Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2733(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0522/2011

Testi mressqa :

B7-0522/2011

Dibattiti :

PV 28/09/2011 - 9
CRE 28/09/2011 - 9

Votazzjonijiet :

PV 29/09/2011 - 10.3
CRE 29/09/2011 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0430

Testi adottati
PDF 445kWORD 128k
Il-Ħamis, 29 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Samit dwar id-Dinja Rio+20
P7_TA(2011)0430B7-0522/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20), li se ssir f'Rio de Janeiro f'Ġunju 2012, li se tiffoka fuq żewġ temi: “ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar” u “l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli”,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-objettivi tal-UE għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20), li se ssir f'Rio de Janeiro f'Ġunju 2012 (O-000181/2011 - B7-0436/2011, O-000182/2011 - B7- 0437/2011),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar” (COM(2011)0363),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza dwar id-Diversità Bijoloġika f'Nagoya, il-Ġappun fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Kjoto tal-1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva globali dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) approvata mill-mexxejja tal-G8+5 f'Ġunju 2007 u r-riżultati ppubblikati tagħha fl-2009 u l-2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD) adottat fl-2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Dritt għall-Ikel, “Agro-ecology and the right to food” (“Agroekoloġija u d-dritt għall-ikel”), imressaq lill-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fit-8 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għalkemm sar progress lejn l-iżvilupp sostenibbli sa mis-Samit ta' Rio fl-1992 u s-Samit ta' Johannesburg fl-2002, xorta għad fadal sfidi u lakuni ta' implimentazzjoni konsiderevoli, filwaqt li bosta impenji mill-komunità internazzjonali għadhom ma ġewx rispettati bis-sħiħ;

B.  billi t-tliet objettivi tas-Samit Rio+20 se jkunu l-iżgurar tat-tiġdid tal-impenn politiku għall-iżvilupp sostenibbli, l-evalwazzjoni tal-progress magħmul s'issa u l-lakuni li għad fadal fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tas-samits ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli, u l-indirizzar ta' sfidi ġodda u emerġenti;

C.  billi għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn it-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio dwar il-Bijodiversità (CBD), it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u d-Deżertifikazzjoni (UNCCD);

D.  billi madwar 1.4 biljuni persuni għadhom jgħixu f'faqar estrem, u nofshom jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana; billi wieħed minn kull sitta tal-popolazzjoni dinjija huwa malnutrit filwaqt li l-insigurtà tal-ikel qed tiżdied u l-qgħad jew is-sottoimpjiegi għadhom jeżistu għall-parti kbira tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi 70% tal-persuni li qed jgħixu b'inqas minn dollaru kuljum huma nisa;

E.  billi l-bidla fil-klima tippreżenta theddida serja għat-tnaqqis fil-faqar, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-paċi u għas-sigurtà, u għall-kisba tal-Għanijiet ta Żvilupp tal-Millenju (MDGs) f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw;

F.  billi l-popolazzjoni dinjija mistennija tiżdied għal tal-anqas 9 biljuni fl-2050, u dan iqiegħed eżiġenzi akbar fuq il-provvista limitata tar-riżorsi naturali u fuq il-kapaċità li jiġu ġestiti l-flussi riżultanti tal-iskart;

G.  billi l-bżonn dejjem jikber tal-ilma, l-art u l-foresti wassal għat-telf dejjem jikber u d-deġenerazzjoni ta' dawn ir-riżorsi; billi t-telf tal-bijodiversità, is-sajd eċċessiv, id-degradazzjoni tal-ekosistema u d-deforestazzjoni għadhom għaddejjin b'rata allarmanti;

H.  billi l-livelli tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett serra għadhom jiżdiedu;

I.  billi l-oċeani tad-dinja għandhom rwol ċentrali fil-proċessi klimatiċi globali, partikolarment f'termini ta' sekwestru tal-karbonju, huma sors ewlieni tal-enerġija, fihom rikkezza ta' bijodiversità, huma mezzi importanti ta' trasportazzjoni, jipprovdu mezzi ta' sussistenza sostenibbli kif ukoll elementi essenzjali għall-ħajja, li jinkludu l-ikel, il-mediċini, u ilma ħelu; billi t-tibdil fil-klima, il-prattiki ta' sajd mhux sostenibbli, u l-qirda rampanti ta' ekosistemi, ħabitats u speċi marini, fost impatti oħrajn, qed jheddu l-kapaċità tal-oċeani li jibqgħu jipprovdu dawn is-servizzi;

J.  billi 80% tal-ħażniet tal-ħut globali huma totalment sfruttati jew sfruttati żżejjed u madwar 20% tal-popolazzjoni dinjija hija direttament dipendenti fuq is-sajd għas-sors ewlieni ta' proteini;

K.  billi d-diżastri ambjentali qed iwasslu għal numru dejjem jikber ta' persuni spustati; billi jeħtieġ li jiġi stabbilit status internazzjonali għar-refuġjati klimatiċi u ambjentali;

L.  billi n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'dawk li huma l-anqas żviluppati; billi numru kbir ta' nisa għadhom marġinalizzati u dawn isofru minn diskriminazzjoni;

M.  billi l-isfidi tal-futur mhumiex kwistjonijiet separati minn xulxin imma huma relatati b'mod reċiproku u interdipendenti; billi Rio+20 huwa l-uniku forum multilaterali li jindirizza t-tliet kolonni tal-iżvilupp sostenibbli u għalhekk jiżgura approċċ ħolistiku;

N.  billi l-kunċett tal-UNEP tal-approċċ b'bażi tripla tripla jista' jipprovdi bażi tajba għal diskussjoni;

O.  billi huma disponibblisoluzzjonijiet fattibbli għall-isfidi ta' sostenibilità multipla; billi, pereżempju, ir-rendiment tal-investimenti fiż-żamma tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema huma 200 darba iżjed;

P.  billi l-limiti għall-PDG bħala indikazzjoni tal-benessri u l-iżvilupp tal-persuna huma rikonoxxuti fil-wisa“;

Q.  billi teżisti n-neċessità ta' promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

R.  billi teżisti n-neċessità li tiġi promossa soċjetà soċjalment inklużiva, b'saħħitha, bla periklu u ġusta b'rispett lejn id-drittijiet fundamentali u d-diversità kulturali li toħloq opportunitajiet indaqs u tiġġieled id-diskriminazzjoni f'kull forma tagħha;

S.  billi l-governanza ambjentali tajba tmur lil hinn mill-arranġamenti istituzzjonali u hija magħmula fost l-oħrajn mit-trasparenza, ir-responsabilità u l-involviment tas-soċjetà ċivili; billi l-Prinċipju 10 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio jikkonferma li kwistjonijiet ambjentali huma ttrattati l-aħjar bil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha kkonċernati u jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni rigward l-ambjent, id-dritt li jkun hemm parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess effettiv għall-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi;

T.  billi tul l-għoxrin sena li għaddew, it-tibdil radikali fid-dinja ġeopolitika, fejn xi pajjiżi li qed jiżviluppaw saru protagonisti ekonomiċi u politiċi ewlenin, wassal għal bilanċ ġdid tas-setgħat u tal-influwenzi, u dan ġab miegħu rwoli u responsabilitajiet ġodda;

U.  billi l-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ppreżentati lin-NU qabel l-1 ta' Novembru 2011, bħala kontribut għan-negozjati li jibdew fil-bidu tal-2012;

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 64/236 biex tiltaqa' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-ogħla livell possibbli f'Rio de Janeiro f'Ġunju 2012, li tirrappreżenta opportunità unika għall-mexxejja dinjija biex ifasslu l-aġenda tas-sostenibilità għall-10 snin li ġejjin filwaqt li ġie mtenni l-bżonn ta' solidarjetà globali; jitlob li l-pajjiżi jiġu rappreżentati fil-livell ta' Kapijiet tal-Istat u/jew Gvernijiet;

2.  Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar”; iqis, madankollu, li l-enfasi fuq l-ekonomija ekoloġika u s-settur privat m'għandhiex tiġbed l-attenzjoni minn fuq il-bżonn li tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u milli titħeġġeġ governanza ambjentali tajba lil hinn mill-arranġamenti istituzzjonali; jenfasizza li l-UE tista' taqsam esperjenzi importanti f'dan ir-rigward biex jiġi implimentat il-Prinċipju 10 ta' Rio,

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li titressaq quddiem in-NU qabel l-1 ta' Novembru 2011 pożizzjoni b'saħħitha u magħquda tal-UE, bħala kontribut għan-negozjati li jibdew fil-bidu tal-2012;

4.  Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun minn ta' quddiem fil-proċessi u l-politiki tal-UE jekk hi tixtieq tkun konsistenti internament u fl-aspirazzjonijiet internazzjonali tagħha;

5.  Jenfasizza li s-Samit Rio+20 jirrappreżenta opportunità kruċjali biex jissaħħu l-impenn politiku għal żvilupp sostenibbli fil-livell globali u s-sħubijiet bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw;

6.  Jenfasizza li hemm bżonn kruċjali li tingħata doża ta' urġenza akbar u ta' dinamiżmu fl-implimentazzjoni u l-governanza internazzjonali tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli li l-progress tagħhom qed isir bil-mod;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li s-Samit Rio+20 ma jwassalx biss għal dikjarazzjonijiet ta' rieda tajba, imma għal azzjonijiet tanġibbli u miri responsabbli u mezzi biex dawn jitkejlu, li huma bżonjużi biex jixprunaw is-sinerġija fost l-elementi ta' żvilupp sostenibbli;

8.  Rigward il-fatt li qed titqiegħed enfasi fuq l-“ekonomija ekoloġika” bħala waħda miż-żewġ temi ewlenin tas-Samit, jinsisti li l-“ekonomija ekoloġika” għandha tinftiehem bħala l-ekonomija kollha kemm hi li topera fil-limiti tas-sostenibilità fir-rigward tal-bijodiversità, iż-żamma tas-servizzi tal-ekosistema, il-ħarsien tal-klima u l-użu ta' riżorsi naturali; jenfasizza li għandha tingħata iktar importanza lill-kapital uman, ambjentali u naturali u li l-iżvilupp sostenibbli għandu jinvolvi iktar mis-sempliċi ekonomija ekoloġika;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li s-Samit Rio+20 għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-aġendi ambjentali, ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jbiddel il-mod kif wieħed iħares lejhom minn tliet kolonni indipendenti għal approċċ aktar koerenti u interdipendenti;

10.  Huwa tal-fehma li t-tweġiba adatta biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-ġejjieni mhijiex li titnaqqas il-veloċità tat-tkabbir iżda li jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli u l-ekonomija ekoloġika, li joffru opportunitajiet lill-pajjiżi kollha, irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tagħhom u l-istruttura tal-ekonomija tagħhom;

11.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati sfidi ġodda u emerġenti, bħall-iskarsezza tar-riżorsi u r-rwol tagħha fil-kunflitti;

12.  Jenfasizza l-fatt li l-ekwità hija l-bażi tal-bidla fil-mudelli li għandha ssir, u din għandha tiġi żgurata fuq skala globali, u b'hekk tippermetti lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lil dawk li qed jiżviluppaw biex, bl-għajnuna tal-pajjiżi żviluppati, jiddaħħlu fil-mewġa normali ta' żvilupp u jinbtu bi status ogħla f'termini ta' benessri uman, iżda wkoll fil-forma tal-ekwità ta' bejn il-pajjiżi u dik interġenerazzjonali;

13.  Jenfasizza li s-Samit Rio+20 għandu jistabbilixxi għanijiet speċifiċi u konkreti u mezzi li bihom jistgħu jiġu mkejla u mmonitorjati, u jitlob biex jiġi adottat Pjan Direzzjonali għall-Ekonomija Ekoloġika f'dan ir-rigward;

14.  Jenfasizza li biex titwettaq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-eliminazzjoni tal-faqar, jeħtieġ li tinħoloq rabta bejn il-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet tal-bniedem u jiġu indirizzati t-tliet dimensjonijiet ta' politika marbutin ma' xulxin li ġejjin:

   l-investiment fl-immaniġġjar sostenibbli ta' riżorsi ewlenin u kapital naturali fuq il-bażi ta' sforz ikkoordinat fir-R&Ż,
   it-twaqqif tas-suq u l-kundizzjonijiet regolatorji t-tajbin ibbażati fuq il-mudell tal-prinċipju tal-ekwità,
   it-titjib tal-governanza u l-involviment tas-soċjetà ċivili u s-settur privat;

15.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu inklużi l-prinċipju ta' approċċ komuni imma differenzjat, il-prinċipju prekawzjonali, il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u responsabilità estiża tal-produttur ħalli jitħeġġeġ ammont xieraq ta' responsabilitajiet għall-iżvilupp sostenibbli globali; jenfasizza li l-politiki ta' tkabbir ekoloġiku għandu jkollhom l-għan li jsibu soluzzjonijiet favorevoli għal kulħadd billi jsawru l-imprenditorija, il-kompetittività u l-innovazzjoni fis-setturi kollha u jiffukaw fuq żoni fejn it-titjib ikun l-iktar effiċjenti f'termini ekonomiċi u effikaċi f'termini ambjentali;

16.  Jenfasizza li ekonomija ekoloġika għandha tkun iffukata fuq it-tneħħija tar-rabta bejn l-attività ekonomika mill-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li s-Samit Rio+20 jipprova jsib soluzzjoni għad-differenzi persistenti u dejjem jikbru tal-ekwità fil-livell globali u f'dak nazzjonali minħabba l-mudell ekonomiku preżenti;

18.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-iktar soluzzjonijiet siguri, prattiċi u disponibbli malajr għall-problemi konġunti tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u d-diversifikazzjoni jikkonsistu fil-ħarsien u l-espansjoni tal-ekosistemi naturali;

19.  Jenfasizza li s-Samit Rio+20 għandu jiddiskuti approċċ integrat biex jindirizza l-isfidi multipli bħalma huma l-eliminazzjoni tal-faqar, is-saħħa, il-provvista tal-ikel, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tibdil klimatiku u l-provvista tal-enerġija; jenfasizza li dawk il-problemi ma jistgħux jissolvew b'mod iżolat u li m'hemm l-ebda “soluzzjoni maġika” u dan jagħmel il-kooperazzjoni saħansitra iktar importanti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol indispensabbli ta' ekosistemi b'saħħithom u naturali fl-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

20.  Jitlob biex is-Samit Rio+20 jinsisti fuq il-progress mgħaġġel fl-iżgurar tal-effikaċja ta' qafas ġuridiku internazzjonali eżistenti għall-ħarsien tal-ambjent billi l-Istati jiġu inkuraġġiti jadottaw strumenti internazzjonali li jeżistu diġà, u l-pajjiżi firmatarji jitħeġġew jipproċedu bir-ratifika veloċi tagħhom;

Azzjonijiet rigward ir-riżorsi u l-kapital naturali

21.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni favur ekonomija ekoloġika teħtieġ azzjoni urġenti fir-rigward tal-ħarsien tal-ekosistemi, effiċjenza u sostenibilità tar-riżorsi u l-kapital naturali, filwaqt li jiġu promossi konsum u produzzjoni sostenibbli; jenfasizza l-bżonn li jitkomplew l-inizjattivi attwali fuq il-bini tal-kapaċità;

22.  Itenni li l-kunċett ta' “ekonomija ekoloġika” bir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni mhux se jġib awtomatikament prosperità għall-foqra u jikseb l-MDGs sakemm l-ekonomiji jkunu ġestiti b'mod xieraq, il-kapital naturali mmexxi b'mod effettiv u b'ekwità u l-aċċess għad-distribuzzjoni jkun garantit b'mod ugwali għall-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni;

23.  Jenfasizza l-bżonn li jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, u li l-impatti tal-użu tar-riżorsi naturali jinżammu fil-limiti ekoloġiċi sikuri;

24.  Jenfasizza li l-aċċess ġust u ekwitabbli għal, u d-distribuzzjoni ta', riżorsi għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri huwa prekundizzjoni kruċjali għall-iżvilupp u l-eliminazzjoni tal-faqar u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom ikunu jistgħu japprofittaw mir-riżorsi naturali tagħhom bl-iktar modi sostenibbli u inklużivi; jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li l-pajjiżi kollha jipparteċipaw f'dan sabiex jinħolqu soċjetajiet sostenibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-ifqar pajjiżi u l-ifqar segmenti tal-popolazzjoni dinjija se jkunu l-aktar affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima u b'hekk għandhom bżonn l-appoġġ għall-adattament, speċjalment biex jitqiesu l-bżonnijiet u l-għarfien tan-nisa u tal-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli,

25.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu vvalutati r-riżorsi, il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistema bil-valur reali tagħhom, filwaqt li ma jiġux ikkummerċjalizzati s-sistemi naturali; jitlob għat-twaqqif ta' proċessi ta' kontabilità tal-kapital naturali u l-integrazzjoni tagħhom fl-istrutturi tal-kontabilità ekonomika u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi;

26.  Iqis li huwa parti mir-responsabilità tal-pajjiżi industrijalizzati li jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi triqithom lejn l-iżvilupp, u li jippermettulhom ma jwettqux l-istess żbalji fir-rigward tar-riżorsi naturali u tal-mezzi ta' żvilupp mhux sostenibbli;

27.  Jenfasizza li l-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi għandhom impatt kbir fuq l-ambjent u fuq il-komunitajiet lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fuq l-ambjent u l-komunitajiet fid-diskussjonijiet u n-negozjati f'Rio+20;

28.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġu indirizzati riżorsi skarsi, bħalma hija l-materja prima, l-użu sostenibbli tagħha u l-opportunitajiet tar-riċiklar; iżda wkoll biex tittejjeb ir-riċerka fit-teknoloġiji għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll l-aċċess għal dawn it-teknoloġiji u t-tixrid tagħhom;

L-ilma

29.  Jenfasizza li s-Samit Rio+20 għandu bżonn iġedded l-impenn tiegħu favur it-tħeġġiġ tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u ta' mmaniġġjar sostenibbli tal-ilma bħala oġġett pubbliku; iqis li t-twaqqif ta' sħubijiet internazzjonali f'dan ir-rigward jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-għan, speċjalment permezz ta' programmi ta' adattament għat-tibdil fil-klima bl-għan li l-ilma jinqabad fejn jaqa“;

30.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010 tirrikonoxxi l-aċċess għall-ilma tax-xorb bħala dritt tal-bniedem, u jitlob għal protezzjoni speċjali għall-ilma bħala element partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwantità u fil-kwalità tal-ilma disponibbli, partikolarment tal-ilma tax-xorb;

31.  Jitlob li s-Sammit ta' Rio+20 jiżgura li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jkun miksub globalment;

32.  Jisħaq fuq l-importanza ta' mmaniġġjar integrat tal-baċir tax-xmara, u jitlob għal tisħiħ ta' politiki biex jitjieb l-aċċess għall-ilma, iż-żmien taż-żamma, il-kwalità u l-effiċjenza, kif ukoll il-kooperazzjoni transkonfinali fil-baċiri tax-xmajjar transkonfinali;

L-ambjent marin u l-oċeani

33.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-governanza u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent marin, il-bijodiversità marina u l-oċeani; iqis li l-ibħra u l-oċeani għandhom isiru waħda mill-pilastri ewlenin tal-Qafas ta' Rio, barra l-protezzjoni tal-klima u tal-bijodiversità;

34.  Jistieden b'mod partikolari lis-Samit Rio+20 iniedi negozjati speċifiċi sabiex jadotta strumenti ġuridiċi internazzjonali għall-:

   kontroll tat-tniġġis ibbażat fuq l-art tal-ibħra u tal-oċeani,
   ġestjoni sostenibbli u evalwazzjoni tal-attivitajiet umani fiż-żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, u
   għall-konservazzjoni tal-bijodiversità marina u l-introduzzjoni u r-rikonoxximent taż-żoni marini protetti fl-ibħra internazzjonali;
  

Strumenti ta' dan it-tip għandu jistabbilixxi l-qafas ġuridiku għal żoni marini protetti għal ħafna skopijiet, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-qsim ġust u ekwitabbli tal-benefiċċji derivati mill-użu ta' riżorsi ġenetiċi u riżorsi oħrajn. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' tisħiħ;

35.  Jitlob li tiġi stabbilita malajr sistema globali ta' monitoraġġ tal-ekosistema marina biex tidentifika tibdil fl-ekosistemi marini u fir-riżorsi tal-ħut;

36.  Iqis li għandu jsir impenn qawwi għall-immaniġġjar sostenibbli tas-sajd, b'mod partikolari billi: jkun hemm programmi ta' qbid sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat impenn politiku mġedded biex jiġu implimentati ftehimiet internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi marittimi ħajjin; jintlaħaq ftehim dwar il-proċess ta' reviżjoni tal-implimentazzjoni biex jiġi żgurat li l-ħażniet tal-ħut jitħallew jipproċedu biss jekk ikunu ġestiti bi qbil mal-obbligi internazzjonali; u jissaħħu l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd u jiġu introdotti prattiki tajbin f'termini ta' istituzzjonijiet, mekkaniżmi tat-trasparenza u responsabilità, tas-sorveljanza u tal-infurzar;

37.  Jinsisti dwar il-bżonn li jiġu applikati l-prinċipju prekawzjonarju u approċċ ta' ekosistema għal kwalunkwe attività li għandha impatt fuq l-ambjent tal-ħajja;

L-enerġija

38.  Jagħmel referenza għall-iskarsezza dejjem tiżdied ta' sorsi tal-enerġija fossili, bħalma huma ż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam; jfakkar fil-kontribut tagħhom għall-effett tal-gassijiet b'effett serra, filwaqt li sorsi mhux konvenzjonali għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali u tal-produttività;

39.  Iwissi kontra kwalunkwe operazzjoni ta' esplorazzjoni u estrazzjoni taż-żejt offshore f'żoni fraġli mil-lat ambjentali bħaż-żona Artika biex jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn produzzjoni enerġetika internazzjonali mingħajr karbonju u huwa kontra l-estrazzjoni taż-żejt miksub minn ramel tal-qatran u shales taż-żejt,

40.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika teħtieġ trasformazzjoni radikali tas-settur tal-enerġija sabiex ikunu promossi l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija u wkoll l-aċċess universali għall-enerġija għall-foqra u biex titkattar l-elettrifikazzjoni, speċjalment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; jenfasizza l-bżonn għal teknoloġija ta' enerġija rinovabbli u teknoloġija (transettorjali) u trasferiment tal-għarfien, partikolarment biex ikun appoġġat użu tal-enerġija rinovabbli lokali u fuq skala żgħira, biex ma jiġix ostakolat id-dritt tagħhom għall-iżvilupp;

41.  Jitlob għal miri u miżuri globali biex jiżdiedu l-użu tal-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija mad-dinja kollha;

42.  Jemmen li l-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija għandhom il-potenzjal li jtaffu t-tibdil fil-klima, jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, itejbu s-sigurtà tal-provvista u jipprovdu benefiċċji ambjentali u tas-saħħa;

43.  Jitlob lis-samit ta' Rio+20 biex jiżgura li s-sostenibilità tal-prodotti tal-bijofjuwil u tal-bijoenerġija tkun garantita, u jenfasizza f'dan ir-rigward li d-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ;

44.  Iqis li t-termini qosra fil-metodoloġija attwali ta' kontabilità GHG LULUCF jikkompromettu r-riżultati miksuba fit-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG); jitlob li ssir reviżjoni ta' din il-metodoloġija biex tiġi salvagwardjata l-kapaċità ta' adattament ta' ekosistemi naturali;

45.  Iqis li l-ispejjeż esterni tal-provvista tal-enerġija għandhom ikunu riflessi fil-prezz tal-enerġija;

46.  Ifakkar, b'kunsiderazzjoni tad-diżastru ta' Fukushima, fil-ħtieġa assoluta li jiġi żgurat l-ogħla livell ta' sikurezza nukleari fl-UE u li dawn ir-rekwiżiti jiġu promossi fil-livell internazzjonali;

L-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel

47.  Jenfasizza li l-aċċess għal ikel adegwat u tajjeb għas-saħħa jikkostitwixxi dritt bażiku tal-bniedem u għaldaqstant jappella għal azzjoni qawwija u kkoordinata kontra l-kawżi primarji kkaġunati mill-bniedem tal-ġuħ u għall-garanzija ta' sovranità tal-ikel għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

48.  Jenfasizza li hemm bżonn urġenti li tkun promossa agrikoltura fuq skala żgħira, sostenibbli, u organika fil-kuntest tal-eliminazzjoni tal-faqar, filwaqt li jiġi rikonoxxut li, is-sistemi tal-biedja multifunzjonali b'impatt baxx xieraq li tuża boskijiet ta' żerriegħa tradizzjonali, diġà jeżistu u għandhom jiġu promossi;

49.  Jemmen li s-settur tat-trobbija tal-bhejjem għall-ikel huwa parti fundamentali tal-ekonomija l-ħadra, li t-twettiq ta' prattiki umani u sostenibbli għat-trobbija tal-bhejjem huwa essenzjali, u li t-titjib u s-salvagwardja tal-għejun tal-għajxien għandhom irwol importanti fit-trażżin tal-impatt tat-tibdil fil-klima, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-inħawi rurali;

50.  Huwa tal-istess opinjoni tal-Kummissjoni li l-inizjattivi eżistenti li jippromwovu l-agrikoltura sostenibbli li jibnu fuq azzjonijiet multilaterali (bħalma hija l-FAO), attivitajiet reġjonali, nazzjonali u lokali (bħalma huma l-biedja organika u dik ta' valur naturali għoli, serer effiċjenti mil-lat enerġetiku, alloġġi sostenibbli għaż-żamma tal-annimali, agrikoltura ta' preċiżjoni, imprenditorija agrikola newtrali f'termini ta' CO2, bijomassa u fermentazzjoni tad-demel) kif ukoll attivitajiet ta' negozju għandhom jissaħħu, u li, barra minn hekk, inizjattivi u sħubijiet ġodda għandhom jitniedu skont l-arranġamenti ta' governanza tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Ikel biex il-konsum u l-produzzjoni tal-ikel isiru aktar sostenibbli ħalli tkun promossa l-kapaċità ta' rkupru tal-komunità u jitnaqqas il-ġuħ;

51.  Jitlob għal miżuri globali biex tinħoloq trasparenza akbar fis-suq tal-prodotti primarji u biex tieqaf l-ispekulazzjoni finanzjarja li tikkontribwixxi għall-volatilità għolja fil-prezzijiet tal-ikel u l-kriżijiet globali sussegwenti tal-ikel, billi jiġu adottati r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel; josserva bi tħassib it-tendenzi globali fl-akkwist ta' art fuq skala kbira min-naħa ta' entitajiet barranin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jisħaq fuq il-bżonn biex din it-tendenza tieqaf biex tiġi garantita s-sigurtà alimentari u jiġu protetti d-drittijiet tal-bdiewa ż-żgħar u tal-komunitajiet indiġeni;

52.  Jiddispjaċih tal-progress dgħajjef tan-negozjati u tal-impenji fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD); iqis li l-ħamrija hija riżors skars u li d-degradazzjoni tal-art u l-bidla fl-użu tal-art jeħtieġu rispons globali; jitlob għal azzjoni konkreta, miżuri effiċjenti u monitoraġġ, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni tal-bijofjuwils;

53.  Jisħaq fuq l-importanza li jintuża l-potenzjal totali sħiħ u li jkunu żgurati d-drittijiet tal-propjetà ta' produtturi indiġeni u rziezet tal-familja, li huma responsabbli għall-maġġoranza tal-forniment globali tal-ikel u li għandhom bżonn appoġġ għall-produzzjoni u l-aċċess għas-suq;

54.  Jenfasizza l-bżonn għal riċerka u innovazzjoni applikati fil-qasam tal-agrikoltura sabiex jiġu stimolati soluzzjonijiet sostenibbli, bħall-agrikolturi ta' preċiżjoni, li tnaqqas il-bżonn ta' tisqija u tal-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti;

55.  Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-FAO, l-IFAD, il-FMI, l-OECD, l-UNCTAD, il-Programm Dinji tal-Ikel (PDI), il-Bank Dinji, id-WTO, l-IFPRI u t-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kriżi Globali tas-Sigurtà Alimentari (HLTF) tan-NU lill-G20 biex l-istati jneħħu d-dispożizzjonijiet tal-politiki nazzjonali attwali li jissussidjaw jew jafdaw b'mandat il-produzzjoni jew il-konsum tal-bijofjuwils, tal-anqas sakemm il-garanziji għat-tneħħija tal-kompetizzjoni mal-produzzjoni tal-ikel, il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-klima jkunu stabbiliti,

Il-foresti

56.  Jenfasizza li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jirriżultaw fi ħsara ambjentali u soċjali li jkun diffiċli biex terġa' tinġieb lura s-sitwazzjoni preċedenti, bħal disturb fit-tul tal-kundizzjonijiet tal-ilma, il-formazzjoni ta' steppi u d-deżertifikazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, il-faqar rurali, u kunflitti minħabba l-art, l-aċċess għar-riżorsi, id-drittijiet u l-benefiċċji, il-kostijiet ekonomiċi kumplessivi li jaqbżu bil-kbir in-nefqa għall-miżuri ta' protezzjoni u titjib; iqis li s-Samit Rio+20 kellu jkollu objettiv li jiggarantixxi governanza tal-foresti parteċipattiva, kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji u l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti fuq livell dinji;

57.  Jisħaq fuq il-bżonn li tkun promossa ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tiġi miġġielda d-deforestazzjoni, fost l-oħrajn, permezz tal-għeluq ta' swieq għall-injam maqtugħ illegalment u b'mod mhux sostenibbli; jisħaq fuq il-bżonn li jiġu stabbiliti sħubijiet mal-gvernijiet, il-komunitajiet lokali u l-gruppi indiġeni, is-soċjetà ċivili u s-settur privat sabiex jintlaħaq dan l-għan;

58.  Jenfasizza f'dan il-kuntest il-bżonn li jiġi rispettat l-impenn ta' Nagoya sa tal-anqas nofs u, meta jkun fattibbli, ir-rata tat-telf tal-ħabitats naturali kollha, fosthom il-foresti, titqarreb lejn iż-żero sal-2020;

59.  Jemmen li kif inhu mfassal l-istrument REDD+ skont il-UNFCCC għandu jiżgura r-rispett ta', u jikkontribwixxi għall-objettivi u l-miri ġenerali tal-protezzjoni tal-foresti, u li jiżgura wkoll il-kontribut għalihom, pereżempju, għandhom ikunu żviluppati infrastrutturi speċifiċi għall-osservazzjoni satellitari u fil-post bil-għan li jivvalutaw jekk il-karbonju huwiex jinġabar f'foresta protetta, kif ukoll bħala rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jappella għalhekk għal aktar trasparenza fl-allokazzjoni tal-fondi rilevanti u monitoraġġ aktar solidu; jenfasizza li d-disinjar tal-mekkaniżmu REDD+ għandu jiżgura vantaġġi konsiderevoli għall-bijodiversità u servizzi vitali tal-ekosistemi lil hinn mill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-drittijiet u t-titjib tal-mezzi ta' sussistenza tal-persuni dipendenti mill-foresti, partikolarment tal-komunitajiet indiġeni u lokali;

60.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-Kodiċi Forestali l-ġdid, li ser jadotta s-Senat Brażiljan, li ser jaggrava d-deforestazzjoni fl-Amazzonja Brażiljana, u b'hekk ixekkel l-isforzi fuq skala internazzjonali favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

61.  Iħeġġeġ lill-pajjiż ospitanti, il-Brażil, jimpenja ruħu biċ-ċar fil-protezzjoni tal-foresta Amazzonika u jikkumbatti l-vessazzjonijiet kriminali fil-konfront tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li joperaw b'mod attiv favur l-ħarsien tal-ambjent;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex qabel is-Samit Rio+20 tagħmel disponibbli studju li jivvaluta l-impatt tal-konsum ta' prodotti tal-ikel u mhux mill-UE fuq id-deforestazzjoni; jitlob biex l-istudju jivvaluta wkoll l-impatt tal-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tad-deforestazzjoni u jiddefinixxi inizjattivi politiċi ġodda biex jittrattaw l-impatti identifikati;

Il-kimiċi u sustanzi perikolużi

63.  Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li huwa l-waqt li jiġi stabbilit reġim internazzjonali aktar robust u koerenti biex jiġi ggvernat l-użu tas-sustanzi kimiċi u perikolużi, u li s-Samit Rio+20 għandu jfittex li jilħaq dan l-għan, filwaqt li jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar REACH tkun mudell li għandu jiġi adottat minn numru kemm jista' jkun kbir ta' pajjiżi;

Il-ġestjoni tal-iskart

64.  Jisħaq fuq il-fatt li mmaniġġjar tajjeb ta' skart mhux biss jimminimizza impatti ambjentali imma jipprovdi wkoll sors ta' materjali rijutilizzabbli u riċiklati u impjiegi,

65.  Jenfasizza li hemm ħafna riżorsi li attwalment jiġu mixħutin f'landfill, jiġu inċinerati jew ikollhom impatt negattiv fuq l-ambjent u fuq il-komunitajiet lokali u li jistgħu jerġgħu jintużaw jew ikunu riċiklati; jisħaq fuq il-fatt li għandu jsir sforz kbir fir-riċiklaġġ ta' dawn ir-riżorsi sabiex jagħti valur addizzjonali lis-soċjetajiet lokali permezz tal-impjiegi u tal-innovazzjoni, u li r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid jipprevjenu l-qerda tal-ħabitats naturali u tas-soċjetajiet lokali;

L-iżvilupp ta' kundizzjonijiet biex jiġu stimulati s-swieq u l-investiment fil-kapital uman

66.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' integrazzjoni tal-bijodiversità, tas-servizzi tal-ekosistema u tar-riżorsi naturali fil-kontijiet nazzjonali kif ukoll il-pjanijiet u l-istrateġiji kollha fil-qasam tal-iżvilupp / eliminazzjoni tal-faqar;

Sussidji ta' dannu għall-ambjent

67.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġu ttrattati s-sussidji li jkunu ta' dannu għall-ambjent u jiġu żviluppati u implimentati l-inċentivi pożittivi biex jittieħed benefiċċju mill-bijodiversità u din tal-aħħar tkun kkonservata;

68.  Jilqa' favorevolment f'dak il-rigward l-attenzjoni akbar mogħtija lejn it-tiħdir tal-PAK fil-proposti ta' riforma tal-PAK;

69.  Jistieden lis-Samit Rio+20 biex iniedi numru ta' azzjonijiet ikkoordinati minn pajjiżi li jfittxu li jidentifikaw u jneħħu b'mod gradwali s-sussidji kollha li huma ta' dannu għall-ambjent sal-2020, bi qbil mal-impenji ta' Nagoya;

Strumenti regolatorji u bbażati fuq is-suq

70.  Jenfasizza li l-użu ta' strumenti regolatorji, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali, flimkien ma' strumenti bbażati fuq is-suq, se jkollhom rwol kruċjali fis-sostenibbiltà ġenerali tas-soċjetà tagħna; jenfasizza f'dan il-kuntest l-urġenza li jiġi ttrattat l-impatt klimatiku tan-navigazzjoni u l-avjazzjoni internazzjonali u jenfasizza l-eżempju tal-UE u tal-objettivi tagħha tal-20-20-20, kif ukoll tal-politiki ambjentali progressivi tagħha u tal-istandards b'mod ġenerali;

71.  Jenfasizza li qafas regolatorju ċar, affidabbli u komprensiv huwa meħtieġ biex iħalli lill-atturi jispustjaw il-motivazzjoni ekonomika fuq ekonomija effiċjenti, responsabbli u ekoloġika;

72.  Jitlob għall-istabbiliment, fuq livell internazzjonali, ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

73.  Jenfasizza li riformi fiskali mfassla biex imexxu l-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu ta' riżorsi u t-tniġġis jistgħu jgħinu biex joħolqu riżultat, fejn bih jirbaħ kulħadd, kemm għall-impjiegi kif ukoll għall-ambjent, billi din il-bidla tagħmel l-effiċjenza tar-riżorsi, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid aktar attraenti u b'hekk toffri aktar opportunitajiet għall-impjiegi;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tal-UE biex tħeġġeġ l-inklużjoni ta' aspetti ambjentali fin-negozjati tal-kummerċ internazzjonali;

Il-finanzjament

75.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika globali se teħtieġ investiment finanzjarju fuq skala kbira; jenfasizza li l-flus pubbliċi waħedhom mhux se jkunu biżżejjed, u li l-iffinanzjar pubbliku se jkollu jservi ta' katalist u lieva għal investiment privat ħafna akbar; jenfasizza fuq il-bżonn ta' promozzjoni tal-innovazzjoni u tat-teknoloġiji l-ġodda billi jitjieb ukoll l-aċċess għall-finanzjament;

76.  Jistieden lis-Samit Rio+20 biex jirrakkomanda li jirriforma strateġiji finanzjarji eżistenti u biex jiġu stabbiliti skemi ġodda ta' finanzjar pubbliku u privat u sħubijiet kif ikun hemm bżonn;

77.  Jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn qafas fuq tul ta' żmien twil stabbli rigward l-appoġġ finanzjarju, tkabbir tal-kapaċità u trasferiment tat-teknoloġija biex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli u jkunu jistgħu jevitaw l-iżvilupp intensiv tal-enerġija u tal-karbonju li għaddew minnu l-pajjiżi industrijalizzati;

78.  Jitlob li s-samit Rio+20 isaħħaħ l-miżuri u jżid ir-riżorsi disponibbli għall-mitigazzjoni tar-riskju ambjentali globali u l-mekkaniżmi tat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri;

79.  Jenfasizza li l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għandha tkun monitorjata aħjar, inkluż l-użu ta' miżuri alternattivi għal impenji għall-iżvilupp, bħalma hija l-għajnuna programmabbli tal-pajjiż l-OKŻE jew l-Impenn tal-Indiċi ta' Żvilupp, biex ikunu garantiti l-konformità mal-ftehimiet ambjentali multilaterali u tikkontribwixxi għall-ilħiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif ukoll għall-objettivi usa' tal-ekonomija ekoloġika;

80.  Iqis li hija kruċjali li l-ifqar pajjiżi jkollhom aċċess għal forom innovattivi ta' ffinanzjar biex titnaqqas id-differenza fl-ekwità li jesperjenzaw dawn il-pajjiżi;

81.  Jitlob monitoraġġ tal-effetti tal-finanzjamenti fuq il-bilanċ tal-ġeneru bil-għan li jiġu garantiti finanzjamenti li jqisu l-ġeneru;

Is-setgħa liċ-ċittadini

82.  Iqis li hija tal-akbar importanza li ċ-ċittadini jkomplu jingħataw is-setgħa fil-governanza ambjentali u jitlob għal progress f'Rio+20 biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni globali tal-Prinċipju 10 ta' Rio; iqis li l-UE għandha esperjenza importanti x'toffri għad-diskussjonijiet internazzjonali b'aktar minn 10 snin implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus;

83.  Jitlob li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus jitwessgħu lil hinn mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) permezz ta' Konvenzjoni globali jew il-ftuħ tal-Konvenzjoni ta' Aarhus għal partijiet barra min-NU/KEE;

84.  Jirrakkomanda approċċ komprensiv għar-rispett tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġu implimentati politiki favur l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-bżonn li jingħata livell adegwat ta' protezzjoni għall-persuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima;

85.  Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe strument ta' regolamentazzjoni jista' jirnexxi biss jekk jingħaqad mal-informazzjoni u l-edukazzjoni; huwa barra minn hekk tal-fehma li t-tibdil tal-valuri u tal-imġiba fl-approċċi minn isfel għal fuq għandhom importanza ewlenija, u jitlob speċifikament għal inizjattivi li jimmobilizzaw iż-żgħażagħ, bħala l-ġenerazzjoni li jmiss li se tintlaqat mill-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna;

It-taħriġ

86.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu appoġġjati programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, fil-pajjiżi kollha; jemmen li l-promozzjoni ta' kapaċitajiet ġodda se tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda fis-suq tax-xogħol dinji, li jiġġeneraw effetti multipli pożittivi fuq livell soċjali;

Teknoloġiji

87.  Jisħaq fuq l-importanza tar-R&Ż u l-innovazzjoni, u l-bżonn għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika;

88.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni teknoloġika, il-valutazzjoni u t-trasferiment huma essenzjali biex jiġu sodisfatti l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali; jenfasizza wkoll, madankollu, li l-iżvilupp teknoloġiku ma jistax ikun l-unika soluzzjoni għall-problemi ambjentali jew għall-eliminazzjoni tal-faqar;

89.  Jenfasizza l-innovazzjoni hija iktar minn innovazzjoni teknika – l-innovazzjoni soċjali tagħti soluzzjonijiet ġodda u effikaċi għal bżonnijiet soċjali l-aktar urġenti maħluqa minn individwi jew organizzazzjonijiet b'importanza soċjali, u mhux neċessarjament kummerċjali; jenfasizza wkoll li l-innovazzjoni soċjali tipprovdi opportunità għaċ-ċittadini, fi kwalunkwe rwol, biex itejbu l-ambjent tax-xogħol u tal-ħajja tagħhom, b'hekk tgħin fl-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili globalment u tipprovdi l-opportunità biex is-soċjetà ċivili tipparteċipa fil-protezzjoni u fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

90.  Jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposti għal ġeoinġinerija fuq skala kbira;

91.  Ifakkar li l-protezzjoni tal-għarfien, l-innovazzjonijiet u l-prattiki tal-komunitajiet indiġeni u lokali tagħmel espliċitament parti mill-Ftehimiet oriġinali tas-Samit ta' Rio, li tagħti metodi ta' ħidma man-natura ttestjati fuq skala ta' żmien, sikuri u reżiljenti;

92.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti ma jridux jissagrifikaw il-miri ta' żvilupp ġust u sostenibbli u tal-eliminazzjoni tal-faqar; jenfasizza li t-teknoloġiji jista' jkollhom impatti differenti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u mingħajr sorveljanza xierqa ċerti teknoloġiji jistgħu jwasslu għal sfruttar mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali (bħalma huma l-ilma, l-art u l-bijomassa), iżidu l-faqar u effetti soċjali detrimentali oħrajn;

93.  Jappoġġa għalhekk il-Pjan Strateġiku ta' Bali għall-Appoġġ Teknoloġiku u t-Tkabbir tal-Kapaċità għal teknoloġija relatata mal-ambjent kif ukoll għall-miri għall-evalwazzjoni u t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentalment tajbin; jitlob għall-ħolqien ta' kapaċità fi ħdan is-sistema tan-NU biex timmonitorja, tevalwa u tipprovdi informazzjoni dwar teknoloġiji ġodda biex jiġi integrat kunċett usa' ta' sostenibbiltà u jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli ta' prodotti u tal-proċessi fl-oqsma kollha;

Il-kejl tal-progress

94.  Jitlob għal studji urġenti għall-iżvilupp ta' sensiela ġdida ta' kriterji metriċi biex jitkejjel il-progress li sar f'termini ta' ekwità u ta' żvilupp sostenibbli;

95.  Jenfasizza li s-Samit Rio+20 għandu jwassal għal mudell alternattiv biex jitkejlu t-tkabbir u l-benessri “lil hinn mill-PDG”, u jibni fuq inizjattivi bħas-sistema internazzjonali tal-kontijiet integrati tal-ambjent u tal-ekonomija (SEEA), l-Indiċi ta' Żvilupp Uman, u l-proġett “Kejl tal-Progress tas-Soċjetajiet” tal-OKŻE; jenfasizza li huwa meħtieġ sabiex jitkejjel il-progress f'sens wiesa“, li jiġbor fih id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali; jitlob għalhekk għall-adozzjoni ta' indikaturi ċari u li jitkejlu li jqisu t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-inklużjoni soċjali;

96.  Jitlob għal diskussjoni wiesgħa dwar l-inklużjoni ta' dawn l-indikaturi fuq livell internazzjonali fi proċessi komunement użati biex ikun evalwat il-progress pubbliku u dak privat;

97.  Jitlob għar-rikonoxximent tal-prinċipju tan-non regressjoni fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ambjenti kif ukoll tad-drittijiet fundamentali;

It-titjib tal-governanza u l-involviment tas-settur privat

98.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li titjieb il-governanza tal-iżvilupp sostenibbli;

99.  Huwa tal-opinjoni li l-UNEP għandu bżonn jissaħħaħ fis-sistema interna tan-NU, pereżempju billi l-UNEP jinbidel f'Aġenzija Speċjalizzata tan-NU (bħall-ILO), għax dan ikun l-akbar pass “il quddiem biex titjieb il-governanza ambjentali internazzjonali u jsir progress favur żvilupp sostenibbli globali; madankollu f'dan il-kuntest jirrferi għall-alternattivi kollha li ġew identifikati mill-konklużjonijiet ta' Ħelsinki-Najrobi;

100.  Jitlob għall-istabbiliment, taħt l-awspiċji tal-UNEP, ta' grupp ta' xjenzjati esperti ddedikati biex jimxi skont il-mudell tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u fdat bil-kompiti ta' rieżami u valutazzjoni transettorjali tal-informazzjoni xjentifika, teknika u soċjoekonomika l-aktar reċenti prodotta fid-dinja kollha rilevanti għall-fehim tal-bijodiversità u tas-sostenibbiltà;

101.  Ifakkar il-proposta tiegħu għal qorti ambjentali internazzjonali sabiex il-leġiżlazzjoni ambjentali globali ssir b'mod li tkun torbot u infurzata aktar, jew almenu awtorità internazzjonali, bħal ombudsman b'setgħat ta' medjazzjoni;

102.  Jistieden lis-Samit Rio+20 biex iniedi strateġija għat-tisħiħ tal-koerenza bejn il-ftehimiet ambjentali multilaterali differenti; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-bżonn ta' approċċ ikkoordinat bejn it-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio (Bijodiversità, Tibdil fil-Klima u Deżertifikazzjoni) billi dawn huma intrinsikament marbuta ma' xulxin, joperaw fl-istess ekosistemi u jittrattaw kwistjonijiet interdipendenti;

103.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu involuti atturi globali, nazzjonali u lokali fil-proċessi ta' implimentazzjoni;

104.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiżdied l-involviment tal-ministri tal-finanzi, il-ministri tal-ekonomija, il-ministri tal-iżvilupp, il-ministri tal-ambjent u oħrajn fil-politiki tal-iżvilupp sostenibbli;

105.  Jistieden lis-Samit Rio+20 biex isaħħaħ l-involviment tal-partijiet interessati ewlenin, inkluż is-settur privat; jenfasizza li n-negozju u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-NGOs, il-movimenti soċjali u l-komunitajiet indiġeni, għandu jkollhom rwol prominent;

106.  Jisħaq fuq l-importanza li n-negozju u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk li huma żviluppati sabiex jagħtu riżultati tanġibbli;

107.  Jisħaq fuq l-importanza tal-involviment taċ-ċittadini; jitlob biex tiżdied il-kuxjenza u tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar il-konsum sostenibbli, u jiġu introdotti u promossi inċentivi sabiex jinbidlu l-valuri u l-imġiba u jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet responsabbli kemm miċ-ċittadini kif ukoll mill-industrij;

108.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' azzjoni biex tixpruna l-bidla fl-imġiba favur mudell ta' konsum sostenibbli;

109.  Jenfasizza li l-partijiet interessati ewlenin kollha għandu jkollhom aċċess sħiħ, miftuħ u ġust għan-negozjati, il-laqgħat intersessjonali u l-laqgħat preparatorji kollha għal Rio+20;

110.  Jemmen li r-rappreżentanti parlamentari għandu jkollhom rwol attiv fir-rigward tal-konferenza; idealment, il-Parlament Ewropew għandu jkun formalment assoċjat mal-konferenza u jingħata status ekwivalenti għal dik tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-anqas l-istess status li gawda minnha f'konferenzi oħrajn;

o
o   o

111.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza