoni mill-ġdid;

32.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-prattika illeċita li biha ċerti żviluppaturi tal-proprjetà jimminaw b'sotterfuġju s-sjieda leġittima tal-proprjetà ta" ċittadini tal-UE billi jindaħlu fin-notifiki tar-reġistrazzjoni tal-art u fin-notifiki katastali, u jappella lill-awtoritajiet lokali biex jistabbilixxu salvagwardji ġuridiċi kontra din il-prattika;

33.  Itenni li fejn hemm kumpens pagabbli għat-telfien ta" proprjetà, dan għandu jingħata b'rata xierqa b'konformità mal-liġi u mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

34.  Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali(13) tobbliga lill-Istati Membri kollha jipprovdu mezzi xierqa biex jiksbu rikors u rimedju legali għall-konsumaturi li jkunu sfaw vittmi ta" dawn il-prattiki u biex jiżguraw li jkun hemm sanzjonijiet xierqa kontra dawn il-prattiki;

35.  Għal darb'oħra jitlob lill-Kummissjoni tniedi kampanja ta" informazzjoni indirizzata lejn iċ-ċittadini tal-UE li jakkwistaw proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-Gvern u l-Parlament tar-Renju ta" Spanja u lill-Gvernijiet u lill-Assemblei Awtonomi Reġjonali, lill-Ombudsmen nazzjonali u reġjonali ta" Spanja u lill-petizzjonanti.

(1) Sentenza tat-23 ta" Settembru 1998; ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta" Ġunju 2007 dwar ir-riżultati tal-missjoni għat-tiftix tal-fatti fir-reġjuni tal-Andalusija, ta" Valencia u ta" Madrid, li marret f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 340).
(2) Ara r-Riżoluzjoni tal-21 ta" Ġunju 2007 msemmija hawn fuq u r-Riżoluzzjoni tat-13 ta" Diċembru 2005 dwar l-allegati abbużi tal-Liġi tal-Art ta" Valencia jew il-Ley Reguladora de la Actividad Urbanística (LRAU – il-liġi dwar l-attivitajiet ta" żvilupp) u l-effetti tagħhom fuq ċittadini Ewropej (Petizzjonijiet 609/2003, 732/2003, 985/2002, 1112/2002. 107/2004 u oħrajn) (ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 225).
(3) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta" Marzu 2004 dwar kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).
(4) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta" Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta" Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta" April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1).
(8) Ara r-rapporti reċenti maħruġa mill-Bank Ċentrali ta" Spanja, mill-Greenpeace, u mit-Transparency International.
(9) Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 October 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15); Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta" Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-definizzjoni ta" "persuna esposta politikament" u l-kriterji tekniċi għall-proċeduri simplifikati għall-verifika adegwata tal-klijenti u għall-eżenzjoni minħabba attività finanzjarja mwettqa fuq bażi limitata jew ta" kull tant żmien (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta" Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta" ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).
(11) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, tal-21.7.2001, p. 30).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta" Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta" Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(13) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta" Mejju 2005 rigward prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, 11.06.2005, p. 22).

Avviż legali - Politika tal-privatezza