Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2178(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0083/2012

Testi mressqa :

A7-0083/2012

Dibattiti :

PV 19/04/2012 - 19
CRE 19/04/2012 - 19

Votazzjonijiet :

PV 20/04/2012 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0140

Testi adottati
PDF 347kWORD 114k
Il-Ġimgħa, 20 ta' April 2012 - Strasburgu
Suq uniku diġitali kompetittiv - il-Gvern elettroniku bħala xprun
P7_TA(2012)0140A7-0083/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar Suq uniku diġitali kompetittiv - il-Gvern elettroniku bħala xprun 2011/2178(INI)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-acquis tal-Komunità fil-qasam tas-Suq Intern u s-Soċjetà tal-Informazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali Ewropea: 2015.eu(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(2),

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-istrateġija Ewropa 2010, inkluż l-Aġenda Diġitali (punt 7),

–  wara li kkunsidra l-Gwida dwar l-akkwist ta' ICT bbażata fuq standards - Elementi ta' Prattika Tajba, ippublikat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa” (COM(2010)0712),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA)(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta' gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” (COM(2010)0743),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Lejn interoperabilità għas-servizzi pubbliċi Ewropej – Strateġija Ewropea għall-Interoperabilità (EIS) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (Anness 1) u Qafas Ewropew ta' Interoperabilità (EIF) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (Anness 2)” (COM(2010)0744),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar i2010 Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku – it-Tħaffif tal-Gvern elettroniku fl-Ewropa għall-Benefiċċju ta' Kulħadd (COM(2006)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja: ”Flimkien għal tkabbir ġdid' (COM(2011)0206),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2011 dwar Protezzjoni tal-Infrastruttura ta' Informazzjoni Kritika – Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn sigurtà elettronika globali' (COM(2011)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2009 dwar “il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – ”Il-protezzjoni tal-Ewropa mill-attakki ċibernetiċi u t-tfixkil fuq skala kbira: titjib fit-tħejjija, is-sigurtà u r-reżistenza' (COM(2009)0149),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummissjoni dwar Data Miftuħa, ippubblikat f'Diċembru 2011, li huwa magħmul minn: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Data miftuħa- magna għall-innovazzjoni, it-tkabbir u tmexxija trasparenti”, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (COM(2011)0877) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni 2011/833/EU,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar l-impatt ekonomiku tal-informazzjoni tas-settur pubbliku mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 (studju Vickery),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (COM(2011)0635),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali għall-kummerċ elettroniku u servizzi onlajn (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Green Paper – Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (COM(2011)0941),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress Annwali 2011 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ippubblikat fit-22 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Rapport tal-Kompetittività Diġitali Ewropea – Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment(4),

–  wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-Impatt Soċjali tal-ICT – SMART 2007/0068, ippubblikat fit-30 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Impatt Ekonomiku tal-ICT - SMART 2007/0020, ippubblikat f'Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreparat għall-Kummissjoni intitolat “Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku i2010 – Studju dwar il-Progress (SMART 2008/0042)”, ppubblikat f'Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza Svediża tal-10 ta' Novembru 2009 mill-konferenza Visby dwar il-ħolqien ta' impatt għal Unjoni Elettronika 2015,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Presidenza Svediża dwar Soċjetà ta' Għarfien Aħdar – aġenda politika tal-ICT għall-2015 għas-soċjetà fil-futur ta' għarfien tal-Ewropa, ippubblikat f'Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “Cloud Computing: Rapport ta' konsultazzjoni pubblika”, ippubblikat fil-5 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Pjan ta' Azzjoni għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali fis-Suq Uniku” (COM(2008)0798),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0083/2012),

A.  billi t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għandha impatt dirett u indirett profond fuq il-ħajja politika, ekonomika, soċjali, kulturali u dik ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE; billi suq uniku diġitali kompetittiv li jista' jelimina l-ostakli kollha għal servizzi elettroniċi transkonfinali u jkun ħieles mit-tgħawiġ tal-kompetizzjoni jkun ta' benefiċċju konsiderevoli għaċ-ċittadini tal-UE;

B.  billi l-gvern elettroniku jiġbor fih it-teknoloġiji u l-użi kollha marbuta mal-informazzjoni, mal-orjentazzjoni u mat-tranżazzjonijiet amministrattivi onlajn;

C.  billi s-settur tal-ICT huwa responsabbli direttament għal 5% tal-PDG tal-UE, b'valur fis-suq ta' EUR 660 biljun fis-sena, iżda jikkontribwixxi ħafna aktar għat-tkabbir ta' produttività ġenerali (20% direttament mis-settur tal-ICT u 30% minn investimenti fl-ICT);

D.  billi r-regoli dwar il-fatturazzjoni elettronika mhumiex uniformi u l-benefiċċji għadhom mhux qed jittieħdu biżżejjed;

E.  billi l-ICT jistà jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-Istrateġija UE 2020, partikolarment fejn jidħol ix-xogħol, it-tkabbir ekonomiku u produttiv sostenibbli, l-għoti ta' setgħat liċ-ċittadini, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija, l-innovazzjoni u l-ambjent u l-indirizzar tal-isfidi il-kbar tas-soċjetà;

F.  billi l-SME għandhom rwol partikolarment importanti fis-Suq Diġitali;

G.  billi s-“sħaba informatika” tikkostitwixxi għodda ekonomika u ekoloġika għat-titjib tal-prestazzjonijiet informatiċi tal-intrapriżi pubbliċi u privati, għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ipproċessar u biex jiġu limitati l-ispejjeż b'rabta mal-ħażna, u b'hekk iġġib magħha bosta vantaġġi, iżda tbati minn nuqqas ta' sigurtà fil-konnessjoni bejn l-utent u s-server, u l-utent jitlef parti mill-kontroll;

H.  billi t-tabella ta' valutazzjoni 2011 tal-Aġenda Diġitali turi progress iżda 26% taċ-Ċittadini tal-UE qatt m'użaw l-Internet u 48% biss tan-nies li ġejjin minn gruppi żvantaġġjati użaw l-Internet ;

I.  billi d-distakk diġitali, kemm jekk jitqies bħala distakk eċċessiv fl-internet jew bħala distakk fil-kapaċitajiet elettroniċi/għarfien diġitali, jaffettwa direttament l-adozzjoni tal-Gvern elettroniku u huwa ta' ħsara għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika u fid-demokrazija;

J.  billi suq uniku diġitali kompetittiv irid jiżgura l-użu b'suċċess ta' broadband estremament veloċi u netwerks ta' telekomunikazzjonijiet madwar ir-reġjuni kollha tal-UE u jelimina differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tal-infrastruttura fi u bejn l-Istati Membri tal-UE, sabiex tiġi żgurata sostenibilità demografika ta' reġjuni mhux popolati ħafna;

1.  Huwa konxju mill-kontribut ewlieni magħmul mis-settur tal-ICT għall-politika industrijali, l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kompetittività u bilanċ kummerċjali tal-UE;

2.  Jissottolinja li l-utenti huma l-element ewlieni għall-istrateġija diġitali u hemm bżonn urġenti fl-UE li jiġu msaħħa s-sensibilizzazzjoni, ir-rwoli, l-involviment, il-perspettivi u l-fiduċja b'rabta mas-sigurtà, is-sikurezza u l-privatezza fis-Soċjetà tal-Informazzjoni, u jkun żviluppat kapital uman marbut mal-ICT;

3.  Jafferma mill-ġdid li l-Gvern elettroniku jagħti s-setgħa liċ-ċittadini Ewropej u jimmodernizza l-amministrazzjoni pubblika, billi jagħmilha aktar trasparenti u responsabbli u jnaqqas l-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

4.  Jissottolinja li x-xkiel għal adozzjoni ta' Gvern elettroniku mhumiex neċessarjament teknoloġiċi biss, iżda wkoll organizzattivi, politiċi, legali u kulturali u li soluzzjonijiet u prattiki ta' suċċess normalment jiddependu ħafna fuq il-kundizzjonijiet lokali;

5.  Jissottolinja li l-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Gvern Elettroniku għandu l-potenzjal li jirrappreżenta parti essenzjali tal-aġenda Orizzont 2020, filwaqt li jżid il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku u soċjali, jistimula l-innovazzjoni u jiżviluppa kapital uman, u jgħin sabiex jintlaqgħu aħjar l-isfidi tas-soċjetà u dawk politiċi li tiltaqa' magħhom l-UE;

6.  Jenfasizza l-bżonn li tkun ikkunsidrata l-qasma diġitali u li din tkun miġġielda;

7.  Jinnota li l-informatika maħżuna fi “sħaba” tippermetti l-aċċess għal post komuni ta' riżorsi informatiċi li jistgħu jitqassmu malajr bi sforz minimu ta' ġestjoni u b'interazzjoni minima min-naħa tal-fornitur tas-servizzi, u li l-effiċjenza tas-“sħaba” tinsab fil-flessibilità tagħha, fiż-żieda fil-produttività li ġġib magħha u r-rwol tagħha fil-preservazzjoni tal-ambjent, iżda fuq kollox din għandha tkun teknikament affidabbli u reżistenti;

Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku

8.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku 2011-2015, l-Istrateġija ta' Interoperabilità Ewropea (EIS) u l-Qafas ta' Interoperabilità Ewropea (EIF) għas-servizzi pubbliċi Ewropej (EPS); jistieden lill-Istati Membri jkomplu malajr bl-allinjament tal-istrateġiji tagħhom ma' dawn il-politiki globali;

9.  Jappoġġa l-mira ġenerali għal żieda fl-użu tas-servizzi tal-Gvern Elettroniku fl-2015 għal 50% taċ-ċittadini (minn 41%) u 80% tan-negozji (minn 75%), iżda jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw dawn il-miri bħala limitu minimu;

10.  Jitlob biex jiġu żviluppati programmi speċjali u pjattaformi ta' Gvern elettroniku bil-għan li tkun protetta u promossa d-diversità lokali, reġjonali, etnika u lingwistika;

11.  Jiddispjaċih li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni 2011 tal-Aġenda Diġitali, 50% biss tal-utenti tal-Gvern Elettroniku imlew formoli onlajn;

12.  Jinnota l-korrelazzjoni bejn il-PDG u d-disponibilità tas-servizzi tal-Gvern elettroniku u jitlob finanzjament xieraq għall-iżvilupp ta' Gvern elettroniku, kemm fuq livell nazzjonali u kemm dak Ewropew;

13.  Jissottolinja li l-Internet qiegħed jintuża dejjem aktar fuq apparat mobbli kemm miċ-ċittadini kif ukoll mill-intrapriżi, u jitlob li jiġi żgurat li s-servizzi ta' Gvern Elettroniku jkunu aċċessibbli u adattati għal ħafna mezzi ta' twassil, inklużi ċ-ċentri telefoniċi u l-Internet fuq it-telefowns ċellulari (Gvern mobbli);

14.  Jindika li Gvern elettroniku li jirnexxi jrid ikollu integrazzjoni komprensiva u l-aqwa użu tal-proċessi amministrattivi filwaqt li jqis id-dritt tal-gvern awtonomu lokali fil-livelli kollha;

15.  Jenfasizza li l-Gvern Elettroniku huwa ta' benefiċċju b'mod partikolari għal ċittadini tal-UE u intraprendituri, b'mod speċjali għal SME, li sikwit jaffaċċjaw ostakli li ma jingħelbux meta joperaw b'mod transkonfinali fi ħdan l-UE, għaliex dan iġib miegħu spejjeż u piżijiet amministrattivi mnaqqsa, aktar produttività, effiċjenza, kompetittività, trasparenza, ftuħ, effikaċja tal-politika, aċċessibilità u razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri, u billi għandu jiffaċilita l-bini ta' sinerġiji u l-qsim ta' riżorsi u l-kapaċitajiet bejn il-kumpaniji u jippermetti ambjent professjonali iktar kollaborattiv għall-SME;

16.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippubblikaw data miksuba bl-użu ta' fondi pubbliċi f'forma li tista' tinqara minn magna (u fi żmien reali) u taħt liċenzji miftuħa, sabiex jippermettu l-użu mill-ġdid innovattiv ta' informazzjoni relatata mas-settur pubbliku mid-dinja akkademika, inklużi l-istudenti, u l-pubbliku ġenerali, u għal skopijiet ta' riċerka u żvilupp ta' negozji, bir-riżultat li tkun imtejba wkoll it-trasparenza;

17.  Jindika li s'issa għad m'hemmx definizzjoni ċara tat-terminu “data amministrattiva pubblika” u li, sabiex tkun iċċarata t-tifsira preċiża tagħha, għandha ssir diskussjoni pubblika biex jintlaħaq fehim komuni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu possibbli biex tiżgura l-esklużjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi u l-istabbilimenti kulturali mill-ambitu tad-Direttiva 2003/98/KE;

19.  Jinnota li l-ostakli ewlenin għal aċċess transkonfinali ta' servizzi elettroniċi ta' amministrazzjonijiet pubbliċi huma marbuta mal-użu ta' Identifikazzjoni-e u Firem-e u li hemm nuqqas ta' interoperabilità fil-livell ta' UE;

20.  Jikkunsidra li sabiex jiġu żgurati servizzi ta' Gvern elettroniku transkonfinali effettivi mal-UE kollha li jipprovdu interazzjoni miż-żewġ naħat u/jew interazzjoni awtomatizzata bejn amministrazzjonijiet u ċittadini u/jew negozji, hemm bżonn ta' qafas legali tal-UE ċar u koerenti għall-għarfien reċiproku ta' Awtentikazzjoni-e, Identifikazzjoni-e u Firem-e;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex kontinwament jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-portals eżistenti tal-UE bħas-SOLVIT u “L-Ewropa Tiegħek” minħabba li n-nuqqas attwali ta' informazzjoni qed jikkawża aktar dewmien fl-iżvilupp tal-ambjent tan-negozju u tal-arranġamenti għall-ħarsien tal-konsumatur, speċjalment fiż-żoni transkonfinali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm kont tal-għodod kollha għas-soluzzjoni tal-problemi u tal-portals ta' informazzjoni onlajn eżistenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jipprovdu u tikkollegahom jew tikkonsolidahom fejn ikun possibbli; jirrakkomanda li l-portals ġodda onlajn jiġu żviluppati biss meta l-integrazzjoni fis-sistemi eżistenti ma tkunx vijabbli;

23.  Jilqa' l-adozzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Pjan ta' azzjoni dwar Firem u Identifikazzjoni elettroniċi kif ukoll tal-proġett pilota STORK f'termini ta' interoperabilità ta' servizzi pubbliċi transkonfinali; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Firem elettroniċi u jitlob għal deċiżjoni li tiżgura għarfien reċiproku ta' Identifikazzjoni-e u Awtentikazzjoni-e;

24.  Jenfasizza li kull fejn proċeduri ta' proċessar tad-data jitħaddmu f'istituzzjonijiet edukattivi u fi stabbilimenti kulturali, id-data personali għandha tkun koperta mid-drittijiet ta' aċċess individwali sabiex ikunu protetti minn użu mhux awtorizzat;

25.  Iqis li l-interoperabilità tal-Firma elettronika mill-perspettiva tal-Gvern elettroniku għandha aspetti legali (l-użu tal-firma elettronika fis-settur pubbliku - Artikolu 3.7 tad-Direttiva dwar il-Firma Elettronika; ir-relazzjoni bejn il-firma u l-awtentikazzjoni; id-dilemma superviżjoni/akkreditazzjoni; il-perspettiva nazzjonali; il-livelli ta' sigurtà; il-kwalifiki tal-firma) kif ukoll l-aspetti tekniċi (identifikaturi fiċ-ċertifikati; tip ta' firma; format tal-firma; validazzjoni tal-firma); huwa tal-opinjoni li għall-evoluzzjoni tal-applikazzjonijiet bl-għan ta' servizz sħiħ ta' interoperabilità tal-Firma elettronika Ewropea, l-aktar rakkomandazzjoni sinifikanti tkun li titwaqqaf Federazzjoni ta' Awtoritajiet ta' Validazzjoni (FVA) għall-koordinazzjoni tal-Awtoritajiet ta' Validazzjoni Nazzjonali (NVA) tal-Istati Membri(6);

26.  Jieħu nota li l-Kummissjoni tat mandat lil CEN, CENELEC u ETSI biex jaġġornaw u jirrazzjonalizzaw il-qafas ta' standardizzazzjoni tal-Firem elettroniċi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tressaq lill-PE rapport ta' progress annwali bbażat fuq ir-rapporti mressqa darbtejn fis-sena minn korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw softwer edukattiv miftuħ fl-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej, biex jiskambjaw l-aħjar prattika u jiżviluppaw pjattaformi onlajn għall-kollaborazzjoni fuq materjal u riżorsi edukattivi, li huma bla ħlas għall-istudenti u li josservaw b'mod xieraq ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u tal-awtur;

28.  Jissottolinja li l-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku għandhom jiġu riveduti u, jekk hemm bżonn, modifikati biex jiġi żgurat li jkunu miftuħa wkoll għal utenti mhux residenti; jinsisti li l-interoperabilità hija meħtieġa fuq livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u fuq livell ta' UE;

29.  Jikkunsidra li l-interoperabilità tal-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku teħtieġ l-interoperabilità ta' Infrastrutturi Ewlenin Privati (PKI) permezz ta' Servizz ta' Validazzjoni Ewropew (Pont Ewropew);

30.  Jilqa' l-konsultazzjoni pubblika mnedija fuq abbozzi ta' linji gwida dwar konnessjonijiet bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku u jitlob għal proposta dwar is-suġġett;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ta' Gvern elettroniku, konformi mal-objettivi u l-miri tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku u tal-Aġenda Diġitali, bħala mezz għall-iżvilupp tas-suq diġitali uniku Ewropew u ż-Żona ta' Gvern Elettroniku Ewropea;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li waqt l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni tal-Gvern elettroniku u tal-infrastruttura u tas-servizzi, għandhom jiġu osservati f'kull livell ir-rekwiżiti tas-sigurtà u tiġi żgurata l-ikbar protezzjoni possibbli tal-privatezza u tad-data personali u finanzjarja għall-prevenzjoni ta' kull tip ta' sorveljanza mhux awtorizzata;

33.  Jitlob lill-Istati Membri jużaw l-għodod tal-ICT biex jitjiebu t-trasparenza, l-affidabilità u l-involviment taċ-ċittadini, jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività, jonqos il-piż amministrattiv, il-ħin u l-ispejjeż, jitjiebu l-proċessi amministrattivi, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, jiġu ffrankati riżorsi pubbliċi u jsir kontribut għal demokrazija aktar parteċipattiva filwaqt li jinbnew il-fiduċja u l-kunfidenza;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jobbligaw lill-entitajiet pubbliċi jpoġġu għad-dispożizzjoni dejta billi jżommu repożitorji u katalogi ta' dejta pubblika u billi jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli ta' żvelar u ta' użu mill-ġdid, filwaqt li jitiqesu l-liġi tad-dritt tal-awtur u l-liġi dwar il-protezzjoni tal-bażijiet tad-dejta;

35.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw punti uniċi ta' servizz (one-stop shops) u jagħmlu użu minn atturi intermedjarji sabiex jipprovdu sistema ta' kuntatt mingħajr intoppi, integrata u faċilment aċċessibbli għall-utenti kemm għas-servizzi ta' Gvern elettroniku domestiċi kif ukoll transkonfinali;

36.  Jenfasizza li l-Gvern elettroniku jista' jtejjeb il-kwalità tad-demokrazija tagħna u jista' jkollu rwol importanti fiż-żieda tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini - speċjalment il-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ - u n-negozji bl-istess mod fil-ħajja pubblika u politika u l-proċessi demokratiċi; jinnota f'dan ir-rigward li għandhom jitħeġġu konsultazzjonijiet pilota jew referenda, b'mod partikolari fil-livell lokali;

37.  Jilqa' t-tnedija ta' OCS (Online Collection Software), żviluppat fuq inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qafas tal-programm ISA u maħsub biex jippermetti lill-firmatarji jressqu, mill-1 ta' April 2012, l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva proposta miċ-ċittadini b'mezz onlajn, kif ukoll li jintuża minn organizzaturi ta' petizzjoni għall-ġestjoni tal-ġbir, il-ħażna u t-tressiq tal-firem; jixtieq għalhekk jara l-implimentazzjoni ta' strateġiji tal-gvern elettroniku mill-aktar fis;

38.  Jissottolinja li s-servizzi tal-Gvern elettroniku interoperabbli transkonfinalment għandhom jibbenefikaw minn arkitetturi u teknoloġiji innovattivi (“sħaba” ta' servizzi pubbliċi u Arkitettura Orjentata lejn is-Servizz) u jitlob għal aġġornament tal-infrastruttura tal-Gvern elettroniku IPv6-relevanti u tas-servizzi onlajn ta' interess pubbliku;

39.  Jirrikonoxxi l-potenzjal kbir tas-“sħaba informatika”, għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini; Jinsisti madankollu dwar il-fatt li ż-żieda fl-użu tas-“sħaba” jeħtieġ superviżjoni tar-rilokazzjoni tar-riżorsi informatiċi u kontroll strett tal-aċċess għas-servers u għad-data, inter alia biex jiġi pprevjenut l-użu kummerċjali mhux permess minn partijiet oħra, u huwa għalhekk li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu trattati fir-riforma tar-regoli ta' protezzjoni tad-data tal-UE kif propost mill-Kummissjoni (COM(2012)0011), COM(2012)0010));

40.  Jisħaq li sistema transkonfinali sigura ta' Gvern elettroniku hija parti integrali mill-Programm għall-Protezzjoni ta' Infrastruttura Kritika Ewropea; jitlob għal miżuri suffiċjenti biex jitpoġġew f'posthom għall-iżgurar tal-protezzzjoni tad-data u l-privatezza u t-tnaqqis għall-minimu tal-vulnerabilità għal attakki elettroniċi; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-ENISA fir-rigward tal-appoġġ li tagħti lill-UE u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu servizzi ta' Gvern elettroniku sodi u robusti; jitlob li jiġu introdotti forom ta' kontroll demokratiku reali tal-użu tad-data u tal-metodi applikati;

41.  Jilqa' l-kontribuzzjoni tal-programmi IDA, IDABCD u ISA u piloti CIP, fuq skala kbira kif ukoll tal-forum Prattika-e fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet interoperabbli transkonfinalment; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw sostenibilità fit-tul ta' dawn l-azzjonijiet;

42.  Jilqa' u jappoġġa l-proposta “Faċilità li Tgħaqqad lill-Ewropa” (CEF), li talloka kważi EUR 9,2 biljun biex tappoġġa l-investiment f'netwerks tal-broadband veloċi u veloċi ħafna u servizzi diġitali pan-Ewropej; CEF se tipprovdi għotjiet sabiex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex jinxterdu l-identità elettronika, l-identifikazzjoni elettronika, il-Gvern elettroniku, l-Akkwist elettroniku, is-saħħa elettronika, il-Ġustizzja elettronika u servizzi marbuta mad-dwana u se tgħin biex tiżgura l-interoperabilità u tkopri l-ispejjeż meħtieġa biex l-infrastruttura timxi fuq livell Ewropew, filwaqt li tgħaqqad flimkien l-infrastrutturi tal-Istati Membri;

43.  Jikkunsidra li l-Inizjattiva Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti se timmobilizza l-finanzjament privat għal investiment immirat fl-infrastrutturi futuri ewlenin tal-UE bħal toroq, ferroviji, grids u pipelines tal-enerġija, u netwerks tal-broadband;

44.  Itenni l-importanza ta' servizzi futuri b'veloċità għolja li jgħinu biex tingħata l-effiċjenza tal-enerġija tal-UE, l-objettivi ta' sigurtà u kapaċitajiet oħra ta' komunikazzjoni (eż. sistemi tat-trasport effiċjenti u intelliġenti, sistemi ta' komunikazzjoni persuna għall-magna);

45.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pakkett ta' Data Miftuħa u jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku b'modi innovattivi (informazzjoni mhux personali); jitlob għal involviment aħjar ta' awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta' aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex jiġu mtejba l-forniment ta' informazzjoni lill-pubbliku, in-negozju u l-istituzzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' impjiegi ġodda filwaqt li jiżdied l-iżvilupp fuq livell lokali u reġjonali;

46.  Jissottolinja l-importanza ta' metodoloġiji ta' kejl (kwalitattivi u kwantitattivi) ffukati fuq l-effiċjenza u l-effettività ta' Gvern elettroniku u d-demokrazija, bl-użu ta' miri SMART(7) , li għandhom jintużaw b'mod attiv fi ħdan il-gvernijiet;

47.  Jiddispjaċih li l-lista tas-servizzi pubbliċi ewlenin transkonfinali kollha li għandha ssir disponibbli onlajn sal-2015 għadu ma ntlaħaqx qbil dwarha mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi akbar sabiex jintlaħaq dan il-għan;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jdaħħlu fis-seħħ għadod tal-ICT speċifiċi biex jiffaċilitaw il-Parteċipazzjoni onlajn - bħall-iskemi komuni ta' Petizzjonijiet onlajn - bil-għan li ċ-ċittadini tal-UE u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi jingħataw il-possibilità konkreta li jużaw id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini, kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE;

49.  Ifakkar fl-impenn essenzjali li jitnaqqsu d-diskrepanzi ta' litteriżmu u kompetenza diġitali bin-nofs sal-2015 u jilqa' l-proposti f'dan ir-rigward biex jittejbu l-kompetenza diġitali, il-ħiliet u l-Inklużjoni-e, speċjalment il-proposta li l-kompetenza diġitali u l-komponenti relatati jsiru prijorità għar-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020); itenni l-ħtieġa tal-approċċ “l-ebda ċittadin ma jibqa” lura – inklużjoni maħsuba mit-tfassil' u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' servizzi ta' Gvern elettroniku mfassla b'mod li jpoġġu fiċ-ċentru l-ħtiġijiet tal-utent u taċ-ċittadin;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu programmi ta' taħriġ diġitali biex jippromwovu l-użu sħiħ tas-servizzi tal-gvern elettroniku, isaħħu l-litteriżmu diġitali u jingħelbu l-ostakli elettroniċi li jaffettwaw l-SME u s-setturi żvantaġġati tal-popolazzjoni bħal persuni anzjani, il-persuni b'diżabiltajiet, il-minoranzi, l-immigranti, in-nies qiegħda u dawk li jgħixu f'żoni remoti tal-Unjoni; għal dan l-għan, it-tagħlim elettroniku għandu jiġi inkorporat fil-politiki nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u anke fid-definizzjoni tal-programmi, fil-valutazzjoni tar-riżultati formattivi u fl-iżvilupp professjonali tal-għalliema u ta' min iħarreġ;

51.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien li jaffettwa l-proposta leġiżlattiva bl-għan li tiżgura li s-siti internet tas-settur pubbliku jkunu aċċessibbli għal kollox sal-2015 kienet imdewma; jilqa' l-pjan direzzjonali għall-inklużjoni diġitali u jitlob implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Aċċessibilità tal-Internet (WAI), inkluż il-Linji gwida għall-Aċċessibilità tal-Kontenut tal-Internet (WCAG) għall-portals tal-Gvern elettroniku, kif ukoll id-disponibbiltà u l-affordabilità ta' terminals personalizzati, magħmula apposta għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabiltà;

52.  Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-provvista ta' dawn is-servizzi huwa rakkomandat l-aġġustament ta' dawn għall-istandards, ir-regoli u l-linji gwida għal prattika tajba ta' ambitu internazzjonali bħall-ISO 27001 dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, jew l-ISO 20000 fir-rigward ta' kwalità fil-proċessi ta' ġestjoni għal servizzi ta' IT;

Akkwist Elettroniku

53.  Jenfasizza illi l-Akkwist elettroniku jippermetti akkwist pubbliku tal-UE u l-akbar għażla għall-awtoritajiet pubbliċi, b'riżultat ta' nfiq ta' flus effiċjenti, trasparenza, responsabbiltà, fiduċja pubblika, tisħiħ tas-Suq Intern u kompetizzjoni;

54.  Jissottolinja li fl-UE27, l-infiq pubbliku jirrappreżenta 16% tal-PDG u jħeġġeġ l-użu ta' l-Akkwist-e għall-akkwist pubbliku kollu sal-2015; jitlob li jintuża wkoll l-Akkwist-e għal konċessjonijiet;

55.  Jiddispjaċih li fl-2010, 13% biss tal-intrapriżi tal-UE użaw l-internet biex jissottomettu proposta lill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta' sistema pubblika ta' tenders elettroniċi; jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-SME fl-Akkwist-e;

56.  Jenfasizza li l-Akkwist-e jikkonsisti f'żewġ fażijiet: qabel l-għoti (8) u wara l-għoti(9); jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jintegraw iż-żewġ fażijiet fil-portals tal-Akkwist-e tagħhom sal-2015;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-livell kwalitattiv tal-proġetti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi sabiex min-naħa, jiġi żgurat l-impenn lejn l-għanijiet strateġiċi tal-innovazzjoni tal-Amministrazzjoni, u min-naħa l-oħra t-titjib fil-livell tal-istandards ġenerali tal-kwalità, iż-żmien u l-ispejjeż tal-kompetizzjonijiet;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu, fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali u lokali, il-mudell tal-akkwist prekummerċjali (pre-commercial procurement, PCP), li jippermetti lix-xerrejja pubbliċi jaqsmu mal-fornituri r-riskji u l-vantaġġi tat-tfassil, il-prototipi u t-testijiet ta' prodotti u servizzi ġodda, jitqiegħdu inkomuni r-riżorsi ta'diversi xerrejja, jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni wiesgħa u t-tifrix tar-riżultati tal-attivitajiet ta' R&Ż, u tingħata għajnuna biex proġetti bħal dawn jinżammu fil-baġit operattiv assenjat lilhom;

59.  Jissottolinja l-attivitajiet b'suċċess tal-proġetti pilota fuq skala kbira ta' Akkwist-e PEPPOL u e-CERTIS;

60.  Jissottolinja li sistemi nazzjonali ta' Akkwist-e għandhom isiru aktar avvanzati biex jiffaċilitaw servizzi transkonfinali u biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-Servizzi;

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti White Paper dwar il-kapaċità ta' Akkwist-e ta' interkonnessjoni fl-UE – “Strateġija għall-Akkwist-e”;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għall-valutazzjoni tal-progress, l-ostakoli u l-miżuri korrettivi relatati mal-Akkwist elettroniku waqt l-introduzzjoni tas-sistema tal-Akkwist elettroniku fl-Istati Membri;

63.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun mexxej eżemplari għal kulħadd u ddaħħal sistema ta' Akkwist elettroniku fl-istituzzjonijiet tagħha kollha;

Fatturazzjoni Elettronika

64.  Jilqa' l-Inizjattiva ta' Fatturazzjoni Elettronika, bl-għan li tagħmel il-Fatturazzjoni elettronika l-metodu predominanti ta' fatturazzjoni fl-UE sal-2020, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-Forum ta' Diversi Partijiet Interessati Ewropew dwar il-Fatturazzjoni elettronika (EMSFEI);

65.  Jissottolinja l-benefiċċji sostanzjali offruti mill-Fatturazzjoni elettronika bħala strument li jagħmel il-ġestjoni tar-relazzjonijiet klijent-fornitur kollha aktar effiċjenti u inqas impenjattiva, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll dak privat, permezz ta' perjodi iqsar ta' pagament, anqas żbalji, ġbir aħjar ta' VAT, spejjeż anqas ta' stampar u mpustar u pproċessar integrat fin-negozju; jinnota wkoll li tali strument jippermetti trasparenza akbar tal-fluss ta' informazzjoni u tal-iskambji li jwasslu għad-definizzjoni tal-fattura;

66.  Huwa konxju mill-frammentazzjoni tas-swieq minħabba regoli nazzjonali fuq il-Fatturazzjoni elettronika, jiddispjaċiħ li 22% biss tal-SME jirċievu jew jibagħtu Fatturazzjoni elettronika;

67.  Jilqa' r-regoli l-ġodda tal-VAT (10) rigward il-Fatturazzjoni elettronika, li tintroduċi trattament ugwali bejn il-karti u l-Fatturazzjoni elettronika;

68.  Jissottolinja l-importanza ta' “punti uniċi ta' servizz” għall-VAT sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u jippromwovi l-Fatturazzjoni elettronika;

69.  Jisħaq dwar l-importanza taċ-ċertezza legali, ambjent tekniku ċar u soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli ta' Fatturazzjoni elettronika bbażati fuq ħtiġijiet legali komuni, proċessi fin-negozji u standards tekniċi biex jiffaċilitaw l-adozzjoni mill-massa;

70.  Jistieden lill-industrija u l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jippromwovu konverġenza lejn mudell ta' data komuni tal-Fatturazzjoni elettronika;

71.  Japprezza l-inizjattivi tad-Danimarka, l-Finlandja, l-Italja, Spanja u l-Isvezja biex jagħmlu l-Fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-awtoritajiet pubbliċi, u jitlob li l-Fatturazzjoni elettronika ssir obbligatorja għall-akkwist pubbliku kollu sal-2016;

72.  Jinnota li l-problemi ta' interoperabilità tal-Firem-e transkonfinali jżommu lura l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' Fatturazzjoni elettronika transkonfinali;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-EMSFEI biex tħares b'reqaa lejn aspetti legali u tikkoordina inizjattivi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta fuq bażi annwali u tistieden lill-MPE jipparteċipaw fil-laqgħat tal-EMSFEI;

74.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwaqqfu Fora Nazzjonali dwar il-Fatturazzjoni elettronika b'rappreżentazzjonijiet ibbilanċjati ta' partijiet interessati;

75.  Iqis li konsumaturi b'aċċess limitat għall-Internet jew bl-ebda aċċess m'għandhomx jitħallew lura u li l-konsumaturi għandhom dejjem jitħallew jirċievu fatturi tal-karti;

Rimarki ġenerali

76.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-132 proġett fi ħdan il-prijoritajiet strateġiċi CIP ICT PSP u jissottolinja l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-innovazzjoni fl-iżvilupp u t-titjib ta' servizzi transkonfinali; jitlob biex jiġi appoġġat aċċess “ħafif u mgħaġġel għall-fondi R&D tal-UE għall-ICT kif ukoll żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għal servizzi ta' Gvern elettroniku u infrastruttura transkonfinali għall-2014-2020;

77.  Jirrikonoxxi l-kontribut u r-rwol globali tal-programm ISA fid-definizzjoni, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet u l-oqsfa ta' interoperabilità għall- amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fil-kisba ta' sinerġiji u l-promozzjoni ta' użu mill-ġdid ta' infrastrutturi, servizzi diġitali u soluzzjonijiet ta' softwer u l-bidla ta' rekwiżiti ta' interoperabilità ta' amministrazzjoni pubblika fi speċifikazzjonijiet u standards għal servizzi diġitali u jitlob żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għal soluzzjonijiet ta' interoperabilità bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE (programm ISA) għall-2014-2020;

78.  Jisħaq li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku Ewropew 2011-2015 jirrappreżenta opportunità unika sabiex jiġu mmodernizzati u mnaqqsa l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali, filwaqt li jippermettilhom jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' aktar integrazzjoni Ewropea u jrawmu t-tkabbir, l-innovazzjoni, il-mobilità għaċ-ċittadini u opportunitajiet professjonali għal negozji, b'mod partikolari għall-SMEs, kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil tal-politiki; jissottolinja l-importanza ta' sħubija pubblika-privata u r-rwol tas-settur privat li jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi, applikazzjonijiet u servizzi għall-iżvilupp ta' infrastruttura ta' Gvern elettroniku interoperabbli fl-UE u l-isfruttar tar-riżorsi disponibbli;

79.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kull sena l-miri tal-Aġenda Diġitali, l-aktar dawk relatati mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern elettroniku, u tirrapporta lill-PE kull sena;

80.  Jilqa' l-prijorità mogħtija mill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE Svediża, Spanjola, Pollakka u Daniża lill-Gvern elettroniku u lill-kwistjonijiet ta' Suq Diġitali u jissottolinja l-kontribut pożittiv tal-konferenzi ta' Malmo, Poznan u Madrid dwar il-Gvern elettroniku; jikkunsidra li l-2012-2013 huwa perjodu kruċjali għall-interoperabilità transkonfinali tas-servizzi ta' Gvern elettroniku u għalhekk, qed jistenna b'interess il-proċedimenti u l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Gvern Elettroniku li se ssir f'Marzu 2012;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 45.
(2) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 1.
(3) ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0322.
(5) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(6) IDABC- Studju preliminari dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Firem Elettroniċi għall-applikazzjonijiet tal-Gvern elettroniku, 2007
(7) SMART: Speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin.
(8) e-Notice, e-Tendering, e-Submission, aċċettazzjoni tal-firem elettroniċi
(9) e-Ordering, e-Invoicing, e-Payments, użu tal-firem elettroniċi
(10) Direttiva 2010/45/UE

Avviż legali - Politika tal-privatezza