Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0383/2013

Testi mressqa :

A7-0383/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2013 - 4.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0577

Testi adottati
PDF 250kWORD 85k
L-Erbgħa, 11 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi, fiż-żona żvantaġġati u fir-reġjuni ultraperiferiċi
P7_TA(2013)0577A7-0383/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f’żoni muntanjużi, żoni żvantaġġjati u reġjuni l-iktar imbiegħda wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib (2013/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar, b’mod partikolari l-agrikoltura,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar, b’mod partikolari, ir-reġjuni tal-muntanji, u l-Artikolu 349 dwar ir-reġjuni l-iktar imbiegħda,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-iktar il-bogħod tal-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012(2) dwar ir-‘relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib’,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1234/2007(3),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina tal-1991 fil-qasam tal-biedja fil-muntanji, il-Protokoll dwar il-Biedja fil-Muntanji, ippubblikat fit-30 ta’ Settembru 2006 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni NAT-V-028 tat-30 ta’ Mejju 2013 dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb ("soft landing")

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib - it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb (“soft landing”) (COM(2012)0741),

–  wara li kkunsidra l-istudju ‘It-tikkettar tal-prodotti agrikoli u tal-ikel tal-biedja fil-muntanji’, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (arranġament amministrattiv AGRI-2011-0460 / JRC-IPTS Nru 32349-2011-10),

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq mill-Kummissjoni dwar ‘Economic impact of the abolition of the milk quota regime – regional analysis of the milk production in the EU’ ta’ Frar 2009,

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq mid-Dipartiment Tematiku B (għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni) dwar ‘the future of milk quota – different scenarios’ ta’ Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0383/2013),

A.  billi l-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib se taffettwa s-suq Ewropew tal-ħalib kollu u r-raħħala tal-lattiċini fiż-żoni muntanjużi u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma partikolarment affettwati b’dan, minħabba li ma jkunux jistgħu jintużaw l-opportunitajiet ta’ tkabbir li jirriżultaw mid-deregulazzjoni minħabba l-iżvantaġġi naturali u permanenti ta’ dawn ir-reġjuni;

B.  billi, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iż-żoni fit-tramuntana tat-62 parallel u ċerti żoni li jmissu miegħu għandhom jitqiesu bħala żoni muntanjużi; u billi it-tifsira u l-istatus taż-żoni ultraperiferiċi huma definiti skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi d-deċiżjonijiet li jsiru mir-raħħala żgħażagħ f’dawn iż-żoni dwar il-ġejjieni tagħhom se jiddependu mid-daqs tal-azjenda tal-biedja u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li l-azjendi tal-biedja li riċentement investew fis-sistema tal-kwoti, ladarba l-kwoti jiġu eżawriti, se jiffaċċjaw kriżi tal-likwiditá aktar akuta u se jkunu mgħobbija b’piz finanzjarju akbar;

D.  billi hemm żvantaġġi serji ta’ spejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi u fir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-lok konċernat u minħabba r-restrizzjonijiet addizzjonali u, b'mod partikolari, restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art, ir-raħħala għandhom jiġu ggarantiti xogħol ekonomikament vijabbli u profitabbli ladarba l-kwoti jkunu skadew;

E.  billi l-iskadenza tal-kwoti tista’ titfa’ wkoll partijiet minn żoni żvantaġġati oħra fi żvantaġġ kompetittiv, filwaqt li tqiegħed f’periklu s-sostenibilità tal-produzzjoni f’dawn iż-żoni, parzjalment minħabba li d-densità tal-produzzjoni tant hi baxxa li l-intrapriżi tal-ġbir u l-ipproċessar jistgħu jirrelokaw għal żoni aktar kompetittivi fejn, b'mod partikolari, il-prezz tal-ġbir tal-ħalib u tat-trasport tal-prodotti lejn is-suq huwa aktar baxx;

F.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-PAK il-ġdida hu li l-agrikoltura tibqa' produttiva fiż-żoni muntanjużi u żvantaġġjati jew ir-reġjuni l-aktar imbiegħda;

G.  billi l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-ġbir, it-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib barra mir-reġjun tal-produzzjoni huma sostanzjalment ogħla f’dawn iż-żoni milli f’postijiet aktar favorevoli;

H.  billi l-formazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-produtturi tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u tagħti lir-raħħala tal-lattiċini setgħa akbar ta’ negozjar, b’mod partikolari fejn jidħol l-iffissar tal-prezzijiet tal-ħalib;

I.  billi l-kundizzjonijiet ta’ qafas eżistenti spiss ifissru li hu impossibbli li l-prodotti tal-ħalib jiġu pproċessati qrib il-post fejn huma prodotti; jinnota l-ħtieġa li titqies l-infrastruttura u li jitħallew li jintużaw denominazzjonijiet speċifiċi bħal “prodott tal-muntanji” għall-prodotti li jiġu pproċessati sa ċertu distanza miż-żona muntanjuża kkonċernata; iqis li huwa essenzjali li din il-miżura tiġi applikata għall-prodotti kollha magħmula mill-ħalib miż-żoni muntanjużi;

J.  billi f’ħafna minn dawn iż-żoni l-produzzjoni tal-ħalib hija s-settur l-aktar importanti u l-aktar mifrux tal-attività agrikola u hija essenzjali għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib ta’ kwalità għolja b’denominazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE; billi huwa importanti li jinżammu bażijiet ta’ produzzjoni fit-territorji kollha tal-Unjoni bil-għan li kull reġjun ta’ konsum ikun jista’ jiġi fornut mingħajr ma jiġġarrbu spejjeż bla bżonn mil-lat ta’ trasport u mil-lat ambjentali;

K.  billi f’ħafna Stati Membri u reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija pilastru ewlieni tal-ekonomija reġjonali u kontributur ewlieni għall-valur miżjud tal-agrikoltura;

L.  billi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħalib ta’ kwalità għolja huma wieħed mill-modi possibbli kif tiġi indirizzata l-produzzjoni akbar tal-ħalib;

M.  billi f’ħafna reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija ġeneralment id-dominju tal-azjendi tal-biedja żgħar u ta’ daqs medju mmexxija minn familji;

N.  billi 59 % tal-art agrikola fir-reġjuni muntanjużi tintuża bħala bur permanenti jew mergħa b’rabta mal-industrija tal-ħalib, fejn normalment m’huwa possibbli jew raġonevoli l-ebda użu agrikolu ieħor; billi 9,5 % tal-ħalib prodott fl-UE joriġina fir-reġjuni muntanjużi; billi l-orografija u l-klima jillimitaw l-alternattivi agrikoli u d-diversità agrikola hija limitata ħafna f’dawn ir-reġjuni;

O.  billi f’xi reġjuni l-iktar imbiegħda ma jista' jkun hemm l-ebda sostitut għall-produzzjoni tal-ħalib bħala wieħed mill-muturi prinċipali tal-ekonomija, l-istabilità soċjali, il-kwalità ambjentali u l-użu tal-art; billi f’dawn ir-reġjuni l-programmi POSEI jikkostitwixxu l-aħjar strumenti biex tiġi diretta aktar għajnuna ħalli jinżammu kif inhuma l-livelli tal-produzzjoni;

P.  billi t-trobbija tal-annimali f’dawn ir-reġjuni mhijiex biss attività ekonomika u mezz ta’ għajxien għall-abitanti tagħhom, iżda wkoll komponent ewlieni tal-kulturi tradizzjonali u l-istrutturi soċjali tagħhom, marbuta mill-qrib mal-ħajja u t-tradizzjonijiet tal-popolazzjonijiet lokali;

Q.  billi, fiż-żoni muntanjużi, iż-żoni l-iktar imbiegħda u f’partijiet ta’ żoni oħra żvantaġġjati, l-abbandun tat-trobbija tal-annimali u l-produzzjoni tal-ħalib relatata magħha ħafna drabi jwasslu biex tiġi abbandunata l-agrikoltura, l-ittraskurar ta’ raba’ tajba għall-agrikoltura u sussegwentement għad-depopolament u l-migrazzjoni miż-żoni rurali għaż-żoni urbani;

R.  billi, f’dawn iż-żoni, l-agrikoltura spiss tgħin biex jiġu kkonservati l-pajsaġġ u l-bijodiversità u biex jiġu limitati l-perikli naturali, u għalhekk hija l-ġebla tax-xewka ta’ żvilupp reġjonali ta’ suċċess, u mingħajrha setturi ekonomiċi oħra bħalma hu t-turiżmu ma jkunux jistgħu jikbru; billi l-abbandun tal-biedja f’żoni bħal dawn x'aktarx li jkollu effett konsegwenti sever fuq dawk is-setturi;

S.  billi f’ħafna żoni żvantaġġati, il-produzzjoni tal-ħalib tiżġura l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u dan m’għandux jitqiegħed f’riskju minħabba l-iskadenza tal-kwoti; billi l-preservazzjoni tal-pajsaġġ agrikolu, l-industrija tat-turiżmu, iċ-ċirkwiti lokali tal-produzzjoni- ipproċessar-kummerċjalizzazzjoni, l-impjiegi u l-perspettivi fit-tul għaż-żgħażagħ iridu jiġu salvagwardjati u promossi;

T.  billi t-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib se twassal għal kompetizzjoni fl-Ewropa kollha fost ir-reġjuni ta’ produzzjoni; billi d-differenzjazzjoni tal-prodotti hija vitali biex jinżamm l-aċċess għas-suq għaż-żoni muntanjużi u għal dawk iż-żoni żvantaġġati li jipproduċu l-ħalib jew prodotti tal-ħalib;

1.  Jinnota li, f’ħafna Stati Membri, il-pagamenti diretti mill-ewwel pilastru tal-politika agrikola, anke taħt ir-riforma attwali tal-PAK, huma bbażati fuq ammonti ta’ referenzi storiċi, ħaġa li tista’ titfa’ fi żvantaġġ serju lill-bwar u, konsegwentement, il-produzzjoni tal-ħalib f’dawn ir-reġjuni; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri milquta minn tali sitwazzjonijiet biex mingħajr dewmien jintroduċu sistema li tikkoreġi l-iżvantaġġ li jġarrbu dawn ir-reġjuni meta jkunu qed jimplimentaw ir-riformi agrarji fil-livell nazzjonali;

2.  Jinnota li l-ħalib tal-muntanji jirrappreżenta madwar 10 % tal-ħalib ġej mill-UE-27, iżda jikkostitwixxi żewġ terzi tal-produzzjoni tal-ħalib, jinvolvi tliet kwarti tal-produtturi, fl-Awstrija, is-Slovenja u l-Finlandja, u li ċ-ċifri korrispondenti għadhom sinifikanti ħafna f’madwar għaxar pajjiżi oħra; jinnota wkoll li fil-parti l-kbira ta’ dawn ir-reġjuni muntanjużi umdi u anke fir-reġjuni l-iktar imbiegħda, il-bwar huma wżati prinċipalment bħala mergħat għall-merħliet tal-ħalib, filwaqt li jżommu l-pajsaġġi miftuħa u abitati u b’hekk jiffavorixxu lit-turiżmu, il-bijodiversità u l-ambjent;

3.  Hu tal-fehma wkoll li l-bwar permanenti u l-mergħat, li għalihom normalment m’hemm l-ebda użu ieħor f’dawn iż-żoni, ħlief għat-trobbija tal-baqar, in-nagħaġ u l-mogħoż, m’għandhom qatt jiġu ttrattati bħala inferjuri għal żoni agrikoli oħra fil-kalkolu tal-pagamenti diretti tal-ewwel pilastru;

4.  Jikkunsidra bħala essenzjali li għandu jiġi pprovdut primjum għall-bhejjem li jirgħu taħt l-ewwel pilastru tal-PAK u skont il-POSEI fir-reġjuni l-iktar imbiegħda għall-azjendi tal-biedja b’żoni ta’ mergħat u foraġġ għall-bhejjem ; jirrifjuta kwalunkwe rekwiżit ġdid rigward l-għalf tal-annimali li jixtarru li jista’ jwassal għad-diżintegrazzjoni fil-prattika agrikola eżistenti;

5.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-pagamenti akkoppjati taħt l-ewwel pilastru tal-politika agrikola; jindika li l-Istati Membri f’dawn iż-żoni għandhom jingħataw possibilitajiet ulterjuri biex igawdu minn pagamenti akkoppjati, kemm jekk nazzjonali u kemm jekk iffinanzjati mill-UE, kif ġie miftiehem fir-riforma attwali tal-PAK;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tal-PAK jagħtu l-attenzjoni li tixraq lill-azjendi tal-biedja żgħar f’dawn iż-żoni, minħabba l-bżonnijiet strutturali tagħhom ta’ intensità akbar tax-xogħol mill-bniedem, l-ispejjeż ogħla li jkollhom iġarrbu sabiex jakkwistaw fatturi produttivi u minħabba li dawn jagħtu kontribut siewi għaż-żamma tal-livelli ta’ impjiegi u għall-iżvilupp rurali;

7.  Jinnota li l-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi u fir-reġjuni ultraperiferiċi trid tiġi vvalutata separatament, skont il-karatteristiċi partikolari ta’ tali żoni, jekk għandhom jitfasslu miżuri mmirati biex tiġi appoġġjata u sostnuta l-produzzjoni;

8.  Minħabba n-natura insostitwibbli tal-produzzjoni tal-ħalib f’xi reġjuni l-iktar imbiegħda, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f’dawn ir-reġjuni, jużaw il-programmi tal-POSEI biex isaħħu l-appoġġ fil-qasam tal-pagamenti diretti u l-miżuri tas-suq u l-programmi ta’ żvilupp rurali biex jissaħħaħ l-appoġġ taħt it-tieni pilastru tal-PAK;

9.  Jitlob li miżuri addizzjonali jsiru disponibbli bħala parti mill-iżvilupp tal-Qafas Strateġiku Komuni, bil-parteċipazzjoni tal-programm ta’ żvilupp reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni; iqis li l-objettiv tal-Qafas Strateġiku Komuni għandu jkun li jippromwovi kunċetti ta’ żvilupp reġjonali u programmi ta’ preservazzjoni strutturali li jiffukaw fuq is-salvagwardja tal-agrikoltura u t-tisħiħ tal-katina tal-valur minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jifformulaw, fejn applikabbli, programm ta’ żvilupp rurali speċifiku għall-produzzjoni tal-ħalib f’dawn iż-żoni;

11.  Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-konsolidazzjoni u l-ħolqien ta’ proġetti li jiġġeneraw valur miżjud, issir differenzjazzjoni tal-prodotti skont it-territorji u jiġu offruti strateġiji ġodda biex iż-żoni muntanjużi u r-reġjuni ultraperiferiċi jittejbu; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri b'firxa wiesgħa biex jiġu appoġġjati l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ dawn il-proġetti u investimenti kollettivi relatati;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-għajbien tal-bwar u jikkunsidraw dan fil-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tal-użu tal-art;

13.  Jenfasizza li l-miżuri tat-tieni pilastru bħalma huma l-allowances kumpensatorji, il-primjums agroambjentali jew l-għajnuna ta’ investiment individwali jew kollettiva għall-produzzjoni, l-ipproċessar – mingħajr ma tkun injorata, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi (li huma koperti mis-sistema POSEI), il-possibilità li prodotti meqjusa essenzjali għat-trasformazzjoni tal-produzzjoni agrikola reġjonali, partikolarment il-prodotti tal-ħalib, ikunu inklużi fil-provvista ta' reġim speċjali, bil-ħsieb li tinżamm il-kompetittività–, il-kummerċjalizzazzjoni, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ biex jibdew negozju u għajnuna biex jiġu promossi l-kwalità, id-diversifikazzjoni, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni (inkluż mal-awtoritajiet lokali) huma ta’ importanza kbira għall-produzzjoni sostenibbli tal-ħalib f’dawn iż-żoni; għalhekk iħeġġeġ li l-Istati Membri u r-reġjuni jingħataw il-qafas ġuridiku, il-livell ta’ finanzjament u l-opportunitajiet neċessarji biex jiġi żgurat il-ħlas ta’ allowances kumpensatorji adegwati u ddifferenzjati b’mod ċar u li jiġu promossi xorti ta’ agrikoltura li jirrispettaw l-ambjent, huma sostenibbli u organiċi; jitlob biex l-ispejjeż ta’ investiment ogħla tal-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi u fir-reġjuni l-iktar imbiegħda, li jeżistu minħabba n-natura partikolari tal-art, il-bagħod ta’ id-distanza ta' dawn ir-reġjuni, il-frammentazzjoni estrema tal-ħbula ta' art u d-diskontinwità ġeografika ta’ dawn il-ġżejjer, jiġu kkumpensati bi ħlasijiet adegwati mit-tieni pilastru tal-PAK;

14.  Jitlob barra minn hekk li tingħata għajnuna, b’mira speċifika, għall-investimenti b’rabta mad-deprezzament u l-interessi fuq il-bini tal-impriża agrikola u t-teknoloġija li għandha ssir disponibbli għall-azjendi tal-produzzjoni tal-ħalib b’potenzjali ta’ żvilupp, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u tittejjeb il-kompetittività tal-azjendi tal-biedja;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, b’mod partikolari, miżuri taħt it-tieni pilastru, bħalma huma impriżi kooperattivi għall-użu razzjonali ta’ makkinarju jew bini agrikoli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi mill-ġdid programm koerenti ta’ żvilupp rurali u tas-settur tal-ħalib għaż-żoni muntanjużi, u għar-reġjuni ultraperiferiċi għar-reġjuni żvantaġġjati li jipproduċu l-ħalib u għall-Istati Membri fejn il-parti l-kbira tal-produzzjoni tal-ħalib tagħhom issir f’azjendi tal-biedja żgħar ħafna;

17.  Jirrimarka li, minħabba l-problemi loġistiċi sostanzjali li jeżistu fir-rigward tat-trasport u l-ammonti normalment żgħar ta’ ħalib prodott fuq l-azjendi tal-biedja individwali, l-ispejjeż tal-ġbir u l-ispejjeż tat-trasport tal-prodott lest fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni l-iktar imbiegħda huma partikolarment għolja, u dan iqegħedhom fi żvantaġġ ġeografiku u kompetittiv kbir; jitlob li tiġi pprovduta għajnuna għall-impjanti tal-ipproċessar, speċjalment l-impjanti li jappartjenu lill-kooperattivi, bil-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ogħla tal-ġbir u l-produzzjoni, inklużi l-fatturi għall-produzzjoni, u t-trasport tal-prodotti lesti f’dawn iż-żoni, meta mqabbla ma’ postijiet aktar favorevoli;

18.  Jenfasizza li tinħtieġ għodda għall-monitoraġġ tas-suq tal-produzzjoni tal-ħalib (Osservatorju tal-Ħalib) bil-għan li jinġabru u jixxerrdu d-dejta u l-informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-provvista, tiġi pprovduta twissija bikrija għar-riskji tal-iżbilanċi tas-suq, b'kunsiderazzjoni tad-diversità tal-prodotti tal-ħalib, u titwettaq analiżi prospettiva fuq perjodu ta' żmien qasir fil-kuntest tal-volatilità tal-prezzijiet, bil-ħsieb li l-aġġustament fil-volumi tal-ħalib isir skont id-domanda tas-suq;

19.  Jirrimarka li l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni in situ fl-azjenda tal-biedja jew fil-mergħa tal-muntanji jfissru valur miżjud ogħla għall-azjendi tal-biedja żgħar u mikro fir-reġjuni muntanjużi, fir-reġjuni ultraperiferiċi u f’żoni oħra żvantaġġjati u jsaħħu l-potenzjal turistiku ta’ dawn il-postijiet; jenfasizza li dawn l-inizjattivi għandhom jiġu ffinanzjati fil-qafas tat-tieni pilastru tal-PAK;

20.  Jenfasizza li d-distanza konsiderevoli bejn ir-reġjuni l-iktar imbiegħda u s-swieq tal-konsumaturi toħloq il-ħtieġa għal ħżin doppju, skont l-organizzazzjoni loġistika moderna; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tqis lil dawn il-faċilitajiet ta’ ħżin li jinsabu barra mit-territorju tar-reġjuni l-iktar imbiegħda bħala eliġibbli fil-qafas tar-regolamenti dwar l-investiment f’dawn ir-reġjuni;

21.  Jinnota li ż-żoni b’mergħat alpini u dawk iż-żoni tar-reġjuni ultraperiferiċi li jipproduċu l-ħalib għandhom bżonn ta’ attenzjoni partikolari fir-rigward ta’ investimenti u interventi mmirati għall-manteniment jew għar-restorazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħalib;

22.  Jindika li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li jippermettu l-produzzjoni ta’ prodotti tipiċi b’mod artiġjanali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, meta jkunu qed jabbozzaw il-leġiżlazzjoni kollha, iqisu l-ħtieġa li tiġi evitata l-burokrazija eċċessiva u jżommu r-rekwiżiti tas-sanità, tat-tikkettar u tal-informazzjoni obbligatorja f’limiti raġonevoli, sabiex jiġi żgurat li jkunu fattibbli għall-produtturi u l-proċessuri ż-żgħar;

24.  Jirrimarka li r-raħħala żgħar fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni żvantaġġjati , bħal dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi li jipproduċu l-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib, għandhom jiġu appoġġjati fl-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsaħħu s-setgħa tagħhom ta’ negozjar, peress li huwa importanti għar-raħħala ta’ skala żgħira f’dawn iż-żoni li jżommu għaddejja u jiżviluppaw aktar swieq lokali reġjonalizzati;

25.  Jenfasizza li r-regoli dwar l-iġjene u l-kummerċjalizzazzjoni jeħtieġ li jiġu aġġustati għad-daqs tas-swieq u d-domanda tagħhom u li l-istandards tal-iġjene għandhom għalhekk ikunu adattati u applikabbli għar-raħħala u għall-proċessuri tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi u żvantaġġjati u fir-reġjuni l-iktar imbiegħda;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-metodi tat-trobbija tal-annimali mmirati lejn il-produzzjoni effiċjenti tal-ħalib huma partikolarment għalja mil-lat ta' spejjeż fuq l-azjendi tal-biedja żgħar; għalhekk jitlob biex it-trobbija tal-annimali tiġi promossa, sabiex l-azjendi tal-produzzjoni tal-ħalib f’dawn iż-żoni jkunu jistgħu jrabbu l-bhejjem ta’ kwalità għolja tagħhom stess minkejja dan;

27.  Hu tal-fehma li għandha tiġi inkoraġġita l-formazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib, bil-għan li jiġi żgurat aċċess adegwat għas-suq għall-azjendi tal-biedja kollha u biex jinħolqu sħubijiet għall-promozzjoni tat-turiżmu agroambjentali;

28.  Jirrimarka li, skont l-arranġamenti taħt l-OKS għall-frott u l-ħxejjex u l-frott, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jingħataw l-opportunità li joħolqu programmi operattivi ffinanzjati mill-UE; f’dan il-kuntest l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jingħataw l-opportunità li jippromwovu l-aċċess għal swieq ġodda, l-iżvilupp tas-swieq, il-kontroll tal-kwalità u l-innovazzjoni tal-prodotti u inizjattivi ta’ reklamar, partikolarment fir-rigward tad-denominazzjoni “prodott tal-muntanji” jew termini riservati fakultattivi oħra li jistgħu jiġu approvati, denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u marki oħra tal-kwalità, kif ukoll li jrawmu l-iżvilupp ta’ ħiliet u miżuri għall-immaniġġjar tal-kriżijiet;

29.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iż-żoni tal-bur u l-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi, fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'żoni żvantaġġjati oħra jiġu inkorporati fil-programmi ta’ riċerka konjunti u jiġu partikolarment ikkunsidrati fil-qafas tal-proġetti ta’ riċerka konġunti li jinkoraġġixxu soluzzjonijiet innovattivi għal dawn iż-żoni, filwaqt li wieħed jiftakar fil-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi tal-produttività u tat-tibdil fil-klima; iqis li din ir-riċerka għandha tfittex ukoll li tidentifika l-benefiċċji tas-saħħa għall-konsumaturi;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ħalib f’dawn iż-żoni u biex tirrieżamina l-impatt ekonomiku tal-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib fuq l-l-azjendi tal-produzzjoni tal-ħalib f’dawn iż-żoni; jitlob lill-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jittratta din il-kwistjoni sal-2017, flimkien ma' proposta leġiżlattiva jekk il-produzzjoni tal-ħalib tkun naqset b’mod sinifikanti f’dawn ir-reġjuni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi f’kooperazzjoni mal-produtturi, mal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u mal-korpi tal-ikkummerċjar – abbażi, pereżempju, tal-mudell tal-ġbir ta’ fondi – biex itaffu l-impatt tat-tnaqqis qawwi li mistenni jseħħ fil-prezzijiet tal-ħalib;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-programm tal-Unjoni għad-distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel u, b’mod partikolari, jippermettu lis-sejħiet għall-offerti jirreferu speċifikament għall-ħalib ġej minn żoni muntanjużi bid-denominazzjoni ‘prodott tal-muntanji’; jistieden ukoll lill-Istati Membri jużaw ktajjen tal-provvista qosra fil-programm tal-ħalib fl-iskejjel, sabiex tiġi stimolata l-produzzjoni tal-ħalib lokali u jiġu limitati l-emissjonijiet tal-karbonju mit-trasport;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tabbozza u timplimenta leġiżlazzjon fir-rigward tad-denominazzjoni "Prodott tal-muntanji", tikkunsidra l-karatteristiċi speċjali tal-prodotti bid-denominazzjoni protetta ta’ oriġini u koperti minn regoli speċifiċi tal-oriġini, billi tikkunsidra l-possibilità li tintroduċi arranġamenti flessibbli għaż-żoni muntanjużi, li jistgħu, minħabba l-iżvantaġġi speċifiċi tagħhom, bħalma huma d-diffikultajiet biex jiġu prodotti għelejjel għall-għalf, jiġu esklużi minn skemi li jipprovdi għalihom ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, b’kontradizzjoni tal-mira tar-regolament;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw l-inkorporazzjoni tal-mergħat abbandunati fiċ-ċiklu tal-produzzjoni, u b’hekk iżidu r-rendiment taż-żoni tal-bur u l-użu razzjonali tagħhom;

35.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ miżuri li jgħinu lir-raħħala żgħażagħ jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni muntanjużi, u fir-reġjuni ultraperiferiċi filwaqt li wieħed jiftakar li l-popolazzjoni f’dawn iż-żoni qed tixjieħ b’rata li hija ogħla mill-medja;

36.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu l-qafas meħtieġ biex jippermettu lill-produtturi u l-proċessuri fiż-żoni muntanjużi u ż-żoni żvantaġġjati jkollhom aċċess għal korsijiet ta’ taħriġ u għal self;

37.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L  42, 14.2.2006, p. 1.
(2) ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.
(3) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(4) ĠU L 271, 30.9.2006, p. 63.

Avviż legali - Politika tal-privatezza