Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0168/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 15.3
CRE 10/03/2011 - 15.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0100

Testi adottati
PDF 215kWORD 45k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (Reġjun Awtonomu Uyghur Xinjiang, Ċina)
P7_TA(2011)0100RC-B7-0168/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, notevolment dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi, u b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2009(1) u tal-25 ta' Novembru 2010(2),

–  wara li kkunsidra t-13-il Samit UE-Ċina tas-6 ta' Ottubru 2010, li sar fi Brussels, li kien jinkludi l-ewwel Forum Kulturali ta' Livell Għoli UE-Ċina bl-għan tat-tisħiħ tad-djalogu u kooperazzjoni kulturali UE-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi adottata b'riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 47/135 tat-18 ta' Diċembru 1992, li tistipula li “stati għandhom jipproteġu l-eżistenza u l-identità nazzjonali jew etnika, kulturali, reliġjuża u lingwistika ta' minoranzi fi ħdan it-territorji rispettivi tagħhom”,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 22 u 119 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jipprovdu, rispettivament, għal għajnuna governattiva fl-iżvilupp kulturali ta' reġjuni fejn jgħixu nazzjonalitajiet ta' minoranza, għall-protezzjoni mill-Istat ta' monumenti u relikwi kulturali ta' valur, u għall-protezzjoni tal-wirt kulturali tan-nazzjonalitajiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2009 il-Gvern Ċiniż ħabbar li se titwettaq “Riforma tad-Djar Perikolużi ta' Kashgar” (Kashgar Dangerous House Reform) b'nefqa ta' USD 500 miljun, bi programm ta' rikostruzzjoni urban, li, mill-2009, ilu jeqred il-belt tat-Triq tal-Ħarir Kashgar, fejn il-pjan hu li jitwaqqa“ 85% tal-Belt il-Qadima, u minflok jinbnew blokkijiet ta' appartamenti moderni, u l-partijiet il-qodma li jkun fadal fil-belt jinbidlu f'siti turistiċi Sino-Uyghur,

B.  billi Beijing tibqa“ teskludi l-belt ta' Kashgar mill-applikazzjonijiet għall-istatus ta' sit ta' wirt dinji għall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), bħall-applikazzjoni transnazzjonali ppjanata biex tinkiseb il-protezzjoni ta' bosta siti kulturali fit-Triq tal-Ħarir tal-Ażja Ċentrali,

C.  billi l-belt ta' Kashgar hija sit sinifikanti internazzjonali ta' wirt arkitettoniku b'importanza storika u ġeografika bħala ċentru antik tal-kummerċ u t-turiżmu,

D.  billi l-belt ta' Kashgar iżżomm valur simboliku kbir għall-identità kulturali tal-popolazzjonijiet Uyghur u Hui tar-reġjun, kif ukoll għad-diversità kulturali taċ-Ċina,

E.  billi l-ġustifikazzjoni uffiċjali tal-programm ta' rikostruzzjoni tal-fortifikazzjoni tat-terremot ma teħtieġx qerda assoluta ta' bini tradizzjonali, filwaqt li għażla oħra hi r-rinnovazzjoni sensittiva kulturalment,

F.  billi Beijing impenjat ruħha fil-modernizzazzjoni distruttiv tad-djar f'partijiet oħra taċ-Ċina permezz tad-diversi “pjanijiet ta' żvilupp” lokali tagħha, fejn twaqqa“ bini storiku u intużat il-forza biex ir-residenti jmorru jgħixu x'imkien ieħor mingħajr ma tqies it-telf tal-wirt storiku u kulturali imprezzabbli u mingħajr ma ngħatat prijorità lill-preservazzjoni – f'żoni protetti jew f'mużewijiet – ta' relikwi jew artefatti ta' bini prinċipali u l-arkitettura sabiex jiġu trasmessi lil ġenerazzjonijiet futuri u lid-dinja, oġġetti li juru eluf ta' snin ta' żvilupp storiku u kulturali Ċiniż,

G.  billi Beijing qed timplimenta kontinwament politiki etnokulturali ripressivi fir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur (XUAR), li laħaq punt ikraħ waqt ir-repressjoni vjolenti kontra n-nies ta' Uyghur li kienu qegħdin jipprotestaw fil-kunflit tal-2009 f'Urumqi,

H.  billi l-popolazzjoni Uyghur u Hui jbatu minn ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u billi bosta minnhom huma mċaħda minn rappreżentazzjoni politika adegwata u self-determinazzjoni kulturali,

1.  Jitlob lill-Gvern Ċiniż biex minnufih iwaqqaf il-qerda kulturali li qed thedded is-sopravivenza arkitettonika ta' Kashgar u jwettaq inkjesta esperta komprensiva dwar il-metodi ta' rinnovazzjoni relatati mal-kultura;

2.  Jitlob lill-Gvern Ċiniż iwaqqaf il-marġinalizzazzjoni tal-popolazzjoni Uyghur ta' Kashgar u ma jibqax jisfurzahom jitilqu jgħixu post ieħor, li hu riżultat tat-twaqqigħ ta' żoni residenzjali, u biex jagħti kumpens xieraq lill-vittmi preċedenti kollha għat-telf li esperjenzaw;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżviluppaw djalogu ġenwin bejn il-Han u l-Uyghur sabiex f'Xinjiang jadottaw politiki ekonomiċi li jkunu aktar inklużivi u komprensivi li jkollhom l-għan li jsaħħu s-sjieda lokali u li jħarsu l-identità kulturali tal-popolazzjoni Uyghur;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jaderixxi mal-obbligi kostituzzjonali tiegħu billi jagħti appoġġ adegwat lit-tradizzjonijiet kulturali ta' Kashgar u Xuar, li huma influwenzati ħafna mill-identità Uyghur;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċinizi jieħdu iktar miżuri biex jipprevjenu l-kummerċ illegali u l-attivitajiet ta' traffikar, li jikkontribwixxu għat-telf tal-wirt ta' ċivilizzazzjonijiet Ċiniżi;

6.  Jitlob lill-Ministru Ċiniż għall-Kultura jirrevedi r-regolamenti u l-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni tar-relikwi kulturali sabiex jadatta l-istil tal-ħajja attwali li dejjem qed tinbidel tal-grupp etniku ta' minoranza li xi drabi, mingħajr ma jkun konxju tat-teżori tagħhom, jagħmel użu mhux xieraq jew jirrifjuta l-protezzjoni tal-wirt kulturali tiegħu; jiddikjara li għandha tiġi promossa kampanja edukattiva fil-livell nazzjonali dwar din il-kwistjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniz biex jevalwa l-possibbiltà li jinkludi l-belt ta' Kashgar fl-applikazzjoni konġunta mal-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, u l-Uzbekistan għad-denominazzjoni ta' wirt dinji tal-UNESCO tat-Triq tal-Ħarir;

8.  Jitlob lill-Gvern Ċiniż biex iwaqqaf il-politiki diskrimatorji u ripressivi kollha lejn il-popolazzjonijiet Uyghur u Hui, u jirrispetta d-dritt fundamentali tagħhom ta' espressjoni kulturali, billi jitqies b'mod partikolari Tursunjan Hezim, ex għalliem tal-istorja, li, wara proċess sigriet, intbagħat seba“ snin il-ħabs, kif ukoll attivisti oħra li ngħataw sentenza f'dawn l-aħħar xhur;

9.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jfassal miżuri addizzjonali fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u dawk kulturali tal-gruppi ta' minoranzi etniċi, reliġjużi u lingwistiċi fiċ-Ċina;

10.  Jitlob lir-rappreżentanti tal-UE u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iżidu u jintensifikaw id-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u biex jagħmlu d-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem iktar effikaċi u orjentati lejn ir-riżultati;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UNESCO, lill-Kungress Popolari Nazzjonali (u l-Kumitat Permanenti tiegħu) tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kumitat Permanenti tal-Partit Reġjonali ta' XUAR.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0449.

Avviż legali - Politika tal-privatezza