Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0411/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.12

Testi adottati :

P7_TA(2013)0379

Testi adottati
PDF 232kWORD 29k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
P7_TA(2013)0379RC-B7-0411/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2013/2820(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Rebbiegħa Għarbija tat-8 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Awwissu u tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, u tal-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso,

–  wara li kkunsidra l-kummenti tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013, id-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fl-Eġittu ta' Awwissu u Lulju 2013, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tar-Rappreżentant Għoli u tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tal-14 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kooperazzjoni tal-UE fl-Eġittu fil-qasam tal-governanza, ippubblikat fit-18 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali maħruġa mill-Eġittu fit-8 ta' Lulju 2013, fejn ġie propost pjan direzzjonali għal emendi kostituzzjonali u elezzjonijiet ġodda,

–  wara li kkunsidra l-"Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija" tal-Gvern interim tal-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Eġittu huwa l-akbar pajjiż Għarbi, pajjiż ta’ importanza kbira fin-Nofsinhar tal-Mediterran, sieħeb kummerċjali importanti tal-UE u benefiċjarju kbir ta’ għajnuna mill-UE; billi l-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet kbar fir-reġjun kollu u lil hinn minnu;

B.  billi n-nuqqas min-naħa tal-President Morsi u tal-gvern tiegħu li jwettqu l-wegħdiet ekonomiċi, biex iqis it-tħassib leġittimu tal-forzi demokratiċi kollha tas-soċjetà Eġizjana u biex jimplimenta trażizzjoni demokratika mitluba mill-popolazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn wassal għal żieda fil-polarizzazzjoni politika, dimostrazzjonijiet tal-massa fejn il-President Morsi ntalab jirriżenja u kunflitti vjolenti;

C.  billi fit-30 ta' Ġunju 2013, miljuni ta' avversarji tal-President Morsi nġabru fil-Kajr u fi bliet Eġizzjani oħrajn biex juruh li jriduh jirriżenja; billi, wara dawn il-protesti, fit-3 ta' Lulju 2013, il-kap tal-forzi armati, il-Ġeneral Abdul Fattah al-Sisi, mexxa kolp militari li ħeles mill-President Morsi u l-gvern tiegħu; billi fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati ħabbar is-sospensjoni tal-Kostituzzjoni, it-trasferiment tal-poter lill-kap tal-Qorti Kostituzzjonali sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali bikrin, segwiti minn elezzjonijiet parlamentari, u l-iffurmar ta’ gvern ta’ koalizzjoni nazzjonali u kumitat biex jistudja emendi għall-Kostituzzjoni; billi s-Sur Adly Mansour ħa l-ġurament bħala President interim;

D.  billi l-President interim xolja l-kamra għolja tal-Parlament, ħabbar pjan direzzjonali fuq perjodu ta' tranżizzjoni ta' disa' xhur, li matulu l-Kostituzzjoni tal-2012 tiġi emendata u adottata b'referendum, segwita minn elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, u ħatar Prim Ministru interim; billi l-ogħla awtoritajiet Islamiċi u Kristjani Koptiċi tal-Eġittu, il-politiċi liberali prominenti, u l-Partit Nour Salafist laqgħu il-pjan direzzjonali ta' tranżizzjoni; billi kumitat kostituzzjonali ġdid magħmul minn 50 espert inħatar fl-1 ta’ Settembru 2013 biex ifassal emendi kostituzzjonali;

E.  billi l-ex President Morsi ilu detenut mit-3 ta' Lulju 2013 f'post mhux magħruf u għandu jittella' l-qorti mill-prosekutur pubbliku tal-pajjiż, flimkien ma' 14-il persuna oħra, inklużi esponenti ewlenin tal-Fratellanza Musulmana, fuq akkużi ta' inċitament għall-qtil u l-vjolenza; billi ħafna membri tal-Fratellanza Musulmana ġew arrestati, fosthom il-biċċa l-kbira tal-mexxejja tagħha li qed jistennew li jibdew il-proċessi; billi l-ex dittatur Hosni Mubarak inħeles mill-ħabs fit-22 ta' Awwissu 2013 u ilu taħt arrest domiċiljari minn dakinhar 'l hawn;

F.  billi mill-intervent militari ’l hawn is-sostenituri tal-Fratellanza Musulmana organizzaw dimostrazzjonijiet kbar madwar l-Eġittu, filwaqt li talbu li l-eks President Morsi jinħeles u jerġa’ jinħatar President; billi ħafna mill-protesti organizzati mill-Fratellanza Musulmana saru vjolenti u wasslu għal ġlied fatali bejn iċ-ċittadini, kif ukoll bejn sostenituri tal-Fratellanza Musulmana u l-forzi tal-armata u tas-sigurtà; billi fl-14 ta' Awwissu 2013 l-armata u l-pulizija Eġizzjani sfrattaw żewġ sit-ins ta' partitarji tal-ex President Morsi u tal-Fratellanza Musulmana fl-intersezzjoni ta' Rabaa u fi Pjazza Nahda fil-Kajr, u dan wassal għall-mewt ta' mijiet ta' dimostranti kif ukoll ta' għexieren ta' pulizija;

G.  billi l-gvern interim iddikjara stat ta' emerġenza ta' xahar u ħabbar li kien se jitwaqqaf kumitat indipendenti magħmul minn figuri pubbliċi biex jinvestiga t-tixrid tas-sit-ins ta’ Rabaa u ta’ Misraħ Nahda; billi NGOs reġjonali u Eġizzjani talbu għal missjoni għas-sejba tal-fatti mil-Lega Għarbija ħalli jiġu investigati l-atti reċenti ta' vjolenza fil-pajjiż; billi l-medjazzjoni tal-UE u internazzjonali s'issa ma rnexxielhiex tistabbilixxi djalogu politiku inklużiv, u billi l-protesti, kunflitti u arresti komplew iseħħu;

H.  billi t-tgerrix vjolenti tas-sit-ins ġie segwit minn vjolenza settarja traġika kontra l-Insara Eġizzjani, b'mod partikolari minn dawk li appoġġjaw il-Fratellanza Musulmana; billi l-forzi tas-sigurtà Eġizzjana ġew akkużati li ma pproteġewx il-knejjes u l-komunitajiet Koptiċi kontra attakki ta' tpattija prevedibbli;

I.  billi l-atti ta' terroriżmu u l-attakki vjolenti kontra l-forzi tas-sigurtà fis-Sinai qegħdin jiżdiedu, fosthom il-qtil ta' 25 pulizija li ma kinux xogħol fit-Tramuntana tas-Sinai fid-19 ta' Awwissu 2013; billi l-Ministru tal-Intern Eġizzjan Mohammed Ibrahim kien il-mira ta' attakk ta' bomba fil-Kajr fil-5 ta' Settembru 2013;

J.  billi l-gvern interim iddikjara li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-istat tad-dritt huma l-ogħla prijoritajiet tal-azzjoni tiegħu;

K.  billi l-Eġittu qed jiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi dejjem aktar serji; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabbiltà politika, politiki ekonomiċi sodi, azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u appoġġ internazzjonali; billi l-ġustizzja soċjali u livell ta' għajxien ogħla għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana mifuħa, stabbli, demokratika, libera u prospera;

L.  billi t-trade unions indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika u soċjali fl-Eġittu; billi stampa u midja ħielsa u indipendenti jiffurmaw parti ewlenija ta’ soċjetà fi kwalunkwe demokrazija vera; billi l-vjolenza fiżika u l-atti ta’ fastidju fuq il-ġurnalisti żdiedu fl-Eġittu filwaqt li, fit-3 ta’ Settembru 2013 qorti fil-Kajr ordnat l-għeluq ta’ erba’ stazzjonijiet tat-televiżjoni mmexxija mill-Fratellanza Musulmana jew minn persuni li jżommu magħhom, billi qalet li kienu qed joperaw illegalment; billi l-uffiċċji ta' ħafna stazzjonijiet televiżivi ġew f'dawn l-aħħar sitt ġimgħat irrejdjati mill-forzi tas-sigurtà;

M.  billi n-nisa Eġizzjani huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta' kriżi politika mtawla; billi n-nisa li jipprotestaw huma soġġetti ta’ sikwit għall-vjolenza, attakki sesswali u forom oħra ta’ trattament degradanti, filwaqt li l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa qed jaffaċċjaw theddid u fastidji;

N.  billi bejn l-2007 u l-2012 l-Eġittu rċieva madwar EUR 1 biljun f’għajnuna mill-UE u billi l-UE impenjat EUR 5 biljuni oħra f’għajnuna, li jistgħu jsiru disponibbli kompletament biss ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet marbutin magħhom stabbiliti mill-FMI;

O.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, bir-rieżami tal-kwistjoni tal-għajnuna tal-UE lill-Eġittu permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, abbażi tal-impenn tal-Eġittu favur il-prinċipji li jsejsuhom; billi l-Istati Membri ddeċidew li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għat-trażżin intern, li jirrivalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir militari ieħor, u li jirrieżaminaw l-għajnuna tagħhom lill-Eġittu fil-qasam tas-sigurtà;

P.  billi f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta, u b'mod partikolari l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-iskop tal-involviment tal-UE mal-Eġittu huwa bbażat fuq l-inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress fir-rigward tal-pajjiż li jirrispetta l-impenji tiegħu, inkluż għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Jesprimi s-solidarjetà kbira tiegħu għall-poplu Eġizjan u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi ta’ ġlied u vjolenza reċenti; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani jistabbilixxu kumitat ġudizzjarju biex jinvestiga b’mod indipendenti d-delitti kollha, kif imwiegħed mill-presidenza Eġizzjana fit-8 ta’ Lulju 2013;

2.  Jikkundanna l-użu tal-forza sproporzjonat b'mod esagerat mill-forzi tas-sigurtà Eġizzjana u t-telf ta’ ħajjiet traġiku waqt li kienu qed jiżżarmaw il-kampijiet ta’ Rabaa u Nahda; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eġittu jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jistabbilixxu proċeduri ta’ riezami intern adegwati, sabiex ir-responsabbiltajiet għall-użu eċċessiv tal-forza jistgħu jiġu żgurati u dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jiddeplora fl-istess waqt il-fatt li t-tmexxija tal-Fratellanza Musulmana naqset milli tagħti istruzzjonijiet ċari lis-sostenituri tagħha biex iżommu lura minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza kontra ċittadini bħalhom, l-armata u l-pulizija; jiddeplora l-fatt li t-tmexxija tal-Fratellanza Musulmana m’għamlet xejn biex tipprevjeni u twaqqaf dawk l-attakki u kkundannathom tard wisq; jitlob lill-Fratellanza Musulmana biex ma titlobx jew tigglorifika ebda forma ta' vjolenza u biex tappoġġa proċedimenti ġuridiċi kontra dawk tal-mexxejja tagħha li talbu li tintuża l-vjolenza;

4.  Jikkundanna l-atti kollha ta' terroriżmu, inċitament, vjolenza u diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-atturi politiċi u l-forzi tas-sigurtà kollha biex jeżerċitaw l-akbar moderazzjoni u jevitaw il-provokazzjoni, bl-għan li tiġi evitata aktar vjolenza fl-aħjar interessi tal-pajjiż; ifakkar lill-President interim, lill-Gvern interim u lill-armata Eġizzjana fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż irrispettivament mill-affiljazzjoni u l-fehmiet politiċi tagħhom; jesprimi t-tħassib kbir għall-arrest irrapportat ta' tużżani ta' tfal fir-rigward tar-ripressjoni fuq il-partiġjani tal-Fratellanza Musulmana, u jitlob għar-rilaxx immedjat tagħhom;

5.  Jesprimi l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Eġittu; jitlob lill-awtoritajiet Eġizjani, sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal proċess politiku inklużiv, biex jintemm l-istat ta’ emerġenza mill-iktar fis possibbli, biex jinħelsu l-priġuniera politiċi kollha, inkluż l-eks President Morsi, u d-detenuti kollha jiġu ttrattati b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tagħhom;

6.  Jenfasizza li l-poter għandu jiġi trasferit lil awtoritajiet ċivili eletti demokratikament kemm jista’ jkun malajr; jesprimi s-solidarjetà fundamentali tiegħu ma’ dawk l-Eġizzjani kollha li jħaddnu aspirazzjonijiet u valuri demokratiċi għal pajjiżhom u jitlob ritorn rapidu għall-proċess demokratiku, inkluża l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u ġusti fi proċess inklużiv b’mod sħiħ, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha, u biex jitwettqu ir-riformi ekonomiċi u ta' governanza meħtieġa; iħeġġeġ lill-Fratellanza Musulmana tikkontribwixxi għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni; jemmen li kwalunkwe projbizzjoni, esklużjoni jew prosekuzzjoni kontra forza politika demokratika jew attur politiku demokratiku fl-Eġittu tkun qed tirrepeti żbalji li saru fl-imgħoddi u twassal biss għal żieda tar-radikaliżmu;

7.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ abbozzar u riforma kostituzzjonali, u jenfasizza li dan għandu jqiegħed il-pedamenti għal Eġittu ġdid verament demokratiku, filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà reliġjuża, għaċ-ċittadini kollha, nisa u rġiel, tal-Eġittu u jippromwovi t-tolleranza u l-koeżistenza interreliġjuża u jiggarantixxi l-protezzjoni tal-minoranzi kif ukoll il-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-assemblea u tal-midja; jemmen bis-sħiħ li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-emendi kostituzzjonali għandu jinkludi l-komponenti kollha tal-ispettru politiku Eġizzjan, inklużi l-komponenti moderati tal-Fratellanza Musulmana, u rappreżentanza adegwata tan-nisa, u li għandu jiġi segwit minn referendum dwar kostituzzjoni ġdida u pluralistika u minn elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti;

8.  Jitlob li jintemmu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, l-attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa u l-attivisti għad-drittijiet tan-nisa, li jsiru investigazzjonijiet serji u imparzjali dwar il-każijiet kollha bħal dawn, u biex dawk responsabbli jiġu kkastigati;

9.  Jikkundanna l-vjolenza reċenti kontra l-komunità Kopta, inkluża l-qerda ta’ għadd kbir ta’ knejjes, ċentri tal-komunità u negozji madwar il-pajjiż; jesprimi t-tħassib li l-awtoritajiet fallew milli jieħdu miżuri tas-sigurtà adegwati biex jipproteġu l-komunità Kopta minkejja l-ħafna twissijiet; jinnota l-pluraliżmu storiku tas-soċjetà Eġizzjana u t-tradizzjoni li ilha teżisti għal sekli sħaħ tal-komunità Kopta Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan jappoġġa l-komunità Kopta b’kull mod possibbli, sabiex il-komunità Kopta Eġizzjana tista' tkompli tkun parti importanti importanti min-nisġa soċjali u ekonomika tal-Eġittu u li terġa' tiġi għal li kienet malajr il-koeżistenza paċifika mal-komunitajiet l-oħra tal-Eġittu;

10.  Jisħaq darb'oħra fuq l-importanza tal-kontribut tas-soċjetà ċivili, tat-trade unions u tal-midja fil-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; jistieden lill-Gvern interim jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili domestiċi u internazzjonali, it-trade unions u l-ġurnalisti indipendenti jistgħu joperaw liberament, mingħajr indħil mill-Gvern, fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jiżguraw li l-kumitat inkarigat biex jikteb liġi ġdida tal-NGOs jipproduċi abbozz li jkun konformi mal-istandards internazzjonali; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2003 li, fid-dawl tal-impatt negattiv tas-sitwazzjoni ekonomika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà Eġizzjana, l-għajnuna tal-UE fis-settur soċjoekonomiku u lis-soċjetà ċivili se tkompli;

11.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Nazzjonali Eġizzjan għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-gvern biex jiftaħ uffiċċju reġjonali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kajr, u jħeġġeġ lill-Gvern eġizzjan japprova l-ftuħ ta' dan l-uffiċċju;

12.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tqis kemm il-prinċipju ta' kundizzjonalità ("aktar għal aktar") u l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jaffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiż u fl-appoġġ finanzjarju lill-pajjiż; jitlob li jkun hemm standards ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin li jissospendi l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għat-trażżin intern, li jirrivalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir militari ieħor, u li jirrieżaminaw l-għajnuna lill-Eġittu fil-qasam tas-sigurtà;

13.  Jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċes lejn riforma demokratika u ekonomika; jilqa' u jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni bejn il-partijiet tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President, Catherine Ashton, u tar-Rappreżentant Speċjali, Bernardino León, bl-għan li tiġi nnegozjata soluzzjoni għall-kriżi politika attwali;

14.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza", u jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà fir-rigward tal-mod li bih jintefqu l-fondi tal-UE fl-Eġittu, b'kunsiderazzjoni speċjali għal proġetti li jippromwovu s-soċjetà ċivili u li jipproteġu l-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa;

15.  Itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit bla dewmien mekkaniżmu tal-UE biex tingħata għajnuna legali u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess ta' rkupru tal-assi, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 iżda li ġie pospost minħabba l-inkwiet fl-Eġittu; jenfasizza darb'oħra li l-faċilitazzjoni tar-radd tal-assi misruqa mill-ex dittaturi u r-reġimi tagħhom hija obbligu morali għall-UE; jemmen li l-irkupru tal-assi huwa kwistjoni politika ferm minħabba l-valur simboliku tiegħu u jista' jagħti kontribut kbir biex terġa' tiddaħħal ir-responsabbiltà, tinħoloq l-istabbiltà u jinbnew istituzzjonijiet sodi fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab ikkonċernati;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0224.

Avviż legali - Politika tal-privatezza