Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0145/2012

Dibattiti :

PV 13/03/2012 - 16
CRE 13/03/2012 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2012 - 9.9

Testi adottati :

P7_TA(2012)0082

Testi adottati
PDF 247kWORD 81k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2012 - Strasburgu
Il-ġlieda kontra l-epidemija tad-dijabete fl-UE
P7_TA(2012)0082RC-B7-0145/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2012 dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE (2011/2911(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent dwar il-Kura u r-Riċerka tad-Dijabete fl-Ewropa, adottata waqt l-ewwel laqgħa tal-Programm ta' Azzjoni dwar id-Dijabete tad-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent, li saret f'Saint Vincent bejn l-10 u t-12 ta' Ottubru 1989(1),

–  wara li kkunsidra l-ħolqien mill-Kummisjoni ta' Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa fil-15 ta' Marzu 2005(2),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2005 dwar “Il-promozzjoni ta' dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika: Dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku”, li tindirizza d-determinanti li fuqhom huwa bbażat il-bidu tad-dijabete tat-Tip 2 (COM(2005)0637),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenza Awstrijaka “Il-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2”, li saret fil-15 u s-16 ta' Frar 2006 fi Vjenna(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-11 ta' Settembru 2006 bit-titolu “Il-Prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tal-WHO”(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 61/225 tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-Jum Dinji tad-Dijabete.

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(7) u d-Deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2011 dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' finanzjament għall-2011 fil-qafas tat-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13) u dwar l-għażla, l-għoti u kriterji oħra għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-azzjonijiet ta' dan il-programm(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 bit-titolu “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (COM(2007)0630),

–  wara li kkunsidra s-Seba' Programm Kwadru għall-attività ta' riċerka (2007-2013)(9) u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2011)0808),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 bit-titolu “Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE” (COM(2009)0567),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 64/265 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx.

–  wara li kkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-proġett FP7-HEALTH-200701 imwaqqaf fid-“DIAMAP – Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar id-Dijabete fl-Ewropa”(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva ewlenija Europa 2020 – Unjoni innovattiva” (COM(2010)0546), u s-sħubija pilota tagħha dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 bit-titolu “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa”,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 65/238 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Diċembru 2010 dwar l-iskop, il-modalitajiet, il-format u l-organizzazzjoni tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' Mard li ma jitteħidx,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moska adottata matul l-Ewwel Konferenza Ministerjali Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istili ta' Ħajja Tajbin għas-Saħħa u l-Kontroll tal-Mard li ma Jitteħidx, li saret f'Moska mit-28 sad-29 ta' April 2011(11),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dijabete hija waħda mill-iktar komuni fost il-mard li ma jitteħidx, kkalkolata li taffettwa iktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, li jirrappreżentaw kważi 10 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE, bi 32 miljun ċittadin ieħor li jsofru minn intolleranza għall-glukożju u bi probabilità kbira ħafna li tevolvi f'dijabete klinika ċara(13);

B.  billi n-numru ta' persuni li qed jgħixu bid-dijabete fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b'16.6 % sal-2030, konsegwenza tal-epidemija tal-obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu determinati;

C.  billi d-dijabete tat-Tip 2 tnaqqas il-medja ta' għomor il-bniedem b'bejn 5 u 10 snin(14) u d-dijabete tat-Tip 1 tnaqqas il-medja ta' għomor il-bniedem b'madwar 20 sena(15) filwaqt li 325 000 mewt fis-sena huma attribwiti lid-dijabete fl-UE(16) jiġifieri ċittadin tal-UE kull żewġ minuti;

D.  billi t-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju identifikati, l-iktar id-drawwiet marbuta mal-istil ta' ħajja, huwa dejjem aktar rikonoxxut bħala strateġija ewlenija ta' prevenzjoni li tista' tnaqqas l-inċidenza, il-prevalenza u l-kumplikazzjonijiet kemm għad-dijabete tat-Tip 1 kif ukoll għal dik tat-Tip 2;

E.  billi għadha meħtieġa riċerka biex jiġu identifikati b'mod ċar il-fatturi ta' riskju għad-dijabete tat-Tip 1, billi qed issir riċerka dwar il-predispożizzjoni ġenetika u billi d-dijabete tat-Tip 1 qed tiżviluppa dejjem aktar f'età żgħira;

F.  billi d-dijabete tat-Tip 2 hija marda li tista' tiġi evitata u li l-fatturi ta' riskju għaliha - bħal dieta fqira u mhux ibbilanċjata, l-obeżità, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol - ġew identifikati b'mod ċar u jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' strateġiji effikaċi ta' prevenzjoni;

G.  billi għalissa għad m'hemmx kura għad-dijabete;

H.  billi l-komplikazzjonijiet tad-dijabete tat-Tip 2 jistgħu jiġu evitati permezz ta' promozzjoni ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u ta' dijanjosi bikrija; billi ta' spiss qed issir dijanjosi tad-dijabete tard wisq peress u sa 50 % tal-persuni kollha bid-dijabete bħalissa mhumiex konxji mill-kundizzjoni tagħhom(17);

I.  billi sa 75 % tal-persuni kollha li għandhom id-dijabete mhumiex f'kontroll tajjeb tal-kundizzjoni tagħhom, ħaġa li twassal għal riskju akbar ta' komplikazzjonijiet, telf ta' produttività u spejjeż kbar għas-soċjetà(18) kif instab minn studju riċenti(19);

J.  billi f'ħafna Stati Membri d-dijabete hija responsabbli għal iktar minn 10 % tal-infiq għall-kura tas-saħħa, ċifra li xi kultant titla' sa 18,5 %(20), u l-ispiża ġenerali għall-kura tas-saħħa għal ċittadin tal-UE bid-dijabete hija bħala medja EUR 2100 fis-sena(21);

K.  billi d-dijabete hija kawża prinċipali ta' attakki tal-qalb, attakki ta' puplesija, agħma, amputazzjoni u problemi bil-kliewi, jekk ma tiġix trattata kif suppost jew djanjostikata tard wisq;

L.  billi l-promozzjoni ta' stili tal-ħajja sani u l-indirizzar tal-erba' fatturi prinċipali li huma ta' detriment għas-saħħa – it-tabakk, dieta ħażina, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-alkoħol – fl-oqsma politiki kollha jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-prevenzjoni tad-dijabate, il-kumplikazzjonijiet tagħha u l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali tagħha;

M.  billi l-persuni li qed jgħixu bid-dijabete għandhom jipprovdu 95 % tal-kura tagħhom stess(22) u billi l-piż tad-dijabete fuq l-individwi u l-familji tagħhom mhuwiex biss finanzjarju, iżda jinvolvi wkoll kwistjonijiet psikosoċjali u kwalità ta' ħajja iktar fqira;

N.  billi 16 biss minn 27 Stat Membru għandhom qafas jew programm nazzjonali fis-seħħ biex tiġi indirizzata d-dijabete, u ma jeżisti ebda kriterju ċar dwar x'inhu programm tajjeb jew liema huma l-pajjiżi tal-aħjar prattika(23); u billi hemm differenzi u inugwaljanzi konsiderevoli fil-kwalità tat-trattament tad-dijabete fl-UE;

O.  billi ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE għad-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jbatu mid-dijabete jew minn mard kroniku ieħor, u l-preġudizzju kontra dawk li jbatu minn dan il-mard għad għandu rwol kbir fl-iskejjel, fir-reklutaġġ, fil-postijiet tax-xogħol, fil-poloz tal-assikurazzjoni u fil-valutazzjoni għal liċenzji tas-sewqan fl-UE kollha;

P.  billi hemm nuqqas ta' finanzjament u infrastruttura biex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar id-dijabete fl-UE, ħaġa li qed ikollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tar-riċerka tal-UE dwar id-dijabete u li qed żżomm persuni li għandhom id-dijabete milli jibbenefikaw għalkollox mir-riċerka fl-Ewropa;

Q.  billi bħalissa m'hemm l-ebda strateġija Ewropea biex tiġi indirizzata d-dijabete minkejja l-Konlużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Awstrijaka dwar il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2(24), lista estensiva ta' Riżluzzjonijiet tan-NU u d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew dwar id-dijabete;

1.  Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010, dwar “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa” (25)u t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex “jibdew proċess ta' riflessjoni mmirat li jidentifika l-għażliet li jottimizzaw ir-reazzjoni għall-isfidi tal-mard kroniku”;

2.  Jieħu nota tar-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx li tiffoka fuq id-dijabete bħala waħda mill-erba' mardiet ewlenin li ma jitteħdux;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta Strateġija mmirata tal-UE għad-Dijabete fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar il-prevenzjoni, id-djanjosi, il-ġestjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka tad-dijabete;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji kriterji u metodi komuni u standardizzati għall-ġbir tad-data dwar id-dijabete, u b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, biex tikkoordina, tiġbor, tirreġistra, timmoniterja u tiġġestixxi d-data epidemjoloġika komprensiva dwar id-dijabete u data ekonomika dwar l-ispejjeż diretti u indiretti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmoniterjaw programmi nazzjonali dwar id-dijabete mmirati lejn il-promozzjoni tas-saħħa, it-tnaqqis, it-tbassir u l-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju, id-djanjosi bikrija u t-trattament tad-dijabete, intenzjonati għall-popolazzjoni kollha u għal gruppi li jinsabu f'riskju għoli b'mod partikulari u bl-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jottimizzaw ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa;

6.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2 u l-obeżità (filwaqt li jirrakkomanda li l-istrateġiji jiġu implimentati minn età bikrija permezz tal-edukazzjoni dwar drawwiet dietetiċi sani u l-attività fiżika fl-iskejjel) strateġiji favur l-istil tal-ħajja san, inklużi approċċi tad-dieta u tal-eżerċizzju; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-politiki dwar l-ikel ikunu allinjati mal-objettivi tal-promozzjoni ta' dieta sana, li tippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati u favur is-saħħa, u ta' dijanjożi bikrija bħala ewlementi ewlenin ta' azzjoni fil-programmi nazzjonali tagħhom dwar id-dijabete;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-programmi nazzjonali tajbin dwar id-dijabete; jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni timmoniterja l-progress b'mod kontinwu fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-programmi nazzjonali dwar id-dijabete u li tippreżenta r-riżultati kull tliet snin fil-forma ta' rapport tal-Kummissjoni;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' ġestjoni tad-dijabete ibbażati fuq l-aħajr prattiki kif ukoll linji gwida dwar it-trattament ibbażati fuq l-evidenza;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess kontinwu għall-pazjenti tal-kura primarja u sekondarja għal timijiet interdixxiplinari, trattamenti tad-dijabete u teknoloġiji ta' kwalità għolja, inklużi teknoloġiji tas-saħħa elettronika, u biex jappoġġaw lill-pazjenti fil-ksib u ż-żamma tal-ħiliet u l-fehim meħtieġa biex ikollhom awtoġestjoni kompetenti tul il-ħajja kollha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete billi jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini tar-riċerka u joħolqu infrastrutturi ġenerali komuni li jiffaċilitaw l-isforzi tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete, anke fl-oqsma tal-identifikazzjoni u tal-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament tad-dijabete taħt il-Programmi Qafas għar-Riċerka tal-UE attwali u futuri, filwaqt li jqis li d-dijabete tat-Tip 1 hija marda differenti minn dik tat-Tip 2;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw is-segwitu xieraq u adegwat għar-riżultati tas-Samit tan-NU ta'Settembru 2011dwar il-Mard li ma Jitteħidx;

13.  Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, bil-għan li jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/SVD%201989.pdf
(2) http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/platform/index_en.htm
(3) http://www.msps.es/organizacion/sns/planCalidadSNS/pdf/excelencia/cuidadospaliativos-diabetes/DIABETES/opsc_est9.pdf.pdf
(4) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 273.
(5) ĠU C 147, 23.6.2006, p. 1.
(6) http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0004/77575/RC56_eres02.pdf
(7) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
(8) ĠU C 69, 3.3.2011, p. 1.
(9) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(10) http://www.diamap.eu/report/DIAMAP-Road-Map-Report-Sept2010.pdf
(11) http://www.who.int/nmh/events/moscow_ncds_2011/conference_documents/moscow_declaration_en.pdf
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0390.
(13) Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete IDF Diabetes Atlas, 4th edn. 2009. http://www.diabetesatlas.org/downloads
(14) http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0003/98391/E93348.pdf
(15) http://www.diabetes.org.uk/Documents/Reports/Diabetes_in_the_UK_2010.pdf
(16) Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete IDF Diabetes Atlas, 3rd edn. Brussels, 2006 http://www.diabetesatlas.org/sites/default/files/IDF%20Diabetes%20Atlas-2007%20(3rd%20edition).pdf
(17) Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 25 (2005) il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, 2006, http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/DiabetesReport2005.pdf
(18) Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 25 (2005) il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, 2006, http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/DiabetesReport2005.pdf
(19) Diabetes expenditure, burden of disease and management in 5 EU countries, 2012 http://www2.lse.ac.uk/LSEHealthAndSocialCare/research/LSEHealth/MTRG/LSEDiabetesReport26Jan2012.pdf
(20) Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 27 (2007) http://www.idf.org/webdata/docs/EU-diabetes-policy-audit-2008.pdf
(21) Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete IDF Diabetes Atlas, 4th edn. Brussell, il-Belġju, 2009 http://www.diabetesatlas.org/downloads
(22) http://www.worlddiabetesday.org/media/press-materials/press-releases/idf-launches-world-diabetes-day-2010-campaign
(23) Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 27 (2007) http://www.idf.org/webdata/docs/EU-diabetes-policy-audit-2008.pdf
(24) ĠU C 147, 23.6.2006, p. 1.
(25) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza