Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2126(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0132/2014

Testi mressqa :

A7-0132/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/02/2014 - 9.16
CRE 26/02/2014 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0163

Testi adottati
PDF 356kWORD 140k
L-Erbgħa, 26 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli
P7_TA(2014)0163A7-0132/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2013/2126(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Addis Ababa dwar l-Iżvilupp u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Minerali tal-Afrika, adottata mill-Ewwel Konferenza tal-Unjoni Afrikana tal-Ministri Responsabbli għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Minerali f’Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri adottata mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fis-Samit tal-UA ta’ Frar 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Lusaka tas-Samit Speċjali tal-ICGLR għall-Ġlieda Kontra l-Isfruttament Illegali tar-Riżorsi Naturali fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-15 ta’ Diċembru 2010 (1),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Implimentzzjoni tal-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri adottat mit-tieni Konferenza tal-Unjoni Afrikana tal-Ministrri responsabbli għall-iżvilupp tar-riżorsi minerali, li saret f’Addis Ababa f’Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-10 prinċipji għall-integrazzjoni tal-ġestjoni tar-riskji marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fin-negozjati tal-kuntratti bejn l-Istat u l-investituri, proposti mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali fis-17-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, li toffri rakkomandazzjonijiet dettaljati biex jgħinu lill-kumpaniji jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jevitaw il-finanzjament ta’ kunflitti permezz tal-prattiki ta’ provvista tagħhom(2),

–  wara li kkunsidra l-istandard ta' trasparenza internazzjonali tal-EITI, li jirrekjedi lill-gvernijiet jippubblikaw dettalji tad-dħul tagħhom minn riżorsi naturali,

–  wara li kunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Lough Erne tal-G8 ta’ Ġunju 2013, li fiha l-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tennew mill-ġdid l-importanza ta’ ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali u l-katina ta’ provvista tagħhom (3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-G20 ppubblikata fis-6 ta' Settembru 2013, li fiha l-mexxejja tad-dinja esprimew appoġġ għall-Inizjattivi għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0132/2014),

A.  billi għal bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali tikkostitwixxi proporzjon sinifikanti tal-PDG u ta’ spiss tikkostitwixxi l-parti l-kbira tad-dħul mill-kambju u l-investiment barrani;

B.  billi l-Afrika għandha wħud mill-akbar riżervi minerali fid-dinja, u billi l-profitti mit-tħaffir fil-minjieri ta' riżorsi minerali tal-Afrika għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-MDGs, biex jinqered il-faqar u jintlaħaq żvilupp u tkabbir soċjoekonomiku ta’ malajr u b’bażi wiesgħa; billi, madankollu, il-pajjiżi Afrikani għad għandhom il-ħtieġa li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji koerenti biex idawru l-isfruttament tar-riżorsi naturali f’mutur għall-iżvilupp ekonomiku u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom;

C.  billi, jekk id-dħul li jiġġeneraw huwa amministrat sew u b'mod trasparenti, ir-riżorsi naturali jistgħu jkunu xprun sinifikanti ta' tkabbir ekonomiku u żvilupp soċjali;

D.  billi t-tilwim dwar iż-żejt, il-gass, il-minerali, l-injam u riżorsi minerali oħra jikklassifikaw fit-tieni post bħala sors ta’ kunflitti madwar id-dinja; billi l-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-art u l-ilma, qiegħda tiżdied, u taggrava kunflitti eżistenti jew tkun il-kawża ta’ kunflitti ġodda; billi l-ġesjoni ħażina tal-art u tar-riżorsi naturali hija aggravata mid-degradazzjoni ambjentali, iż-żieda fil-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima;

E.  billi, paradossalment, il-pajjiżi li huma għonja fir-riżorsi naturali ta’ spiss ikunu f’sitwazzjoni agħar minn pajjiżi oħra (il-fenomenu tas-“saħta tar-riżorsi”) u l-kontroll, l-isfruttament, il-kummerċ u t-tassazzjoni tal-minerali f’ċerti każijiet jikkontribwixxu għal kunflitti armati (il-problema tal-“minerali ta’ kunflitt”);

F.  billi l-benefiċċji tat-tħaffir fil-minjieri għall-popolazzjonijiet lokali ta’ spiss ma jimmaterjalizzawx jew jiddgħajfu ferm minħabba l-impatti soċjali u ambjentali negattivi; billi l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali jistgħu jużaw governanza aktar effettiva u aktar trasparenza biex isaħħu l-benefiċċji tat-tħaffir fil-minjieri għall-popolazzjonijiet lokali, u b'hekk jiġi kkanċellat kwalunkwe impatt soċjali u ambjentali negattiv;

G.  billi l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u ambjentali għandhom rwol importanti fil-ħarsien tad-drittijiet tal-popli indiġeni fiż-żoni tat-tħaffir fil-minjieri;

H.  billi fl-2008, il-Bank Dinji għamel stima li 90 % tal-produzzjoni minerali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo ġejja minn minjieri fuq skala żgħira, li mhumiex reġistrati u joperaw f'żoni remoti u mhux sikuri kkontrollati minn gruppi armati;

I.   billi t-tħaffir fil-minjieri fuq skala żgħira jipprovdi ammont ta’ impjiegi konsiderevoli, b’mod speċjali fiż-żoni rurali; billi l-formalizzazzjoni tat-tħaffir fil-minjieri artiġjanali u fuq skala żgħira (ASM) hija meħtieġa biex tistimula l-intraprenditorija lokali/nazzjonali, ittejjeb l-għajxien u tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp soċjali u ekonomiku rurali integrat; billi, madankollu, in-natura informali tat-tħaffir fil-minjieri artiġjanali u fuq skala żgħira fl-Afrika tagħmel is-settur vulnerabbli għall-kriminalità organizzata u l-organizzazzjonijiet paramilitari u billi huwa mdawwar b’għadd ta’ sfidi, bħat-tħaddim tat-tfal, li ma jħalluħx jilħaq il-potenzjal sħiħ ta’ żvilupp tiegħu;

J.  billi l-industriji estrattivi għandhom irawmu l-iżvilupp ta' teknoloġija għolja, setturi innovattivi u joffru soluzzjonijiet fl-oqsma tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-enerġija, l-ekodisinn, it-tisħiħ fil-prestazzjoni, ir-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari li jistgħu jibbenefikaw minnhom kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw;

K.  billi l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri toffri qafas għall-integrazzjoni tas-settur b'mod aktar koerenti u sod fl-ekonomija u fis-soċjetà tal-kontinent;

L.   billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma komuni fl-industrija estrattiva u jinkludu t-tħaddim tat-tfal, il-vjolenza sesswali, l-għajbien ta’ persuni, il-vjolazzjoni tad-dritt għal ambjent nadif, it-telf ta’ art u għajxien mingħajr negozjar u mingħajr kumpens adegwat, ir-risistemazzjoni furzata u l-qerda ta’ postijiet b’sinifikat ritwali jew kulturali;

M.  billi t-tħaddim furzat, u ċ-ċaħda ta’ drittijiet għal trejdjunjins u ta’ negozjar kollettiv għadhom jikkostitwixxu tħassib kbir; billi bl-istess mod l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà ta' spiss skarsi ħafna jew assenti huma kawża kbira ta' tħassib, b'mod speċjali fil-minjieri fuq skala żgħira, li ta' spiss joperaw f'kundizzjonijiet prekarji ħafna;

N.  billi r-responsabbiltà tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem hija standard globali ta’ kondotta mistennija mill-impriżi ta’ negozju kollha kull fejn joperaw, kif imfakkar fil-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem imħejjija mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijet transnazzjonali u impriżi ta’ negozju oħra, John Ruggie; billi, madankollu, ftit li xejn hemm qbil dwar l-implikazzjonijiet konkreti ta’ din ir-responsabbiltà u li l-progress lejn ir-rispett komprensiv tagħha huwa serjament imfixkel anke minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ, rappurtar, verifika u responsabbiltà;

O.  billi l-proliferazzjoni tal-kodiċijiet tal-kondotta, ta’ standards u ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni b’ambitu tematiku differenti fil-qasam tas-CSR trendi diffiċli jew impossibbli valutazzjonijiet, tqabbil u verifiki; billi din il-proliferazzjoni għandha għeruq differenti, inkluż impenn insuffiċjenti biex ikun segwit il-funzjonament effettiv tas-CSR kif ukoll il-manuvrar tal-kumpaniji li jixtiequ jitqiesu bħala responsabbli mil-lat soċjali u ambjentali;

P.  billi, sabiex tiżdied l-effiċjenza u tinkiseb l-ekwità fil-qasam tas-CSR, hija ta’ importanza primarja li tiġi evitata s-sistema “à la carte” attwali, fejn il-kumpaniji jagħżlu kodiċijiet u standards skont il-preferenzi tagħhom stess, favur standards komuni fl-industriji kollha;

Q.  billi l-greenwashing – li tiġi murija immaġini ta' azzjoni ambjentali meqjusa bħala pożittiva sabiex tqarraq bil-pubbliku u tbiegħed l-attenzjoni mill-prattiki li jagħmlu ħsara lill-ambjent – iqarraq bil-konsumaturi, il-pubbliku ġenerali u r-regolaturi fir-rigward tal-prestazzjoni ambjentali u jimmina l-insegwiment ta’ kondotta ta’ negozju responsabbli u għalhekk għal dawn ir-raġunijiet għandu jiġi miġġieled; billi, b'mod aktar ġenerali, il-kumpaniji li jużaw CSR bħala għodda kummerċjali, għandhom jiżguraw li t-talbiet huma magħmula korrettament;

R.  billi l-implimentazzjoni ta' EITI hija maħsuba biex iżżid it-trasparenza fil-ġestjoni tad-dħul, bil-għan li tnaqqas il-possibbiltà tal-korruzzjoni u tippermetti kondiviżjoni ekwa tal-benefiċċji;

S.  billi għalkemm ħafna mill-pajjiżi Afrikani f’dawn l-aħħar żewġ deċennji wettqu liberalizzazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta’ investiment, dawn ma kisbux diversifikazzjoni ekonomika, u għandhom bħala medja ekonomiji inqas diversifikati li huma aktar ikkonċentrati, pereżempju, f’esportazzjonijiet ta’ prodotti minerali u agrikoli b’valur miżjud baxx, li t-tnejn huma estremament sensittivi għax-xokkijiet esterni fil-prezzijiet; billi llum il-ġurnata l-isforzi kollha għandhom jiffokaw biex tinkiseb diversifikazzjoni ekonomika akbar, fi kliem ieħor titnaqqas id-dipendenza fuq l-industriji estrattivi jew l-esportazzjonijiet agrikoli;

T.  billi d-Dikjarazzjoni ta’ Addis Ababa dwar l-Iżvilupp u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Minerali tal-Afrika tħeġġeġ lill-pajjiżi Afrikani jiżguraw li l-FSE u n-negozjati ġenerali tad-WTO ma jillimitawx il-politika nazzjonali ta' żvilupp, u li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, li tista' żżid id-dipendenza fuq prodotti bażiċi ta' pajjiżi Afrikani bi dħul baxx, ma tipprovdix "effett lock-in";

U.  billi wara r-riformi fit-tħaffir tal-minjieri mmexxija mill-Bank Dinji fis-snin tmenin, l-Amerika Latina qed tagħmel pass ġdid lejn it-tisħiħ tar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-istat, u qed tiffoka fuq prijoritajiet nazzjonali u objettivi ta' żvilupp ekonomiku;

V.  billi t-taxxi fuq l-esportazzjonijiet qed jintużaw b’mod wiesa', għalkemm ħafna ftehimiet kummerċjali reġjonali u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) segwiti mill-UE jipprojbixxu l-użu tagħhom;

W.  billi wħud mill-pajjiżi tal-AKP huma mħassba dwar il-fatt li r-restrizzjonijiet tal-FSE fuq it-taxxi fuq l-esportazzjonijiet jistgħu jrendu l-moviment lejn il-quċċata tal-katina tal-valuri aktar diffiċli;

X.  billi l-korruzzjoni u l-kuntratti mhux trasparenti huma mifruxa fl-industrija tat-tħaffir fil-minjieri;

Y.  billi n-natura globali tal-ktajjen tal-provvista moderni timplika li r-riżorsi naturali li kienu l-kawża ta’ wħud mill-kunflitti l-aktar brutali fid-dinja jinxtraw u jinbiegħu f’livell internazzjonali, inkluż minn kumpaniji li joperaw fl-UE;

Z.  billi, għalkemm jintlaqgħu b’approvazzjoni, l-isforzi volontarji mill-kumpaniji biex jevitaw ix-xiri ta’ minerali tal-kunflitti ma kinux dejjem effettivi;

AA.  billi t-Taqsima 1502 tal-Att ta’ Dodd Frank tal-Istati Uniti tal-2010 tirrekjedi li l-kumpaniji elenkati mal-Kummissjoni dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju (SEC), inklużi kumpaniji Ewropej, iwettqu diliġenza dovuta biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tagħhom jinkludux minerali li ffinanzjaw gruppi armati fir-RDK; billi f'deċiżjoni ta' akkumpanjament, is-SEC irrefera għall-Gwida tal-OECD bħala standard ta' diliġenza dovuta kredibbli għall-kumpaniji li qed jimplimentaw il-liġi;

AB.  billi l-isforzi biex jintemmu l-kunflitti bil-prevenzjoni tal-fluss tad-dħul mit-tħaffir fil-minjieri artiġjanali dirett lejn gruppi armati kienu relattivament ta’ suċċess għal dak li jirrigwarda d-djamanti, iżda huma meħtieġa sforzi usa’ biex jinbena qafas legali u istituzzjonali b’saħħtu għat-tħaffir fil-minjieri artiġjanali, minbarra l-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR);

Tħaffir fil-minjieri u Żvilupp Sostenibbli

1.  Jinnota bi tħassib li t-tħaffir fil-minjieri mhux sostenibbli jista’ jkollu impatti ambjentali u soċjali negattivi kbar ħafna, b’mod speċjali fl-Afrika;

2.  Jenfasizza li l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-komoditajiet fuq livell globali, xprunata mid-domanda tal-ekonomiji emerġenti, toffri opportunità kbira lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi, b’mod speċjali fl-Afrika, li jżidu d-dħul u jsarrfuh fl-iżvilupp, fl-interess tal-popli tagħhom; jappoġġja l-politiki nazzjonali li għandhom dan il-għan; jirrimarka li r-riformi leġiżlattivi u regolatorji ta’ spiss huma ta’ importanza kruċjali u jenfasizza li l-ispazju ta’ politika meħtieġ m’għandux ikun ristrett minn ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment;

3.  Jenfasizza li minbarra l-ġenerazzjoni ta’ dħul min-naħa tal-gvern li jista’ jintuża għall-iżvilupp, l-industriji estrattivi għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp permezz ta’ konnessjonijiet mal-ekonomija lokali, pereżempju permezz tal-impjieg u t-taħriġ tal-persuni lokali, ix-xiri ta’ prodotti u servizzi lokali, l-ipproċessar lokali ta’ minerali estratti u l-parteċipazzjoni fi sforzi għall-iżvilupp ta’ industriji lokali li jużaw materjali pproċessati jew mhux ipproċessati bħala inputs jew li jistgħu jibbenefikaw mill-preżenza tal-kumpaniji estrattivi b’modi oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana jimplimentaw b’mod sistematiku l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri tagħha; huwa konvint li b’dawn il-modi l-progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju jista’ jitħaffef ħafna; għal dan l-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu prinċipji dwar żvilupp sostenibbli bbażati fuq tħaffir fil-minjieri responsabbli mil-lat ambjentali u soċjali;

4.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-kooperazzjoni reġjonali tagħhom, billi jiżviluppaw u jadottaw standards u normi ambjentali, soċjali, tas-saħħa u tas-sigurtà komuni għas-settur tat-tħaffir fil-minjieri, inkluż għall-ASM;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċi reġjonali u internazzjonali fit-trażżin tal-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu passi biex jifformalizzaw is-settur tat-tħaffir fil-minjieri artiġjanali u fuq skala żgħira sabiex itejbu l-għajxien, jiżguraw pagi li jiggarantixxu l-għajxien u jintegraw is-settur tal-ASM fl-ekonomija rurali u nazzjonali, filwaqt li jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku aċċessibbli għal dan l-għan u jassiguraw reġim legali li jagħti lid-detenturi ta’ drittijiet tal-ASM art biżżejjed u sigurtà tal-pussess tal-art; jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-kapaċità fil-livell lokali biex imexxu skemi ta’ traċċar u ċertifikazzjoni qabel ma jinfurzaw projbizzjonijiet fuq it-trasport ta’ minerali mhux konformi;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isforzi tal-UE li jappoġġjaw aktar żvilupp istituzzjonali u bini ta’ kapaċitajiet fil-gvernijiet ospitanti biex jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali u legali meħtieġ għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tad-dħul mill-industriji estrattivi (EI) b’mod trasparenti u effettiv; jiġbed l-attenzjoni, ukoll, għas-sħubijiet żviluppati bejn l-UE u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp; b’mod partikolari, iħeġġeġ lill-UE li tagħmel bħala prijorità l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni u politika ta’ tassazzjoni biex timmassimizza l-benefiċċji lokali u nazzjonali tal-iżvilupp tal-EI, li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi lokali, pagi li jiggarantixxu l-għajxien għall-impjegati u l-familji tagħhom u aktar konnessjonijiet bejn l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-katina tal-provvista assoċjata mal-iżvilupp tal-EI;

7.  Jenfasizza, b’konformità mal-prinċipju tas-sjieda, li l-komunitajiet lokali għandhom jipparteċipaw fl-ippjanar u l-iżvilupp ta’ proġetti rigward ir-riżorsi naturali, li għandhom jiġu vvalutati f’termini ta’ ktajjen tal-provvista u impjiegi lokali tal-komunità lokali;

8.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti u żgurati d-drittijiet u l-kulturi tradizzjonali ta' popli indiġeni fl-iżvilupp tal-industriji estrattivi u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom minn qabel u informata;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-vittmi ta’ ksur ta’ leġiżlazzjoni soċjali jew ambjentali minn kumpaniji multinazzjonali jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja;

10.  Jenfasizza li, f'kuntest fejn ir-regolamentazzjoni domestika f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, ta' spiss mhijiex adegwata fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem minħabba kontravenzjonijiet korporattivi, il-Qafas tan-NU Protezzjoni, Rispett u Rimedju joffri sensiela ta' prinċipji komprensiva u utli għar-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumpaniji;

11.  Jitlob l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tal-ġid u tar-riżorsi naturali u prinċipji għal kumpens adegwat;

12.  Jitlob lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirratifikaw il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti rilevanti għas-settur minerali u mbagħad jimplimentawhom, fost l-oħrajn billi jawtorizzaw l-istituzzjonijiet pubbliċi dwar id-drittijiet tal-bniedem jissorveljaw l-infurzar tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rigward it-tħaffir fil-minjieri u jiżviluppaw għodod u metodoloġiji għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet dwar is-saħħa u d-drittijiet tal-bniedem fil-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt;

13.  Jinnota bi tħassib li skont John Ruggie, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, madwar żewġ terzi tal-abbużi korporattivi tad-drittijiet tal-bniedem joriġinaw mis-setturi taż-żejt, il-gass u t-tħaffir fil-minjieri; jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE u l-komunità internazzjonali għandhom id-dmir skont il-liġi internazzjonali u dik Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem li jiżguraw li dawk il-kumpaniji li joperaw fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunux qed jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod dirett jew indirettt, permezz tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom;

14.  Jesprimi tħassib dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-tħaffir fil-minjieri fuq skala żgħira, fejn bosta impjiegi huma prekarji u għadhom ’il bogħod milli jikkonformaw mal-istandards tax-xogħol internazzjonali u nazzjonali, u fejn huwa stmat li r-rati ta’ inċidenti huma sitt jew seba’ darbiet ogħla minn operazzjonijiet akbar; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri jimplimentaw standards tax-xogħol fundamentali kif stabbilit fil-Konvenzjonijiet tal-ILO biex jiġi żgurat xogħol deċenti u sigur għall-ħaddiema kollha tal-minjieri, inkluża l-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fil-Minjieri;

15.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-għajnuna tagħhom fil-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal fil-minjieri u jappoġġjaw l-impriżi tal-ILO biex jipprovdu opportunitajiet edukattivi u prospetti alternattivi li jiġġeneraw dħul sabiex it-tfal jitneħħew mill-attivitajiet ta' tħaffir fil-minjieri;

16.  Jilqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali żviluppaw metodi biex jiżguraw li l-investituri tal-minerali jwettqu Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali (VIA) u Valutazzjonijiet tal-Impatt Soċjali (SIAs); jinnota, madankollu, li l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu infurzati dawn ir-rekwiżiti għadha tikkostitwixxi sfida, fid-dawl ta' restrizzjonijiet finanzjarji u ta' riżorsi umani; jistieden, għaldaqstant, lill-UE ttejjeb l-għajnuna teknika tagħha biex tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistabbilixxu l-prattika ta’ valutazzjoni sistematika tar-riskji tas-saħħa, soċjali u ambjentali, b’dispożizzjonijiet għal parteċipazzjoni pubblika effettiva;

17.  Jenfasizza r-rwol li għandu l-Grupp tal-Bank Dinji fl-iżvilupp ta' prattiki ta' negozju responsabbli; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitjieb il-mod kif l-għarfien dwar it-twaqqif ta' istituzzjonijiet li jitfgħu enfasi akbar fuq l-integrità huwa kondiviż u applikat u sabiex l-informazzjoni u r-riżorsi jkunu disponibbli għan-nies komuni, ħalli l-gvernijiet tagħhom ikunu furzati jiffunzjonaw b'aktar effikaċi u jqisu aktar il-ħtiġijiet tagħhom;

18.  Jitlob lill-awtoritajiet jipprojbixxu l-esplorazzjoni minerali u l-isfruttament f'ġonna nazzjonali u f'Siti ta' Wirt Dinji u jistieden lill-kumpaniji jimpenjaw ruħhom sabiex ma jkunux parti mit-tali esplorazzjoni u sfruttament;

19.  Jemmen li l-industrija tat-tħaffir fil-minjieri tista’ u għandha tagħmel kontribuzzjonijiet ta’ valur għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija u ta’ investiment responsabbli; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri fuq skala kbira jistgħu potenzjalment jipprovdu l-għarfien għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri fuq skala żgħira u ta’ daqs medju; itenni mill-ġdid l-istedina tiegħu lill-UE biex tipprova tilħaq ftehimiet dwar il-finanzjament tal-klima, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta’ kapaċitajiet u biex ittejjeb l-għajnuna tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni Ewropea b’saħħitha dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja minn ċerti kumpaniji kbar, inkluż l-obbligu għall-kumpaniji li jwettqu diliġenza dovuta abbażi tar-riskji, billi jikkunsidraw il-katina tal-provvista kollha tagħhom;

Ir-Rwol tas-Settur Privat

21.  Jitlob l-implimentazzjoni effettiva tad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tax-Xogħol, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (MNEs), il-Patt Globali tan-NU (UNGC) u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGP) permezz ta’ mekkaniżmi komuni fl-industriji kollha;

22.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-uffiċjali tal-UE fil-qasam tal-kummerċ li jkunu parti minn delegazzjonijiet tal-UE, jingħataw taħriġ regolari dwar kwistjonijiet tas-CSR;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv imġiba kummerċjali responsabbli fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra l-Unjoni, biex tiġi żgurata konformità stretta mal-obbligi legali kollha, b'mod partikolari mal-istandards u r-regoli internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent;

24.  Jenfasizza li l-ambitu tematiku tal-iskemi ta’ implimentazzjoni differenti tas-CSR huwa ta’ spiss selettiv, u dan japplika wkoll għall-kwistjonijiet soċjali u ambjentali; iqis li dan l-approċċ frammentat huwa ta’ detriment għal valutazzjoni tal-prestazzjoni sostenibbli ġenerali ta’ kumpanija; iqis li waqt li dawk l-oqfsa ġenerali żviluppaw fehim u lingwa komuni għall-prinċipji tas-CSR, għandhom ukoll jiffurmaw il-bażi għal standards internazzjonali komuni fl-industriji kollha dwar x’jikkostitwixxi prattiki ta' negozju responsabbli;

25.  Jenfasizza bl-istess mod li l-inizjattivi tas-CSR m’għandhomx jitqiesu bħala sostitut għar-responsabbiltà ta’ gvern lejn iċ-ċittadini tiegħu fil-provvista ta’ infrastruttura bażika u oġġetti pubbliċi oħra, iżda minflok għandhom jikkumplimentawha;

Reġimi Internazzjonali ta’ Kummerċ u ta’ Investiment

26.  Jistieden lill-UE tuża r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħha ma’ pajjiżi msieħba ewlenin (pereżempju l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Brażil u l-Indja) biex trawwem djalogu dwar is-CSR; iħeġġeġ ukoll lill-UE biex twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà ta’ ftehimiet kummerċjali proposti qabel tidħol fil-fażi tan-negozjati; jitlob għal trattati dwar l-investiment li jrawmu prattiki u rapportar pożittivi tas-CSR;

27.  Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jirrispettaw il-ħtieġa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jtejbu t-teknoloġiji tagħhom;

28.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' investiment dirett barrani għat-tkabbir tal-industrija filwaqt li jinnota li termini ġenerużi żżejjed għall-investiment dirett barrani (IDB) fit-tħaffir fil-minjieri offruti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-snin tmenin u disgħin, flimkien ma' ġestjoni domestika ħażina, korruzzjoni, nuqqas ta' responsabbiltà u regolamenti dgħajfa, ma ħallewhomx jiksbu sehem ġust tal-profitti mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħhom, riżorsi meħtieġa ferm għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom;

29.  Jikkondividi t-tħassib tar-Rappreżentant Speċjali tal-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem li l-metodi attwali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-investituri f’kuntratti u ftehimiet internazzjonali jillimitaw il-kapaċità tal-Istati li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tal-investituri jiġu bbilanċjati bl-obbligi f’termini ta’ żvilupp uman sostenibbli;

30.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw l-10 prinċipji tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem li għandhom l-għan li jintegraw il-ġestjoni tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem f’negozjati tal-kuntratti bejn l-Istat u l-investituri, sabiex jiġi żgurat li klawżoli ta’ stabilizzazzjoni ma jikkompromettux il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejhom; jistieden lill-UE tappoġġja l-bini ta’ kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għan-negozjar u l-implimentazzjoni ta’ klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ żvilupp sostenibbli fi ftehimiet ta’ investiment;

31.  Jenfasizza li r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni li għandhom l-għan, pereżempju, li jżidu l-konnessjonijiet bejn l-investituri barranin u l-manifatturi lokali huma karatteristika ewlenija tal-politika industrijali; jenfasizza li l-ftehimiet ta’ investiment għandhom jippermettu l-użu tar-rekwiżiti tal-kontenut lokali u tat-trasferiment tat-teknoloġija, biex l-impriżi barranin jiġu mħeġġa jistabbilixxu konnessjonijiet upstream u downstream u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż ospitanti;

32.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi Afrikani biex jagħmlu progress fl-isforzi tagħhom ta' integrazzjoni reġjonali sabiex jitneħħew uħud mill-ostakli intra-Afrikani tal-industrijalizzazzjoni bbażata fuq il-minerali;

33.  Jenfasizza li t-taxxi fuq l-esportazzjoni huma permessi taħt ir-reġim tad-WTO u jistgħu jkunu parti minn strateġiji ta’ politika li l-għan tagħhom ikun l-iżvilupp ta’ industriji domestiċi ta’ manifattura jew tal-ipproċessar;

Benefiċċji mid-Dħul

34.  Iħeġġeġ lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fin-negozjar ta’ ftehimiet ta’ investiment li jrendu benefiċċji soċjali sostenibbli u kundizzjonijiet soċjoekonomiċi mtejba; jirrimarka li meta ssir pressjoni fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimminimizzaw it-taxxi u d-drittijiet dovuti tagħhom, il-kumpaniji ta’ tħaffir fil-minjieri effettivament ikunu qegħdin idgħajfu l-kapaċità fiskali tal-Istat, filwaqt li, għall-kuntrarju, l-“eskalazzjoni tat-tariffi” applikata mill-UE fuq l-oġġetti lesti tagħmilha aktar diffiċli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu materja prima għall-ipproċessar u l-manifattura ta’ prodotti b’valur miżjud għall-esportazzjoni;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu nnegozjati u implimentati trattati fiskali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi żgurat li l-impriżi multinazzjonali jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi; jistieden, b’mod usa’, lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ għall-għajnuna tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riformi fiskali u t-tisħiħ tal-amministrazzjonijiet fiskali, sabiex tippermetti l-irkupru, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni adegwati tad-dħul mir-riżorsi minerali, u taħdem biex twettaq ftehimiet ta' kummerċ li jneħħu l-eskalazzjoni tariffarja fuq prodotti lesti magħżula li tista’ tfixkel l-ipproċessar u l-manifattura ta’ prodotti b’valur miżjud abbażi ta’ minerali, u b’hekk tiġi ostakolata l-istrateġija tad-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.  Jenfasizza li l-flussi illegali ta’ kapital mill-Afrika huma konnessi mas-segretezza li teżisti madwar il-kuntratti ta’ tħaffir fil-minjieri u r-reġimi fiskali; iqis, għaldqstant, li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u r-rifuġji fiskali għandha tibqa’ prijorità assoluta;

37.  Huwa mħasseb dwar il-mod kif jistgħu jingħataw konċessjonijiet lill-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri u l-problemi li dan jista’ joħloq, inkluż l-esproprjazzjoni, li persuni jiġu mċaħħda mill-mezzi tal-għajxien tagħhom u problemi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-utent u d-drittijiet tal-art; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiddemarkaw “żoni projbiti” għal konċessjonijiet f’żoni li jkunu protetti bil-liġi mil-lat ambjentali jew li jkollhom konċentrazzjoni għolja ta’ minaturi artiġjanali, u li dan isir qabel ma jingħataw konċessjonijiet sabiex jiġu evitati inkwiet u problemi mhux meħtieġa mal-komunitajiet u l-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri lokali; jistieden ukoll lill-awtoritajiet joħolqu kapaċità biex jorganizzaw konsultazzjonijiet mal-komunitajiet lokali, jevalwaw sew it-talba ta' konċessjoni, jagħmlu monitoraġġ tas-sit u jevalwaw l-impatt tat-tħaffir fil-minjieri qabel ma jingħataw il-konċessjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-konċessjonijiet għat-tħaffir fil-minjieri artiġjanali jiġu fformalizzati u rikonoxxuti kif xieraq mill-Istati, inkluż f’każijiet fejn l-Istati mixjin lejn it-tħaffir fil-minjieri industrijali;

38.  Jilqa' r-reviżjoni riċenti tad-Direttivi dwar it-Trasparenza u r-Responsabbiltà li tintroduċi l-obbligi ta' rappurtar fuq ħlasijiet lill-gvernijiet għall-industriji estrattivi u tal-qtugħ tas-siġar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn id-direttivi b'mod rapidu; jitlob sabiex il-ġabra ta' informazzjoni dwar id-dħul tkun disponibbli f'format kemm jista' jkun miftuħ u aċċessibbli;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-liċenzji għat-tħaffir fil-minjieri u assi oħra jinbiegħu jew jingħataw permezz ta’ proċessi ta’ offerti miftuħa u trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet jippubblikaw kuntratti, inklużi annessi, mapep u d-dettalji finanzjarji kollha, bħala mezz ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet u l-kumpaniji kkonċernati jipproduċu lista sħiħa ta’ azzjonisti tal-kumpaniji tat-tħaffir fil-minjieri kollha, b’mod partikolari għal kwalunkwe ftehim ġdid, u lista sħiħa ta’ dawk li jibbenefikaw b’mod sistematiku minn dawn il-ftehimiet, bħala mezz ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet u l-kumpaniji jiżguraw li l-ħlasijiet kollha lill-gvern jiġu ppubblikati b’mod li jkun aċċessibbli b’mod wiesa’; jistieden lill-UE tirrekjedi lill-kumpaniji estrattivi elenkati fl-Ewropa biex jippubblikaw kull kuntratt konkluż;

40.  Jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri u jħarrku, jiffriżaw fondi jew jirrifjutaw il-proċediment ta’ tranżazzjonijiet fejn ikun xieraq; jitlob li l-valutazzjonijiet ta’ riskji ta’ korruzzjoni jinkludu l-analiżi tal-proċess tal-konfiska tal-assi, u l-bejgħ mill-ġdid tal-assi kkonfiskati, l-involviment ta' individwi jew kumpaniji bħala intermedjarji f"konċessjonijiet ittrasferiti" (b'mod partikolari fejn dawn l-intermedjarji jkollhom relazzjonijiet mal-awtoritajiet governattivi), u l-bejgħ ta' assi b'valur imnaqqas, u l-bejgħ ta' assi mingħajr sejħa għall-offerti (b'mod partikolari fejn l-assi huma ta' importanza ekonomika ewlenija jew inkella fejn l-offerti huma n-norma); jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li x-xerrejja finali ta’ dawn l-assi jinżammu responsabbli għall-intermedjarji li jkunu l-imsieħba tagħhom;

L-Interruzzjoni tal-Konnessjoni bejn il-Kunflitti Armati u l-Isfruttament tal-Minerali

41.  Jinnota bi tħassib li l-isfruttament ta’ riżorsi naturali ta’ valur għoli, inkluż iż-żejt, il-gass, il-minerali u l-injam, huwa kawża ewlenija ta’ kunflitti madwar id-dinja; jemmen li biex l-istrateġiji ta’ prevenzjoni tal-kunflitti jkollhom suċċess għandhom jindirizzaw: l-involviment skars tal-komunitajiet fil-proċess tal-iżvilupp tal-industriji estrattivi; il-kondiviżjoni mhux adegwata tal-benefiċċji; l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali negattivi; il-ġestjoni ħażina tal-fondi; il-korruzzjoni; ir-rwol tal-armati u l-movimenti ribelli; l-oqfsa istituzzjonali u legali mhux adegwati għall-amministrazzjoni tal-iżvilupp tal-industriji estrattivi; u n-nuqqas ta’ attenzjoni għall-kwistjonijet dwar ir-riżorsi naturali fil-ftehimiet ta’ paċi;

42.  Jilqa' l-Viżjoni Afrikana fuq it-Tħaffir fil-Minjieri li permezz tagħha, settur tat-tħaffir fil-minjieri inklużiv u trasparenti, responsabbli mil-lat ambjentali u soċjali, li jipprovdi benfiċċji aktar dejjiema lill-komunitajiet, huwa essenzjali għall-indirizzar tal-impatti negattivi tas-settur tat-tħaffir fil-mijieri u biex jiġu evitati kunflitti li ġejjin minn sfruttament tal-minerali; jitlob, f'dan il-kuntest, għal proċessi ta' governanza parteċipattiva u trasparenti, fil-livelli kollha, u biex jiġu evalwati l-impatti soċjali u ambjentali tat-tħaffir fil-minjieri;

43.  Jenfasizza li l-minerali tal-kunflitt jirrappreżentaw sfida ewlenija f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-governanza tajba, inklużi prattiki u kontroll ta’ ġestjoni ambjentali b’saħħitha u r-rispett għall-istandards soċjali huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-problema tal-minerali tal-kunflitt;

44.  Jirrimarka li l-parti l-kbira tal-inizjattivi mnedija f’livell internazzjonali kontra l-minerali tal-kunflitt għandhom l-għan li jħeġġu kondotta responsabbli min-naħa tal-industriji li jixtru l-minerali, permezz ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni għall-fundituri; jitlob l-inklużjoni ta’ aspetti tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti fil-programmi kollha ta’ ċertifikazzjoni f'konformità ma' standards internazzjonali bħal dawk stabbiliti fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli;

45.  Jenfasizza li biex l-inizjattivi ta’ negozju attwali dwar minerali tal-kunflitt ikunu effettivi fl-interruzzjoni tal-konnessjoni bejn il-kunflitti armati u l-isfruttament tal-minerali, u biex jiġi żgurat li jikkonformaw ma’ standards internazzjonali stabbiliti mill-OECD, għandha tiġi introdotta leġiżlazzjoni Ewropea biex tirregola lil dawn l-inizjattivi u l-kumpaniji li joperaw fl-UE li jużaw u jikkummerċjalizzaw riżorsi naturali koperti; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni vinkolanti dwar il-minerali tal-kunflitt;

46.  Jenfasizza li regolament tal-UE, li jirrikjedi li l-kumpaniji li jużaw u jikkummerċjalizzaw minerali u riżorsi naturali oħra mixtrija minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli jwettqu diliġenza dovuta skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, huwa meħtieġ biex jikkumplimenta r-reviżjonijiet tad-Direttivi tal-UE dwar it-Trasparenza u r-Responsabbiltà fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja tal-kumpaniji l-kbar kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-minerali tal-kunflitt tal-Att ta’ Dodd Frank; b’mod partikolari, jemmen li din il-leġiżlazzjoni għandha:

   (a) toħloq obbligu legalment vinkolanti għall-kumpaniji upstream kollha li joperaw fl-UE li jużaw u jikkummerċjalizzaw riżorsi naturali mixtrija minn żoni affettwati mill-kunflitti u ta’ riskju għoli u l-kumpaniji downstream kollha li jaġixxu bħala dawk li jkunu l-ewwel li jqiegħdu prodott fis-suq Ewropew li jwettqu diliġenza dovuta għal katina tal-provvista biex jiġi identifikat u mitigat ir-riskju ta’ finanzjament ta’ kunflitti u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem;
   (b) tkun ibbażata fuq l-istrumenti internazzjonali rilevanti, inkluż l-Abbozz ta’ Liġi Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, elaborati aktar permezz ta’ trattati u standards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (bħall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qafas tan-NU Protezzjoni, Rispett u Rimedju), it-trattati ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Liġi Umanitarja u Kriminali Internazzjonali, u l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli;
   (c) tapplika għas-sezzjonijiet kollha tal-katina ta’ provvista u għar-riżorsi naturali kollha, mingħajr eċċezzjoni, li jiġu prodotti fi kwalunkwe żona affettwata mill-kunflitti jew ta’ riskju għoli;
   (d) ibbażata fuq approċċ abbażi ta’ riskju, li jirrikjedi li l-kumpaniji jivvalutaw impatti avversi effettivi u potenzjali li jinħolqu mill-operazzjonijiet tagħhom, u li jimmitigaw ir-riskji identifikati;
   (e) tinkludi obbligu għal verifiki indipendenti regolari u l-iżvelar pubbliku tal-isforzi ta’ diliġenza dovuta tal-kumpaniji;
   (f) tiddefinixxi rekwiżiti għal valutazzjonijiet tar-riskji tal-kumpaniji u għal qafas ta’ ġestjoni;
   (g) tinkludi mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għal ktajjen ta’ provvista abbażi ta’ riskju;
   (h) tkun paragunabbli mal-obbligi skont l-Att ta’ Dodd Frank, sabiex b’hekk meta jilħqu l-obbligi tal-UE dwar ix-xiri responsabbli, il-kumpaniji awtomatikament ikunu qed jilħqu l-obbligi skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti;

47.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta tal-UE għandha tkun parti minn approċċ usa’ u kumplimentari li jindirizza l-kawżi tal-oriġini tal-kunflitti u l-fraġilità, u għandha tiġi kkumplimentata minn programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp, li għandhom jimmiraw lejn kwistjonijiet ta’ governanza u r-riforma tas-settur tas-sigurtà u għandu jkollhom l-għan li jibnu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u l-komunitajiet lokali biex jimmaniġġjaw ir-riżorsi naturali tagħhom b’mod sostenibbli u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni lokali tagħhom;

48.  Jistieden lill-UE tappoġġja l-bini ta’ kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżvilppaw għonja fil-minerali u li tistabbilixxi programmi ta’ xiri ta’ minerali mingħajr kunflitt;

49.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinfurzaw liġi domestika dwar id-diliġenza dovuta u jinkludu diliġenza dovuta tal-OECD bħala rekwiżit fil-Kodiċi Minerarju nazzjonali;

50.  Iħeġġeġ lis-SEAE biex irawwem djalogu ma' pajjiżi msieħba ewlenin (pereżempju ċ-Ċina, il-Ġappun, il-Brażil, l-Indja u l-Afrika t'Isfel) fir-rigward tal-importanza ta' politiki dwar il-kummerċ li jirrispettaw, b'mod ġenerali, il-prinċipju ta' "dmir għall-protezzjoni", u l-prinċipji gwida tan-NU u l-qafas tal-OECD b'mod partikolari;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu gwida lill-kumpaniji Ewropej dwar strateġiji għat-tnaqqis tar-riskji meta joperaw f'riskju għoli u f'żoni ta' kunflitt, bil-għan li jgħinu dawn il-kumpaniji jkomplu l-operazzjonijiet tagħhom f'dawn iż-żoni meta dan huwa wkoll l-interess tal-popolazzjoni lokali;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.oecd.org/corporate/mne/47143500.pdf
(2) http://www.oecd.org/daf/inv/mne/GuidanceEdition2.pdf
(3) https://www.gov.uk/government/publications/g8-lough-erne-declaration/g8-lough-erne-declaration-html-version

Avviż legali - Politika tal-privatezza