Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2802(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0488/2011

Dibattiti :

PV 15/09/2011 - 3
CRE 15/09/2011 - 3

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 6.6

Testi adottati :

P7_TA(2011)0390

Testi adottati
PDF 265kWORD 98k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Il-pożizzjoni u l-impenn bil-quddiem tal-UE fil-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx
P7_TA(2011)0390RC-B7-0488/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal Strateġija Globali għall-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' Mard li Ma Jitteħidx(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-WHO tal-11 ta' Settembru 2006 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tad-WHO(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU 64/265 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx ta' Ottubru 2010(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moska dwar stili ta' ħajja tajba u l-kontroll ta' mard li jitteħidx ta' April 2011(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar mard li ma jitteħidx ta' Mejju 2011(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jitteħidx(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO tal-2008 dwar is-sorveljanza, il-prevenzjoni u l-kontroll globali ta' mard respiratorju kroniku(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Parma u l-Impenn li Jaġixxu adottat mill-Istati Membri tar-Reġjun Ewropew tad-WHO f'Marzu 2011(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Asturias tad-WHO tal-2011(9),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Obeżità adottata f'Novembru 2006(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 168 u 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 dwar il-promozzjoni ta' dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika, dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-piż żejjed, l-obeżità u l-mard (11) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-White Paper dwar in-Nutriment, il-Piż Żejjed u kwistjonijiet ta' Saħħa relatati mal-Obeżità(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar azzjoni għat-trattament ta' mard kardjovaskolari(13), u tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra(14) u wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar “l-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010(16),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(18) u tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi tas-saħħa fl-UE(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea(20) u dwar il-White Paper tal-Kummissjoni: “Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew ta' Azzjoni”(21),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk(22),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Qalb tal-2004(23),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(24),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(25),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa” tas-7 ta' Diċembru 2010(26),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea” tat-22 ta' Ġunju 2006 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Lejn sistemi tas-saħħa moderni, responsivi u sostenibbli” tas-6 ta' Ġunju 2011(27),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “l-irwol tal-UE fis-saħħa globali” tal-10 ta' Mejju 2010(28),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont id-WHO, 86 % tal-imwiet fl-Ewropa huma kkawżati minn mard li ma jitteħidx;

B.  billi l-erba' tipi l-aktar komuni ta' mard li ma jitteħidx huma l-mard kardjovaskolari, mard respiratorju, kanċer u dijabete; billi mard ieħor li ma jitteħidx m'għandux jiġi injorat;

C.  billi l-mard kardjovaskolari huwa l-ewwel kawża ta' mwiet u jħalli aktar minn 2 miljun mejjet kull sena; billi l-aktar mard kardjovaskolari komuni huwa l-mard tal-qalb koronarju u l-puplesija, li jikkawżaw rispettivament aktar minn terz (jiġifieri 741,000) u ftit aktar minn kwart (jiġifieri 508,000) tal-imwiet kardjovaskolari kollha;

D.  billi l-kanċer hu t-tieni l-akbar kawża ta' mwiet u għandu prevalenza ta' 3-4 % fost il-popolazzjoni li tiżdied għal 10-15 % fost l-anzjani; billi kull sena madwar 2.45 miljun ruħ fl-UE jiġu ddijanjostikati bil-kanċer u 1,23 miljun mewt huma rreġistrati; billi l-prevalenza tal-kanċer fost it-tfal qed jiżdied b'rata ta' aktar minn 1 % fis-sena fl-Ewropa;

E.  billi l-mard respiratorju kroniku evitabbli bħall-ażżma u l-mard pulmonari ostruttiv kroniku (COPD) jaffettwa lil miljuni ta' persuni fl-Ewropa;

F.  billi ma teżisti l-ebda strateġija mifruxa mal-UE jew inizjattiva li hi immirata għat-trattament komprensiv tad-dijabete (Tip 1 u Tip 2), li hu stmat li taffettwa aktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, b'ċifri simili ta' nies li jsofru minn tolleranza difettuża għall-glukosju u li għandhom probabilità għolja ħafna li din twassal għal forma ta' dijabete evidenti klinikament; billi dawn iċ-ċifri huma mistennija li jiżdiedu b'16 % sal-2030 kaġun ta' epidemija ta' obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu determinati u li għalihom tenħtieġ aktar riċerka;

G.  billi l-fatturi li flimkien huma responsabbli għall-maġġoranza tal-mard li ma jitteħidx kroniku huma erba: konsum tat-tabakk, dieta żbilanċjata, konsum tal-alkoħol u n-nuqqas ta' attività fiżika; billi l-espożizzjoni għal tniġġis ambjentali hu l-ħames l-aktar fattur importanti li għandu jiġi kkunsidrat;

H.  billi l-konsum tat-tabakk hu l-kawża ewlenija ta' mwiet evitabbli u jwassal għall-mewt ta' wieħed minn kull żewġ persuni li ilhom ħafna jpejpu;

I.  billi l-konsum tal-alkoħol, alimentazzjoni żbilanċjata, l-inkwinament ambjentali u n-nuqqas ta' attività fiżika jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-riskju ta' żvilupp ta' ċerti tipi ta' mard kardjovaskolari, kanċer u dijabete;

J.  billi l-eżerċizzju fiżiku qiegħed jingħata rikonoxximent akbar bħala fattur ewlieni fil-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx;

K.  billi s-seba' fatturi ta' riskju għal mewt prematura (pressjoni għolja, livelli għoljin ta' kolesterol, indiċi tal-piż tal-ġisem għoli, nuqqas li jittiekel biżżejjed frott u ħaxix, nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku, konsum eċċessiv ta' alkoħol, tipjip) għandhom rabta ma' drawwiet ta' dieta u attività fiżika;

L.  billi l-maġġoranza ta' mard li ma jitteħidx kroniku hu evitabbli, partikolarment bit-tnaqqis jew l-evitar ta' fatturi ta' riskju ewlenin bħat-tipjip, dieta żbilanċjata, inattività fiżika, konsum tal-alkoħol u l-espożizzjoni għal ċerti sustanzi kimiċi; billi politika ambjentali effikaċi, inkluż l-infurzar ta' leġiżlazzjoni u standards eżistenti, toffri opportunitajiet ewlenin ta' prevenzjoni;

M.  billi fatturi addizzjonali, bħall-età, il-ġeneru, it-tiswir ġenetiku jew il-kondizzjonijiet fiżjoloġiċi, inkluż l-obeżità, għandhom jitqiesu ukoll fl-iżvilupp ta' strateġiji ta' prevenzjoni u ta' identifikazzjoni bikrija;

N.  billi l-maġġoranza ta' mard li ma jitteħidx għandu sintomi komuni, bħal uġigħ kroniku u problemi ta' saħħa mentali, li jaffettwaw b'mod dirett lil min ibagħti minnu u lill-kwalità ta' ħajja tiegħu, u għalhekk dan il-mard għandu jiġi indirizzat permezz ta' approċċ komuni u orizzontali li jwassal għal kost-effettività akbar tas-sistemi għall-kura tas-saħħa li jittrattaw dan il-mard;

O.  billi l-opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-mard għadu mhux sfruttat biżżejjed, għalkemm hu evidenti li strateġiji ta' prevenzjoni għal mard li ma jitteħidx mifruxa mal-popolazzjoni kollha jnaqqsu l-ispejjeż;

P.  billi 97 % tal-ispejjeż fuq is-saħħa attwalment jintefqu fuq it-trattament, iżda huma biss 3 % li jiġu investiti fil-prevenzjoni, u billi l-ispejjeż għat-trattament u l-ġestjoni ta' mard li ma jitteħidx qegħdin jiżdiedu bil-qawwi minħabba d-disponibilità akbar ta' dijanjosi u trattamenti;

Q.  billi d-WHO tqis iż-żieda f'mard li ma jitteħidx bħala epidemija u tistma li din l-epidemija se twassal għall-mewt ta' 52 miljun persuna sal-2030;

R.  billi l-Forum Ekonomiku Dinji u l-Iskola għas-Saħħa Pubblika ta' Harvard ippubblikaw dejta li tistma li, bejn l-2005 u l-2030, il-produzzjoni ekonomika dinjija għandha tirreġistra telf ta' EUR 25 triljun minħabba mard li ma jitteħidx;

S.  billi l-mard li ma jitteħidx jista' jxekkel l-istrateġija Ewropa 2020 u jikser id-dritt taċ-ċittadini li jgħixu ħajja b'saħħitha u produttiva;

T.  billi l-UE għandha rwol ewlieni xi twettaq fit-tħaffif tal-progress fuq l-isfidi għas-saħħa globali inkluż l-MDGs relatati mas-saħħa u l-mard li ma jitteħidx kif dikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali;

U.  billi m'hemmx dubju li xi aspetti dwar il-mard li ma jitteħidx huma marbutin ma' problemi globali bħall-inkwinament ambjentali u għalhekk għandhom jiġu indirizzati fil-livell globali; billi aspetti oħrajn jistgħu jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali u reġjonali, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

V.  billi kundizzjonijiet ta' qabel it-twelid, inkluż l-espożizzjoni għat-tniġġis ambjentali, għandhom effetti tul il-ħajja fuq bosta aspetti tas-saħħa u l-benesseri, b'mod partikolari r-riskju ta' żvilupp ta' mard respiratorju, u jistgħu jikkontribwixxu biex il-persuni jkunu iktar predisposti għall-kanċer u d-dijabete;

W.  billi, għalkemm in-nies bħala medja qegħdin jgħixu aktar u aktar f'saħħithom mill-ġenerazzjonijiet ta' qabel, l-UE tinsab iffaċċjata, fil-kuntest tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-fenomenu l-ġdid taż-żieda fin-numru ta' persuni f'età avvanzata ħafna, b'epidemija ta' mard kroniku u stati patoloġiċi multipli, u b'theddida konsegwenti jew minn pressjoni akbar fuq is-sostenibilità tas-sistemi nazzjonali għall-kura tas-saħħa;

X.  billi l-fatturi soċjo-ekonomiċi huma wkoll determinanti tas-saħħa importanti, u jeżistu inugwaljanzi fis-saħħa kemm bejn u fost l-Istati Membri;

Y.  billi hu stmat li sal-2020 it-tnaqqis previst ta' ħaddiema tas-saħħa pubblika fl-Ewropa li jinkludu tobba, infirmiera, dentisti, spiżjara u fiżjoterapisti għandu jilħaq il-miljun;

Z.  billi l-fatturi soċjali u ambjentali għandhom jiġu identifikati biċ-ċar bħala determinanti tas-saħħa, pereżempju, kull sena t-tniġġis tal-arja jikkaġuna l-mewt ta' 1,6 miljun persuna, u dawn jirrappreżentaw theddida ambjentali ewlenija għas-saħħa fl-Ewropa u jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-għomor u fil-produttività tal-ħajja;

AA.  billi ċ-ċittadini tal-UE huma mħassba dwar l-impatt potenzjali tal-ambjent fuq saħħithom, bl-effetti potenzjali ta' sustanzi kimiċi perikolużi jitqies bħala l-akbar tħassib; filwaqt li pereżempju t-tniġġis minn partiċelli fini hu assoċjat ma' aktar minn 455,000 mewt fis-sena minħabba effetti kardjorespiratorji fis-27 Stat Membru tal-UE;

1.  Jitlob għal impenn politiku qawwi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-UE li jirrifletti s-sinifikat u s-severità ta' epidemja globali ta' mard li jitteħidx;

2.  Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-mortalità evitabbli minn mard li ma jitteħidx, bħall-mira tad-WHO li tnaqqas b'25 % ir-rati ta' mortalità nazzjonali sal-2025 meta mqabbla mar-rati tal-2010;

3.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri japprovaw il-ħames impenji ewlenin li ġejjin u jinkluduhom fl-istqarrija politika mil-Laqgħa ta' Livell Għoli li għandha tinħareġ min-NU dwar il-mard li ma jitteħidx f'Settembru 2011;

   it-tnaqqis b'25 % sal-2025 tal-mortalità evitabbli ta' mard li ma jitteħidx, kif propost mid-WHO,
   l-implimentazzjoni ta' interventi kost-effettivi u ta' iffrankar ta' spejjeż, inkluż implimentazzjoni mħaffa tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk, aċċess aħjar għal u promozzjoni ta' dieta b'saħħitha, il-ġlieda effettiva kontra l-abbuż tal-alkoħol u l-aċċess għal u l-promozzjoni ta' attivitajiet fiżiċi, kif ukoll it-tnaqqis tal-espożizzjoni għat-tniġġis ambjentali fost il-popolazzjoni kollha, inkluż sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u kontaminanti ambjentali,
   il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-mortalità minn mard li ma jitteħidx u ta' fatturi ta' riskju komuni għall-mard li ma jitteħidx,
   l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' responsabilità globali u nazzjonali għall-parteċipanti interessati ewlenin kollha involuti,
   il-ħolqien, fl-2012, ta' sħubija ta' livell għoli li tassisti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-organizzazzjoni ta' laqgħa ta' livell għoli fl-2014 li tivvaluta l-ilħiq tal-impenji;

4.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw b'mod attiv id-Dikjarazzjoni Politika li għandha tinħareġ wara l-laqgħa ta' livell għoli, li involva l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-UE rilevanti kollha sabiex tindirizza l-isfidi marbutin mal-mard li ma jitteħidx;

5.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu spinta lill-prevenzjoni primarja, ir-riċerka, id-dijanjosi bikrija u l-ġestjoni tal-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, jiġifieri dawk kardjovaskolari, respiratorji, kanċer u dijabete, mingħajr ma jiġi injorat mard ieħor li ma jitteħidx, bħall-mard mentali u newroloġiku, inkluża l-marda tal-Alzheimer; jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni bikrija ta' individwi li jinsabu f'riskju għoli li jibdew isofru jew imutu minn dan il-mard, jew li qed isofru minn dispożizzjonijiet li kienu jeżistu qabel, mard kroniku u serju u fatturi ta' riskju li jiddeterjoraw il-mard li ma jitteħidx;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ integrat u olistiku iċċentrat fuq il-pazjent għal kondizzjonijiet tas-saħħa fit-tul, li jinkludi l-prevenzjoni ta' mard u l-promozzjoni tas-saħħa, id-dijanjosi bikrija, il-monitoraġġ u l-edukazzjoni kif ukoll il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-fatturi ta' riskju, kundizzjonijiet li kienu jeżistu minn qabel u stili ta' ħajja li mhumiex tajbin għas-saħħa (konsum tat-tabakk, dieta mhux tajba għas-saħħa, nuqqas ta' attività fiżika u konsum ta' alkoħol) u l-koordinament tal-kura fl-isptar u fil-komunità;

7.  Jitlob l-implimentazzjoni minn età bikrija ta' strateġiji ta' prevenzjoni għal mard li ma jitteħidx; Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-provviżjoni ta' edukazzjoni dwar drawwiet ta' dieta b'saħħitha u ta' attività fiżika fl-iskejjel; jinnota li globalment, għadhom ikunu disponibbli riżorsi adegwati għal din it-tip ta' ħidma edukattiva;

8.  Jinnota li l-politiki li jindirizzaw fatturi ta' imġiba, soċjali, ekonomiċi u ambjentali assoċjati mal-mard li ma jitteħidx għandhom jiġu implimentati malajr u bis-sħiħ biex jiġu żgurati reazzjonijiet effettivi possibbli għal dan il-mard, filwaqt li jkabbru l-kwalità tal-ħajja u l-ekwità tas-saħħa;

9.  Jirrikonoxxi li l-mira ewlenija tal-mudelli ta' kura ta' mard kroniku dwar kondizzjonijiet kroniċi avvanzati għandha titmexxa lejn l-indirizzar tan-nies fl-istadji bikrin tal-mard li ma jitteħidx, bl-għan aħħari ikun dak li mhux biss jiġi ġestit il-mard, iżda wkoll biex titjieb il-pronjosi għal min ibagħti minn mard kroniku; jenfasizza fl-istess waqt l-importanza ta' kura kontra l-uġigħ;

10.  Jilqa' l-enfasi ta' presidenzi preċedenti tal-UE fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard kroniku li ma jitteħidx inkluż il-prijorità tal-Presidenza Spanjola fuq mard kardjovaskolari u l-konferenzi tal-Presidenza Pollakka dwar “mard respiratorju kroniku fost it-tfal” u “s-Solidarjetà tas-Saħħa – it-tneħħija tad-diskrepanza fis-saħħa fost l-Istati Membri tal-UE”;

11.  Jitlob biex jitwaqqfu protokolli ċari u linji gwida bbażati fuq il-provi għall-aktar mard komuni li ma jitteħidx biex tiġi żgurata l-ġestjoni adegwata tal-pazjent u t-trattament fost il-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa, inkluż l-ispeċjalisti, it-tobba tal-ewwel kura u infirmiera speċjalizzati;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riċerka u l-edukazzjoni dwar il-mard kroniku fil-livelli kollha, b'mod partikolari dwar l-iktar erba' mard komuni li ma jitteħidx, mingħajr ma jiġi injorat il-mard li ma jitteħidx ieħor li jkun importanti, kif ukoll dwar fatturi għat-tnaqqis tar-riskju, interventi fis-saħħa pubblika in ġenerali, u l-interazzjonijiet bejn is-sorsi ta' tniġġis u l-effetti fuq is-saħħa, b'kollaborazzjoni multidixxiplinari dwar il-mard li ma jitteħidx bħala prijiorità ta' riċerka f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi b'riżorsi adegwati;

13.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-istandards tal-UE għall-Kwalità tal-Arja, u biex jimplimentaw il-linji gwida tad-WHO għall-kwalità tal-arja rrakkomandati għall-arja ta' barra u ta' ġewwa, u d-Dikjarazzjoni ta' Parma u l-Impenn ta' Azzjoni tal-2010 li ssemmi l-ħtieġa li jiġu ttrattati l-effetti fuq is-saħħa tat-tibdil fil-klima;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa, mingħajr aktar dewmien, għal rieżami effettiv ta' Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk;

15.  Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, sabiex jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

16.  Jirrikonoxxi li, skont l-Artikolu 168 TFUE, azzjonijiet marbutin ma' kwistjonijiet ta' kura tas-saħħa huma primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri, iżda jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' Strateġija tal-UE dwar mard kroniku li ma jitteħidx, segwiti minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill, b'sezzjonijiet individwali dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, u b'kunsiderazzjoni ta' speċifiċitajiet ta' ġeneru, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, inkluż il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa;

17.  Jitlob li sal-2013, l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali kontra l-mard li ma jitteħidx, dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, b'riżorsi ekwivalenti għas-sinifikat tal-piż maħluq mill-mard li ma jitteħidx, u għandhom joħolqu mekkaniżmu ta' koordinament globali ta' livell għoli għal azzjoni kontra l-mard li ma jitteħidx;

18.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fir-rigward tal-mard li ma jitteħidx, assoċjati mal-iktar prevenzjoni, dijanjosi u ġestjoni effettiva ta' dan il-mard u l-fatturi ta' riskju bħal pereżempju kundizzjonijiet li kienu jeżistu minn qabel u mard kroniku u serju ħafna, jistgħu inaqqsu b'mod sinifikanti l-piż ġenerali ta' dan il-mard u b'hekk jikkontribwixxu b'mod pożittiv għaż-żamma tas-sostenibilità ta' sistemi nazzjonali ta' kura tas-saħħa;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament u tirrapporta dwar il-progress madwar l-UE rigward l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-mard li ma jitteħidx, b'mod partikolari dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, b'iffukar fuq il-progress imwettaq f'termini ta' prevenzjoni, dijanjosi bikrija, ġestjoni u riċerka tal-mard;

20.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex iżidu n-numru ta' persunal mħarreġ tas-saħħa realment impjegat fis-sistemi tal-kura tas-saħħa sabiex jiffaċċja b'mod aktar effettiv il-piż tal-mard li ma jitteħidx;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-konsistenza u approċċ marbut li jgħaqqad id-Dikjarazzjoni Politika tan-NU u l-azzjonijiet kontinwi tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropej, jiġifieri il-Proċess ta' Riflessjoni mitlub għall-mard kroniku;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra u tevalwa l-possibilità ta' estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), biż-żieda tal-mard li ma jitteħidx mar-responsabilitajiet tiegħu, filwaqt li jintuża bħala ċentru għall-ġbir ta' dejta u l-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-mard li ma jitteħidx, u b'hekk jagħti lil min jagħmel id-deċiżjonijiet, lix-xjentisti u lit-tobba dettalji dwar l-aħjar prattiki u għarfien ikbar tal-mard li ma jitteħidx;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-ġbir ċentralizzat tad-dejta sabiex tinkiseb dejta paragunabbli li tippermetti ppjanar u rrakkomandar aħjar madwar l-UE;

24.  Jitlob li jsir rieżami komprensiv tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Politika tan-NU sal-2014;

25.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li delegazzjoni ta' livell għoli tattendi u tippreżenta pożizzjoni tal-UE ambizzjuża u kkoordinata fil-laqgħa tan-NU bejn id-19 u l-20 ta' Settembru 2011;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ambaxxatur tal-UE fin-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lid-Direttur Ġenerali tad-WHO.

(1) http://whqlibdoc.who.int/publications/2009/9789241597418_eng.pdf
(2) http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0004/77575/RC56_eres02.pdf
(3) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/265&Lang=E
(4) http://www.un.org/en/ga/president/65/issues/moscow_declaration_en.pdf
(5) http://apps.who.int/gb/ebwha/pdf_files/WHA64/A64_R11-en.pdf
(6) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/66/83&Lang=E
(7) http://www.who.int/gard/publications/GARD%20Book%202007.pdf
(8) http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0011/78608/E93618.pdf
(9) http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/2011/asturiasdeclaration.php
(10) http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0009/87462/E89567.pdf
(11) ĠU C 250E, 25.10.2007, p. 93.
(12) ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 97.
(13) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 561.
(14) ĠU C 247E, 15.10.2009, p. 11.
(15) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 273.
(16) ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 83.
(17) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(18) Testi adottati, P7_TA(2010)0400.
(19) Testi adottati, P7_TA(2011)0081.
(20) ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 95.
(21) ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 115.
(22) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2004:213:0008:0024:EN:PDF
(23) www.consilium.europa.eu/uedocs/NewsWord/en/lsa/80729.doc
(24) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2007:301:0003:0013:en:PDF
(25) http://cordis.europa.eu/documents/documentlibrary/90798681EN6.pdf
(26) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf
(27) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/122395.pdf
(28) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/114352.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza